|
30.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 155/8 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Pjan ta’ azzjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-istrateġija ta’ rkupru”
[COM(2020) 312 final]
“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fl-UE u lil hinn minnha”
[COM(2020) 312 final]
“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni”
[COM(2020) 314 final — 2020/0148 (CNS)]
(2021/C 155/02)
|
Relatur: |
Krister ANDERSSON |
|
Korelatur: |
Javier DOZ ORRIT |
|
Konsultazzjoni |
Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 28.7.2020 Kummissjoni Ewropea, 12.8.2020 |
|
Bażi legali |
Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
|
Adottata fis-sezzjoni |
12.2.2021 |
|
Adottata fil-plenarja |
24.2.2021 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
558 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
220/0/7 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-KESE jappoġġja b’mod ġenerali l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni u jfaħħar il-koordinazzjoni tagħhom mad-diskussjonijiet globali li saru fil-livell tal-OECD/Qafas Inklużiv sabiex jintlaħaq kunsens globali. |
|
1.2 |
Il-KESE jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni li governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, il-bażi għal tassazzjoni ġusta, tirrikjedi trasparenza fiskali permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa, l-assenza ta’ miżuri dannużi ta’ tassazzjoni, miżuri aktar effiċjenti ta’ tassazzjoni, u l-implimentazzjoni ta’ regoli miftiehma internazzjonalment. |
|
1.3 |
Barra minn hekk, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni meta tirrikonoxxi li l-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa mhijiex kwistjoni fiha nnifisha (1). Fl-istess ħin, hemm tħassib dwar l-eżistenza ta’ kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa fi ħdan l-UE u li tippromovi l-evitar tat-taxxa. Il-Kumitat jemmen li unjoni monetarja effettiva tirrikjedi politika fiskali koerenti u konsistenza bejn ir-regoli fiskali tal-membri tagħha. |
|
1.4 |
Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-Kodiċi ta’ Kondotta Tajba u jfaħħar il-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni tqis kif dovut il-ħidma tal-OECD u l-importanza li jitħaddnu l-istandards miftiehma internazzjonalment, speċjalment fir-rigward tal-prinċipji globali li jwasslu għal rata effettiva minima tat-taxxa korporattiva. |
|
1.5 |
Il-KESE jqis li r-riżultat u l-kisbiet tal-Kodiċi ta’ Kondotta għandhom jiġu aġġornati aktar regolarment u jkunu disponibbli pubblikament għas-soċjetà ċivili, f’konformità mal-objettiv tal-Kummissjoni li l-attività u r-riżultati konkreti tal-Kodiċi jsiru aktar trasparenti. |
|
1.6 |
Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twettaq intervent leġiżlattiv immirat lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tat-taxxa u lejn aktar armonizzazzjoni tar-regoli proċedurali fi ħdan is-suq intern kollu. |
|
1.7 |
Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa għadhom ta’ theddida għall-finanzi pubbliċi, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi, kif muri b’mod ċar mill-aktar stimi reċenti tal-Kummissjoni; it-telf tad-dħul fl-UE minħabba l-evażjoni internazzjonali tat-taxxa minn individwi – li tkopri t-taxxa fuq id-dħul personali, it-taxxi fuq id-dħul kapitali, kif ukoll it-taxxi fuq il-ġid u l-wirt – tabilħaqq ġie stmat għal EUR 46 biljun fl-aktar stima reċenti. Id-diskrepanza tal-VAT hija stmata għal madwar EUR 140 biljun, li minnhom EUR 50 biljun huma relatati ma’ frodi transfruntiera (2). |
|
1.8 |
Il-KESE jinnota t-tnaqqis fid-diskrepanza stmata (3) minħabba l-evitar tat-taxxa korporattiva ta’ madwar EUR 35 biljun fis-sena, skont diversi stimi, f’livell inqas mill-istimi preċedenti mill-Kummissjoni ta’ EUR 50-70 biljun qabel ma ġew introdotti l-miżuri kontra l-BEPS, u jinnota l-korrelazzjoni, esplorata mill-Kummissjoni, bejn dan it-titjib u l-isforzi leġiżlattivi rigward l-evitar tat-taxxa li saru mill-Kummissjoni preċedenti (4). Madankollu, dan jibqa’ jagħti lok għal tħassib f’sitwazzjoni fejn l-infiq pubbliku biex isostni l-ekonomija u s-soċjetà huwa importanti ferm. |
|
1.9 |
L-effiċjenza ma tistax tinkiseb mingħajr ġlieda intensiva kontra r-reati fiskali u l-evażjoni tat-taxxa, li trid tittejjeb permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva msaħħa u qafas legali aktar armonizzat. Il-qafas fiskali ma jistax jitqies ġust jekk ċerti Stati Membri jkollhom faċilitajiet biex jevitawh faċilment, li jiskoraġġixxi lill-oħrajn u joħloq l-ineffiċjenza. |
|
1.10 |
Fid-dawl tal-kumplessità li qiegħda tinħoloq bħalissa minn 27 sistema fiskali differenti u meta jqis kif din il-pluralità ta’ mudelli toħloq piżijiet għan-negozji u l-individwi li joperaw bejn il-fruntieri, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex, filwaqt li jirrispettaw is-sovranità fiskali, jarmonizzaw l-obbligi ta’ rapportar tat-taxxa u jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa. |
|
1.11 |
Il-25 azzjoni ppjanati mill-Kummissjoni jidhru li huma raġonevoli. Ħafna minnhom huma relatati mal-VAT, li hija ħaġa tajba minħabba l-livell għoli ta’ telf ta’ dħul fil-qasam tal-VAT. Madankollu, dawn huma deskritti fil-qosor ħafna u għadu diffiċli, għalissa, li jiġi evalwat għalkollox l-impatt speċifiku ta’ dawn l-azzjonijiet fuq l-operabbiltà ta’ kuljum taċ-ċittadini u n-negozji Ewropej. |
|
1.12 |
Nilqgħu b’sodisfazzjon kbir l-adozzjoni ta’ reġistrazzjoni unika għall-VAT. Dan huwa pass importanti lejn il-ħolqien ta’ suq uniku aktar profond, li jnaqqas l-inċertezza u l-kostijiet għall-operazzjonijiet transfruntiera. |
|
1.13 |
Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex timmodernizza u tarmonizza l-obbligi ta’ rapportar tal-VAT permezz ta’ żieda fl-użu ta’ rapportar u ta’ fatturazzjoni elettronika bbażati fuq it-tranżazzjonijiet (“f’ħin reali”). |
|
1.14 |
Il-KESE jilqa’ wkoll rieżami dwar jekk il-VAT għandhiex tkun imposta fuq is-servizzi finanzjarji. Hija meħtieġa valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa inkluż it-trattament tal-VAT tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżi mhux tal-UE. |
|
1.15 |
Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal “qafas tal-UE ta’ konformità kooperattiva”, ibbażat fuq fiduċja u kooperazzjoni akbar fost diversi amministrazzjonijiet tat-taxxa sabiex jissolvew il-kwistjonijiet transfruntiera dwar it-taxxa korporattiva. Huwa importanti li l-SMEs jingħataw trattament ugwali bħal negozji akbar f’dan il-qafas. Il-Kumitat jinnota l-piż ta’ konformità sostanzjalment ogħla għall-SMEs milli għad-ditti multinazzjonali l-kbar, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu passi biex tnaqqas il-piż fuq l-SMEs. |
|
1.16 |
Il-KESE jqis li l-kwistjoni tar-rimborż tat-taxxa hija kruċjali, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi bħal din ta’ bħalissa, li timplika riskju għoli f’termini ta’ likwidità skarsa kemm għall-individwi kif ukoll għall-intrapriżi. |
|
1.17 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta kif jista’ jsir avvanz fir-rigward ta' mekkaniżmu aktar sempliċi u armonizzat ta’ ħelsien mid-dejn mitluf tal-VAT. Dan il-mekkaniżmu għandu jiżgura li l-VAT, li n-negozji ma kinux kapaċi jiġbru mill-konsumaturi tagħhom iżda li diġà ħallsu lill-awtoritajiet tat-taxxa, tkun tista’ tiġi rkuprata min-negozji mingħand l-awtoritajiet tat-taxxa b’mod rapidu u f’waqtu. |
|
1.18 |
Il-KESE jqis li huwa importanti ħafna li jkun hemm regoli ċari u koerenti internazzjonalment dwar it-taxxa u l-impjiegi għall-pjattaformi diġitali. Il-KESE jappoġġja l-isforz biex tiżdied it-trasparenza tal-pjattaformi diġitali sabiex jiġu evitati dikjarazzjonijiet inkonsistenti ta’ dħul, li joħolqu riskju għoli ta’ evażjoni tat-taxxa. Ir-rekwiżiti ta’ rapportar u l-formoli tat-taxxa għandhom ikunu l-istess madwar l-Istati Membri kollha. |
|
1.19 |
Il-KESE jenfasizza li l-awditi konġunti, li fil-prinċipju huma għodda utli u effettiva, għandhom jitwettqu b’rispett lejn id-drittijiet tal-kontribwenti, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, speċjalment fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża u l-prevedibbiltà kemm tar-regoli proċedurali kif ukoll tar-regoli sostanzjali li jikkonċernawhom u tal-ġbir ta’ evidenza mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-prosekuzzjoni rigward sanzjonijiet possibbli. |
|
1.20 |
Għalkemm sar progress fl-imġiba tal-pajjiżi u tal-ġurisdizzjonijiet li kienu fil-lista ta’ dawk li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa, il-volum globali ta’ flus li ġew misruqa, evażi, evitati u maħsula għadu tant għoli li jridu jsiru sforzi akbar. |
|
1.21 |
Il-KESE jħaddan il-fehma tal-Kummissjoni li wasal iż-żmien li jsir rieżami tal-elenkar u li wieħed jara kif dan jista’ jkun aktar effettiv u ġust, anke meta jitqiesu l-isfidi l-ġodda ta’ ekonomija diġitalizzata globali. Il-KESE jappoġġja wkoll il-kriterju tal-Kummissjoni li ġurisdizzjonijiet speċifiċi b’riskju baxx u b’kapaċità baxxa jingħataw l-opportunità li jtejbu l-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u l-istandards ta’ trasparenza tagħhom f’perjodu ta’ żmien raġonevoli meta dawn ikunu, jew jista’ jkun li jiġu, elenkati. |
|
1.22 |
Il-KESE ppropona (5) li jitnieda Patt Ewropew biex jiġu miġġielda b’mod effettiv il-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus. Il-KESE stieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi inizjattiva politika li tinvolvi lill-gvernijiet nazzjonali u lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra biex jintlaħaq dan l-għan, filwaqt li jiġi promoss il-kunsens meħtieġ għal dan u tiġi involuta s-soċjetà ċivili. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għandha tkun il-pilastru prinċipali tal-Patt. |
|
1.23 |
Il-KESE jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b’mod ġenerali u l-gvernijiet jistgħu jikkontribwixxu biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar it-taxxi ambjentali u jikkontribwixxu għall-iżvilupp billi joħolqu soċjetajiet aktar ekwi u sostenibbli f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u f’dawk żviluppati. |
|
1.24 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tevalwa l-effettività ta’ direttivi preċedenti dwar il-kooperazzjoni amministrattiva. |
2. Kuntest u proposti tal-Kummissjoni
2.1 Kuntest
|
2.1.1 |
Il-kisba ta’ tassazzjoni ġusta u effiċjenti hija wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Kummissjoni (6) matul il-leġiżlatura attwali. Objettiv bħal dan huwa saħansitra aktar strateġiku wara l-kriżi tal-COVID-19. Skont it-Trattat, ir-regoli tat-taxxa huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jaqblu li jadottaw direttivi u regolamenti biex itejbu l-funzjonament tas-suq intern. Biex tkun effettiva, unjoni monetarja tirrikjedi politika fiskali koerenti u konsistenza bejn ir-regoli fiskali tal-membri tagħha. |
|
2.1.2 |
It-tifqigħa tal-COVID-19 sfrattat l-ekonomiji madwar is-suq intern kollu. Barra minn hekk, l-UE qiegħda tiffaċċja l-kriżi tal-COVID-19 matul żminijiet trasformattivi, ikkaratterizzati minn sfidi ambjentali, innovazzjoni diġitali kontinwa u inugwaljanza dejjem tikber fost iċ-ċittadini. Għalhekk, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej huma meħtieġa jirreaġixxu b’manjiera mingħajr preċedent, bl-użu tar-riżorsi u l-għodod kollha disponibbli. |
|
2.1.3 |
Il-proposti tal-Kummissjoni (7) għandhom l-għan kemm li jiżviluppaw reazzjoni xierqa għall-kriżi tal-COVID-19 kif ukoll li jiġġestixxu t-tranżizzjoni lejn xenarju aktar ekoloġiku u aktar diġitali, f’konformità mal-prinċipji tal-ekonomija tas-suq soċjali mnaqqxa fit-Trattati. |
|
2.1.4 |
It-tassazzjoni ġusta u effiċjenti taqdi rwol importanti f’dan ir-rigward. Ir-reazzjoni effettiva għall-isfidi ewlenin li jiskattaw mill-kriżi tiddependi ħafna mill-possibbiltà li n-negozji jkomplu l-kummerċ domestiku u transfruntier, f’kundizzjonijiet ekwi, appoġġjati minn sistema tat-taxxa effiċjenti u sempliċi, u mill-Istati Membri, li għandhom bżonn jiżguraw id-dħul mit-taxxa meħtieġ biex jiffinanzja l-irkupru permezz ta’ tassazzjoni ġusta taċ-ċittadini u n-negozji. Il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa kif ukoll l-appoġġ għan-negozji Ewropej fis-semplifikazzjoni u fl-armonizzazzjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa tagħhom ta’ kuljum huma kruċjali sabiex wieħed ilaħħaq b’mod effettiv mal-isfidi attwali (8). |
|
2.1.5 |
It-tassazzjoni hija wkoll strument ta’ politika biex jinkisbu n-newtralità klimatika sal-2050 (9), kif ukoll l-objettivi ambjentali l-oħra tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (10). Għalhekk, huwa ta’ importanza kbira li fil-baġits pubbliċi jiġi allokat dħul adegwat mit-taxxa sabiex tiġi appoġġjata tranżizzjoni ekoloġika. Fl-istess ħin, il-politiki ekonomiċi għandhom jirrikonoxxu l-iżvilupp demografiku sfavorevoli minħabba popolazzjoni li qed tixjieħ. |
|
2.1.6 |
Il-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni għal tassazzjoni aktar effiċjenti u ġusta hija maqsuma fi tliet partijiet differenti. L-ewwel nett, Komunikazzjoni li tistabbilixxi miżuri mmirati lejn it-tnaqqis ta’ ostakli relatati mat-tassazzjoni għan-negozji fis-suq uniku. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qiegħda tuża s-semplifikazzjoni tat-taxxa bħala għodda biex ittejjeb l-ambjent tan-negozju. It-tieni, proposta leġiżlattiva għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz ta’ skambju awtomatiku ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, li tkun tista’ tippermetti tassazzjoni adegwata tal-introjtu ġġenerat minn bejjiegħa fuq il-pjattaformi diġitali. It-tielet, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa fl-UE u lil hinn minnha”, biex ittejjeb il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa kemm fil-ġurisdizzjonijiet domestiċi kif ukoll f’dawk esterni. |
|
2.1.7 |
Il-Kummissjoni tinnota li l-Pjan ta’ Azzjoni huwa parti minn programm tat-taxxa usa’ u aktar ambizzjuż għall-UE li, fil-futur qarib, se jinkludi inizjattivi dwar: i) it-tassazzjoni ambjentali; ii) riforma tat-tassazzjoni korporattiva mmirata lejn ir-riallinjament tad-drittijiet ta’ ntaxxar bil-ħolqien ta’ valur u lejn l-istabbiliment ta’ livell minimu ta’ tassazzjoni effettiva fuq il-profitti tan-negozji; iii) rakkomandazzjoni biex l-Istati Membri jagħtu l-appoġġ finanzjarju tagħhom lill-kumpaniji tal-UE bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm rabtiet bejn dawn il-kumpaniji u l-pajjiżi u t-territorji (11) fil-lista tal-Unjoni Ewropea ta’ pajjiżi u territorji li ma jikkooperawx; u iv) id-determinazzjoni ta’ kif il-proposti dwar it-tassazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja tal-Artikolu 116 tat-TFUE. |
|
2.1.8 |
F’bosta Opinjonijiet, il-KESE esprima l-fehmiet tiegħu dwar il-miżuri meħtieġa għat-tisħiħ tal-effiċjenza tas-suq uniku, iż-żieda tar-riżorsi proprji tal-UE u t-tnedija ta’ dibattitu dwar il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata dwar kwistjonijiet fiskali. Il-KESE issa jitlob li tittieħed azzjoni fuq il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-pakkett għal tassazzjoni ġusta u sempliċi kemm jista’ jkun malajr. |
2.2 Pjan ta’ Azzjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi
|
2.2.1 |
Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar is-semplifikazzjoni tat-taxxa, il-Kummissjoni tistabbilixxi approċċ ġdid, li jgħaqqad l-azzjonijiet kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa ma’ miżuri mmirati lejn is-semplifikazzjoni tal-ħajja tal-kontribwenti. Il-pjan jinkludi 25 azzjoni, li l-implimentazzjoni tagħhom hija skedata b’mod gradwali fis-snin li ġejjin sal-2024 (12). |
|
2.2.2 |
Ġew ippjanati azzjonijiet speċifiċi fir-rigward tad-dazji ta’ reġistrazzjoni (identifikazzjoni u reġistrazzjoni għall-VAT). Ir-reġistrazzjoni effettiva u effiċjenti hija meqjusa kruċjali biex jiġi żgurat li l-kontribwenti kollha jħallsu s-sehem ġust tagħhom. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni tippromovi għadd ta’ azzjonijiet biex il-bażijiet tad-data li fihom id-data tal-kontribwenti jinżammu effettivament operattivi u kontinwament aġġornati. Is-sempliċità fir-reġistrazzjoni hija wkoll meqjusa importanti, speċjalment meta l-kontribwenti jiċċaqilqu minn Stat Membru għal ieħor. |
|
2.2.3 |
Hemm ippjanat sett ieħor ta’ azzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-obbligi tar-rapportar. Ir-rapportar mill-kontribwenti għandu jkun kemm jista’ jkun effiċjenti u bbażat fuq kollaborazzjoni reċiproka mal-awtoritajiet tat-taxxa. Id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa għandhom ikunu sempliċi u d-data mitluba għandha tinżamm għall-minimu possibbli u tiġi pproċessata permezz ta’ proċeduri sempliċi mwettqa permezz ta’ servizz diġitali li jopera bħala one-stop shop. Ħafna Stati Membri taffew xi regoli tal-ħlas għall-VAT bħala reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. |
|
2.2.4 |
L-azzjonijiet addizzjonali huma mistennija jagħmlu l-ħlas tat-taxxi aktar faċli, speċifikament billi jagħmlu l-metodi ta’ ħlas elettroniku, pereżempju, l-applikazzjonijiet għall-ismartphone, disponibbli għall-kontribwenti (13). L-ammont ta’ taxxa dovut għandu jkun korrett mill-bidu biex jekk ikun possibbli, jiġu evitati proċeduri ta’ rifużjoni li jkunu ta’ piż. Meta jkunu mistennija r-rifużjonijiet, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa għandhom jiġġestixxuhom malajr, sabiex jevitaw problemi ta’ flussi tal-flus għall-kontribwenti. |
|
2.2.5 |
L-għoti taċ-ċertezza tad-dritt lill-kontribwenti huwa objettiv ewlieni tal-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni, flimkien mal-ġestjoni effettiva tat-tilwim meta dan jinqala’. It-tilwim għandu jiġi evitat u, meta dan iseħħ, jissolva malajr bejn l-Istati Membri fi ħdan is-sistemi legali tagħhom u l-liġi tal-Unjoni Ewropea. |
|
2.2.6 |
Il-Kummissjoni tqis li huwa importanti li titħalla l-opportunità li kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim jiġi kkoreġut u ċċarat sabiex jiġi evitat li jeskala t-tilwim. Għalhekk, il-prevenzjoni tat-tilwim hija mħeġġa, flimkien mar-riżoluzzjoni rapida ta’ każijiet mhux solvuti biex jiġu ffrankati l-ħin u l-flus kemm għall-kontribwenti kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa. Xi partijiet ikkonċernati diġà esprimew il-preferenza tagħhom għal aktar intervent fil-livell tal-UE biex jiġi evitat u jissolva t-tilwim (14). |
2.3 Kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tat-taxxa
|
2.3.1 |
F’dawn l-aħħar snin, l-UE ffukat l-isforzi tagħha fuq l-indirizzar tal-frodi tat-taxxa, tal-evażjoni tat-taxxa u tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa, kif ukoll fuq it-titjib tat-trasparenza permezz ta’ kooperazzjoni adegwata bejn l-awtoritajiet tat-taxxa. Minkejja li sar titjib kbir fl-iskambju tal-informazzjoni, il-proposta tal-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li jittejbu aktar id-dispożizzjonijiet eżistenti. |
|
2.3.2 |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha l-għan li tindirizza aħjar l-isfidi li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija b’attenzjoni partikolari għall-pjattaformi diġitali, li l-użu tagħhom jagħmel it-traċċabbiltà u d-detezzjoni ta’ avvenimenti taxxabbli diffiċli għall-awtoritajiet tat-taxxa. (15) Il-problema tintensifika ruħha meta dawn it-tranżazzjonijiet jitwettqu permezz ta’ pjattaformi diġitali stabbiliti fi Stat Membru ieħor jew permezz ta’ ġurisdizzjoni barra l-UE (16). |
|
2.3.3 |
Jidher li hemm qbil fost ir-rappreżentanti tal-operaturi ta’ pjattaformi diġitali dwar il-benefiċċji meta jkun hemm qafas legali tal-UE standardizzat għall-ġbir ta’ informazzjoni mill-pjattaformi u dwar il-vantaġġi possibbli ta’ soluzzjoni li tixbaħ il-one-stop shop tal-VAT. |
|
2.3.4 |
Fir-rigward tal-kwistjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba, il-proposta tal-Kummissjoni tiffoka fuq il-kunċett tar-rilevanza prevedibbli. L-Artikolu 5a jipprevedi definizzjoni tal-istandard tar-rilevanza prevedibbli li japplika f’każ ta’ talba għal informazzjoni, u li jistabbilixxi r-rekwiżiti standard u proċedurali li għandhom jiġu osservati mill-awtorità involuta. It-talba għal informazzjoni tista’ tkun relatata ma’ kontribwent wieħed jew aktar, dment li dawn ikunu identifikati b’mod individwali. L-istandard tar-rilevanza prevedibbli m’għandux japplika meta t-talba għal informazzjoni tintbagħat bħala segwitu għad-deċiżjoni transfruntiera skambjata jew għal arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment. |
|
2.3.5 |
Qabel titlob l-informazzjoni, l-awtorità tat-taxxa hija obbligata teżawrixxi s-sorsi ta’ informazzjoni kollha tas-soltu li setgħet tuża biex tikseb l-informazzjoni mitluba u tuża l-mezzi kollha disponibbli. Madankollu, jekk biex tagħmel dan l-awtorità rikjedenti tiffaċċja diffikultajiet sproporzjonati u tissogra li tikkomprometti l-ilħuq tal-objettivi tagħha, l-obbligu ma japplikax. F’każ li l-awtorità rikjedenti ma tkunx irrispettat dan l-obbligu, l-awtorità li ssirilha t-talba tista’ tirrifjuta li tagħti l-informazzjoni. |
|
2.3.6 |
It-Taqsima IIa tistabbilixxi qafas legali għat-twettiq ta’ awditi konġunti. Għalhekk, awditu konġunt huwa ddefinit bħala inkjesta amministrattiva mwettqa b’mod konġunt mill-awtoritajiet kompetenti ta’ żewġ Stati Membri jew aktar. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri involuti jipproċedu f’koordinazzjoni, skont is-sistemi legali tagħhom, biex jeżaminaw każ relatat ma’ suġġett tat-taxxa wieħed jew aktar ta’ interess komuni jew komplementari għalihom. |
2.4 Governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fl-UE u lil hinn minnha
|
2.4.1 |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa tibda mill-fatt li t-tassazzjoni ġusta hija essenzjali għall-mudell soċjali u ekonomiku tal-UE u li l-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa hija l-bażi għal tassazzjoni ġusta u dħul sostenibbli biex jissostna dak il-mudell (17). Il-Komunikazzjoni fiha proposti biex: i) jiġi rriformat il-Kodiċi ta’ Kondotta għat-tassazzjoni tal-intrapriżi; ii) tiġi rieżaminata l-lista ta’ pajjiżi u territorji li ma jikkooperawx; u iii) tiġi promossa l-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fil-livell internazzjonali. |
|
2.4.2 |
Sa mill-ħolqien tiegħu fl-1997, il-Kodiċi ta’ Kondotta għat-Tassazzjoni tal-Intrapriżi (il-“Kodiċi”) (18) kien l-istrument primarju tal-UE għall-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni dannuża fil-qasam tat-taxxa, li jistabbilixxi l-prinċipji għal kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa u biex jiddetermina jekk reġim tat-taxxa huwiex ta’ ħsara jew le (19). |
|
2.4.3 |
Minkejja l-kisbiet tiegħu, il-Kodiċi jeħtieġ li jiġi mmodernizzat. In-natura u l-forma tal-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa nbidlu sostanzjalment f’dawn l-aħħar snin, minħabba l-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, ir-rwol dejjem jikber tal-kumpaniji multinazzjonali fl-ekonomija dinjija u skemi kumplessi ta’ inċentivi introdotti minn xi Stati Membri. |
|
2.4.4 |
B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni għandha l-għan li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kodiċi biex ikopri l-miżuri kollha li joħolqu riskju ta’ kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa. Barra minn hekk, il-Kodiċi għandu jiġi aġġornat ukoll biex jiżgura li kemm jista’ jkun każijiet ta’ tassazzjoni baxxa ħafna jiġu eżaminati kif imiss ġewwa u barra l-UE. |
|
2.4.5 |
Il-prinċipji stabbiliti fil-Kodiċi huma fost il-kriterji użati għall-valutazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa. Il-Kummissjoni beħsiebha tirrieżamina l-ambitu ġeografiku tal-lista tal-UE, u taġġorna t-tabella ta’ valutazzjoni oriġinali użata biex jintgħażlu l-aktar ġurisdizzjonijiet rilevanti għall-iskrinjar. |
|
2.4.6 |
Ir-riflessjonijiet dwar l-ambitu ġeografiku tal-lista tal-UE se jqisu wkoll il-kriterji li jridu jikkonformaw magħhom il-ġurisdizzjonijiet magħżula. It-tneħħija ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni li bħalissa tinsab fl-ambitu tal-lista tal-UE jkollha impatt fuq il-kundizzjonijiet ekwi u ddgħajjef il-ħidma pożittiva li diġà għamlu l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-ġurisdizzjonijiet. Madankollu, għandu jkun hemm riflessjoni dwar jekk il-kriterji tal-elenkar tal-UE jistgħux jiġu applikati b’mod aktar immirat għal ċerti ġurisdizzjonijiet. |
|
2.4.7 |
Fid-djalogu tagħha ma’ pajjiżi terzi – u b’mod konsistenti mal-approċċ imħaddan fi ħdan l-UE – il-Kummissjoni se tagħmel ukoll enfasi fuq l-objettivi ambjentali, kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, li jirrikjedi l-ipprezzar tal-esternalitajiet ambjentali negattivi. Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, hemm potenzjal mhux esplorat biżżejjed biex it-taxxi ambjentali jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli globalment u għal soċjetajiet aktar ekwi f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b’mod ġenerali tista’ tikkontribwixxi għas-sensibilizzazzjoni f’dan il-qasam. |
|
2.4.8 |
Abbażi tal-applikazzjoni attwali ta’ rabta legalment vinkolanti bejn l-istandards tal-governanza tajba u l-użu tal-fondi tal-UE, il-Kummissjoni tqis li dawn il-fondi jistgħu jintużaw aħjar biex jissaħħu l-prinċipji tal-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa (20). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jirriflettu r-rekwiżiti tal-UE fil-politiki ta’ finanzjament nazzjonali tagħhom u fir-regoli ta’ konformità applikati mill-banek promozzjonali u mill-aġenziji għall-iżvilupp tagħhom. |
|
2.4.9 |
Il-Kummissjoni ressqet ukoll rakkomandazzjoni li tagħti parir lill-Istati Membri biex jagħmlu l-appoġġ finanzjarju tagħhom soġġett għall-assenza ta’ rabtiet bejn l-impriżi benefiċjarji u l-ġurisdizzjonijiet imdaħħla fil-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa. Il-Kummissjoni żżid, madankollu, li carve-out għandu jkun disponibbli għal dawk l-intrapriżi li għandhom preżenza ekonomika sostanzjali (sostnuta minn persunal, tagħmir, assi u bini) fil-ġurisdizzjonijiet elenkati. L-isforzi tal-Istati Membri f’dan il-qasam għandhom jiġu implimentati b’mod konsistenti mal-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġustizzja fiskali internazzjonali. |
3. Kummenti ġenerali u speċifiċi
3.1 Pjan ta’ azzjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi
|
3.1.1 |
Il-KESE jappoġġja l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni u jfaħħar il-koordinazzjoni tagħhom mad-diskussjonijiet globali li saru fil-livell tal-OECD/Qafas Inklużiv sabiex jintlaħaq kunsens globali (21). Dan jiġbed attenzjoni partikolari dwar l-urġenza li jintlaħaq ftehim dwar regoli uniformi dwar kif għandhom jiġu allokati l-profitti taxxabbli fost il-pajjiżi fil-livell tal-OECD/Qafas inklużiv, bħala konsegwenza tad-diġitalizzazzjoni rapida kontinwa tal-ekonomiji u tal-ħtieġa li jiġi miġġieled b’mod effettiv l-evitar tat-taxxa. |
|
3.1.2 |
Il-KESE japprezza wkoll l-approċċ regolatorju mħaddan mill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa l-proposti tagħha u fi ħdan id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li qegħdin jiġu eżaminati. L-objettiv huwa li tittejjeb l-effiċjenza ġenerali tas-sistemi tat-tassazzjoni, sabiex dawn ikunu sistemi ġusti li jipprovdu d-dħul meħtieġ għat-twettiq tal-ordni pubbliku filwaqt li fl-istess ħin jipprovdu opportunitajiet ta’ mpjieg u tkabbir. |
|
3.1.3 |
Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa jibqgħu theddida għall-finanzi pubbliċi, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi, kif muri b’mod ċar mill-aktar stimi reċenti li l-proposti jirreferu għalihom. Skont il-Kummissjoni, it-telf tad-dħul fl-UE minħabba l-evażjoni internazzjonali tat-taxxa minn individwi – li jkopri t-taxxa fuq l-introjtu personali, it-taxxi fuq l-introjtu kapitali, kif ukoll it-taxxi fuq il-ġid u l-wirt – tabilħaqq ġie stmat għal EUR 46 biljun fl-2016. Id-diskrepanza tal-VAT, mill-banda l-oħra, hija stmata għal madwar EUR 140 biljun, li minnhom madwar EUR 50 biljun huma relatati ma’ frodi transfruntiera (22). L-Istati Membri individwali għandhom jieħdu passi sinifikanti biex jindirizzaw id-diskrepanza tal-VAT nazzjonali tagħhom. |
|
3.1.4 |
Il-KESE jilqa’ t-tnaqqis fid-diskrepanza stmata minħabba l-evitar tat-taxxa korporattiva ta’ madwar EUR 35 biljun fis-sena mill-istimi preċedenti tal-Kummissjoni ta’ EUR 50-70 biljun u l-korrelazzjoni, esplorata mill-Kummissjoni, bejn dan it-titjib u l-isforzi leġiżlattivi dwar l-evitar tat-taxxa li twettqu mill-Kummissjoni preċedenti (aktar minn 20 direttiva dwar it-taxxi f’ħames snin) (23). |
|
3.1.5 |
Sabiex l-individwi u l-intrapriżi jiġu appoġġjati bis-sħiħ matul iż-żminijiet diffiċli li ġabet magħha l-kriżi tal-COVID-19, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem fuq it-tnaqqis tal-kostijiet tal-konformità relatati mal-obbligi tat-taxxa. L-istima tal-kostijiet tal-konformità għall-kumpaniji l-kbar tammonta għal madwar 2 % tat-taxxi mħallsa, filwaqt li l-istima għall-SMEs hija ta’ madwar 30 % tat-taxxi mħallsa. |
|
3.1.6 |
Fid-dawl tal-kumplessità li qiegħda tinħoloq bħalissa minn 27 sistema fiskali differenti u meta jitqies kif din il-pluralità ta’ mudelli tagħmel il-ħajja diffiċli għan-negozji u għall-individwi li joperaw bejn il-fruntieri, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jarmonizzaw l-obbligi ta’ rapportar tat-taxxa u jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Il-ħidma mġedda u estiża tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta għandha telimina l-miżuri dannużi ta’ tassazzjoni biex toħloq kundizzjonijiet ekwi u tikkontribwixxi, flimkien ma’ riformi leġiżlattivi, għall-promozzjoni ta’ livelli suffiċjenti ta’ konverġenza tat-taxxa biex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa. |
|
3.1.7 |
Il-25 azzjoni ppjanati mill-Kummissjoni jidhru li huma raġonevoli. Il-KESE b’mod ġenerali jappoġġjahom. Ħafna minnhom huma relatati mal-VAT, li hija ħaġa tajba minħabba l-livell għoli ta’ telf ta’ dħul fil-qasam tal-VAT. Madankollu, l-azzjonijiet huma deskritti fil-qosor ħafna u għadu diffiċli, għalissa, li jiġi evalwat għalkollox l-impatt speċifiku ta’ dawn l-azzjonijiet fuq l-operabbiltà ta’ kuljum taċ-ċittadini u n-negozji Ewropej. L-Istati Membri jridu jaġixxu b’mod deċiżiv biex jinfurzaw ir-regoli nazzjonali tagħhom u jnaqqsu l-problemi nazzjonali tal-VAT u fl-istess ħin jikkooperaw b’mod aktar sod bejn il-fruntieri. |
|
3.1.8 |
Jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-adozzjoni ta reġistrazzjoni unika tal-VAT, permezz ta’ estensjoni kontinwa tal-one-stop-shop, simili għall-pakkett tal-kummerċ elettroniku. Għalkemm ma jingħatawx aktar dettalji dwar liema setturi se jkunu koperti, l-espansjoni tal-one-stop-shop għall-Artikoli 36-39 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (24) (“id-Direttiva tal-VAT”), li tkopri l-provvisti ta’ beni min-negozju għall-konsumatur (B2C), tista’ titqies bħala pass ’l quddiem sinifikanti ħafna. Pereżempju, l-espansjoni tal-one-stop shop għall-provvisti transfruntiera tal-gass, tal-elettriku, tal-enerġija mis-sħana jew mit-tkessiħ (l-Artikolu 39 tad-Direttiva dwar il-VAT) tista’ wkoll tkun ta’ għajnuna għall-approfondiment tas-suq tal-enerġija tal-UE u għat-tranżizzjoni tal-enerġija. |
|
3.1.9 |
Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex timmodernizza u tarmonizza r-rekwiżiti ta’ rapportar tal-VAT permezz tal-użu ta’ rapportar u ta’ fatturazzjoni elettronika bbażati fuq it-tranżazzjonijiet (“f’ħin reali”). Ir-rapportar ibbażat fuq it-tranżazzjonijiet jippermetti lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa jkollhom ħarsa ġenerali sħiħa lejn il-ktajjen tal-provvista differenti f’ħin reali, li twassal għal awditi mmirati aħjar u għal detezzjoni ħafna aktar bikrija ta’ frodi u ta’ kummerċjanti potenzjalment riskjużi. Madankollu, ir-rekwiżiti ta’ rappurtar għandhom ikunu faċli biex jiġu rispettati u ma jinvolvux kostijiet amministrattivi kbar jew infiq kbir għall-investiment, b’mod partikolari għall-SMEs (25). Bl-istess mod, użu akbar u standard armonizzat tal-fatturazzjoni elettronika jistgħu jnaqqsu l-kostijiet tal-ħżin u tal-konformità għan-negozji u jtejbu l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. |
|
3.1.10 |
Il-KESE jilqa’ bi pjaċir ukoll rieżami dwar jekk il-VAT għandhiex tkun imposta fuq is-servizzi finanzjarji. Ħafna negozji jħabbtu wiċċhom ma’ kostijiet żejda minħabba li xi ditti jew istituzzjonijiet finanzjarji mhumiex responsabbli għall-VAT. Barra minn hekk, l-entitajiet eżentati ma jistgħux jitolbu tnaqqis għall-VAT tal-input meta l-valur miżjud li jinħoloq ma jkunx intaxxat mill-VAT. Din hija kwistjoni kumplessa u l-KESE jistenna li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi. Il-KESE jinnota li żieda fid-dħul mill-VAT ikollha wkoll implikazzjoni pożittiva għall-baġit tal-UE. |
|
3.1.11 |
Il-KESE jinnota li l-Istati Membri għandhom l-għażla li jużaw sistema tar-reverse charge biex jiġġieldu l-frodi tal-VAT. Għażla bħal din intużat fil-ġlieda kontra l-frodi karusell tal-VAT. Il-KESE jappella għal valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar liema metodu huwa l-aktar effettiv u għandu l-inqas piż amministrattiv biex jindirizza l-frodi karusell. |
|
3.1.12 |
L-amministrazzjonijiet tat-taxxa jiddependu fuq il-kontribwenti biex jagħtuhom informazzjoni korretta, u xi Stati Membri installaw skemi ta’ “konformità kooperattiva” biex itejbu din is-sħubija. Sfortunatament, dawn l-iskemi bħalissa qegħdin joperaw biss fil-livell nazzjonali. Fid-dawl ta’ dan, il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal “qafas ta’ konformità kooperattiva tal-UE”, ibbażat fuq fiduċja u kooperazzjoni akbar fost diversi amministrazzjonijiet tat-taxxa sabiex jissolvew il-kwistjonijiet transfruntiera dwar it-taxxa korporattiva. Huwa importanti li l-SMEs jingħataw trattament ugwali bħal negozji akbar f’dan il-qafas. |
|
3.1.13 |
Madankollu, għadu mhux ċar kif dan il-qafas ta’ konformità kooperattiva tal-UE se jaħdem fil-prattika u l-KESE huwa ħerqan li jevalwa dawn l-iżviluppi u li jipprovdi l-kontribut kostruttiv tiegħu matul il-proċess ta’ żvilupp u implimentazzjoni. |
|
3.1.14 |
Mal-ewwel analiżi, id-djalogu preventiv biex isolvi t-tilwim transfruntier dwar it-taxxa ppjanat mill-Kummissjoni jidher li huwa żvilupp utli u pożittiv, meta wieħed iqis ukoll li dan ilu għal żmien twil jintalab mill-komunità tan-negozju. L-approċċ armonizzat minn għadd ta’ Stati Membri jkun milqugħ tajjeb ħafna, minkejja li għad irid jiġi evalwat kif dan l-approċċ jista’ jiġi implimentat b’mod konkret, mill-punt tat-tluq tax-xenarju regolatorju eteroġenu attwali (26). |
|
3.1.15 |
Il-kwistjoni tar-rimborż tat-taxxa hija dejjem kruċjali, u speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi bħal din ta’ bħalissa, li timplika riskju għoli f’termini ta’ likwidità skarsa kemm għall-individwi kif ukoll għall-intrapriżi. Matul il-pandemija tal-COVID-19, bosta pajjiżi żiedu l-ħeffa li biha tħallsu r-rifużjonijiet u r-rimborżi tal-VAT b’mod ġenerali sabiex jiġi żgurat li n-negozji kellhom biżżejjed flus kontanti biex ilaħħqu ma’ sitwazzjoni ekonomika mingħajr preċedent u ta’ tfixkil. |
|
3.1.16 |
Minħabba li xi negozji diġà qegħdin ibatu minn kwistjonijiet ta’ likwidità, il-fatturi jaf se jitħallsu b’dewmien jew saħansitra ma jitħallsux fl-aħħar mill-aħħar, bil-konsegwenza li n-negozji li talbu l-VAT fil-fatturi tagħhom se jkollhom jissottomettu l-ammont lill-awtoritajiet tat-taxxa fil-perjodu rilevanti tad-dikjarazzjoni tal-VAT mingħajr ma jkunu rċevew il-VAT (l-hekk imsejjaħ “dejn mitluf”). Fid-dawl ta’ dan, il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni Ewropea tivvaluta kif jista’ jintlaħaq progress dwar mekkaniżmu aktar sempliċi u armonizzat ta’ ħelsien mid-dejn mitluf tal-VAT. Dan il-mekkaniżmu għandu jiżgura li l-VAT li n-negozji ma kinux kapaċi jiġbru mill-konsumaturi tagħhom iżda li diġà ħallsu lill-awtoritajiet tat-taxxa tista’ tiġi rkuprata min-negozji mingħand l-awtoritajiet tat-taxxa b’mod rapidu u f’waqtu. |
|
3.1.17 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa biex ikomplu b’din il-ġestjoni rapida tar-rimborż, kemm fir-rigward tat-taxxi diretti kif ukoll dawk indiretti, jissuġġerixxi approċċ amministrattiv armonizzat madwar l-Ewropa kollha u jinnota li sistema komuni ta’ taxxi minn ras il-għajn għall-investimenti ta’ portafoll transfruntiera tkun pass inizjali ’l quddiem. |
|
3.1.18 |
Il-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u reati relatati jiġu mħarrka mill-qrati nazzjonali tal-Istati Membri skont varjetà wiesgħa ta’ liġijiet kriminali. Madankollu, dawn ir-reati fiskali għandhom, f’ħafna każijiet, dimensjoni transnazzjonali. Il-Kumitat jemmen li huwa importanti li din u l-istruttura ta’ penali jitqiesu, b’mod partikolari fil-każ ta’ awditi konġunti bejn l-Istati Membri. Għandha titwettaq valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-penali differenti fost l-Istati Membri. |
|
3.1.19 |
Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni rigward rakkomandazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Kontribwenti fis-Suq Uniku. Meta l-Istati Membri jingħataw ħarsa ġenerali lejn l-aħjar prattiki fil-qasam tat-taxxa f’termini ta’ semplifikazzjoni u ta’ diġitalizzazzjoni dan jista’ jgħin biex tiġi ffaċilitata r-relazzjoni bejn il-kontribwenti u l-awtoritajiet tat-taxxa madwar l-UE, biex tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar it-taxxa u jitjieb il-ġbir tad-dħul. Il-KESE jqis dan bħala eżempju tajjeb ta’ inizjattiva ta’ liġi mhux vinkolanti. |
3.2 Kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tat-taxxa
|
3.2.1 |
Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twettaq intervent leġiżlattiv immirat lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tat-taxxa u aktar armonizzazzjoni tar-regoli proċedurali madwar is-suq intern kollu. |
|
3.2.2 |
Il-proposta hija tabilħaqq konformi għalkollox mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit mill-Artikolu 5 tat-TFUE, minħabba li tipprevedi intervent mil-leġiżlatur Ewropew biex jindirizza kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu rregolati b’mod adegwat mill-Istati Membri. |
|
3.2.3 |
Il-KESE jappoġġja l-intenzjoni li jissaħħu l-kompetenzi tal-Eurofisc, sabiex isir ċentru ta’ referenza dwar ir-reati fiskali transfruntiera. |
|
3.2.4 |
L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva tabilħaqq uriet li hemm diskrepanzi sinifikanti fost l-Istati Membri, minħabba li xi Stati Membri huma lesti li jikkooperaw bis-sħiħ u jiskambjaw l-informazzjoni, filwaqt li oħrajn japplikaw approċċ restrittiv jew saħansitra jirrifjutaw l-iskambji ta’ informazzjoni. |
|
3.2.5 |
Il-KESE jappoġġja wkoll l-isforz biex tiżdied it-trasparenza tal-pjattaformi diġitali sabiex jiġu evitati dikjarazzjonijiet inkonsistenti ta’ dħul, li joħolqu riskju għoli ta’ evażjoni tat-taxxa. Għalkemm xi Stati Membri imponew obbligu ta’ rapportar fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom, l-esperjenza turi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kontra l-evażjoni tat-taxxa mhux dejjem ikunu effettivi għalkollox, speċjalment meta l-attivitajiet transfruntiera jkunu fil-mira. Għalhekk, iċ-ċertezza u ċ-ċarezza tad-dritt jistgħu jiġu żgurati permezz ta’ sett uniku ta’ rekwiżiti ta’ rapportar u ta’ formoli tat-taxxa li japplikaw għall-Istati Membri kollha. |
|
3.2.6 |
Il-KESE jilqa’ wkoll il-proporzjonalità tal-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni proċedurali fost l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa, minħabba li l-modifiki ppreżentati ma jidhrux li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta’ skambju aktar effettiv ta’ informazzjoni u kooperazzjoni amministrattiva aħjar. |
|
3.2.7 |
Is-sistema ta’ sanzjonijiet għall-operaturi tal-pjattaformi li ma jirrispettawx l-obbligi tad-dikjarazzjoni tagħhom, kif indikat fl-Artikolu 25a tal-Proposta għal Direttiva DAC 7, anke jekk din hija kompetenza nazzjonali, għandha tiġi applikata b’mod omoġenju kemm jista’ jkun fl-Istati kollha sabiex tiġi żgurata l-effettività tagħha. |
|
3.2.8 |
Meta jitqies li d-distorsjonijiet identifikati fir-rigward tal-operaturi tal-pjattaformi fil-funzjonament tas-suq intern imorru lil hinn mill-fruntieri ta’ Stati Membri individwali, ir-regoli komuni tal-UE jirrappreżentaw l-intervent minimu meħtieġ biex il-problemi jiġu indirizzati b’mod effettiv. B’dan ir-raġunament, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa r-rwol u l-kollaborazzjoni tagħha fi ħdan l-OECD dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomiji, sabiex jinkiseb approċċ internazzjonali komuni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa biex jiġu indirizzati kwistjonijiet globali. |
|
3.2.9 |
L-Artikolu 12a(6) jiddetermina li l-awditu konġunt għandu jitwettaq f’konformità mal-ftehimiet proċedurali applikabbli fl-Istat Membru li fih jittieħdu l-azzjonijiet ta’ awditu. L-evidenza miġbura matul l-awditu konġunt għandha tiġi rrikonoxxuta b’mod reċiproku mill-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri parteċipanti. |
|
3.2.10 |
Il-KESE jenfasizza li l-awditi konġunti, li fil-prinċipju huma għodda utli u effettiva ħafna, għandhom jitwettqu b’rispett tad-drittijiet fundamentali tal-kontribwenti, u jetieġ li jirrispettaw b'mod rigoruż il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (27) fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża u l-prevedibbiltà kemm tar-regoli proċedurali kif ukoll ta’ dawk sostanzjali li jikkonċernawhom u tal-ġbir ta’ evidenza mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-prosekuzzjoni rigward sanzjonijiet possibbli. |
|
3.2.11 |
B’mod partikolari, is-sett ta’ data li għandha tiġi skambjata u trażmessa mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa għandu jiġi ddefinit b’tali mod li tinġabar biss id-data minima meħtieġa biex jiġi ntraċċat is-sottorapportar jew in-nuqqas ta’ rapportar li mhumiex konformi, skont l-obbligi tal-GDPR (28), li għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod rigoruż. Kwalunkwe impatt negattiv possibbli fuq id-data personali għandu jiġi minimizzat permezz ta’ miżuri adatti tal-IT u proċedurali b’attenzjoni speċifika għall-ġbir, l-elaborazzjoni u l-ħżin sussegwenti tagħhom. |
|
3.2.12 |
Il-KESE jenfasizza li, f’konformità mar-regoli tal-GDPR, l-użu tat-talbiet ta' Grupp irid ikollu motivazzjoni ġustifikata sew u jitwettaq b’attenzjoni sabiex ma jiksirx id-drittijiet tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, u ma jwassalx għal tiftix mhux ġustifikat għal informazzjoni (“fishing expeditions”). |
|
3.2.13 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tevalwa l-effettività ta’ direttivi preċedenti dwar il-kooperazzjoni amministrattiva (29). |
3.3 Governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fl-UE u lil hinn minnha
|
3.3.1 |
Il-KESE jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni li governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, il-bażi għal tassazzjoni ġusta, tirrikjedi trasparenza fiskali permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, l-evitar ta’ kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa, l-assenza ta’ miżuri dannużi ta’ tassazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ regoli miftiehma internazzjonalment. Huwa jaqbel ukoll mal-Parlament Ewropew li l-UE għandha tieħu azzjoni deċiżiva biex tindirizza l-kompetizzjoni dannuża fil-qasam tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, b’mod partikolari fir-rifuġji fiskali. |
|
3.3.2 |
Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-Kodiċi ta’ Kondotta Tajba u jfaħħar il-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni tqis kif imiss il-ħidma tal-OECD u l-importanza li jitħaddnu l-istandards miftiehma internazzjonalment, speċjalment fir-rigward tal-prinċipji globali li jwasslu għal rata effettiva minima tat-taxxa korporattiva. |
|
3.3.3 |
Il-KESE jqis li r-riżultat u l-kisbiet tal-Kodiċi ta’ Kondotta għandhom jiġu aġġornati aktar regolarment u jkunu disponibbli pubblikament għas-soċjetà ċivili, f’konformità mal-objettiv tal-Kummissjoni li l-attività u r-riżultati konkreti tal-Kodiċi jsiru aktar trasparenti. |
|
3.3.4 |
L-approċċ tal-Kummissjoni jirrikonoxxi li l-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa mhijiex kwistjoni fiha nnifisha. (30) Fl-istess ħin, madankollu, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew esprimew tħassib f’bosta okkażjonijiet dwar l-eżistenza ta’ kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa fl-UE li tippromovi l-evitar tat-taxxa. Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn ta’ ħidma serja biex tissolva din il-problema kumplessa. Dan reċentament adotta Opinjoni (31), li fiha jipproponi li jitnieda Patt Ewropew biex jiġu miġġielda b’mod effettiv il-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus. Il-KESE stieden lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi inizjattiva politika li tinvolvi lill-gvernijiet u lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra biex jintlaħaq dan l-għan, u jitrawwem il-kunsens meħtieġ għal dan u tkun involuta s-soċjetà ċivili. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għandha tkun il-pilastru prinċipali tal-Patt. |
|
3.3.5 |
It-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta fl-UE sabiex jiġu koperti miżuri oħra li jaffettwaw il-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa hija wkoll għażla regolatorja li l-KESE jappoġġja. L-aġġornar biex jiżgura l-analiżi tar-reġimi li jwasslu għal tassazzjoni baxxa ħafna jew għall-ebda tassazzjoni ġewwa jew barra l-UE suppost ilu li sar. Madankollu, il-Kodiċi huwa strument mhux vinkolanti li jrid jittratta dawk il-kwistjonijiet li mhumiex irregolati mil-leġiżlazzjoni Ewropea. |
|
3.3.6 |
Il-Kummissjoni targumenta li jeħtieġ ukoll li l-proċess tal-elenkar isir aktar ċar għall-pajjiżi terzi, u b’hekk tingħata spinta lit-trasparenza rigward ir-raġuni għalfejn ġurisdizzjoni titqiegħed fil-lista jew le. L-armonizzazzjoni mtejba tal-istandards adottati mill-Istati Membri tal-UE u koordinazzjoni aħjar bejn il-listi nazzjonali u l-lista tal-UE jkunu ta’ siwi, minħabba li l-UE u bosta Stati Membri jsegwu standards differenti, li jistgħu joħolqu konfużjoni. |
|
3.3.7 |
Il-Kummissjoni tivvaluta wkoll l-hekk imsejħa blacklist tal-rifuġji fiskali, li ilha fis-seħħ mill-2017, u eżaminat mijiet ta’ reġimi dannużi tat-taxxa globalment, b’ħafna ġurisdizzjonijiet elenkati li daħlu f’impenji mal-Kunsill biex jindirizzaw tħassib dwar il-kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa u t-trasparenza limitata. Il-KESE jħaddan il-fehma tal-Kummissjoni li wasal iż-żmien li jsir rieżami tal-elenkar u li wieħed jara kif dan jista’ jkun aktar effettiv u ġust, filwaqt li jitqiesu l-isfidi l-ġodda ta’ ekonomija diġitalizzata globali. Il-KESE jappoġġja wkoll il-kriterju tal-Kummissjoni li ġurisdizzjonijiet speċifiċi b’riskju baxx u b’kapaċità baxxa jingħataw l-opportunità li jtejbu l-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u l-istandards ta’ trasparenza tagħhom f’perjodu ta’ żmien raġonevoli meta dawn ikunu, jew jista’ jkun li jiġu, elenkati. |
Brussell, l-24 ta’ Frar 2021.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) “Dan [il-Kodiċi ta’ Kondotta] jaħdem fuq il-premessa li, filwaqt li l-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa fost il-pajjiżi mhijiex problematika per se, jeħtieġ li jkun hemm prinċipji komuni dwar sa liema punt jistgħu jużaw ir-reġimi u l-politiki tat-taxxa tagħhom biex jattiraw in-negozji u l-profitti. Dan huwa partikolarment importanti f’Suq Uniku, fejn il-libertajiet tat-Trattat iżidu l-mobbiltà tal-profitti u l-investiment.” (COM(2020) 313 final, paġna 3).
(2) Ara wkoll Id-Diskrepanza tal-VAT: Il-pajjiżi tal-UE tilfu EUR 140 biljun fi dħul mill-VAT fl-2018, b’żieda potenzjali fl-2020 minħabba l-coronavirus https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_1579
(3) COM(2020) 312 final, paġna 5. Jeżistu stimi, pereżempju mill-Parlament Ewropew, fejn id-dħul mir-reati finanzjarji, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa huma stmati li jlaħħqu EUR 190 biljun. Abbażi tal-ħidma komprensiva tal-OECD fir-rapport dwar l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u trasferiment tal-profitti (BEPS), Azzjoni 11, it-telf globali ta’ dħul qabel ma ġiet deċiża kull miżura kontra l-BEPS kien jammonta għal USD 100-240 biljun jew 0,35 % tal-PDG globali. Il-Kummissjoni tal-UE stmat li madwar EUR 50-70 biljun kienu attribwibbli lill-UE qabel ma l-Istati Membri qablu dwar id-Direttivi Kontra l-Evitar tat-Taxxa I u II.
(4) Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet 20 proposta leġiżlattiva prinċipali matul il-mandat preċedenti tagħha ta’ ħames snin.
(5) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Miżuri effettivi u koordinati tal-UE għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u r-rifuġji fiskali”, (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 6).
(6) Il-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li Jmiss 2019-2024.
(7) Ara COM(2020) 312 final, COM(2020) 313 final, COM(2020) 314 final.
(8) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Miżuri effettivi u koordinati tal-UE għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u r-rifuġji fiskali”, ĠU C 429, 11.12.2020, p. 6.
(9) Ara COM(2020) 312 final Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE dwar “Mekkaniżmi ta’ tassazzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2”, ĠU C 364, 28.10.2020, p. 21.
(10) Ara COM(2019) 640 final.
(11) Din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-ġurisdizzjonijiet li jidhru fl-Anness I tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill rilevanti. Il-lista hija aġġornata regolarment fuq: https://ec.europa.eu/taxation_customs/tax-common-eu-list_en
(12) Dawn l-azzjonijiet huma elenkati f’COM(2020) 312 final
(13) Il-Kummissjoni Ewropea (2018). Study on tax compliance costs for SMEs [Studju dwar il-kostijiet tal-konformità fiskali għall-SMEs (Mhux disponibbli bil-Malti)].
(14) Ir-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni, imqassra fl-Anness 2 tal-pubblikazzjoni: Commission staff working document — Evaluation of the Council Directive 2011/16/EU on administrative cooperation in the field of taxation and repealing Directive 77/799/EEC (SWD(2019) 328 final) [Mhux disponibbli bil-Malti].
(15) Tqajmu talbiet favur rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni f’kull Stat Membru. Dawn iżidu l-piż amministrattiv u jagħmluha aktar diffiċli għall-SMEs biex jespandu f’pajjiżi u oqsma ġodda.
(16) Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (COM(2020) 314 final)
(17) Komunikazzjoni dwar Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa fl-UE u lil hinn minnha (COM(2020) 313 final).
(18) Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill fl-1 ta’ Diċembru 1997 dwar kodiċi ta’ kondotta għat-tassazzjoni tal-intrapriżi (ĠU C 2, 6.1.1998, p. 2) [Mhux disponibbli bil-Malti].
(19) Il-fehma tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni tat-taxxa dannuża b’paragun mal-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa maż-żmien ġiet espressa b’modi differenti. Meta ġie ppreżentat l-abbozz ta’ Direttiva dwar il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva, il-Kummissjoni saħqet li kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa bbażata fuq rati toffri aktar trasparenza u kellha tiġi mħeġġa. (COM(2011)121 final, p. 4). Fil-Komunikazzjoni dwar Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa, ippreżentata fl-2020, il-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa mhijiex meqjusa bħala problematika per se, iżda jitqies li huma meħtieġa prinċipji komuni dwar kif l-Istati Membri jużaw ir-reġimi tat-taxxa tagħhom. (COM(2020) 313 final, p. 3). Huwa raġonevoli li wieħed jikkonkludi li hemm kompetizzjoni tajba fil-qasam tat-taxxa u hemm kompetizzjoni inġusta u dannuża fil-qasam tat-taxxa. L-Istati Membri jiddeċiedu dwar reġimi tat-taxxa iżda huma meħtieġa jagħmlu dan b’mod miftuħ u trasparenti skont it-Trattat u joqogħdu lura minn regoli dannużi u diskriminatorji. L-UE u l-Istati Membri għandhom jiżguraw suq uniku li jiffunzjona tajjeb b’livell suffiċjenti ta’ konverġenza, inkluż fil-qasam tat-taxxa.
(20) Bosta strumenti ta’ finanzjament ma jippermettux l-iffinanzjar ta' proġetti li jikkontribwixxu għall-evitar tat-taxxa. Ara r-Regolament Finanzjarju, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp sostenibbli (EFSD), il-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku (FEIS) u l-Mandat ta’ Self Estern (ELM). Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rekwiżiti l-ġodda kontra l-evitar tat-taxxa fil-leġiżlazzjoni tal-UE li tirregola b’mod partikolari l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment (C(2018)1756, 21.3.2018).
(21) Ara l-Opinjonjiet tal-KESE dwar “Miżuri effettivi u koordinati tal-UE għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u r-rifuġji fiskali” (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 6); “It-tassazzjoni fl-ekonomija diġitalizzata” (ĠU C 353, 18.10.2019, p. 17) u dwar it-tassazzjoni tal-profitti tal-kumpaniji multinazzjonali fl-ekonomiji diġitali (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 73).
(22) Ara wkoll Id-Diskrepanza tal-VAT: Il-pajjiżi tal-UE tilfu EUR 140 biljun fi dħul mill-VAT fl-2018, b’żieda potenzjali fl-2020 minħabba l-coronavirus https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_1579
(23) Jeżistu stimi oħra, pereżempju mill-Parlament Ewropew, li juru li d-dħul mir-reati finanzjarji, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa huma stmati li jlaħħqu EUR 190 biljun. Abbażi tal-ħidma komprensiva tal-OECD fir-rapport dwar l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u trasferiment tal-profitti (BEPS), Azzjoni 11, it-telf globali ta’ dħul qabel ma ġiet deċiża kull miżura kontra l-BEPS kien jammonta għal USD 100-240 biljun jew 0,35 % tal-PDG globali. Il-Kummissjoni tal-UE stmat li madwar EUR 50-70 biljun kienu attribwibbli lill-UE qabel ma l-Istati Membri qablu dwar id-Direttivi Kontra l-Evitar tat-Taxxa I u II.
(24) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta' 28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
(25) Hemm ħafna eżempji tajbin ta’ kif il-pajjiżi naqqsu d-diskrepanza tal-VAT tagħhom. Ir-riforma fl-Estonja fl-2014 issemmiet bħala eżempju ta’ dan.
(26) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Titjib tal-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar it-tassazzjoni doppja” (ĠU C 173, 31.5.2017, p. 29).
(27) Ara l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 389).
(28) Commission staff working document — Evaluation of the Council Directive 2011/16/EU on administrative cooperation in the field of taxation and repealing Directive 77/799/EEC (SWD(2019)328 final) [Mhux disponibbli bil-Malti] (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(29) SWD(2019) 327 final [mhux disponibbli bil-Malti].
(30) Huwa evidenti li l-Kummissjoni, bħall-OECD, tagħmel distinzjoni bejn kompetizzjoni trasparenti tajba fil-qasam tat-taxxa u kompetizzjoni inġusta u dannuża fil-qasam tat-taxxa.
(31) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Miżuri effettivi u koordinati tal-UE għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u r-rifuġji fiskali” (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 6).