IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.10.2018
COM(2018) 698 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni fl-2015-2016 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u tad-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq
{SWD(2018) 439 final}
I.Introduzzjoni
Dan ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tar-regoli soċjali tal-UE fit-trasport bit-triq fl-Istati Membri għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2016. Jixħet ukoll dawl fuq l-isfidi ewlenin fl-infurzar u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti, li huma stabbiliti fl-erba’ atti leġiżlattivi li ġejjin:
1) Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006
(magħruf ukoll bħala r-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan) li jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet tas-sewqan ta’ kuljum u fil-ġimgħa, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa;
2) Id-Direttiva 2002/15/KE
(magħrufa wkoll bħala d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tat-Trasport bit-Triq) li tistabbilixxi r-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli. Din tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar il-ħinijiet massimi tax-xogħol fil-ġimgħa, il-pawżi minimi fix-xogħol u dwar ix-xogħol billejl. Tapplika għas-sewwieqa li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan;
3) Id-Direttiva 2006/22/KE
(magħrufa wkoll bħala d-Direttiva dwar l-Infurzar) li tistabbilixxi l-livelli minimi ta’ verifiki fil-ġenb tat-triq u ta’ kontrolli fil-post tan-negozju tal-impriżi tat-trasport biex tiġi verifikata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan;
4) Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014
(magħruf ukoll bħala r-Regolament dwar it-Takografu), li jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar l-installazzjoni u l-użu tat-takografi fil-vetturi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan.
Dan ir-rapport, ibbażat fuq l-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan u fuq l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tat-Trasport bit-Triq
, jinkludi data kwantitattiva u kwalitattiva dwar il-verifiki mwettqa fil-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju tal-impriżi kif ukoll dwar ir-reati identifikati. Jiddikjara wkoll x’użu sar mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006
. Fl-aħħar nett, ir-rapport fih informazzjoni kwalitattiva dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tat-Trasport bit-Triq. Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni hu komplementari għar-rapport tal-Kummissjoni b’informazzjoni supplimentari dwar il-penali, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-kummenti mill-awtortajiet ta’ infurzar u statistiki oħra aktar dettaljati. Ir-rapport hu maqsum f’erba’ taqsimiet: It-Taqsima I tipprovdi sommarju dwar il-kwalità u l-puntwalità tas-sottomissjonijiet tad-data nazzjonali. It-Taqsima II tipprovdi l-analiżi tad-data nazzjonali dwar il-verifiki u r-reati, filwaqt li t-Taqsima III tagħti deskrizzjoni fil-qosor dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE mill-Istati Membri. Fl-aħħar nett, it-Taqsima IV tislet il-konklużjonijiet ewlenin ta’ dan ir-rapport.
Sottomissjoni tad-data
Ir-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/15/KE u tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 iridu jiġu sottomessi permezz tal-formola standard ta’ rapportar riveduta, stabbilita mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 2017
.
L-Istati Membri kollha ppreżentaw id-data nazzjonali tagħhom għad li mhux ħafna minnhom kienu puntwali. Il-kwalità tad-data qed tkompli titjieb fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 561/2006. Kważi l-Istati Membri kollha
pprovdew id-disaggregazzjoni mitluba tal-istatistiki dettaljati dwar il-kontrolli tal-konformità mwettqa fil-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju. Madankollu, jista’ jsir aktar titjib rigward l-informazzjoni pprovduta dwar il-penali, il-kooperazzjoni internazzjonali, it-tibdiliet fil-liġijiet nazzjonali jew il-konklużjonijiet meħuda.
Barra minn hekk, l-Istati Membri għarrfu lill-Kummissjoni bl-eċċezzjonijiet nazzjonali mogħtija mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006. Il-lista aġġornata tal-eċċezzjonijiet hi inkluża fid-dokument ta’ akkumpanjament u tinsab disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni
.
Fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tat-Trasport bit-Triq, mhux l-Istati Membri kollha ppreżentaw din l-informazzjoni
, u ftit Stati Membri biss ipprovdew data statistika dwar il-kontrolli u l-eżiti tagħhom
. Ħafna Stati Membri indikaw li ma kienx hemm tibdil matul il-perjodu ta’ rapportar fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom li jispjega n-nuqqas ta’ informazzjoni pprovduta. B’mod ġenerali, l-Istati Membri ftit li xejn ipprovdew data kwantitattiva aġġornata, u dan jagħmilha diffiċli li ssir valutazzjoni. Għaldaqstant, biex ir-rapport jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan, il-Kummissjoni tinsisti li għall-perjodu ta’ rapportar li jmiss, jenħtieġ li tingħata data kwalitattiva u kwantitattiva aktar estensiva rigward l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE u l-infurzar tagħha.
II. Implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 fl-UE
1.Kontrolli
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE jeħtieġ li l-Istati Membri jorganizzaw sistema ta’ kontrolli adatti u regolari fil-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju tal-impriża tal-kategoriji kollha tat-trasport. Dawn il-kontrolli kull sena għandhom ikopru kampjun kbir u rappreżentattiv ta’ ħaddiema mobbli, sewwieqa, impriżi tat-trasport u vetturi. L-Artikolu jistabbilixxi wkoll li għadd minimu tal-kontrolli li għandhom isiru, għandu jkopri tal-anqas 3 % tal-jiem maħduma mis-sewwieqa
tal-vetturi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.
Id-data nazzjonali ppreżentata lill-Kummissjoni turi li numru totali ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollati fl-UE naqas b’madwar 12.8 %, u dan ifisser tnaqqis minn 151 miljun għal 131.7 miljun jum tax-xogħol ikkontrollati. Dan hu tnaqqis kbir meta mqabbel mat-tnaqqis ta’ 4.8 % bejn il-perjodi ta’ rapportar preċedenti, 2011-2012 u 2013-2014. Madankollu, fid-dawl taċ-ċifri nazzjonali jidher li dan it-tnaqqis jista’ jkun spjegat primarjament minn tnaqqis ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollat fi tliet Stati Membri
. Aktar dettalji jistgħu jinsabu fir-rapport ta’ akkumpanjament.
Kif muri fl-Illustrazzjoni 1 hawn taħt, il-medja ġenerali tal-UE ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollati hi ta’ 6.3 % (kienet 7% fl-2013-2014), li hi d-doppju ta’ dik meħtieġa skont id-Direttiva.
Ħafna mill-Istati Membri kkontrollaw aktar jiem tax-xogħol mill-minimu meħtieġ mid-Direttiva. Minkejja dan, tliet Stati Membri ma laħqux il-livell limitu ta’ 3 %. Dawn huma l-Greċja, in-Netherlands u Malta. Filwaqt li Malta u n-Netherlands
kienu ftit anqas mil-livell limitu, in-numru ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollati rrapportati mill-Greċja hu ferm anqas mil-livell limitu u qed ikompli jonqos meta mqabbel mas-snin ta’ qabel. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-iżviluppi f’dawn l-Istati Membri u, filwaqt li se tibda mill-aktar każijiet serji, se tieħu azzjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva 2006/22/KE.
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE jistabbilixxi l-proporzjon tal-jiem tax-xogħol li għandhom jiġu kkontrollati fil-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju, jiġifieri 30 % u 50 % rispettivament. Għandu jiġi enfasizzat li l-kalkolu ta’ dan il-proporzjon hu bbażat fuq in-numru ta’ kontrolli imwettqa fil-verità mill-awtoritajiet tal-infurzar u mhux fuq in-numru minimu ta’ jiem tax-xogħol li għandhom jiġu kkontrollati. Rigward l-Istati Membri li laħqu l-livell limitu, sitta biss għandhom is-sehem bilanċjat meħtieġ bejn il-kontrolli fil-post tan-negozju u fil-ġenb tat-triq. Bħala medja, 74 % tal-jiem tax-xogħol ikkontrollati saru fil-ġenb tat-triq, filwaqt li 26 % ġew ikkontrollati permezz ta’ spezzjonijiet fil-post tan-negozju. Dan jirrappreżenta żieda żgħira fil-kontrolli fil-post tan-negozju meta mqabbel mas-sena l-oħra, li kien 23 %. Kif diġà ġie enfasizzat fl-aħħar rapport, l-Irlanda, b’7 % biss, ma laħqitx il-livell limitu għall-ġenb tat-triq ta’ 30 %. Għal aktar dettalji dwar is-sehem nazzjonali tal-kontrolli fil-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju, ara l-Illustrazzjoni 2.
1.1 Kontrolli fil-ġenb tat-triq
B’kollox, madwar l-UE ġew ikkontrollati 8,162,703 vettura
u 5,846,011-il sewwieq fil-ġenb tat-triq. Id-diskrepanza għolja bejn dawn iż-żewġ numri tista’ tiġi spjegata mid-data mhux kompleta sottomessa mill-Ġermanja u mill-Finlandja
, li tinkludi biss sehem min-numru totali ta’ sewwieqa kkontrollati fil-ġenb tat-triq.
Meta mqabbel mal-aħħar rapport għas-snin 2013-2014, l-għadd ta’ vetturi kkontrollati żdied b’24 %. Prinċipalment, dan hu minħabba żieda sinifikanti fil-vetturi kkontrollati rrapportati mill-Ġermanja u mill-Finlandja meta mqabbla mal-aħħar perjodu ta’ rapportar
. L-għadd ta’ sewwieqa kkontrollati naqas bi 22 % meta mqabbel mal-2013-2014. Madankollu, dan jista’ jkun spjegat primarjament mit-tnaqqis konsiderevoli fl-għadd ta’ sewwieqa li ġie rrapportat mill-Ġermanja bejn l-2013-2014 u l-2015-2016, kif ukoll mill-effett kumulattiv ta’ tnaqqis iżgħar f’diversi Stati Membri oħra
.
Abbażi tal-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tal-vettura, 63 % tal-vetturi kkontrollati fl-UE kienu vetturi nazzjonali, 32 % kienu minn Stati Membri oħra tal-UE u 6 % kienu vetturi reġistrati f’pajjiżi mhux tal-UE
. B’mod ġenerali, ħafna mill-vetturi kkontrollati fil-ġenb tat-triq (91 % tat-total) huma trasportaturi tal-merkanzija, filwaqt li 9 % biss kienu qed iġorru l-passiġġieri. Aktar dettalji huma disponibbli fid-dokument ta’ akkumpanjament taħt it-Titolu 422.
Fl-2015-2016, 72 % tal-vetturi kkontrollati fil-ġenb tat-triq kienu mgħammra b’takografu diġitali. B’hekk, ma hemm ebda raġuni għaliex għandu jiżdied il-livell limitu tal-kontrolli minn 3 % għal 4 %, peress li dan għandu jsir biss jekk 90 % tal-vetturi kkontrollati jkunu mgħammra b’takografi diġitali
.
Illustrazzjoni 1: Perċentwal ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollati għal kull Stat Membru
Illustrazzjoni 2: Sehem ta’ kontrolli fil-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju abbażi tal-jiem tax-xogħol ikkontrollati għal kull Stat Membru
1.2 Kontroll fil-post tan-negozju
B’kollox, matul il-perjodu 2015-2016 ġew ikkontrollati 146,967 impriża tat-trasport, li hu riżultat simili meta mqabbel mal-2013-2014
. Matul dawk il-kontrolli fil-post tan-negozju, ġew ikkontrollati madwar 34.8 miljun jum tax-xogħol li jirrappreżentaw żieda żgħira ta’ 1 % meta mqabbel mar-rapport preċedenti. B’mod ġenerali, l-Istati Membri kkontrollaw madwar 663,000 sewwieq matul l-2015-2016, li huma 12 % anqas sewwieqa kkontrollati meta mqabbel mal-2013-2014.
2. Reati
Kważi l-Istati Membri kollha
pprovdew data dwar ir-reati individwati, iżda mhux kollha
pprovdew dettalji dwar it-tipi ta’ ksur. L-għadd totali ta’ reati rrapportati kien ta’ madwar 3.46 miljun, li jikkostitwixxi żieda ta’ 6 % meta mqabbel mal-aħħar rapport (3.3 miljun). Iż-żieda żgħira tista’ tiġi spjegata mill-fatt li l-Latvja pprovdiet għall-ewwel darba l-għadd ta’ reati
, li kważi jpaċi d-differenza mill-aħħar rapport. Filwaqt li r-reati identifikati fil-post tan-negozju żdiedu bi 19 %, ir-reati identifikati fil-ġenb tat-triq naqsu bi 3 %. Meta mqabbel mal-aħħar rapport, is-sehem ta’ reati fil-ġenb tat-triq naqas minn 63 % għal 58 % tar-reati totali indentifikati .
Is-sehem tat-tipi ta’ ksur baqa’ simili, b’xi tibdil żgħir. L-Illustrazzjoni 3 hawn taħt turi s-sehem tal-ksur identifikat fl-2015-2016 skont it-tip ta’ dispożizzjoni miksura. Meta mqabbel mal-aħħar rapport, ir-reati li jikkonċernaw il-pawżi u l-ħin tas-sewqan rispettivament naqsu minn 23 % għal 21 % u minn 16 % għal 13 %, filwaqt li r-reati fir-rigward tar-rekords tal-ħin tas-sewqan żdiedu minn 17 % għal 24 %. Mir-reati kollha individwati madwar l-UE kemm fil-ġenb tat-triq kif ukoll fil-post tan-negozju, ir-reati għall-perjodi ta’ mistrieħ jikkostitwixxu 24 % (25 % fl-aħħar rapport), it-tagħmir ta’ reġistrazzjoni jirrappreżenta 11 % (10 % fl-aħħar rapport) u n-nuqqas/id-disponibbiltà ta’ rekords għal xogħol ieħor jikkostitwixxu 7 % (8 % fl-aħħar rapport).
Meta wieħed iħares lejn l-iżviluppi mill-2007 ’l hawn, li huma ppreżentati fl-Illustrazzjoni 4, jidher li l-ksur misjub fir-rigward tal-pawżi u l-ħinijiet tas-sewqan naqas b’mod gradwali. Minflok, kien hemm żieda kontinwa fir-reati individwati rigward ir-rekords tal-ħin tas-sewqan, li żdiedu minn 14 % għal 24 %, filwaqt li l-ksur fil-bqija baqa’ għoli tul is-snin.
Ir-rata medja ta’ reati, li hi kkalkolata fuq il-bażi ta’ 100 jum tax-xogħol ikkontrollati matul kontrolli fil-post tan-negozju u fil-ġenb tat-triq, żdiedet minn 2.17 fl-2013-2014 għal 2.6. Ir-rata ta’ identifikazzjoni fil-post tan-negozju għadha d-doppju tar-rata ta’ identifikazzjoni fil-ġenb tat-triq, li turi li l-kontrolli fil-post tan-negozju huma ferm aktar effiċjenti mill-kontrolli ad hoc fil-ġenb tat-triq.
Illustrazzjoni 3: Kategoriji ta’ ksur fil-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju 2015-2016
Illustrazzjoni 4: Kategoriji ta’ ksur fil-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju matul l-aħħar 10 snin.
2.1 Reati identifikati fil-ġenb tat-triq
Fl-2015-2016, ġew identifikati madwar żewġ miljun reat fil-ġenb tat-triq li jirrappreżenta tnaqqis ta’ madwar 3 % meta mqabbel mal-aħħar perjodu ta’ rapportar. Il-medja ta’ reati tal-UE identifikati fil-ġenb tat-triq hi ta’ 2.17 għal kull 100 jum tax-xogħol ikkontrollat, li jfisser li żdiedet kemxejn meta mqabbel mal-1.77 tal-aħħar rapport. Bħala medja, instab li 58 % tar-reati twettqu minn sewwieqa domestiċi.
2.2 Reati identifikati fil-post tan-negozju
Ir-reati identifikati fil-post tan-negozju kienu madwar 1.48 miljun, li jirrappreżenta żieda ta’ 21 % meta mqabbel mal-aħħar rapport. Ir-rata medja ta’ reati għal kull 100 jum tax-xogħol ikkontrollat hi ta’ 4.19, li żdiedet bi 18 % meta mqabbla mal-aħħar medja ta’ 3.54 fl-2013-2014. Parti miż-żieda tista’ tkun spjegata permezz tar-rata għolja ta’ reati komunikata għall-ewwel darba mil-Latvja
. Fl-imgħoddi, ir-rati ta’ reati wrew tendenza ta’ tnaqqis minn 8.65 fl-2009-2010 u 5.29 fl-2011-2012.
Ir-rata medja ta’ reati identifikati fil-post tan-negozju għal kull impriża, kważi ttripla minn 12.77 għal 36.57. Din tista’ tkun spjegata prinċipalment mill-fatt li dan hu l-ewwel perjodu ta’ rapportar li għalih il-Kummissjoni rċiviet din l-informazzjoni mingħand l-Istati Membri kollha
.
2.3. Għadd ta’ uffiċjali ta’ infurzar u ta’ tagħmir biex jiġu analizzati t-takografi
Matul il-perjodu 2015-2016, kienu involuti 61,503 uffiċjal ta’ kontroll fil-kontrolli . Dan in-numru baqa’ stabbli meta mqabbel mal-2013-2014.
Fl-UE, matul il-perjodu ta’ rapportar 2015-2016, ġew imħarrġa 23,725 uffiċjal ta’ kontroll biex janalizzaw it-takografu diġitali. Dan in-numru żdied b’5.7 % meta mqabbel mal-2013-2014. Hemm ukoll tendenza ta’ tnaqqis fir-rigward tal-unitajiet tat-tagħmir mogħtija lill-uffiċjali ta’ kontroll biex janalizzaw it-takografu, peress li dawn naqsu b’5.5 % meta mqabbla mal-aħħar rapport, u hekk kif it-tnaqqis bejn l-2013-2014 u l-2011-2012 kien ta’ 8 %.
4. Kooperazzoni bejn l-Istati Membri
Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/22/KE, l-Istati Membri huma obbligati jagħmlu mill-inqas sitt kontrolli flimkien fit-triq ma’ mill-inqas Stat Membru ieħor. Erba’ Stati Membri
ma pprovdewx informazzjoni dwar l-għadd ta’ kontrolli flimkien. Minn fost l-Istati Membri li pprovdew l-informazzjoni, 15-il Stat Membru
ssodisfaw in-numru meħtieġ ta’ kontrolli flimkien fis-sena.
Iċ-ċifri rrapportati dwar l-attivitajiet ta’ infurzar konġunt huma simili ħafna għal dawk irrapportati fl-2013-2014. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tikkonċerna primarjament Stati Membri ġirien. Barra minn hekk, fir-rigward tal-aħħar perjodu ta’ rapportar, ftit anqas minn nofs l-Istati Membri indikaw li l-ħidma flimkien isseħħ fi ħdan il-qafas tal-Euro Contrôle Route (ECR). Diversi Stati Membri indikaw li l-ECR uriet li kienet siewja fl-iskambju ta’ informazzjoni rigward l-aħjar prattiki ta’ infurzar, it-teknoloġiji l-ġodda u l-iskambju ta’ data. Ċerti Stati Membri semmew ukoll il-parteċipazzjoni attiva tagħhom f’sessjonijiet ta’ ospitar biex jaqsmu esperjenzi bħal sessjonijiet ta’ ħidma, klassijiet għall-esperti u kontrolli bilaterali fil-ġenb tat-triq.
Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri bbażata fuq il-kontrolli flimkien, l-inizjattivi ta’ taħriġ konġunt jew l-iskambji ta’ esperjenza u ta’ informazzjoni, taqdi rwol kruċjali fil-kisba tal-objettivi tal-leġiżlazzjoni soċjali fis-settur tat-trasport bit-triq, jiġifieri kundizzjonijiet ekwi mtejba, sikurezza fit-toroq u armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta leġiżlattiva bħala parti mill-ewwel Pakkett dwar il-Mobilità adottat f’Mejju 2017 biex tiġi promossa u tissaħħaħ il-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri u jiġi żgurat infurzar aktar effettiv u konsistenti tar-regoli fis-seħħ
. Barra minn hekk, fl-2018 il-Kummissjoni adottat proposta biex tinħoloq Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA), li l-objettiv globali tagħha hu li tiżgura mobilità ġusta tax-xogħol fis-Suq Intern
. Wieħed mill-kompiti tal-ELA jkun jikkonsisti fl-għoti ta’ appoġġ lill-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-infurzar transfruntier u fl-iffaċilitar tal-ispezzjonijiet konġunti, inkluż fil-qasam tar-regoli soċjali tal-UE fis-settur tat-trasport bit-triq. Fil-prattika, din l-awtorità tkun tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali b’appoġġ operazzjonali u tekniku għall-iskambju ta’ informazzjoni, tiżviluppa proċeduri ta’ kooperazzjoni ta’ kuljum u tiffaċilita t-twettiq ta’ spezzjonijiet konġunti fost l-Istati Membri.
III. Analiżi tad-data dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tat-Trasport bit-Triq (Direttiva 2002/15/KE)
1.Introduzzjoni
Dan il-kapitolu jittratta l-implimentazzjoni mill-Istati Membri fil-perjodu 2015-2016 tad-Direttiva 2002/15/KE, imsejħa wkoll id-“Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tat-Trasport bit-Triq”.
Skont l-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jissottomettu rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha lill-Kummissjoni kull sentejn, filwaqt li jindikaw l-opinjonijiet tal-impjegati u tal-impjegaturi fil-livell nazzjonali.
2.Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE
Id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li jirregolaw, fost l-oħrajn, pawżi xierqa waqt il-perjodu tax-xogħol, il-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa u x-xogħol billejl. Id-dispożizzjonijiet tagħha jissupplimentaw ir-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 561/2006.
Billi din id-Direttiva tistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet dwar is-sigħat tax-xogħol li huma speċifiċi għas-settur tat-trasport bit-triq, din hi meqjusa bħala lex specialis tad-Direttiva ġenerali 2003/88/KE
dwar il-ħinijiet tax-xogħol, li tistabbilixxi r-rekwiżiti bażiċi għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema fis-setturi kollha. Barra minn hekk, l-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fih dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol li jridu jiġu rispettati meta jiġi implimentat id-dritt tal-UE. Għadd ta’ dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni bażika tad-Direttiva ġenerali dwar il-Ħin tax-Xogħol, inklużi regoli dwar il-liv annwali u l-valutazzjoni medika bla ħlas għall-ħaddiema ta’ billejl, huma applikabbli wkoll għall-ħaddiema mobbli tat-trasport bit-triq.
3.Preżentazzjoni u kwalità tar-rapporti nazzjonali
Fir-rigward tal-perjodu ta’ rapportar preċedenti, intbagħat format ta’ rapportar komuni mħejji mill-Kummissjoni lill-Istati Membri biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ rapportar u jitnaqqas il-piż amministrattiv. Ħames Stati Membri
ma ppreżentawx informazzjoni rigward l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE. Il-kwalità tal-informazzjoni sottomessa minn Stati Membri oħra tvarja b’mod sinifikanti u, ħafna Stati Membri pprovdew informazzjoni skarsa u mhux kompleta
. Uħud mill-Istati Membri spjegaw li ma kienx hemm tibdil bejn iż-żewġ perjodi ta’ rapportar. Minkejja dan, hemm nuqqas ta’ data statistika aġġornata dwar il-kontrolli u l-ksur fir-rapporti sottomessi minn għadd konsiderevoli ta’ Stati Membri. Ir-rapporti l-aktar kompleti ġeneralment għandhom tendenza li jinkludu informazzjoni dwar l-organizzazzjoni istituzzjonali, l-isfidi fl-implimentazzjoni u xi data kwantitattiva. Madankollu, minħabba l-għadd sinifikanti ta’ sottomissjonijiet mhux kompleti, ir-riżultati ta’ din l-analiżi ma jistgħux jitqiesu rappreżentattivi għall-Unjoni Ewropea kollha. Mistenni li jsiru sforzi addizzjonali mill-Istati Membri għall-perjodu ta’ rapportar li jmiss fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE, li għandhom jippermettu li ssir valutazzjoni aktar komprensiva. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tieħu azzjonijiet legali kontra l-Istati Membri jekk jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżit li jissottomettu l-informazzjoni speċifikata fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi format ta’ rapportar
.
4.Aspetti ta’ implimentazzjoni fl-Istati Membri
L-ebda wieħed mill-Istati Membri li ssottometta rapport ma indika xi tibdil fil-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 2002/15/KE matul is-snin 2015-2016. B’mod ġenerali, f’ħafna mill-Istati Membri, l-aħħar emendi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali kienu relatati mal-inklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi nazzjonali tagħhom dwar il-ħin tax-xogħol fis-settur tat-trasport bit-triq, u diġà kienu rrapportati fir-rapport tal-2013-2014.
Ma ġewx identifikati tendenzi rigward il-kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni relatati mad-Direttiva 2002/15/KE. Dawn aktar kienu relatati mal-kuntesti nazzjonali u ma’ kwistjonijiet speċifiċi li qamu f’xi Stati Membri. Pereżempju, fir-rapport tagħha, l-Italja ssemmi kwistjonijiet rigward il-ħtieġa ta’ kjarifika ta’ wħud mid-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva. Dan hu relatat maż-“żmien dedikat lill-attivitajiet kollha tat-trasport bit-triq” u mal-“perjodi ta’ żmien li matulu l-ħaddiem mobbli ma jistax juża ħinu liberament”. Fir-Repubblika Ċeka, mudell tax-xogħol ġdid li bih impjegat (sewwieq) jaħdem għal żewġ impjegaturi (impriżi tat-trasport) ħoloq diffikultajiet fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Tabilħaqq, prattiki bħal dawn ġew irrapportati bħala diffiċli biex jiġu pprovati peress li intrapriża tat-trasport soġġetta għar-Regolament (KE) Nru 561/2006 biss hi meħtieġa titlob kopja ta’ rekord tal-ħin tax-xogħol mingħand impjegatur ieħor.
Fir-rigward tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva, diversi Stati Membri
enfasizzaw fuq l-importanza li jiġu pprovduti pariri u gwida lis-settur dwar kif jikkonforma mal-kumplessità tar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq. Pereżempju, il-Litwanja indikat li l-impjegaturi jingħataw gwida dwar ir-rekwiżiti u l-istruzzjonijiet. B’mod simili, l-awtoritajiet Irlandiżi jużaw approċċ gradat li jinvolvi taħlita ta’ pariri u gwida, u l-użu ta’ direzzjonijiet formali qabel ma jirrikorru għall-prosekuzzjoni. Fl-Iżvezja, matul l-ispezzjonijiet, l-awtoritajiet jippruvaw jistabbilixxu djalogu mal-impjegatur jew mas-sewwieq li jaħdem għal rasu biex jiġi żgurat li dan ikun jifhem ir-regoli u jieħu l-miżuri neċessarji biex isegwihom. Is-Slovakkja qieset li dan l-approċċ kien siewi, u rrapportat li s-sitwazzjoni fir-rigward tat-taħriġ u tal-għarfien tal-liġi fost is-sewwieqa u l-impjegaturi kienet tjiebet meta mqabbla mas-snin ta’ qabel.
Fl-aħħar nett, rigward l-interpretazzjoni ġudizzjarja mill-qrati nazzjonali, l-ebda wieħed mill-Istati Membri ma rrapporta xi deċiżjoni sinifikanti minn qorti nazzjonali li tinterpreta d-Direttiva 2002/15/KE matul l-2015-2016.
5.Reati kontra r-regoli dwar il-ħin tax-xogħol
Ċerti Stati Membri
informaw dwar il-possibbiltà fl-ewwel istanza, li tiġi ordnata r-rettifika tagħha fi ħdan perjodu definit meta jiġi identifikat ir-reat. F’każijiet li fihom in-nuqqas ma jiġix indirizzat, l-awtoritajiet tal-infurzar jipproċedu bis-sanzjonijiet rispettivi tagħhom. Dawn jikkonsistu fit-tnedija ta’ proċeduri amministrattivi fl-Awstrija u fis-Slovakkja u/jew il-ħruġ ta’ multa fl-Estonja u fil-Finlandja.
Tmien Stati Membri biss
ipprovdew data kwantitattiva dwar il-kontravvenzjonijiet identifikati, li huma saħansitra anqas mill-aħħar perjodu ta’ rapportar meta għaxar Stati Membri kienu pprovdew din l-informazzjoni. In-numru insuffiċjenti ta’ kontribuzzjonijiet ma jippermettix li tinħareġ xi konklużjoni rilevanti għall-UE kollha. Għaldaqstant, l-Istati Membri kollha huma mistiedna jinkludu din id-data fir-rapporti li jmiss.
5. Opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE
Għaxar Stati Membri biss indikaw biċ-ċar li l-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati fil-qafas ta’ dan l-eżerċizzju ta’ rapportar
. Dan in-numru hu stabbli meta mqabbel mal-aħħar rapport iżda għadu baxx meta mqabbel mas-snin ta’ qabel
. Fl-Istati Membri kollha, din il-konsultazzjoni kkonsistiet fil-kisba tal-fehmiet tar-rappreżentanti tal-impjegaturi u t-trade unions. F’sitta minn għaxar Stati Membri, is-sħab soċjali ġew ikkonsultati iżda l-fehmiet tagħhom ma ġewx inklużi f’taqsima dedikata apposta fir-rapport
. Minflok, dawn ġew inkorporati matul id-dokument jew, fi ftit każijiet, ir-rapport semma biss li s-sħab soċjali ma kellhom ebda kumment. Dan jippermetti li jkomplu jiġu analizzati l-opinjonijiet mis-sħab soċjali peress li t-tweġibiet tagħhom ma jikkostitwixxux kampjun rappreżentattiv
. Il-Kummissjoni tixtieq tfakkar lill-Istati Membri li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/15/KE jeħtieġ li huma jinkludu l-fehmiet taż-żewġ naħat tal-industrija bħala parti minn dan l-eżerċizzju ta’ rapportar.
IV. Konklużjonijiet
Matul il-perjodu 2015-2016, l-Istati Membri kollha minbarra tlieta
ssodisfaw il-livell limitu minimu tal-jiem tax-xogħol li għandhom jiġu kkontrollati. L-akbar sehem ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollati għadu jitwettaq matul kontrolli fil-ġenb tat-triq u għad li s-sehem fil-post tan-negozju qed jikber, sitta biss mit-28 Stat Membru laħqu d-distribuzzjoni meħtieġa ta’ mill-anqas 50 % tal-kontrolli fil-post tan-negozju u mill-anqas 30 % fil-ġenb tat-triq.
Id-data sottomessa mill-Istati Membri għal dan il-perjodu ta’ rapportar tikkonferma t-tendenza ta’ tnaqqis kontinwu fl-għadd ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollati. Għall-2015-2016, dan jista’ jkun spjegat primarjament minn tnaqqis sinifikanti fil-jiem tax-xogħol ikkontrollati fi Franza, fil-Ġermanja u fir-Rumanija. Dan wassal ukoll għal tnaqqis żgħir fil-medja tal-jiem tax-xogħol ikkontrollati fil-livell tal-UE.
Minkejja li l-għadd ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollati naqas ferm, in-numru ta’ reati identifikati żdied kemxejn. Iż-żieda hi fil-biċċa l-kbira dovuta għal għadd akbar ta’ reati identifikati fi Stat Membru wieħed
, iżda tista’ tfisser ukoll li l-kontrolli saru aktar effettivi b’mod ġenerali. Għall-kuntrarju tal-kontrolli fil-ġenb tat-triq, ir-rata ta’ identifikazzjoni fil-post tan-negozju żdiedet u hi d-doppju ta’ dik fil-ġenb tat-triq. Ir-rata ta’ identifikazzjoni għal kull impriża tat-trasport ikkontrollata tripplat. Din tista’ tkun effett kombinat ta’ infurzar aktar effettiv, kif ukoll ta’ aktar reati mwettqa.
Ir-rata ta’ identifikazzjoni tvarja ħafna madwar l-UE u grupp żgħir biss ta’ Stati Membri
rrapportaw aktar minn żewġ terzi tar-reati identifikati fl-UE. Ta’ min jisħaq li ċerti Stati Membri, li għandhom rati baxxi ħafna ta’ reati, huma fost is-seba’ Stati Membri bl-ogħla perċentwal ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollati.
Is-sehem tat-tipi differenti ta’ reati għadu simili meta mqabbel mal-aħħar perjodu ta’ rapportar. Madankollu, kien hemm żewġ żviluppi notevoli: l-għadd ta’ reati identifikati li jikkonċernaw il-manipulazzjoni tat-takografu żdied meta mqabbel mat-tipi l-oħra ta’ reati identifikati fil-ġenb tat-triq, u l-kontrolli fil-post tan-negozju juru li hemm żieda sinifikanti fir-reati marbuta mar-rekords tal-ħin tas-sewqan, li ma jkunux kompleti jew ikunu żbaljati. Dan jista’ jindika li l-impriżi u/jew is-sewwieqa isibu diffikultà biex jaħżnu d-data rilevanti kif xieraq. L-infurzaturi rrapportaw ukoll li multi ferm anqas severi għal rekords neqsin tal-ħinijiet meta mqabbla mal-multi għal ħinijiet tas-sewqan eċċessivi jew għal perjodi ta’ mistrieħ insuffiċjenti, jistgħu jħeġġu lis-sewwieqa u lill-operaturi jaħbu r-rekords li jistgħu jikxfu ksur li jwassal għal penali ogħla. Id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/403 fl-1 ta’ Jannar 2017 fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ ksur serju tar-regoli tal-Unjoni
, jista’ jiskoraġġixxi l-iżviluppi peress li r-rekords neqsin tal-ħinijiet tas-sewqan jiġu klassifikati bħala ksur serju ħafna u, b’hekk, dan għandu jwassal għal multi li jkunu proporzjonati għal-livell ta’ serjetà.
Iż-żieda fir-reati identifikati dwar l-użu ħażin u l-manipulazzjoni tat-takografu turi wkoll li hemm bżonn li titnieda mill-aktar fis verżjoni aktar protetta kontra t-tbagħbis tat-tagħmir ta’ reġistrazzjoni, jiġifieri t-takografu intelliġenti, li se jkun obbligatorja f’vetturi ġodda mill-15 ta’ Ġunju 2019 ’il quddiem. It-takografu intelliġenti se jkollu sett ġdid ta’ kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni li jkunu aktar avvanzati mit-takografu diġitali attwali, bħall-ġeolokalizzazzjoni satellitari jew il-komunikazzjoni fuq distanza qasira għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet tal-infurzar.
Fil-kontrolli flimkien, 15-il Stat Membru
ssodisfaw ir-rekwiżit ta’ sitt kontrolli konġunti flimkien fis-sena, li hu simili għas-sejbiet tal-aħħar rapport. B’mod ġenerali, l-Istati Membri saħqu li l-kontrolli flimkien kienu mod siewi kif jinqasmu, jinżammu u jittejbu l-għarfien espert u l-għarfien. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu jsaħħu l-isforzi tagħhom fit-titjib tal-kooperazzjoni internazzjonali. Il-proposta tal-Kummissjoni mressqa bħala parti mill-Pakkett dwar il-Mobilità I tipprevedi t-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri, li għandha twassal ukoll għal skambju aħjar tal-aħjar prattiki u tal-għarfien espert fil-qasam tal-infurzar. Din tinkludi proposta għal skambju ta’ data u ta’ informazzjoni aktar strutturat u regolari bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar rigward prattiki ta’ infurzar u l-verifika tal-konformità tal-operaturi attivi f’operazzjonijiet transfruntiera. Il-kooperazzjoni bejn l-infurzaturi u l-ispezzjonijiet konġunti huma wkoll fost il-kompiti tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol li għadha kif ġiet proposta u li għandha tgħin fil-koordinazzjoni tal-isforzi tal-Istati Membri f’dan il-qasam.
Rigward l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE dwar il-ħin tax-xogħol fis-settur tat-trasport bit-triq, in-nuqqas ta’ kompletezza tar-rapporti nazzjonali riċevuti ma kinitx tippermetti li ssir analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni tixtieq tisħaq fuq l-importanza ta’ dan l-eżerċizzju ta’ rapportar u li jistgħu jittieħdu passi legali kontra l-Istati Membri jekk jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżit li jissottomessu l-informazzjoni speċifikata fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi format ta’ rapportar
. B’mod ġenerali, l-Istati Membri ma rrapportaw ebda tibdil b’rabta ma’ emendi fil-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-ħin tax-xogħol fit-trasport bit-triq u lanqas ma rrapportaw dwar xi deċiżjoni tal-qorti fuq dawk il-kwistjonijiet. Uħud mill-Istati Membri saħqu fuq l-importanza li tingħata gwida lill-impjegaturi u lis-sewwieqa li jaħdmu għal rashom matul l-ispezzjonijiet biex ikun hemm aktar konformità. Ftit Stati Membri pprovdew il-fehmiet tas-sħab soċjali bħala parti minn dan ir-rapport u għadd żgħir ħafna ta’ Stati Membri biss ipprovda data kwantitattiva dwar il-kontrolli u r-reati marbuta mal-ħin tax-xogħol fis-settur tat-trasport bit-triq. Għaldaqstant ma kienx possibbli li jinġibdu konklużjonijiet ġenerali dwar dawn l-aspetti għall-perjodu 2015-2016 fil-livell tal-UE.