Brussell, 22.3.2024

COM(2024) 148 final

2024/0082(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-għan ta’ din il-proposta għal Regolament huwa li jiġi modifikat l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 1 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, sabiex jiżdiedu d-dazji doganali applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċereali, żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati li bħalissa huma kklassifikati taħt il-Kapitoli 10, 12, 14, 15 u 23 tan-Nomenklatura Magħquda (NM), li joriġinaw mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja jew li huma esportati minnhom. Il-proposta żżid it-tariffi tal-importazzjoni għal dawk iċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u l-prodotti derivati mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja li għalihom, fil-preżent, l-importaturi ma jħallsu l-ebda tariffa jew iħallsu tariffi baxxi. Barra minn hekk, dik il-merkanzija li toriġina mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja jew li tiġi esportata minnhom ma titħalliex ikollha aċċess għall-kwoti tariffarji tal-Unjoni.

Is-sena l-oħra, l-importazzjonijiet tal-UE ta’ ċereali, żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati mill-Federazzjoni Russa laħqu l-4,2 miljun tunnellata, b’valur ta’ EUR 1,32 biljun, skont id-data tal-Eurostat. Filwaqt li llum il-Federazzjoni Russa hija fornitur relattivament żgħir taċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati għas-suq tal-Unjoni Ewropea (UE) direttament 2 , il-Federazzjoni Russa hija produttur kbir ħafna ta’ dawk il-prodotti u esportatur ewlieni fil-livell globali, b’madwar 55 miljun tunnellata esportati lejn id-dinja fil-perjodu 2020-2022 3 . It-tariffi erga omnes tal-UE – jiġifieri t-tariffi tan-nazzjon l-aktar iffavorit (MFN) applikati bħalissa fuq iċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u l-prodotti derivati – ivarjaw ħafna. Skont il-prodott, dawn jew huma ssettjati għal żero jew huma baxxi ħafna; jew diġà huma għoljin u ma jsir l-ebda kummerċ. Għalhekk, l-importaturi taċ-ċereali, taż-żrieragħ taż-żejt u tal-prodotti derivati mill-Federazzjoni Russa bħalissa ma jħallsu l-ebda tariffa MFN, jew iħallsu tariffi baxxi tal-MFN biex jidħlu fis-suq tal-UE u dawk it-tariffi ma jirrappreżentawx xkiel sinifikanti għall-prodotti biex jidħlu fl-UE.

Meta jitqies li l-Federazzjoni Russa qed tipproduċi volumi kbar ħafna ta’ ċereali, żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati, fil-preżent, l-esportaturi mill-Federazzjoni Russa jistgħu faċilment u malajr jorjentaw mill-ġdid volumi sinifikanti ta’ provvisti lejn l-UE, u b’hekk jiġġeneraw dħul importanti mill-esportazzjoni għall-ekonomija tal-Federazzjoni Russa filwaqt li jfixklu s-suq tal-Unjoni għal dawk il-prodotti. Barra minn hekk, il-Federazzjoni Russa bħalissa qed taħtaf illegalment porzjonijiet kbar ta’ ċereali u żrieragħ taż-żejt prodotti fit-territorji tal-Ukrajna, li bħalissa qed tokkupa illegalment, u qed tgħaddi dawn il-provvisti lejn is-swieq tal-esportazzjoni tagħha bħala prodotti allegatament “Russi”. Filwaqt li huwa illegali li dawn l-esportazzjonijiet jiġu importati fl-UE 4 , dawn spiss l-ewwel jiddaħħlu fil-Federazzjoni Russa u jingħataw dokumentazzjoni falza, li jagħmilha diffiċli ħafna li sussegwentement tiġi ddeterminata l-oriġini tagħhom. Huwa għalhekk meħtieġ li jittieħdu miżuri tariffarji xierqa biex jiġi evitat li ċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u l-prodotti derivati mill-Federazzjoni Russa jkomplu jidħlu fis-suq tal-UE b’termini li huma ugwalment favorevoli għal dawk applikati għal dawk il-prodotti minn oriġini mhux preferenzjali oħra.

Dawn il-miżuri tariffarji huma mistennija jgħinu biex jipprevjenu lill-Federazzjoni Russa milli tistrumentalizza l-esportazzjonijiet tagħha ta’ ċereali, żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati biex iddgħajjef politikament u ekonomikament lill-UE billi tfixkel is-suq tal-UE u toħloq tensjonijiet u frizzjonijiet fl-UE u thedded ukoll il-funzjonament xieraq tal-Unjoni Doganali. Barra minn hekk, dawn il-miżuri tariffarji jiżguraw li l-Federazzjoni Russa ma tibbenefikax kummerċjalment minn esportazzjonijiet bħal dawn lejn l-UE. Effetti bħal dawn imorru direttament kontra l-interessi tal-UE u mhumiex konsistenti mal-liġi u l-politiki tal-UE.

Ir-Repubblika tal-Belarussja tesporta kwantitajiet limitati ta’ ċereali, żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati lejn l-UE – 610 000 tunnellata fl-2023, b’valur ta’ EUR 246 miljun – u mhijiex produttur jew esportatur importanti ta’ dawk il-prodotti. Madankollu, ir-Regolament propost ikopri wkoll ir-Repubblika tal-Belarussja fid-dawl tar-rabtiet politiċi u ekonomiċi mill-qrib tagħha mar-Russja u sabiex jiġi evitat li l-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa jgħaddu mir-Repubblika tal-Belarussja jekk it-tariffi tal-UE fuq l-importazzjonijiet ta’ merkanzija rilevanti li toriġina mir-Repubblika tal-Belarussja jew li tiġi esportata minnha jibqgħu l-istess. Minħabba t-tqarrib kontinwu u ż-żieda fil-kummerċ bejn il-Belarussja u r-Russja, huwa xieraq li għall-prodotti mir-Repubblika tal-Belarussja jiġi applikat l-istess trattament bħall-prodotti mill-Federazzjoni Russa.

Ir-Regolament propost jistabbilixxi tariffi ġodda għaċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u l-prodotti derivati li joriġinaw mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja jew li huma esportati minnhom f’livell għoli biżżejjed biex irażżan l-importazzjonijiet attwali. Kważi fil-każijiet kollha t-tariffi fuq l-esportazzjonijiet Russi u Belarussi lejn l-UE jiżdiedu jew għal EUR 95 għal kull tunnellata jew għal dazju ad valorem ta’ 50 %, skont il-prodott. Dawn jaffettwaw l-importazzjonijiet tal-UE mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja ta’ merkanzija li fl-2023 kienet tirrappreżenta 4,8 miljun tunnellata ta’ importazzjonijiet, b’valur kummerċjali ta’ EUR 1,6 biljun fl-istess sena. Sabiex jiġi evitat id-dħul ta’ ċereali, żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati li joriġinaw mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja jew li huma esportati minnhom fis-suq tal-UE bir-rati baxxi previsti skont il-kwoti tariffarji tal-UE, huwa meħtieġ ukoll li l-Federazzjoni Russa u r-Repubblika tal-Belarussja jiġu esklużi minn dawk il-kwoti, għall-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Ir-Regolament propost mhuwiex mistenni li jaffettwa b’mod negattiv is-sigurtà globali tal-ikel. L-ewwel nett, iż-żieda fit-tariffi tal-UE ma taffettwax it-tranżitu tal-prodotti Russi u Belarussi kkonċernati mit-territorju tal-UE lejn pajjiżi terzi. It-tieni nett, il-flussi kummerċjali storiċi taċ-ċereali, taż-żrieragħ taż-żejt u tal-prodotti derivati mill-Federazzjoni Russa lejn l-UE huma modesti ħafna meta mqabbla mad-daqs tal-iskambji tas-suq dinji u mhux se jkollhom impatt apprezzabbli fuq l-industrija tal-ipproċessar tal-ikel u t-trobbija tal-bhejjem tal-UE fir-rigward tal-provvisti tal-għalf. Fl-aħħar nett, iż-żieda fid-dazji tal-importazzjoni tal-UE hija mistennija li tnaqqas sostanzjalment dawn il-flussi ta’ importazzjonijiet lejn l-UE, u b’hekk fil-fatt iżżid il-kwantitajiet disponibbli ta’ ċereali, żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, b’mod partikolari lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

Bħalissa, l-Ukrajna hija t-tielet l-akbar fornitur għall-UE tal-prodotti soġġetti għaż-żieda tariffarja proposta. Dawk l-esportazzjonijiet iseħħu skont it-termini preferenzjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna u b’mod partikolari t-Titolu IV tiegħu li jistabbilixxi Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA), u msaħħa bil-miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ adottati mill-UE wara l-invażjoni illegali u mhux provokata tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa. Hekk kif il-gwerra illegali ta’ aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna neħħiet b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-Ukrajna li tkompli tesporta lejn id-dinja dak li qabel kien is-sors ewlieni tagħha ta’ dħul ekonomiku – ċereali, żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati – is-suq tal-UE baqa’ l-iżbokk ewlieni aċċessibbli għall-esportazzjoni ta’ merkanzija mill-Ukrajna minħabba t-tfixkil ta’ rotot oħra tal-esportazzjoni. Iż-żieda sostanzjali tad-dazji doganali applikabbli għal merkanzija li toriġina jew li qed tiġi esportata mill-Federazzjoni Russa, li hija kompetitur ewlieni tal-Ukrajna fis-suq tal-UE, hija konsistenti mal-opportunitajiet ta’ aċċess għas-suq importanti ħafna li l-Unjoni offriet lill-esportazzjonijiet Ukreni taċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati fis-suq tal-Unjoni. Fornituri sinifikanti oħra ta’ pajjiżi terzi li jesportaw iċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati lejn l-UE huma l-Brażil, l-Arġentina, l-Istati Uniti u l-Kanada.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Iż-żidiet fid-dazji doganali fuq iċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u l-prodotti derivati mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja li huma stabbiliti f’din il-proposta jiżguraw li l-politika Doganali tal-Unjoni, kif espressa f’dan ir-Regolament permezz tar-rati applikati tat-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni, titwettaq b’mod konsistenti mal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jipprevedi li l-Unjoni trid tiżgura l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha u bejn dawn u l-politiki l-oħra tagħha. Għalhekk, huwa meqjus xieraq li jiġu imposti tariffi miżjuda fuq iċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u l-prodotti derivati li joriġinaw mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja jew li jiġu esportati minnhom peress li tali żieda tkun konsistenti mal-miżuri restrittivi meħuda mill-Unjoni kontra dawn il-pajjiżi wara l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-appoġġ li r-Repubblika tal-Belarussja qed tkompli tipprovdi għall-aggressjoni Russa.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

Dan ir-Regolament jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana.

L-emenda hija bbażata fuq l-Artikolu 31 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprevedi li d-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni jridu jiġu stabbiliti mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax, peress li l-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni.

•Proporzjonalità

Il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati, b’mod partikolari l-ħtieġa li jiġi żgurat li ċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u l-prodotti derivati mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja ma jfixklux is-suq tal-UE għal dawk il-prodotti u l-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Doganali. Għalhekk, dawk il-prodotti jenħtieġ li ma jkollhomx aċċess għas-suq tal-UE b’termini ugwalment favorevoli għal dawk it-termini li japplikaw għall-importazzjonijiet ta’ ċereali minn pajjiżi terzi u oriġini oħrajn. Il-proporzjonalità hija żgurata mill-fatt li l-proposta tipprevedi li jiżdiedu d-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni applikabbli għall-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja għal-linji tariffarji taċ-ċereali, taż-żrieragħ taż-żejt u tal-prodotti derivati fejn dawk it-tariffi bħalissa huma stabbiliti għal żero, jew huma baxxi. Fl-istess ħin, iż-żieda hija mistennija li tnaqqas il-kapaċità tal-Federazzjoni Russa u tar-Repubblika tal-Belarussja li jfixklu l-funzjonament korrett tas-swieq tal-ikel tal-UE. Iż-żieda proposta fit-tariffi u l-projbizzjoni tal-aċċess għall-kwoti tariffarji tal-Unjoni jillimitaw id-drittijiet fundamentali biss sa fejn meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tagħha.

•Għażla tal-istrument

Din il-proposta tipprevedi l-emendar tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post / verifiki tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli.

•Valutazzjoni tal-impatt

Fid-dawl tal-invażjoni li għaddejja tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa u l-kapaċità attwali tal-Federazzjoni Russa li tuża l-esportazzjoni tagħha ta’ ċereali, żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati sabiex iddgħajjef l-unità tal-UE fl-appoġġ lill-Ukrajna u biex tiddestabbilizza s-suq tal-UE ta’ dawk il-prodotti, kif ukoll fid-dawl tal-appoġġ tar-Repubblika tal-Belarussja għall-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa, huwa importanti li r-Regolament jidħol fis-seħħ b’mod urġenti sabiex jiżdiedu malajr kemm jista’ jkun ir-rati tad-dazju applikabbli għall-prodotti kkonċernati mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja. Għalhekk, ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt għal dan ir-Regolament. Madankollu, huwa mistenni li l-miżura proposta se tnaqqas b’mod sinifikanti l-importazzjoni fl-UE tal-prodotti kkonċernati li joriġinaw mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja, jew li huma esportati minnhom, u li dan se jirriżulta f’aktar diversifikazzjoni lil hinn mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja f’dak li għandu x’jaqsam mal-importazzjoni ta’ dawk il-prodotti.

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-miżura ma żżidx il-piż regolatorju tal-kumpaniji b’mod sproporzjonat.

•Drittijiet fundamentali

Il-proposta hija koerenti mal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u hija konsistenti mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Meta l-impożizzjoni ta’ dazji fuq l-importazzjoni taffettwa, fl-Unjoni, il-libertà li wieħed jidħol f’kummerċ internazzjonali bħala parti mil-libertà tal-attività professjonali, id-dritt tal-proprjetà jew drittijiet fundamentali oħra inkluż it-trattament ugwali, din titqies bħala azzjoni leġittima mill-Unjoni skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan għaliex din l-azzjoni tittieħed f’konformità mar-rekwiżiti li l-azzjoni trid tittieħed abbażi ta’ bażi legali xierqa, mill-awtoritajiet kompetenti, sabiex jintlaħaq objettiv leġittimu li jitqiegħdu fi żvantaġġ kummerċjali l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja biex jiġi evitat taqlib serju fis-swieq rilevanti u biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Unjoni Doganali konsistenti mal-miżuri attwali tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, u f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. B’mod speċifiku, fir-rigward tat-trattament ugwali, dazji miżjuda ta’ importazzjoni huma imposti fuq importaturi ta’ ċereali, żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati li joriġinaw mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja, jew li huma esportati minnhom, iżda mhux fuq importaturi ta’ prodotti li la joriġinaw mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja u lanqas ma huma esportati minnhom. Dan iwieġeb għal objettiv leġittimu ta’ politika tal-Unjoni li tipproteġi s-swieq tal-Unjoni kontra użu possibbli tal-kummerċ fi prodotti kkonċernati mill-Federazzjoni Russa u r-Repubblika tal-Belarussja biex jiddestabbilizzaw l-UE.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa u għandha impatt finanzjarju limitat ħafna fuq id-dħul. Il-ġbir ta’ dazji doganali miżjuda li jikkorrispondu għaż-żidiet proposti huwa mistenni li jkun minimu, qrib iż-żero. Dan minħabba li l-importazzjonijiet attwali ta’ ċereali, żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja huma fil-biċċa l-kbira kkonċentrati fuq prodotti b’dazju żero jew baxx ħafna tal-MFN, filwaqt li ż-żieda proposta fid-dazji x’aktarx tnaqqas il-flussi tal-importazzjoni mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja għal volumi negliġibbli.

Għall-kuntrarju, jista’ jkun mistenni xi telf meta mqabbel mar-riżorsi proprji l-aktar reċenti ġġenerati għall-baġit tal-UE – EUR 15,77 miljun, fl-2023. Il-valur eżatt tat-telf tal-baġit se jiddependi fuq kif se jiġu sostitwiti l-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa. Jiġifieri, l-importazzjonijiet sostitwiti bi produzzjoni domestika tal-UE jew b’importazzjonijiet preferenzjali, b’mod partikolari mill-Ukrajna, se jirriżultaw f’telf ta’ riżorsi proprji, filwaqt li l-importazzjonijiet sostitwiti b’żieda fl-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għajr il-Federazzjoni Russa jew ir-Repubblika tal-Belarussja li mhumiex sħab preferenzjali, se jkomplu jiġġeneraw l-istess livell ta’ Tariffi Doganali Komuni bħal dawk attwalment iġġenerati mill-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja, u għalhekk mhux se jirriżultaw f’telf ta’ riżorsi proprji. Għalhekk, l-effett fuq ir-riżorsi proprji tradizzjonali tal-baġit tal-UE huwa stmat għal telf ta’ massimu ta’ EUR 15,77 miljun (jiġifieri 75 % tad-dħul totali mit-tariffi ta’ EUR 21 miljun) fix-xenarju ta’ sostituzzjoni sħiħa tal-importazzjonijiet eżistenti tal-UE mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja bil-produzzjoni domestika tal-UE u l-importazzjonijiet minn sħab preferenzjali. It-telf ta’ dħul f’riżorsi proprji tradizzjonali se jiġi kkumpensat mill-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-Istati Membri fuq il-bażi tal-kontribuzzjonijiet tar-riżorsi.

Id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva tistabbilixxi l-implikazzjonijiet baġitarji tal-proposta f’aktar dettall.

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Rappurtar online dwar l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet tal-UE ta’ ċereali, żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja huwa disponibbli permezz ta’ siti web apposta tal-Kummissjoni Ewropea (Eurostat).

•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Ir-Regolament propost jipprevjeni ċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u l-prodotti derivati mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja milli jaċċessaw is-suq tal-UE b’termini favorevoli daqs prodotti minn oriġini oħra, billi jgħolli d-dazji tal-importazzjoni fuq dawk iċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u l-prodotti derivati kollha li għalihom illum it-tariffi tal-importazzjoni tal-UE huma stabbiliti għal żero jew huma baxxi ħafna, għal livell ogħla ta’ EUR 95/t jew dazju ad valorem ta’ 50 %, skont in-natura tal-prodott (EUR 95/t għaċ-ċereali; dazju ad valorem ta’ 50 % għaż-żrieragħ taż-żejt u għall-prodotti derivati li huma riżultat ta’ konċentrazzjoni tal-prodott bażiku). Barra minn hekk, dik il-merkanzija li toriġina mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja jew li tiġi esportata minnhom ukoll ma titħalliex ikollha aċċess għall-kwoti tariffarji tal-Unjoni. Dawk il-kwoti tariffarji jipprovdu aċċess għas-suq tal-UE f’livell tariffarju aktar baxx mit-tariffi l-ġodda proposti.

2024/0082 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-importazzjonijiet tal-Unjoni ta’ ċereali, żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati żdiedu b’mod sinifikanti mill-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa fit-22 ta’ Frar 2022.

(2)Bħalissa l-Federazzjoni Russa għadha fornitur relattivament żgħir taċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u l-prodotti derivati tagħhom għas-suq tal-Unjoni. Madankollu, il-Federazzjoni Russa hija produttur u esportatur dinji ewlieni taċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati. Minħabba l-volumi attwali tagħha ta’ esportazzjonijiet lejn id-dinja, il-Federazzjoni Russa tista’ faċilment u malajr torjenta mill-ġdid volumi sinifikanti ta’ provvisti lejn l-UE, u b’hekk tikkawża influss f’daqqa ta’ prodotti mill-ħażniet kbar eżistenti tagħha, u b’hekk tfixkel is-swieq taċ-ċereali, taż-żrieragħ taż-żejt u tal-prodotti derivati tal-Unjoni. Barra minn hekk, hemm evidenza li l-Federazzjoni Russa bħalissa qiegħda taħtaf illegalment porzjonijiet kbar ta’ ċereali u żrieragħ taż-żejt prodotti f’territorji tal-Ukrajna li hija tokkupa illegalment u qed tidderiġihom lejn is-swieq tal-esportazzjoni tagħha bħala prodotti allegatament Russi.

(3)Id-dazji doganali komuni erga omnes tal-Unjoni huma t-tariffi tan-nazzjon l-aktar iffavorit (MFN) applikati bħalissa fuq l-importazzjonijiet taċ-ċereali, taż-żrieragħ taż-żejt u tal-prodotti derivati u dawn ivarjaw ħafna. Skont il-prodott, dawk it-tariffi jew huma stabbiliti għal żero jew huma baxxi ħafna, jew diġà huma għoljin u ma jsir l-ebda kummerċ.

(4)Huwa meħtieġ li jittieħdu miżuri tariffarji xierqa sabiex jiġi evitat li ċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u l-prodotti derivati mill-Federazzjoni Russa jkomplu jidħlu fis-suq tal-Unjoni b’termini li jkunu ugwalment favorevoli għal dawk il-prodotti minn oriġini mhux preferenzjali oħra. Dawk il-miżuri tariffarji huma mistennija li jikkontribwixxu biex jipprevjenu lill-Federazzjoni Russa milli tuża l-esportazzjonijiet tagħha ta’ ċereali, żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati lejn l-Unjoni biex iddgħajjifha politikament u ekonomikament billi tidderieġi kwantitajiet sinifikanti tal-prodotti inkwistjoni lejn l-Unjoni, u b’hekk tfixkel is-suq tal-Unjoni għal dawk il-prodotti, toħloq tensjonijiet u frizzjonijiet soċjetali fl-Unjoni u thedded il-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Doganali. Tali theddid jenħtieġ li jitqies skont l-Artikolu 32(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, jenħtieġ li jittieħdu miżuri biex jiġi evitat tfixkil serju fl-ekonomiji tal-Istati Membri skont l-Artikolu 31 tiegħu.

(5)L-istess miżuri tariffarji jenħtieġ li jittieħdu simultanjament fir-rigward tar-Repubblika tal-Belarussja sabiex jiġi evitat li l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mill-Federazzjoni Russa jgħaddu mir-Repubblika tal-Belarussja, minħabba r-rabtiet politiċi u ekonomiċi mill-qrib tagħha mar-Russja, jekk it-tariffi tal-UE fuq l-importazzjonijiet ta’ merkanzija rilevanti mir-Repubblika tal-Belarussja jibqgħu l-istess. 

(6)Għaldaqstant, l-importazzjonijiet ta’ ċereali, żrieragħ taż-żejt u prodotti derivati li joriġinaw mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja, jew li huma esportati minnhom, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal dazji doganali ogħla minn importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, kull meta d-dazji doganali applikabbli bħalissa jkunu stabbiliti għal żero jew ma jkunux għoljin biżżejjed.

(7)Barra minn hekk, il-Federazzjoni Russa u r-Repubblika tal-Belarussja jenħtieġ li ma jibbenefikawx mill-kwoti tariffarji tal-Unjoni fuq termini tat-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit. Għalhekk, jenħtieġ li r-rati mnaqqsa stabbiliti fil-kwoti tariffarji tal-Unjoni għall-prodotti stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament ma japplikawx għall-prodotti li joriġinaw jew li jiġu esportati mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja lejn l-Unjoni.

(8)Iż-żieda prevista fid-dazji doganali mhijiex mistennija li taffettwa b’mod negattiv is-sigurtà globali tal-ikel peress li ma taffettwax it-tranżitu tal-prodotti kkonċernati mit-territorju tal-Unjoni lejn pajjiżi terzi tad-destinazzjoni finali; għall-kuntrarju, iż-żieda fid-dazji tal-importazzjoni tal-Unjoni tista’ twassal għall-esportazzjoni ta’ dawk il-prodotti lejn pajjiżi terzi u żżid id-disponibbiltà tal-provvisti.

(9)Iż-żieda fid-dazji doganali hija konsistenti mal-azzjoni esterna tal-Unjoni f’oqsma oħra, kif meħtieġ mill-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-istat tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Federazzjoni Russa żviluppa b’mod negattiv ħafna matul dawn l-aħħar snin, b’deterjorament partikolari matul l-aħħar sentejn minħabba n-nuqqas ta’ rispett sfaċċat tal-Federazzjoni Russa għad-dritt internazzjonali u, b’mod partikolari, l-invażjoni sħiħa mhux provokata u mhux ġustifikata tagħha tal-Ukrajna. Minn Lulju 2014, l-Unjoni imponiet progressivament miżuri restrittivi kontra l-Federazzjoni Russa.

(10)Filwaqt li l-Federazzjoni Russa hija Membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, l-Unjoni hija ħielsa, bis-saħħa tal-eċċezzjonijiet li japplikaw skont il-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u b’mod partikolari l-Artikolu XXI tal-GATT 1994 (eżenzjonijiet tas-sigurtà), mill-obbligu li tagħti lill-prodotti importati mill-Federazzjoni Russa l-vantaġġi mogħtija lil prodotti simili importati minn pajjiżi oħra (it-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit).

(11)Is-sitwazzjoni bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Belarussja ddeterjorat ukoll matul dawn l-aħħar snin, minħabba n-nuqqas ta’ rispett tar-reġim għad-dritt internazzjonali, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u l-appoġġ tiegħu għall-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna. Minn Ottubru 2020, l-Unjoni imponiet progressivament miżuri restrittivi kontra r-Repubblika tal-Belarussja.

(12)Peress li r-Repubblika tal-Belarussja mhijiex Membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, l-Unjoni mhijiex obbligata, bis-saħħa tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li tagħti lil prodotti mir-Repubblika tal-Belarussja trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit. Barra minn hekk, il-ftehimiet kummerċjali eżistenti jippermettu azzjonijiet ġustifikati abbażi ta’ klawżoli ta’ eċċezzjoni applikabbli, b’mod partikolari eċċezzjonijiet ta’ sigurtà.

(13)Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, huwa meħtieġ u xieraq, biex jintlaħaq l-għan bażiku li jiġi żgurat li ċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u l-prodotti derivati mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja ma jfixklux is-suq tal-UE għal dawk il-prodotti u l-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Doganali, li jiġu stabbiliti regoli li jżidu t-tariffi fuq dawk il-prodotti b’effett immedjat. Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi segwiti skont l-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President
   […]

RAPPORT FINANZJARJU LEĠIŻLATTIV

ISEM IL-PROPOSTA:

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana.

LINJI BAĠITARJI:

Kapitolu u Artikolu: Il-Kapitolu 12, l-Artikolu 120

Ammont ibbaġittjat għas-sena 2024: EUR 24 620 400 000

IMPATT FINANZJARJU:

◻    Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja

X    Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul mir-riżorsi proprji tradizzjonali, għar-raġunijiet li ġejjin:

Fl-2023, il-valur totali tal-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja tal-kodiċijiet NM fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li huma soġġetti għaż-żieda proposta, kien ta’ aktar minn EUR 1,57 biljun. Minn dawn, l-importazzjonijiet fuq linji dazjabbli kienu ta’ EUR 338 miljun. Il-biċċa l-kbira ta’ dawk l-importazzjonijiet (EUR 83,4 miljun) saru taħt il-kodiċi NM 1514 11 90 li huwa soġġett għal tariffa ta’ 6,4 %. Saru wkoll importazzjonijiet sinifikanti għall-kodiċi NM 1518 00 95 (EUR 77,3 miljun) li huwa soġġett għal dazju ta’ 2 % u għall-kodiċi NM 2309 90 91 (EUR 76,4 miljun) li huwa soġġett għal tariffa ad valorem ta’ 12 %. EUR 32,4 miljun oħra ġew importati taħt il-kodiċi NM 2308 00 90 li huwa soġġett għal tariffa ad valorem ta’ 1,6 %. Barra minn hekk, għall-kodiċi NM 1008 10 00 l-UE importat 14 760 tunnellata fl-2023, soġġett għal tariffa ta’ EUR 37/t, filwaqt li għall-kodiċi NM 1008 29 00 l-importazzjonijiet tal-UE ammontaw għal 10 005 tunnellati, soġġetti għal tariffa ta’ EUR 56/t. L-importazzjonijiet taħt il-kodiċi NM 1003 90 00 kienu jirrappreżentaw 54 706 tunnellata, soġġetti għal rata fil-kwota tad-WTO ta’ EUR 62,25/t. Kodiċijiet NM oħrajn huma wkoll soġġetti għal dazji, iżda għal valuri ħafna aktar baxxi, u d-dazji massimi mitlufa għal dawn il-kodiċijiet NM huma kkalkulati hawn taħt, fl-aħħar pakkett.

Malli jiżdiedu t-tariffi minn dan ir-Regolament, dawn il-flussi kummerċjali huma mistennija li jonqsu b’mod konsiderevoli jew saħansitra jieqfu. Fir-rigward tal-ġbir ta’ dazji doganali miżjuda li jikkorrispondu għaż-żidiet proposti fuq dik il-merkanzija li llum hija soġġetta għal tariffi żero jew baxxi ħafna, dawn huma mistennija li jkunu minimi, qrib iż-żero, peress li l-ebda flussi kummerċjali ma huma mistennija li jibqgħu jeżistu, minħabba ż-żieda fil-livelli tat-tariffi.

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, l-impatt fuq it-telf tad-dħul għall-baġit tal-UE li jirriżulta minn dan ir-Regolament huwa stmat għal massimu ta’ EUR 15,77 miljun fis-sena: [(EUR 6,7 miljun + EUR 2,11 miljun + EUR 9,17 miljun + EUR 0,88 miljun + EUR 0,52 miljun + EUR 0,53 miljun + EUR 0,55 miljun + EUR 0,56 miljun) = EUR 21,03 miljun f’ammont gross, inklużi l-ispejjeż tal-ġbir) x 0,75] 5 .

Għall-2024, l-impatt fuq it-telf tad-dħul tar-riżorsi proprji tradizzjonali għall-baġit tal-UE huwa stmat għal nofs l-ammont imsemmi hawn fuq, jiġifieri EUR 7,9 miljun.

It-telf ta’ dħul f’riżorsi proprji tradizzjonali se jiġi kkumpensat mill-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-Istati Membri fuq il-bażi tal-kontribuzzjonijiet tar-riżorsi.

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju, 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, ĠU L 256, 7.9.1987.
(2)    1 % biss tal-konsum tal-UE huwa importat mir-Russja, skont id-data uffiċjali tal-UE dwar il-kummerċ u l-produzzjoni (2023).
(3)    Data tal-OECD/FAO
(4)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/263 tat-23 ta’ Frar 2023 dwar miżuri restrittivi b’reazzjoni għar-rikonoxximent, l-okkupazzjoni jew l-annessjoni illegali mill-Federazzjoni Russa ta’ ċerti żoni tal-Ukrajna mhux ikkontrollati mill-gvern.
(5)    Kull pakkett jikkorrispondi għad-dazji mitlufa tal-kodiċijiet NM elenkati hawn fuq, fl-ordni li fih jidhru.