SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

8 ta’ Mejju 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Proġetti elenkati fl-Anness II – Determinazzjoni tal-proġetti li għandhom jiġu sottomessi għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (verifika preliminari) – Artikolu 9a – Prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess – Kumulu ta’ funzjonijiet tal-iżviluppatur u tal-awtorità kompetenti sabiex tipproċedi għal din id-determinazzjoni – Separazzjoni adegwata bejn il-funzjonijiet kunfliġġenti”

Fil-Kawża C‑236/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Marzu 2024, fil-proċedura

Provincie Oost-Vlaanderen,

Sogent

vs

KG,

WA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, A. Kumin, I. Ziemele u S. Gervasoni (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Provincie Oost-Vlaanderen u Sogent, minn T. Quintens u S. Ronse, advocaten,

–

għal KG u WA, minn J. De Staercke, advocaat,

–

għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Noll-Ehlers u G. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9a tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 124, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2011/92”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-Provincie Oost-Vlaanderen (provinċja ta’ Vlaanderen tal-Lvant, il-Belġju) u Sogent u, min-naħa l-oħra, KG u WA, dwar awtorizzazzjoni, mogħtija għal proġett ta’ konverżjoni mill-ġdid f’sit ta’ ħasil tal-ħwejjeġ.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2011/92

3

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/92 jipprevedi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, Stati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġett għandux jiġi soġġett għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik iddeterminazzjoni permezz ta’:

(a)

eżami każ b’każ,

jew

(b)

livelli jew kriterji stabbiliti mill-Istat Membru.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b).

[…]

4.   Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jeħtieġu determinazzjoni għal proġetti elenkati fl-Anness II, l-iżviluppatur għandu jipprovdi tagħrif dwar il-karatteristiċi tal-proġett u l-effetti sinifikattivi li dan x’aktarx ikollu fuq l-ambjent. […]

5.   L-awtorità kompetenti għandha tagħmel id-determinazzjoni tagħha, abbażi tat-tagħrif ipprovdut mill-iżviluppatur f’konformità mal-paragrafu 4 filwaqt li tqis, meta jkun rilevanti, ir-riżultati ta’ verifiki preliminari jew valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa b’mod konformi ma’ leġislazzjoni tal-Unjoni barra minn din id-Direttiva Id-determinazzjoni għandha ssir disponibbli għall-pubbliku u:

(a)

fejn jiġi deċiż li hija meħtieġa valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, tiddikjara r-raġunijiet prinċipali għaliex kienet meħtieġa tali valutazzjoni b’riferiment għall-kriterji rilevanti elenkati fl-Anness III; jew

(b)

fejn jiġi deċiż li mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, tiddikjara r-raġunijiet prinċipali għaliex ma kinitx meħtieġa tali valutazzjoni b’riferiment għall-kriterji rilevanti elenkati fl-Anness III, u fejn proposta mill-iżviluppatur, tiddikarja kwalunkwe element tal-proġett u/jew miżura previsti sabiex jiġu evitati jew impediti dawk li jistgħu altrimenti jkunu effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent.

[…]”

4

L-Artikolu 9a tad-Direttiva 2011/92 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kompiti li jirriżultaw minn din id-Direttiva b’mod oġġettiv u ma jsibux ruħhom f’sitwazzjoni li tagħti lok għal kunflitt ta’ interess.

Fejn l-awtorità kompetenti hija wkoll l-iżviluppatur, l-Istati Membri għandhom tal-anqas jimplimentaw, fl-ambitu tal-organizzazzjoni tagħhom tal-kompetenzi amministrattivi, separazzjoni xierqa bejn il-funzjonijiet kunfliġġenti meta jkunu qed iwettqu l-kompiti li jirriżultaw minn din id-Direttiva.”

Id‑Direttiva 2014/52

5

Il-premessi 25 u 26 tad-Direttiva 2014/52 jistipulaw:

“(25)

L-imparzjalità tal-awtoritajiet kompetenti għandha tiġi żgurata. Il-kunflitti ta’ interess jistgħu jiġu evitati, fost oħrajn, permezz tas-separazzjoni funzjonali bejn l-awtorità kompetenti u l-iżviluppatur. F’każijiet fejn l-awtorità kompetenti hija wkoll l-iżviluppatur, l-Istati Membri għandhom tal-anqas iwettqu, fl-ambitu tal-organizzazzjoni tagħhom tal-kompetenzi amministrattivi, separazzjoni xierqa bejn il-funzjonijiet kunfliġġenti ta’ dawk l-awtoritajiet li jwettqu kompiti li jirriżultaw mid-Direttiva [2011/92].

(26)

Sabiex l-awtorità kompetenti tkun tista’ tiddetermina jekk il-proġetti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva [2011/92], il-modifiki jew l-estensjonijiet tagħhom, għandhomx ikunu soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent (proċedura ta’ ‘screening’), it-tagħrif li l-iżviluppatur huwa marbut li jipprovdi għandu jiġi speċifikat, b’mod li jiffoka fuq l-aspetti ewlenin li huma meħtieġa biex l-awtorità kompetenti tasal għad-determinazzjoni tagħha.[…]”

Id‑dritt Belġjan

Id-Digriet li jinkludi Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar il-Politika tal-Ambjent

6

L-Artikolu 4.3.3(2) tad-decreet houdende algemene bepalingen inzake milieubeleid (id-Digriet li jinkludi Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar il-Politika tal-Ambjent), tal‑5 ta’ April 1995 (Belgisch Staatsblad, 3 ta’ Ġunju 1998, p. 15971), jipprovdi:

“Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4.3.2(2a) u (3a), li għalihom tkun ġiet stabbilita nota ta’ [verifika preliminari tal-effetti tal-proġett fuq l-ambjent], l-awtorità li tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà u l-kompletezza tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni […] għandha tieħu deċiżjoni dwar in-neċessità li jiġi stabbilit [rapport ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent]. […]

[…]”

Id-Digriet dwar il-Permess Ambjentali

7

L-Artikolu 9(2) tad-decreet betreffende de omgevingsvergunning (id-Digriet dwar il-Permess Ambjentali), tal‑25 ta’ April 2014 (Belgisch Staatsblad, 23 ta’ Ottubru 2014, p. 82132), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar il-Permess Ambjentali”), jipprevedi:

“L-uffiċjal ambjentali komunali għandu jeżerċita l-kompiti msemmija f’dan id-digriet, b’mod indipendenti u newtrali. Huwa ma għandux ikun suġġett għal preġudizzju għat-twettiq ta’ dawn il-kompiti.”

8

L-Artikolu 15/1 ta’ dan id-digriet, li jittrasponi l-Artikolu 9a tad-Direttiva 2011/92, jipprovdi:

“Għall-għarfien u d-deċiżjoni dwar applikazzjoni għal permess għal proġett jew għall-modifika ta’ proġett, li għalihom, skont l-Artikolu 15, il-Kulleġġ tas-Sindki u l-Kunsilliera huwa kompetenti, id-deputazzjoni hija madankollu kompetenti, jekk jiġu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

1 għandu jitfassal rapport ta’ evalwazzjoni tal-effetti ambjentali u ma tkun inkisbet l-ebda eżenzjoni għall-obbligu li jitwettaq rapport għall-proġett;

2 il-Kulleġġ tas-Sindki u l-Kunsilliera huwa l-oriġinatur u l-applikant tal-proġett.

Għall-għarfien u d-deċiżjoni dwar applikazzjoni għal permess għal proġett jew għall-modifika ta’ proġett, li għalihom, skont l-Artikolu 15, id-deputazzjoni hija kompetenti, il-Gvern Fjamming huwa madankollu kompetenti, jekk jiġu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

1 għandu jitfassal rapport ta’ evalwazzjoni tal-effetti ambjentali u ma tkun inkisbet l-ebda eżenzjoni għall-obbligu li jitwettaq rapport għall-proġett;

2 id-deputazzjoni hija l-oriġinatur u l-applikant tal-proġett.”

9

L-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Jekk, skont l-Artikolu 4.3.3 (2) tad-[Digriet li jinkludi Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar il-Politika tal-Ambjent tal‑5 ta’ April 1995], l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tinkludi nota ta’ [verifika preliminari tal-effetti tal-proġett fuq l-ambjent], l-awtorità kompetenti, imsemmija fl-Artikolu 15, jew l-uffiċjal ambjentali komunali, provinċjali jew reġjonali għandhom jeżaminaw din in-nota u jieħdu deċiżjoni dwar in-neċessità li tiġi stabbilita evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għall-proġett.

Jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mill-awtorità kompetenti nnifisha, l-uffiċjal ambjentali komunali, provinċjali jew reġjonali għandu jwettaq il-kompiti msemmija fl-ewwel paragrafu.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Sogent, korp pubbliku b’personalità ġuridika, ikkostitwit mill-belt ta’ Gent (il-Belġju), ressaq quddiem il-college van burgemeester en schepenen (il-Kulleġġ tas-Sindki u l-Kunsilliera, il-Belġju) ta’ din il-belt applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għat-twettiq ta’ proġett ta’ konverżjoni ta’ sit ta’ ħasil tal-ħwejjeġ. Ma’ din it-talba hija hemżet nota ta’ verifika preliminari dwar l-effetti mistennija ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent, intiża sabiex jiġi evalwat jekk dan kellux jiġi suġġett għal evalwazzjoni ambjentali.

11

Fl‑1 ta’ Settembru 2020, l-aġent tal-belt ta’ Gent responsabbli għall-ambjent qies li l-imsemmi proġett ma kellux effett sinjifikattiv mistenni fuq l-ambjent u li għalhekk ma kienx neċessarju li jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent. Fl‑10 ta’ Diċembru 2020, il-Kulleġġ tas-Sindki u l-Kunsilliera tal-belt ta’ Gent ta l-awtorizzazzjoni mitluba lil Sogent.

12

KG u WA, proprjetarji ta’ bini ġar tas-sit ikkonċernat mill-istess proġett, ippreżentaw rikors amministrattiv kontra din l-awtorizzazzjoni quddiem il-provinċja ta’ Vlaanderen tal-Lvant. Fit‑3 ta’ Ġunju 2021, din tal-aħħar ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat.

13

KG u WA ppreżentaw rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem ir-Raad voor Vergunningsbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Permessi, il-Belġju). Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2022, dan tal-aħħar iddikjara dan ir-rikors fondat, annulla l-imsemmija deċiżjoni u rrifjuta l-għoti tal-imsemmija awtorizzazzjoni. Huwa kkunsidra li l-istess deċiżjoni kienet tmur kontra l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15/1 u l-Artikolu 20 tad-Digriet dwar il-Permess Ambjentali kif ukoll l-Artikolu 9a tad-Direttiva 2011/92. Fil-fehma tiegħu, peress li l-Kulleġġ tas-Sindki u l-Kunsilliera tal-belt ta’ Ghent kien ukoll żviluppatur “de facto” tal-proġett ikkonċernat, huwa rrikonoxxa b’mod żbaljat li huwa kellu kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni inkwistjoni, peress li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15/1 tad-Digriet dwar il-Permess Ambjentali, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 9a tad-Direttiva 2011/92, kien jagħti din il-kompetenza lid-deputatie van de Provincie Oost-Vlaanderen (deputazzjoni tal-provinċja ta’ Vlaanderen tal-Lvant, il-Belġju) biss.

14

Il-provinċja ta’ Vlaanderen tal-Lvant u Sogent ippreżentaw appelli ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), li huwa l-qorti tar-rinviju.

15

Ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iqis li l-analiżi adottata fl-imsemmija sentenza tmur kontra l-Artikolu 15/1 tad-Digriet dwar il-Permess Ambjentali.

16

Il-qorti tar-rinviju tqis li minn dan l-artikolu jirriżulta li d-deputazzjoni tieħu konjizzjoni, minflok il-Kulleġġ tas-Sindki u l-Kunsilliera, ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett biss meta ikun diġà stabbilit fil-mument ta’ din it-talba, li l-proġett ikkonċernat għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent. Min-naħa l-oħra, meta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ proġett timplika, fl-ewwel lok, verifika preliminari sabiex jiġi evalwat jekk dan għandux jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, l-uffiċjal komunali responsabbli għall-ambjent ikun kompetenti.

17

Dik il-qorti tqis għalhekk li, fil-każ li l-Artikolu 9a tad-Direttiva 2011/92 jipprekludi li tali kompetenza tingħata lill-uffiċjal komunali responsabbli għall-ambjent għall-proġetti li fihom il-komun huwa wkoll l-iżviluppatur, dan l-artikolu ma jkunx ġie traspost b’mod korrett fir-Reġjun ta’ Vlaanderen.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 9a tad-[Direttiva 2011/92] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każijiet meta l-awtorità kompetenti tkun ukoll l-iżviluppatur, separazzjoni adegwata bejn funzjonijiet kunfliġġenti fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mid-Direttiva 2011/92 għandha tiġi applikata wkoll għall-evalwazzjoni ta’ jekk il-proġetti msemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva humiex suġġetti għal evalwazzjoni konformement mal-Artikoli 5 sa 10 tal-imsemmija direttiva?”

Fuq id‑domanda preliminari

19

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9a tad-Direttiva 2011/92 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità kompetenti sabiex tiddetermina jekk proġett imsemmi fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, konformement mal-Artikoli 5 sa 10 tal-imsemmija direttiva, hija wkoll l-iżviluppatur tal-proġett ikkonċernat, għandha tal-inqas tiġi applikata separazzjoni xierqa bejn il-funzjonijiet kunfliġġenti waqt it-twettiq ta’ dan il-kompitu.

20

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92 jirrigwarda l-proġetti elenkati fl-Anness II ta’ din id-direttiva. F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax taħt dan l-anness.

21

Għandu jitfakkar ukoll li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-għan tal-att li minnu hija tagħmel parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele), C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 37).

22

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 9a tad-Direttiva 2011/92, dan l-artikolu jipprevedi, minn naħa, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kompiti li jirriżultaw minn din id-direttiva b’mod oġġettiv u ma jkunux f’pożizzjoni li tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi, u, min-naħa l-oħra, fit-tieni paragrafu tiegħu, li, fil-każ partikolari fejn l-awtorità kompetenti tkun ukoll l-iżviluppatur, l-Istati Membri għandhom japplikaw mill-inqas, fl-organizzazzjoni tagħhom tal-kompetenzi amministrattivi, separazzjoni xierqa bejn il-funzjonijiet kunfliġġenti fit-twettiq tal-kompiti tal-imsemmija direttiva.

23

L-imsemmi artikolu jirrigwarda għalhekk, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni paragrafu tiegħu, il-“kompiti li jirriżultaw [mid-Direttiva 2011/92]”.

24

Issa, meta l-awtorità kompetenti tiddetermina jekk proġett imsemmi fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, fil-kuntest ta’ proċedura li l-premessa 26 tad-Direttiva 2014/52 tikklassifika bħala “‘screening’”, hija twettaq kompitu li jirriżulta mill-imsemmija direttiva.

25

Għaldaqstant, mill-kliem tal-Artikolu 9a tad-Direttiva 2011/92 jirriżulta li dan japplika għal din il-proċedura ta’ verifika preliminari.

26

Fit-tieni lok, din l-analiżi hija sostnuta mill-kuntest li jagħmel parti minnu dan l-artikolu.

27

L-ewwel nett, il-premessa 25 tad-Direttiva 2014/52 tistabbilixxi, fi kliem identiku li s-separazzjoni xierqa bejn il-funzjonijiet kunfliġġenti tikkonċerna l-awtoritajiet li jwettqu “l-kompiti li jirriżultaw mid-Direttiva [2011/92]”, mingħajr ma teskludi l-applikabbiltà ta’ dan ir-rekwiżit għall-imsemmija proċedura ta’ verifika preliminari.

28

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva 2011/92 jirreferi, minn naħa waħda, fil-paragrafu 1 tiegħu, għall-proġetti mniżżla fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, li l-Istati Membri għandhom jissuġġettaw għall-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent u, min-naħa l-oħra, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-proġetti mniżżla fl-Anness II tal-istess direttiva, li għalihom l-Istati Membri jistabbilixxu jekk għandhomx ikunu ssuġġettati għal tali evalwazzjoni.

29

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2011/92, meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jeħtieġu determinazzjoni għal proġetti elenkati fl-Anness II ta’ din id-direttiva, l-iżviluppatur għandu jipprovdi tagħrif dwar il-karatteristiċi tal-proġett u l-effetti sinjifikattivi li dan x’aktarx ikollu fuq l-ambjent. Skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, l-awtorità kompetenti għandha tiddetermina, abbażi ta’ din l-informazzjoni, jekk il-proġett għandux jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

30

F’dan il-kuntest, in-neċessità li tiġi żgurata l-koerenza fl-applikazzjoni tal-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 9a tad-Direttiva 2011/92 tippreżupponi li l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi b’mod oġġettiv u ma tinsabx f’pożizzjoni li tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżviluppatur li jipprovdi lil din l-awtorità l-informazzjoni li abbażi tagħha hija għandha tiddeċiedi, kemm matul il-proċedura ta’ verifika preliminari kif ukoll matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

31

Il-fatt li l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2011/92 jirreferi għall-applikazzjoni tal-Artikoli 5 sa 10 ta’ din id-direttiva f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma jeskludix li l-Artikolu 9a tal-imsemmija direttiva jista’ jkun applikabbli wkoll f’dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ verifika preliminari.

32

Fit-tielet lok, fuq il-livell teleoloġiku, kif jirriżulta mill-premessa 25 tad-Direttiva 2014/52, ir-rekwiżit li jiġu evitati l-kunflitti ta’ interessi previst fl-Artikolu 9a tad-Direttiva 2011/92 isegwi l-għan li tiġi ggarantita l-oġġettività tal-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, dan l-għan jikkontribwixxi għall-għan essenzjali ta’ din l-aħħar direttiva, li huwa li jiġi ggarantit li l-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura tagħhom, id-daqs tagħhom jew il-lokalizzazzjoni tagħhom, għandhom, qabel l-għoti ta’ awtorizzazzjoni, jiġu suġġetti għal evalwazzjoni fir-rigward tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-osservanza ta’ dawn l-għanijiet tippreżupponi li l-Artikolu 9a tad-Direttiva 2011/92 japplika fil-każ fejn l-awtorità kompetenti tivverifika jekk proġett imsemmi fl-Artikolu 4(2) ta’ din l-aħħar direttiva għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent.

33

L-effett utli tal-Artikolu 9a tad-Direttiva 2011/92 ikun, fil-fatt, imdgħajjef jekk l-oġġettività tal-awtoritajiet kompetenti u l-assenza ta’ kunflitti ta’ interessi ma jiġux iggarantiti fl-istadji kollha tat-twettiq tal-kompiti fdati lil dawn l-awtoritajiet minn din id-direttiva f’dak li jirrigwarda kemm il-verifika preliminari kif ukoll l-evalwazzjoni ulterjuri tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent.

34

Fir-raba’ u l-aħħar lok, l-oriġini tal-Artikolu 9a tad-Direttiva 2011/92 ma tikkontestax din l-interpretazzjoni.

35

Fil-fatt, għalkemm il-provinċja ta’ Vlaanderen tal-Lvant u Sogent isostnu li l-emenda 19 tar-rapport tal-Parlament Ewropew tat‑22 ta’ Lulju 2013 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (COM(2012)0628), ġiet adottata wara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Seaport (NI) et (C‑474/10, EU:C:2011:681), dwar il-każ fejn hija meħtieġa evalwazzjoni ambjentali ta’ ċerti pjanijiet jew programmi, u pproponiet premessa ġdida 13b, li kienet tipprevedi l-istabbiliment ta’ regoli preċiżi sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interessi bejn l-awtorità kompetenti u l-iżviluppatur ta’ proġett suġġett għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, mingħajr ma jissemmew il-proġetti suġġetti għal proċedura ta’ verifika preliminari, għandu jiġi kkonstatat li din l-emenda ma tikkorrispondix mal-kliem tal-premessa 25 tad-Direttiva 2014/52. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, id-Direttiva 2011/92 ma tinkludi ebda dispożizzjoni li tillimita l-applikazzjoni tal-garanziji previsti fl-Artikolu 9a ta’ din l-aħħar direttiva għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent. Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax jikkontesta l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu bbażata fuq il-formulazzjoni, il-kuntest u l-għanijiet tiegħu.

36

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 9a tad-Direttiva 2011/92 japplika meta l-awtorità kompetenti tiddetermina jekk proġett imsemmi fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva għandux ikun suġġett għall-evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent.

37

Konsegwentement, skont dan it-tieni paragrafu tal-Artikolu 9a, meta l-awtorità kompetenti sabiex twettaq din id-determinazzjoni tkun ukoll l-iżviluppatur tal-proġett ikkonċernat, l-Istati Membri għandhom japplikaw, tal-inqas, fl-organizzazzjoni tagħhom tal-kompetenzi amministrattivi, separazzjoni xierqa bejn il-funzjonijiet kunfliġġenti waqt it-twettiq ta’ dan il-kompitu.

38

Din is-separazzjoni xierqa għandha tiġi organizzata b’mod li entità amministrattiva, interna għall-awtorità kompetenti sabiex twettaq l-imsemmija determinazzjoni, ikollha awtonomija reali, li timplika b’mod partikolari li hija jkollha riżorsi amministrattivi u umani tagħha stess, u b’hekk tkun f’pożizzjoni li twettaq il-kompitu tagħha b’mod oġġettiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Seaport (NI) et, C‑474/10, EU:C:2011:681, punt 43).

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 9a tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità kompetenti sabiex tiddetermina jekk proġett imsemmi fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92 għandux jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, konformement mal-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 2011/92, hija wkoll l-iżviluppatur tal-proġett ikkonċernat, għandha tal-inqas tiġi applikata separazzjoni xierqa bejn il-funzjonijiet kunfliġġenti waqt it-twettiq ta’ dan il-kompitu.

Fuq l‑ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 9a tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

meta l-awtorità kompetenti sabiex tiddetermina jekk proġett imsemmi fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92, kif emendata, għandux jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, konformement mal-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 2011/92, kif emendata, hija wkoll l-iżviluppatur tal-proġett ikkonċernat, għandha tal-inqas tiġi applikata separazzjoni xierqa bejn il-funzjonijiet kunfliġġenti waqt it-twettiq ta’ dan il-kompitu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.