25.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 226/36


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1037

tas-16 ta’ Ġunju 2021

dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bit-titolu “Ban Fossil Fuel Advertising and Sponsorships” skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(It-test Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ April 2021, tressqet quddiem il-Kummissjoni talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Ban Fossil Fuel Advertising and Sponsorships”.

(2)

L-għanijiet tal-inizjattiva huma espressi kif ġej: “Nappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi att leġiżlattiv tal-UE: li jipprojbixxi r-reklamar ta’ fjuwils fossili, kif ukoll tat-trasport bl-ajru, bit-triq u bl-ilma (minbarra s-servizzi tat-trasport ta’ interess ekonomiku ġenerali) li jaħdmu bil-fjuwils fossili; li jipprojbixxi r-reklamar minn kwalunkwe impriża attiva fis-suq tal-fjuwils fossili, b’mod partikolari permezz tal-estrazzjoni, tar-raffinar, tal-provvista, tad-distribuzzjoni jew tal-bejgħ ta’ fjuwils fossili; li jipprojbixxi sponsorizzazzjoni minn impriżi definiti taħt il-punt 2 ta’ hawn fuq, jew li jużaw trademarks jew ismijiet kummerċjali użati għall-fjuwils fossili. Din il-liġi tkun fil-kompetenza tal-UE billi tkun tikkonsisti f’regolament tas-suq intern li għandu l-għan li jtejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll livell għoli ta’ saħħa pubblika u protezzjoni ambjentali. Tassew, tali leġiżlazzjoni tkun isservi biex jiżdied l-għarfien pubbliku dwar il-prodotti u t-teknoloġiji li huma responsabbli għat-tibdil fil-klima u għal ħsara ambjentali u għas-saħħa oħra. Għalhekk, din tkun issegwi objettivi li huma previsti mill-politiki tal-UE dwar l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur, permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar ir-reklamar u sponsorizzazzjoni tal-fjuwils fossili. Din tkun taqa’ taħt il-kompetenzi kondiviżi li jinkludu s-suq intern, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur (ara l-Artikolu 4 TFUE).”

(3)

L-Anness jipprovdi aktar dettalji dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond tal-inizjattiva. B’mod partikolari jiċċara li l-prodotti tal-fjuwil fossili kkonċernati jinkludu ż-żejt, il-gass fossili u l-faħam. Jiċċara wkoll l-ambitu tal-projbizzjoni proposta/mitluba, li, skont l-organizzaturi, jenħtieġ li jkopri kull promozzjoni jew reklamar, dirett jew indirett, kif ukoll kwalunkwe distribuzzjoni b’xejn jew promozzjonali, jew kwalunkwe relazzjoni ta’ sponsorizzazzjoni; jenħtieġ li l-projbizzjoni tkun tapplika kemm offline kif ukoll online, u tkopri reklamar u sponsorizzazzjoni, b’mod prinċipali fil-kuntest tal-isport, tal-edukazzjoni, tax-xjenza, ta’ avvenimenti pubbliċi u tal-midja ta’ partijiet terzi. Finalment, l-anness jispjega r-raġunijiet għall-inizjattiva, kif ġej: (1) “Il-fjuwils fossili qed jipperpetwaw il-kriżi klimatika, u m’għandhomx jiġu reklamati”, (2) “Il-fjuwils fossili ħolqu kriżi tas-saħħa pubblika, u m’għandhomx jiġu reklamati”, (3) “Il-kumpaniji tal-fjuwils fossili qed iqarrqu bil-konsumaturi u wħud instabu li qed jiksru l-linji gwida tar-reklamar” u (4) “L-isponsorizzazzjonijiet tal-fjuwils fossili qed jintużaw għall-aċċess politiku”.

(4)

Il-grupp tal-organizzaturi ppreżenta wkoll abbozz ta’ att legali bl-isem “Ban Fossil Fuel Advertisements and Sponsorships: ECI Directive”. L-ambitu tal-abbozz ta’ att legali huwa “ir-reklamar ta’ prodotti tal-fjuwils fossili, impriżi tal-fjuwils fossili, u l-promozzjoni tagħhom: (a) fl-istampa u pubblikazzjonijiet stampati oħra; (b) fil-forom kollha ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi; (c) fix-xandir bir-radju; (d) fis-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni; u (e) permezz ta’ sponsorizzazzjoni relatata mal-fjuwils fossili, inkluża d-distribuzzjoni bla ħlas jew skontata ta’ prodotti tal-fjuwils fossili.”

(5)

Sa fejn l-inizjattiva għandha l-għan li tippreserva, tipproteġi u ttejjeb il-kwalità tal-ambjent, tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposta għal att legali fuq il-bażi tal-Artikolu 192 tat-Trattat.

(6)

Fejn hemm differenzi bejn ir-regoli nazzjonali li joħolqu ostakoli għall-kummerċ u jostakolaw il-libertajiet fundamentali u b’hekk għandhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern jew jikkawżaw distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposta għal att legali għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat.

(7)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

(8)

Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet fattwali u sostantivi meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inklużi l-proporzjonalità u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ.

(9)

Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament.

(10)

L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(11)

Għaldaqstant, l-inizjattiva bl-isem “Ban Fossil Fuel Advertising and Sponsorships” jenħtieġ li tiġi rreġistrata.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għaldaqstant, l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bl-isem “Ban Fossil Fuel Advertising and Sponsorships” jenħtieġ li tiġi rreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Ban Fossil Fuel Advertising and Sponsorships”, rappreżentata mis-Sa Silvia PASTORELLI u s-Sa Sílvia DÍAZ PÉREZ li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Viċi President


(1)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.