19.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 48/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta' Frar 2009

dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal miżuri ta’ emerġenza fil-ġlieda kontra l-Influwenza tat-Tjur fid-Danimarka fl-2008

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 978)

(It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku)

(2009/143/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 3(3) u 3a(1) tagħha,

Billi:

(1)

L-influwenza tat-tjur hija marda virali li tittieħed tat-tjur u għasafar oħrajn tat-trobbija b’impatt sever fuq il-profitabbiltà tat-trobbija tat-tjur li tikkawża xkiel għall-kummerċ intra-komunitarju u għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

(2)

Fil-każ ta’ tifqigħa tal-Influwenza tat-Tjur, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jista’ jinfirex f’irziezet oħra tat-tjur f’dak l-Istat Membru, imma wkoll fi Stati Membri oħra u f’terzi pajjiżi permezz tal-kummerċ fit-tjur ħajjin jew il-prodotti tagħhom.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KEE tal-20 ta’ Diċembru 2005 li tintroduċi l-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda tal-Influwenza li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (2) tat-Tjur tistipula miżuri li f’każ ta’ tifqigħa għandhom jiġu implimentati immedjatament mill-Istati Membri b’urġenza sabiex jiġi evitat aktar tixrid tal-vajrus.

(4)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Skont l-Artikolu 3a ta’ dik id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jiksbu kontribut finanzjarju lejn l-ispejjeż ta’ ċerti miżuri għall-qerda tal-Influwenza tat-Tjur.

(5)

L-Artikolu 3(3), l-ewwel u t-tieni inċiż tad-Deċiżjoni 90/424/KEE jistabbilixxu regoli dwar il-persentaġġ tan-nefqa mġarrba mill-Istat Membru li tista’ tkun koperta mill-kontribut finanzjarju tal-Komunità.

(6)

Il-ħlas ta’ kontribut finanzjarju tal-Komunità għal miżuri ta’ emerġenza għall-qerda tal-Influwenza tat-Tjur huwa soġġett għar-regoli stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabbilixxi r-regoli dwar il-finanzjament Komunitarju ta’ miżuri urġenti u l-kampanja għall-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (3).

(7)

Seħħew tifqigħat tal-Influwenza tat-Tjur fid-Danimarka fl-2008. Id-Danimarka ħadet miżuri, f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE biex tiġġieled dawn it-tifqigħat.

(8)

Id-Danimarka kienet konformi għal kollox mal-obbligi tekniċi u amministrattivi tagħha kif stipulati fl-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(9)

Fit-13 ta’ Mejju 2008 u l-1 ta’ Lulju 2008, id-Danimarka ppreżentat stima tal-ispejjeż imġarrba fit-teħid tal-miżuri biex tinqered l-Influwenza tat-Tjur.

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kontribut finanzjarju mill-Komunità lid-Danimarka

Kontribut finanzjarju mill-Komunità jista’ jingħata lid-Danimarka għan-nefqa li ġarrab dan l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri skont l-Artikolu 3a(2) u (3) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, fil-ġlieda kontra l-Influwenza tat-Tjur fl-2008.

Artikolu 2

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Frar 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.

(2)   ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16. Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 270M, 29.9.2006, p. 5.

(3)   ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12. Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 275M, 6.10.2006, p. 158.