Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BIONDI
ppreżentati fil‑11 ta’ Diċembru 2025 (1)
Kawża C‑468/24
SR
vs
Netz Niederösterreich GmbH
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht St. Pölten (il-Qorti Reġjonali ta’ St. Pölten, l-Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Enerġija – Provvista tal-elettriku – Strumenti tal-kejl – Arloġġi intelliġenti – Dritt ta’ rifjut tal-konsumatur – Sigurtà tad-data trażmessa mill-arloġġi”
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. L-Artikolu 20(b) u (c), intitolat “Funzjonalitajiet ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti” tad-Direttiva 2019/944 (2) jipprovdi:
“Fejn l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti tkun ġiet ivvalutata b’mod pożittiv b’riżultat tal-valutazzjoni tal-kost-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 19(2), jew fejn sistemi ta’ kejl intelliġenti ikunu ġew introdotti b’mod sistematiku wara l-4 ta’ Lulju 2019, l-Istati Membri għandhom jintroduċu sistemi ta’ kejl intelliġenti f’konformità mal-istandards Ewropew, Anness II, u r-rekwiżiti li ġejjin:
[…]
(b) is-sigurtà tas-sistemi ta’ kejl intelliġenti u tal-komunikazzjoni tad-data għandha tikkonforma mar-regoli rilevanti dwar is-sigurtà tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu l-aqwa tekniki disponibbli biex jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta’ ħarsien taċ-ċibersigurtà waqt li jitqiesu l-ispejjeż u l-prinċipju ta’ proporzjonalità;
(c) il-protezzjoni tal-privatezza tal-klijenti finali u tad-data tagħhom għandha tikkonforma mar-regoli rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza;
[...]”.
2. L-Artikolu 21(1)(a) tad-Direttiva 2019/94, intitolat “Intitolament għal miter [arloġġ] intelliġenti”, jipprevedi kif ġej:
“1. Fejn l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti tingħata valutazzjoni negattiva b’riżultat tal-valutazzjoni tal-kost-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 19(2) u fejn sistemi ta’ kejl ma jiġux introdotti b’mod sistematiku, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull klijent finali jkun intitolat fuq talba, filwaqt li jġarrab l-ispejjeż assoċjati, għall-installazzjoni jew, fejn ikun il-każ, għat-titjib, b’kondizzjonijiet ġusti, raġonevoli u kosteffikaċi, ta’ miter intelliġenti:
(a) meta jkun teknikament fattibbli, jkun mgħammar bil-funzjonalitajiet imsemmija fl-Artikolu 20, jew b’sett minimu ta’ funzjonalitajiet li għandhom jiġu ddefiniti u ppubblikata mill-Istati Membri fuq livell nazzjonali u skont l-Anness II;
[…]”.
3. L-Artikolu 22(1) tal-istess direttiva, intitolat “Kejl konvenzjonali”, jipprevedi:
“1. Meta l-klijenti finali ma jkollhomx miter intelliġenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-klijenti finali jiġu pprovduti b’miters konvenzjonali individwali li jkejlu b’mod preċiż il-konsum reali tagħhom.”
4. L-Artikolu 23(3) tal-istess direttiva, intitolat “Ġestjoni tad-data”, jipprevedi kif ġej:
“3. Ir-regoli dwar l-aċċess għad-data u l-ħżin tad-data għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom jikkonformaw mal-liġi rilevanti tal-Unjoni.
L-ipproċessar tad-data personali fi ħdan il-qafas ta’ din id-Direttiva għandu jsir skont ir-Regolament (UE) 2016/679.”
5. L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE (3) intitolat “Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”, jipprevedi kif ġej:
“3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva 95/46/KE, dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas-soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.”
6. L-Artikolu 5(1)(f), tar-Regolament 2016/679 (4), intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprevedi kif ġej:
“1. Id-data personali għandha:
[...]
(f) tiġi pproċessata b’mod li jiżgura sigurtà xierqa tad-data personali, inkluża l-protezzjoni mill-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (‘integrità u kunfidenzjalità’).”
7. L-Artikolu 13(1) tar-Regolament 2016/679, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn tinġabar data personali mis-suġġett tad-data”, jipprevedi kif ġej:
“1. Fejn data personali relatata ma’ suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data:
(a) l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur;
(b) id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli;
(c) l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar;
[…]”.
8. L-Artikolu 32(2) tal-istess regolament, intitolat “Sigurtà tal-ipproċessar”, jipprevedi kif ġej:
“2. Fl-evalwazzjoni tal-livell xieraq ta’ sigurtà ser jitqiesu b’mod partikolari r-riskji li jippreżenta l-ipproċessar, partikolarment minn qerda, telf, bidla, żvelar mhux awtorizzat ta’, jew aċċess għal data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata mod ieħor, li jkun aċċidentali jew illegali”.
B. Id-dritt Awstrijak
9. L-Artikolu 83(3) tal-Elektrizitätswirtschafts- und -organisationsgesetz (ElWOG) (5) (il-Liġi dwar is-Sistema u l-Organizzazzjoni tas-Settur tal-Elettriku, iktar ’il quddiem l-“ElWOG”) huwa fformulat kif ġej:
“3. Id-display tal-istrument tal-kejl intelliġenti għandha tiġi kkonfigurata b’mod awtomatiku b’tali mod li tippermetti biss il-qari attwali tal-arloġġ. Għall-finijiet tal-verifika ta’ valuri addizzjonali rilevanti għall-fatturazzjoni maħżuna fl-istrument, id-display tiegħu għandha tingħata l-fakultà fuq talba tal-klijent sabiex tkun tista’ ssir din il-verifika permezz tad-display innifisha. Din l-awtorizzazzjoni għandha tkun bla ħlas u ma għandhiex twassal għal sforzi sproporzjonati għall-konsumatur finali. […]”.
10. L-Artikolu 84(1) tal-istess liġi jipprevedi kif ġej:
“1. Il-qari u l-użu tad-data tal-konsumatur finali mkejla f’intervalli ta’ 15‑il minuta mill-operatur tan-network huma possibbli biss bil-kunsens espress tal-konsumatur finali jew bl-għan li jiġu ssodisfatti l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ provvista magħżul mill-klijent u li jipprevedi t-teħid tal-valuri f’intervalli ta’ 15‑il minuta. Barra minn hekk, l-operaturi tan-network jistgħu jaċċessaw din id-data permezz tal-istrument tal-kejl intelliġenti, anki mingħajr il-kunsens tal-konsumatur finali, f’każijiet lokali speċifiċi u ġġustifikati, sa fejn dan ikun indispensabbli biex jiġi protett il-funzjonament sigur u effiċjenti tan-network. Id-data rispettiva għandha titħassar mingħajr dewmien meta ma tibqax meħtieġa biex jintlaħaq dan l-għan. […] Il-konsumatur finali għandu jiġi informat fi żmien xieraq fil-każ ta’ qari tal-valuri mkejla f’intervalli ta’ 15‑il minuta jekk ma jkunx ta l-kunsens tiegħu.”
11. L-Artikolu 1 tal-Intelligente Messgeräte-Einführungsverordnung (6) (ir-Regolament dwar l-Introduzzjoni ta’ Strumenti tal-Kejl Intelliġenti, iktar ’il quddiem ir-“Regolament IME-VO”) jipprovdi li:
“1. Kull Operatur tan-Network:
1). […]
2) fil-limitu tal-fattibbiltà teknika, sa tmiem l‑2024, għandu jgħammar mill-inqas 95 % tal-punti tal-kejl konnessi man-network tiegħu bi strumenti ta’ kejl intelliġenti (il-punt 31 tal-Artikolu 7(1) tal-ElWOG 2010), skont id-dispożizzjonijiet ta’ [...] [r-Regolament IMA-VO] (7), u t-trażmissjoni bil-kejbil għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.
[…]
4. L-operaturi tan-network għandhom jinformaw, fi żmien xieraq, lill-konsumaturi finali dwar l-installazzjoni ta’ strument tal-kejl intelliġenti u dwar il-kundizzjonijiet ta’ qafas relatati. [...]
[...]
6. Meta konsumatur finali joġġezzjona għall-kejl permezz ta’ strument tal-kejl intelliġenti, l-operatur tan-network għandu jqis dik ix-xewqa. F’dan il-każ, l-operatur tan-network għandu jikkonfigura l-istrumenti tal-kejl intelliġenti li għandhom jiġu installati jew li diġà ġew installati b’tali mod li l-valuri ta’ kull xahar u ta’ kuljum, kif ukoll dawk imkejla f’intervalli ta’ 15‑il minuta, ma jiġux irreġistrati u trażmessi u li l-funzjonijiet ta’ tifi u ta’ limitazzjoni tal-potenza jiġu diżattivati; il-konfigurazzjoni rispettiva tal-funzjonijiet għandha tkun viżibbli għall-konsumatur finali fuq dan l-istrument. Għandhom ikunu permessi l-qari u t-trażmissjoni tad-data tal-arloġġ meħtieġa għall-fatturazzjoni jew għal-limitazzjoni tal-konsum u, fejn l-istrument ikun teknikament adatt, il-qari tal-ogħla livell ta’ potenza medja mkejla f’intervalli ta’ 15‑il minuta f’sena kalendarja. L-istrumenti tal-kejl diġitali kkonfigurati b’dan il-mod għandhom jitqiesu għall-finijiet tal-miri vinkolanti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, sakemm dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-[Regolament IMA-VO], fil-każ ta’ attivazzjoni jew programmazzjoni konformi, li għandhom jitwettqu mingħajr dewmien fuq talba tal-konsumatur finali.
[…]”.
II. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12. Netz Niederösterreich GmbH, l-appellata fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“appellata”, hija operatur tan-network elettriku fl-Awstrija. SR, l-appellanti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“appellanti”, takkwista l-elettriku mingħand impriża terza permezz tan-network tal-appellata.
13. L-appellanti kellha arloġġ analoġiku tal-elettriku, li l-kalibrazzjoni tiegħu skadiet f’Diċembru 2023. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dan l-arloġġ għandu jiġi ssostitwit b’sistema tal-kejl intelliġenti li tikkonforma mar-rekwiżiti legali (iktar ’il quddiem imsejħa wkoll l-“arloġġ intelliġenti”).
14. Peress li l-appellanti opponiet it-tneħħija tal-arloġġ analoġiku preċedenti, l-appellata ppreżentat rikors quddiem il-Bezirksgericht Tulln (il-Qorti Distrettwali ta’ Tulln, l-Awstrija) sabiex tkun tista’ tipproċedi għat-tneħħija tal-arloġġ analoġiku preċedenti. L-appellanti appellat mis-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza quddiem il-Landesgericht St. Pölten (il-Qorti Reġjonali ta’ St. Pölten), il-qorti tar-rinviju.
15. Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja sitt domandi preliminari:
“1. L-Artikolu 22 tad-[Direttiva 2019/944], moqri flimkien mal-Anness II ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li operatur ta’ network għandu jieħu inkunsiderazzjoni ix-xewqa ta’ konsumatur finali li ma jirċevix strument tal-kejl intelliġenti, u f’dan il-każ ikollu obbligu li jipprovdi lill-konsumatur finali b’arloġġ konvenzjonali minflok b’sistema tal-kejl intelliġenti?
2. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ strumenti tal-kejl [(Direttiva 2014/32/UE dwar l-istrumenti tal-kejl) (8)], li jiddefinixxi f’iktar dettall ‘strument tal-kejl’ fis-sens tal-Annessi III sa XII dwar strumenti speċifiċi (Arloġġ tal-enerġija elettrika attiva (MI 003)), moqri flimkien mal-Artikolu 20(b) u (c) u mal-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2019/944, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali (il-punt 31 tal-Artikolu 7(1) tal-Elektrizitätswirtschafts- und organisationsgesetz 2010 (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tas-Settur tal-Elettriku 2010, iktar ’il quddiem l-‘ElWOG’), li ma tipprovdix rekwiżiti konkreti fil-qasam tas-sigurtà tad-data ta’ strumenti tal-kejl?
3. Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(b) u (c), tal-Artikolu 21(1)(a) u tal-Artikolu 23(3) tad-[Direttiva (UE) 2019/944], għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (9), kif emendata bid-Direttiva 1999/34/KE (10)?
4. L-Artikolu 5(3) tad-[Direttiva 2002/58/KE], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘network ta’ komunikazzjoni elettronika’ japplika wkoll għal network elettriku li permezz tiegħu data (data tal-konsum, metadata, identifikazzjoni personali) tiġi trażmessa għall-finijiet tal-Artikolu 20(b) u (c), tal-Artikolu 21(1)(a) u tal-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2019/944?
5. L-Artikolu 5(1)(f), l-Artikolu 13 u l-Artikolu 32(2) tar-[Regolament (UE) 2016/679], u l-Artikolu 7, l-Artikolu 8(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu intepretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali [Artikolu 1(6) tar-Regolament IME-VO], li tipprovdi li hija biss il-konfigurazzjoni rispettiva tal-intervall tal-qari li għandha tkun viżibbli għall-konsumatur finali, iżda mhux jekk l-operatur tan-network irrikonoxxiex ‘każ partikolari ġġustifikat’ (Artikolu 84a(1) tal-ElWOG) u jkun ikkonsulta data tal-konsumatur finali qabel l-intervall stabbilit?
6. Fid-dawl tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, tal-ħames premessa tiegħu u tal-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 7 tal-Karta, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(b) u (c), tal-Artikolu 21(1)(a) u tal-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2019/944?”
16. Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet jirrigwardaw ir-raba’ u l-ħames domanda preliminari.
17. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u nstemgħu fis-seduta tal‑24 ta’ Settembru 2025.
III. Analiżi
Kummenti preliminari
Fuq l-effiċjenza tal-enerġija u l-protezzjoni tad-data
18. Il-kawża tinsab f’kuntest regolatorju u teknoloġiku speċifiku, li fih id-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija hija meqjusa bħala element indispensabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ effiċjenza ambjentali u ta’ sostenibbiltà ambjentali stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni.
19. B’mod partikolari, id-Direttiva 2019/944 dwar is-suq intern tal-elettriku tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi tal-kejl intelliġenti (11) (iktar ’il quddiem, ukoll, l-“arloġġ intelliġenti”) sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jaċċedu għal informazzjoni f’ħin reali jew kważi f’ħin reali dwar il-konsum tal-enerġija tagħhom, kif ukoll sabiex tiġi promossa l-parteċipazzjoni attiva fit-tranżizzjoni tal-enerġija (12).
20. Il-leġiżlatur tal-Unjoni, barra minn hekk, kellu l-għan li jagħmel lill-konsumaturi responsabbli fir-rigward tal-konsum tagħhom tal-enerġija, sabiex jipparteċipaw iktar fis-suq, u b’hekk tiġi żgurata lilhom anki l-għażla libera tal-fornituri (13). Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jiġu involuti, huma neċessarji teknoloġiji bħalma huma s-sistemi tal-kejl intelliġenti. Inter alia, dawn is-sistemi jippermettu lill-operaturi jkollhom stampa aħjar tan-networks u li jnaqqsu l-ispejjeż tal-operat u manutenzjoni (14). F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2019/944 tipprevedi drittijiet u obbligi anki għall-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni (15).
21. Is-sistema tal-kejl intelliġenti tinvolvi l-ġbir ta’ tipi differenti ta’ data, li jvarjaw minn data dwar il-konsum għal data personali. Huwa għalhekk li l-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza l-importanza li l-ipproċessar tad-data personali jitwettaq konformement mal-“GDPR” (16).
22. Huwa f’dan il-kuntest li din il-kawża toffri l-opportunità li jiġi vverifikat kif l-Istati Membri jiġġestixxu r-relazzjoni bejn l-effiċjenza tal-enerġija u l-protezzjoni tad-data.
Fuq l-ammissibbiltà
23. L-appellata u l-Gvern Awstrijak jikkontestaw l-ammissibbiltà tar-raba’ u tal-ħames domandi preliminari. Huma jsostnu li dawn id-domandi preliminari huma ta’ natura ipotetika peress li jirrigwardaw l-ipoteżi fejn l-arloġġ intelliġenti jiġi installat, filwaqt li l-kawża prinċipali tikkonċerna t-tneħħija tal-arloġġ analoġiku preċedenti.
24. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita “d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolatorju u fattwali li hija responsabbli sabiex tiddefinixxi, u li l-eżattezza tiegħu ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifikah, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza” (17). Din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn jirriżulta b’mod manifest li d-domanda magħmula ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji biex tagħti risposta utli (18).
25. Barra minn hekk, l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jispira l-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula. Fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tippronunzja ruħha (19).
26. Fil-kawża ineżami, mill-proċess jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha l-għan li tiċċara l-portata ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, sabiex id-dritt nazzjonali jiġi interpretat b’mod konformi. Hija mmotivat ir-rilevanza tad-domandi fir-rigward tas-suġġett tal-kawża, billi spjegat kif is-soluzzjoni tagħhom jista’ jkollha effett fuq l-eżitu tal-kawża prinċipali.
27. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula ma jistgħux jitqiesu bħala purament ipotetiċi.
A. Fuq ir-raba’ domanda preliminari
28. Permezz tar-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kundizzjonijiet ta’ ħażna jew ta’ aċċess għall-informazzjoni maħżuna fit-tagħmir terminali f’network ta’ komunikazzjoni elettronika, previsti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, jistgħux japplikaw għal network elettriku li permezz tiegħu tista’ tiġi trażmessa data personali għall-finijiet tal-Artikolu 20(b) u (c), tal-Artikolu 21(1)(a) u tal-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2019/944.
29. Qabel kollox, nippreċiża li, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2019/944, ma huwiex rilevanti fil-kawża ineżami, peress li jirregola l-ipoteżi li fiha l-introduzzjoni ta’ sistemi tal-kejl intelliġenti tkun ġiet evalwata b’mod negattiv fi Stat Membru partikolari. Mill-proċess jirriżulta li fl-Awstrija, min-naħa l-oħra, l-introduzzjoni ta’ dawn is-sistemi ġiet evalwata b’mod pożittiv, wara l-analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji (20), li fuq il-bażi tagħha ġie adottat ir-Regolament IME-VO.
30. Dan premess, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda preliminari, għandu, essenzjalment, jiġi vverifikat jekk il-kunċett ta’ “network elettriku” jistax jaqa’ taħt dak ta’ “network ta’ komunikazzjoni elettronika” (21).
31. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li r-rekwiżiti tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 jikkonċernaw biss l-informazzjoni maħżuna “fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent” (22).
32. Għandu jiġi osservat ukoll li l-punt 1(a) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/63 (23) dwar it-tagħmir terminali ta’ komunikazzjoni jiddefinixxi t-tagħmir terminali bħala tagħmir direttament jew indirettament konness ma’ l-interface ta’ network tat-telekomunikazzjoni pubblika sabiex jibgħat, jipproċessa jew jirċievi informazzjoni (24).
33. Huwa veru wkoll li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2023/1162 dwar ir-rekwiżiti tal-interoperabbiltà (25) jipprevedi li “minħabba li l-miters intelliġenti jikkwalifikaw bħala tagħmir terminali, tapplika wkoll id-[Direttiva 2002/58] [...] inkluż l-Artikolu 5(3)” (26). Madankollu, dan ir-regolament ma jispeċifikax jekk it-tqabbil tal-arloġġi intelliġenti mat-tagħmir terminali għandux jitqies rilevanti fil-każ ta’ network elettriku pubbliku jew le. Interpretazzjoni li l-arloġġi intelliġenti huma tagħmir terminali irrispettivament min-natura pubblika jew le tan-network elettriku, tirriskja, fil-fehma tiegħi, li ma tikkonċiljax mad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq.
34. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jista’ jiġi dedott li, sabiex l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 japplika fil-kawża ineżami, jeħtieġ, essenzjalment, li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet: (a) l-arloġġ intelliġenti għandu jkun proprjetà tal-konsumatur u (b) għandu jkun konness ma’ network pubbliku (27), peress li l-arloġġ intelliġenti jista’ jitqies bħala tagħmir terminali.
35. Waqt is-seduta, irriżulta li, fl-Awstrija, in-network elettriku ma huwiex pubbliku u li l-arloġġ intelliġenti ma huwiex proprjetà tal-konsumatur.
36. Barra minn hekk, kif jindika l-Gvern Awstrijak, l-għan prinċipali tan-network elettriku fil-kawża ineżami huwa li jipprovdi l-elettriku u mhux li jittrażmetti sinjali bħalma huwa l-każ fil-każ ta’ network ta’ komunikazzjoni elettronika (28).
37. Minn dan isegwi li, fil-kawża ineżami, iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma jistgħux jiġu ssodisfatti sabiex ir-rekwiżiti ta’ ħażna msemmija fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 ikunu applikabbli. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti fil-kawża ineżami.
38. Għalhekk, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 ma japplikax fil-każ fejn l-arloġġ ma jkunx il-proprjetà tal-konsumatur u jkun konness ma’ network privat.
B. Fuq il-ħames domanda preliminari
39. Permezz tal-ħames domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 5(1)(f), l-Artikolu 13 u l-Artikolu 32(2) tal-GDPR kif ukoll l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8(1) u (2) tal-Karta jipprekludux id-dispożizzjoni Awstrijaka (fil-kawża ineżami, l-Artikolu 1(6) tar-Regolament IME-VO u l-Artikolu 84a(1) tal-ElWOG) li skontha hija biss il-konfigurazzjoni tal-intervall tal-qari li għandha tkun viżibbli għall-konsumatur, iżda mhux jekk l-operatur tan-network ikunx ikkonkluda li jeżisti “każ partikolari ġġustifikat” u jekk ikkonsultax id-data tal-konsumatur qabel l-intervall stabbilit.
40. Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li kemm l-appellata kif ukoll il-Gvern Awstrijak enfasizzaw, waqt is-seduta, li l-Artikolu 84a(1) tal-ElWOG dwar l-aċċess għad-data fl-arloġġi intelliġenti mill-operaturi f’każijiet speċifiċi u ġġustifikati, ma huwiex applikabbli jekk l-arloġġ ikun ikkonfigurat bil-modalità “opt-out” (29). Dan peress li l-valuri tal-konsum tal-enerġija ma jiġux irreġistrati u għaldaqstant dan jagħmel il-verifika tal-valuri impossibbli skont l-Artikolu 84a tal-E1WOG .
41. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ser nipproċedi għall-analiżi tal-ħames domanda preliminari billi nivverifika jekk id-dispożizzjonijiet tal-GDPR jipprekludux l-Artikolu 84a(1) tal-ElWOG.
42. L-ewwel nett għandu jingħad li, kif tiddikjara l-premessa 91 tad-Direttiva 2019/944, “[d]in id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta”. U li “[h]uwa essenzjali li kwalunkwe pproċessar ta’ data personali taħt din id-Direttiva jikkonforma ma[l-GDPR] […]” (30).
43. Skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2019/944, intitolat “Ġestjoni tad-data”, l-Istati Membri huma obbligati jindikaw ir-regoli dwar l-aċċess għad-data tal-klijent finali mill-persuni ammessi u jorganizzaw il-ġestjoni tad-data sabiex l-aċċess għad-data u l-iskambju tagħha jkunu effettivi u siguri, filwaqt li jiġu żgurati l-protezzjoni u s-sigurtà tad-data.
44. Fir-rigward tal-Artikoli 5(1)(f), 13 u 32(2) tal-GDPR, li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba mill-qorti tar-rinviju fil-ħames domanda preliminari, m’iniex kompletament konvint li l-Artikolu 5(1)(f) u l-Artikolu 32(2) huma rilevanti fil-kawża ineżami.
45. Fil-fatt, l-Artikolu 5(1)(f) tal-GDPR jistabbilixxi l-prinċipji ta’ integrità u kunfidenzjalità li skonthom il-kontrollur huwa obbligat jimplimenta miżuri intiżi li jiżguraw livell ta’ sigurtà xieraq għar-riskju (31). L-Artikolu 32 tal-GDPR jispeċifika l-obbligi tal-kontrollur fir-rigward tas-sigurtà tal-ipproċessar. Il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jipprevedi li, fl-evalwazzjoni ta’ dan il-livell ta’ sigurtà, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni “r-riskji li jippreżenta l-ipproċessar, partikolarment minn qerda, telf, bidla, żvelar mhux awtorizzat ta’, jew aċċess [...] li jkun aċċidentali jew illegali” (32).
46. Fil-kawża ineżami, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna l-obbligu tal-operatur li jinforma lill-konsumatur meta jikkonsulta d-data f’“każ partikolari u ġġustifikat”. Huwa għalhekk li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ rilevanza, fil-fehma tiegħi, fil-kawża ineżami, tal-Artikolu 5(1)(f) u tal-Artikolu 32(2) tal-GDPR, ser nindirizza, fl-analiżi tiegħi, l-Artikolu 13.
47. Issa, l-imsemmi artikolu jelenka l-informazzjoni li l-kontrollur (fil-kawża ineżami, l-operatur) għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data (il-konsumatur) “fil-ħin li tinkiseb id-data”. Fost l-informazzjoni li għandha tingħata, huma inklużi wkoll l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija intiża d-data personali kif ukoll il-bażi ġuridika tal-istess ipproċessar (33). Madankollu, konformement mal-Artikolu 13(4) tal-GDPR, dan l-obbligu ta’ informazzjoni huwa eskluż jekk, u fil-każ li, s-suġġett tad-data diġà jkollu din l-informazzjoni.
48. Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka, l-Artikolu 84a(1) tal-ElWOG jipprevedi espressament l-għan li għalih l-operaturi ta’ network jistgħu jaċċedu għal din id-data permezz tal-arloġġ intelliġenti, f’każijiet “partikolari u ġġustifikati”. L-għan huwa sabiex jiġu żgurati l-funzjonament sigur u effiċjenti tan-network. Barra minn hekk, jipprevedi li “[d]-data rispettiva għandha titħassar mingħajr dewmien meta ma tibqax meħtieġa biex jintlaħaq dan l-għan.” […] Il-konsumatur finali għandu jiġi informat fi żmien xieraq fil-każ ta’ qari tal-valuri mkejla f’intervalli ta’ 15‑il minuta jekk ma jkunx ta l-kunsens tiegħu.”
49. Kif uriet l-appellata fl-osservazzjonijiet tagħha, l-Artikolu 84a(1) tal-ElWOG huwa riprodott fil-kundizzjonijiet ġenerali għall-aċċess għan-network ta’ distribuzzjoni ta’ Netz Niederösterreich GmbH (34), li jista’ jitqies li ġew riprodotti fil-kuntratt konkluż mal-konsumatur fil-mument tal-installazzjoni tal-arloġġ intelliġenti jew qabel dan il-mument.
50. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 84(1) tal-ElWOG jistabbilixxi l-obbligu previst fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2019/944 li tiġi ġestita d-data sabiex jiġi żgurat l-aċċess għad-data u l-iskambju effettiv u sigur tagħha.
51. Fil-fatt, l-Artikolu 84a jipprevedi espressament l-għan li għalih iseħħ l-aċċess u jipprevedi li d-data għandha titħassar jekk ma tibqax meħtieġa. Għalhekk, l-Artikolu 84a jiżgura li l-aċċess għad-data u l-iskambju tagħha jkunu siguri. Dan jiżgura wkoll il-protezzjoni tad-data nnifisha billi jirrikjedi li l-konsumatur jiġi informat fi żmien xieraq meta ma jkunx ta l-kunsens tiegħu.
52. Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka, fil-kawża ineżami l-Artikolu 84a(1) tal-ElWOG, ma tmurx kontra l-GDPR, bil-kundizzjoni li l-konsumatur ikun informat dwar l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 84a(1). Għall-istess raġunijiet, jiena tal-fehma li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka ma tmurx kontra l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8(1) u (2) tal-Karta.
53. Kif ġie enfasizzat ukoll waqt is-seduta, jiena konxju li l-konsumatur jista’ jkollu tħassib dwar il-protezzjoni effettiva tad-data personali, b’mod partikolari meta din tiġi trażmessa permezz ta’ apparat bħall-arloġġi tal-enerġija. F’dan ir-rigward, inqis li jista’ jkun rilevanti li jissemma li l-leġiżlatur tal-Unjoni reċentement saħħaħ il-livell ta’ protezzjoni tad-data personali tal-konsumaturi, bl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2023/2854 (35) li, filwaqt li japplika mit‑12 ta’ Settembru 2025, jiżgura wkoll lill-utenti ta’ “prodotti konnessi” aċċess fi żmien xieraq għad-data ġġenerata minn dawn l-istrumenti (36).
54. Bħala konklużjoni, inqis li l-Artikolu 13 tal-GDPR, kif ukoll l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8(1) u (2) tal-Karta ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha hija biss il-konfigurazzjoni tal-intervall tal-qari li għandha tkun viżibbli għall-konsumatur finali, iżda mhux jekk l-operatur tan-network ikun ikkonkluda li jeżisti “każ partikolari ġġustifikat” (Artikolu 84a(1) tal-ElWOG) u jkun ikkonsulta d-data tal-konsumatur finali qabel l-intervall stabbilit, sakemm il-konsumatur ikun informat minn qabel anki dwar dan l-għan speċifiku.
IV. Konklużjoni
55. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mil-Landesgericht St. Pölten (il-Qorti Reġjonali ta’ St. Pölten, l-Awstrija):
L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika għandu jiġi interpretat fis-sens li:
l-kunċett ta’ “network ta’ komunikazzjoni elettronika” ma japplikax għal network elettriku li permezz tiegħu data (data tal-konsum, metadata, identifikazzjoni personali) għall-finijiet tal-Artikolu 20(b) u (c) u tal-Artikolu 23(3) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE, meta n-network elettriku ma jkunx pubbliku u l-arloġġ intelliġenti ma jkunx proprjetà tal-konsumatur.
L-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 8(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha hija biss il-konfigurazzjoni tal-intervall tal-qari li għandha tkun viżibbli għall-konsumatur finali, iżda mhux jekk l-operatur tan-network ikun ikkonkluda li jeżisti “każ partikolari ġġustifikat” u jkun ikkonsulta d-data tal-konsumatur finali qabel l-intervall stabbilit, sakemm il-konsumatur ikun informat minn qabel anki dwar dan l-għan speċifiku.
1 Lingwa oriġinali: it-Taljan.
2 Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (riformulazzjoni) (ĠU 2019, L 158, p. 125).
3 Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11 u rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9).
4 Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).
5 Bundesgesetz, mit dem die Organisation auf dem Gebiet der Elektrizitätswirtschaft neu geregelt wird (Elektrizitätswirtschafts- und -organisationsgesetz 2010 – ElWOG 2010). BGBl. I Nr. 110/2010).
6 Verordnung des Bundesministers für Wirtschaft, Familie und Jugend, mit der die Einführung intelligenter Messgeräte festgelegt wird (Intelligente Messgeräte-Einführungsverordnung – IME-VO). BGBl. II Nr. 138/2012.
7 Verordnung der E-Control, mit der die Anforderungen an intelligente Messgeräte bestimmt werden (Intelligente Messgeräte-AnforderungsVO 2011 – IMA-VO 2011). BGBl. II Nr. 339/2011 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament IMA-VO”).
8 ĠU 2014, L 96, p. 149 u rettifika fil-ĠU 2016, L 13, p. 57.
9 Direttiva tal-Kunsill 85/374/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257).
10 Direttiva 1999/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 Mejju 1999 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 147).
11 Il-punt 23 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944 jiddefinixxi s-“sistema ta’ kejl intelliġenti” bħala “sistema elettronika li hija kapaċi li tkejjel l-elettriku li jingħata fil-grilja jew l-elettriku kkonsmat mill-grilja, li tipprovdi aktar informazzjoni minn miter konvenzjonali, u li hija kapaċi tittrasmetti u tirċievi data għall-finijiet ta’ informazzjoni, monitoraġġ u kontroll, permezz ta’ xi forma ta’ komunikazzjoni elettronika”. Is-sistema tal-kejl intelliġenti hija differenti mill-“miter konvenzjonali” sa fejn, kif iddefinit fil-punt 22 tal-Artikolu 2 tal-istess direttiva, dan huwa “miter analogu jew elettroniku li ma għandu la l-kapaċità li jittrażmetti u lanqas li jirċievi d-data”.
12 Ara, b’mod partikolari, il-premessi 10, 49, 52 u 54 tad-Direttiva 2019/944.
13 Ara l-premessi 11 u 12 tad-Direttiva 2019/944.
14 Ara l-premessa 52 tad-Direttiva 2019/944.
15 Ara l-premessa 45 tad-Direttiva 2019/944.
16 Ara l-premessa 91 tad-Direttiva 2019/944.
17 Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2023, BK u ZhP (Sospensjoni parzjali tal-proċedura fil-kawża prinċipali) (C‑176/22, EU:C:2023:416, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 46).
19 Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2024, Ilva et (C‑626/22, EU:C:2024:542, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 PWC Austria għall-Awtorità Regolatorja tal-Elettriku E-Control, Studie zur Analyse der Kosten Nutzen einer österreichweiten Einführung von Smart Metering, Ġunju 2010, diponibbli fuq: https://www.e-control.at/documents/1785851/1811528/pwc-austria-smart-metering-e-control-06-2010.pdf/b68eb019-b6bf-444d-b4fb-95f3d05727ca?t=1413906565472b68eb019-b6bf-444d-b4fb-95f3d05727ca.
21 It-terminu “netwerk tal-komunikazzjonijiet elettroniċi” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (riformulazzjoni) (ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 164 u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36).
22 Enfasi miżjuda minni. Inter alia, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Planet49 (C‑673/17, EU:C:2019:80), il-protezzjoni prevista fl-Artikolu 5(3) tapplika għal kull informazzjoni maħżuna fit-tagħmir terminali, irrispettivament minn jekk tkunx data personali jew le (punti 68 sa 70).
23 Direttiva tal-Kummissjoni 2008/63/KE tal‑20 ta’ Ġunju 2008 dwar il-kompetizzjoni fis-swieq ta’ tagħmir tat-terminals tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU 2008, L 162, p. 20).
24 Enfasi miżjuda minni.
25 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1162 tas‑6 ta’ Ġunju 2023 dwar ir-rekwiżiti tal-interoperabbiltà u l-proċeduri nondiskriminatorji u trasparenti għall-aċċess għad-data dwar il-kejl u l-konsum (ĠU 2023, L 154, p. 10).
26 Ara l-premessa 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2023/1162.
27 Il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2018/1972 jiddefinixxi n-“netwerk pubbliku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi” bħala “netwerk tal-komunikazzjonijiet elettroniċi użat kompletament jew parzjalment biex jipprovdi servizzi, disponibbli għall-pubbliku, ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jappoġġaw it-trasferiment tal-informazzjoni bejn il-punti tat-terminazzjoni tan-netwerk”.
28 Ara l-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2018/1972.
29 Għall-finijiet ta’ kompletezza, mill-proċess jirriżulta li t-trażmissjoni tal-valuri tal-konsum tista’ ssir permezz ta’ waħda mit-tliet konfigurazzjonijiet differenti: il-konfigurazzjoni “standard”, “opt-in”, jew “opt-out”. Il-konfigurazzjoni “standard” tikkonsisti fit-trażmissjoni tal-valuri tal-konsum ta’ kuljum. Il-konfigurazzjoni “opt-in” timplika t-trażmissjoni tal-valuri tal-konsum f’intervalli ta’ 15‑il minuta, minbarra l-valuri tal-konsum ta’ kuljum. Min-naħa l-oħra, il-konfigurazzjoni “opt-out” tapplika f’termini opposti meta mqabbla maż-żewġ konfigurazzjonijiet l-oħra, sa fejn l-arloġġ ikkonfigurat b’din il-konfigurazzjoni jimmemorizza u jittrażmetti biss il-konsum annwali. Jekk il-konfigurazzjoni “opt-out” tiġi attivata, l-arloġġ ma jibqax ikejjel l-elettriku bħala arloġġ intelliġenti u minflok jaħdem bħala arloġġ diġitali.
30 Ara wkoll l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2019/944.
31 Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krankenversicherung Nordrhein (C‑667/21, EU:C:2023:1022, punt 68).
32 Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, MediaMarktSaturn (C‑687/21, EU:C:2024:72, punt 37).
33 Ara wkoll is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Meta Platforms Ireland (Azzjoni rappreżentattiva) (C‑757/22, EU:C:2024:598, punt 54).
34 Kif indikat Netz Niederösterreich GmbH fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-punt XIV tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-aċċess għan-network ta’ distribuzzjoni ta’ Netz Niederösterreich GmbH [Allgemeine Bedingungen für den Zugang zum Verteilernetz der Netz Niederösterreich GmbH] jipprevedi espressament li, “[s]abiex jiġi żgurat funzjonament sigur u effiċjenti tan-network, f’każijiet partikolari ġġustifikati, il-valuri jistgħu jitkejlu kull kwarta anki mingħajr il-kunsens tal-klijent tan-network, f’liema każ il-klijent għandu jiġi informat fi żmien xieraq. Barra minn hekk, il-valuri għal kull kwarta jistgħu jitkejlu fuq ordni tal-BMWFW [Bundesministerium für Wissenschaft, Forschung und Wirtschaft] jew tal-awtorità regolatorja, għall-finijiet tal-Artikolu 84a(1) tal-ElWOG 2010, bil-kundizzjoni li dawn jiġu immedjatament aggregati wara l-qari u mbagħad jiġu anonimizzati”. Netz Niederösterreich GmbH ssostni wkoll li l-kuntratt konkluż mal-konsumaturi huwa konformi mal-imsemmija kundizzjonijiet ġenerali li ġew awtorizzati mill-Awtorità Regolatorja tal-Elettriku E-Control fit‑18 ta’ Ġunju 2014
35 Regolament (UE) 2023/2854 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (l-Att dwar id-Data) (ĠU 2023, L 2023/2854, rettifika fil-ĠU 2024, L 2024/90790).
36 Ara l-Artikolu 2(5) tar-Regolament 2023/2854, għad-definizzjoni ta’ “prodott konness”.