KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl‑24 ta’ Ottubru 2024 ( 1 )

Kawża C‑575/23

FT,

AL,

ON

vs

État belge,

fil-preżenza ta’

Orchestre national de Belgique (ONB)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Drittijiet relatati ta’ mużiċisti tal-orkestra irregolati minn statut – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 2 u Artikolu 3(2) – Dritt ta’ riproduzzjoni u dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku – Direttiva 2006/115/KE – Artikoli 7 sa 9 – Drittijiet ta’ fissazzjoni, ta’ xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku u ta’ distribuzzjoni – Direttiva (UE) 2019/790 – Artikolu 26 – Applikazzjoni ratione temporis – Artikoli 18 sa 23 – Kamp ta’ applikazzjoni – Prinċipju ta’ remunerazzjoni xierqa u proporzjonata – Prinċipju tal-libertà kuntrattwali – Trasferiment tad-drittijiet relatati b’mod regolamentari”

Introduzzjoni

1.

L-awturi ma humiex l-uniċi persuni li jibbenefikaw mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq ix-xogħlijiet tagħhom. Hemm drittijiet speċifiċi, imsejħa “drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur” (iktar ’il quddiem id-“drittijiet relatati” ( 2 )), li jingħataw lil dawk involuti fil-kreazzjoni artistika, b’mod partikolari lill-artisti.

2.

Dawn id-drittijiet relatati, li jipproteġu l-prestazzjonijiet tal-artisti kontra sfruttament mhux awtorizzat, huma ta’ natura simili għad-drittijiet tal-awtur. Mhux biss jikkonċernaw, grosso modo, l-istess atti ta’ sfruttament, imma għandhom ukoll l-istess natura ta’ drittijiet esklużivi inkwantu jippermettu li jiġi awtorizzat jew li jiġi pprojbit l-użu ta’ dawn il-prestazzjonijiet.

3.

Madankollu, l-artisti spiss isibu ruħhom f’sitwazzjonijiet li jrendu l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom iktar ikkumplikat minn dak tad-drittijiet tal-awtur. Minn naħa, ħafna iktar spiss mill-awturi, l-artisti jeżerċitaw l-attività tagħhom fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Min-naħa l-oħra, filwaqt li biċċa xogħol waħda normalment ikollha awtur wieħed jew numru limitat ta’ awturi, pereżempju kompożitur tal-mużika u kittieb tal-lirika, l-artisti spiss jaħdmu fil-kuntest ta’ gruppi ta’ daqsijiet differenti, bħalma huwa grupp mużikali, kumpannija teatrali jew, bħal f’din il-kawża, orkestra.

4.

Għaldaqstant jeħtieġ li l-eżerċizzju tad-drittijiet relatati tal-artisti jiġi organizzat b’mod li jiġi rrikonċiljat mal-interessi leġittimi tal-persuni li jimpjegawhom u mal-funzjonament tajjeb tal-gruppi li minnhom huma jifformaw parti. Din il-kawża tikkonċerna b’mod iktar partikolari l-punt dwar safejn id-drittijiet relatati tal-artisti impjegati taħt l-istatus ta’ membri tal-persunal tas-servizz pubbliku jistgħu jkunu limitati b’mod regolamentari sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni li minnhom huma jiddependu.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

5.

Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Artisti, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir, ġiet iffirmata f’Ruma, fis‑26 ta’ Ottubru 1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”). L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti f’din il-konvenzjoni imma, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri kollha, ħlief għar-Repubblika ta’ Malta, huma parti. Għalkemm l-imsemmija konvenzjoni tistabbilixxi obbligi, għal dak li jikkonċerna l-protezzjoni tad-drittijiet tal-artisti ( 3 ), biss għall-prestazzjonijiet fissi, irreġistrati jew imxandra f’pajjiż differenti minn dak fejn tintalab il-protezzjoni, hija madankollu tikkostitwixxi l-istandard minimu internazzjonali ta’ din il-protezzjoni. Atti oħra tad-dritt internazzjonali, kif ukoll l-atti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, jagħmlu riferiment għaliha u għandhom jiġu interpretati b’mod konformi mal-istess konvenzjoni ( 4 ).

6.

L-Artikoli 7, 8 u 15 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jipprovdu:

“Artikolu 7

1.   Il-protezzjoni prevista f’din il-Konvenzjoni favur l-artisti għandha tippermetti li tkun ta’ ostakolu:

a)

għax-xandir jew il-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-prestazzjonijiet tagħhom mingħajr il-kunsens tagħhom, ħlief meta l-prestazzjoni użata għax-xandir jew għall-komunikazzjoni lill-pubbliku tkun diġà hija stess prestazzjoni mxandra jew issir minn fissazzjoni;

b)

għall-fissazzjoni mingħajr il-kunsens tagħhom fuq mezz materjali tal-prestazzjoni tagħhom mhux iffissata;

c)

għar-riproduzzjoni mingħajr il-kunsens tagħhom ta’ fissazzjoni tal-prestazzjoni tagħhom:

(i)

meta l-ewwel fissazzjoni kienet saret hija stess mingħajr il-kunsens tagħhom;

(ii)

meta r-riproduzzjoni ssir għal skopijiet differenti minn dawk li għalihom huma jkunu taw il-kunsens tagħhom;

(iii)

meta l-ewwel fissazzjoni tkun saret skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 u tkun ġiet riprodotta għal skopijiet differenti minn dawk imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet.

[…]

Artikolu 8

Kull Stat kontraenti jista’, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, jiddetermina l-modalitajiet li bihom l-artisti jkunu rrappreżentati, għal dak li jikkonċerna l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom, meta diversi minnhom jipparteċipaw fl-istess prestazzjoni.

[…]

Artikolu 15

[…]

2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 iktar ’il fuq, kull Stat kontraenti għandu l- possibbiltà li jipprevedi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, għal dak li jikkonċerna l-protezzjoni tal-artisti […], limitazzjonijiet tal-istess tip bħal dawk li huma previsti f’din il-leġiżlazzjoni għal dak li jikkonċerna l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħlijiet letterarji u artistiċi. Madankollu, il-liċenzji obbligatorji jistgħu jiġu imposti biss fejn dawn ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-[k]onvenzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.

Għalkemm l-Unjoni ma hijiex parti fil-Konvenzjoni ta’ Ruma, min-naħa l-oħra hija parti fit-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi, adottat f’Genève fl‑20 ta’ Diċembru 1996 u approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas‑16 ta’ Marzu 2000 dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat WIPO dwar id-Dritt ta’ l-Awtur u tat-Trattat WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi ( 5 ) (iktar ’il quddiem il-“WPPT”). Skont l-Artikolu 1(1) tal-WPPT:

“Xejn f’dan it-Trattat ma jnaqqas minn obbligi eżistenti li l-Partijiet Kontraenti għandhom lejn xulxin taħt il-[Konvenzjoni ta’ Ruma]”.

8.

L-Artikoli 6 sa 10 tal-WPPT jagħtu, lill-artisti, “id-dritt esklussiv li jawtorizzaw”:

–

ix-xandir, il-komunikazzjoni lill-pubbliku u l-fissazzjoni tal-prestazzjonijiet tagħhom li ma humiex iffissati,

–

ir-riproduzzjoni tal-prestazzjonijiet tagħhom iffissati fuq fonogrammi,

–

id-distribuzzjoni b’bejgħ jew b’kiri kummerċjali lill-pubbliku ta’ kopji tal-prestazzjonijiet tagħhom iffissati fuq fonogrammi,

–

it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-prestazzjonijiet tagħhom iffissati fuq fonogrammi, b’tali mod li kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul minnhom.

9.

L-Artikolu 16(1) tal-WPPT jippermetti lill-partijiet kontraenti li jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, għal dak li jikkonċerna l-protezzjoni tal-artisti, limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet tal-istess tip bħal dawk li huma previsti għal dak li jikkonċerna l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

Id‑dritt tal‑Unjoni

10.

L-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni ( 6 ), jipprovdu:

“Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

[…]

(b)

għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

[…]

Artikolu 3

[…]

2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

(a)

għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

[…]”

11.

L-Artikoli 3 u 7 sa 10 tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali ( 7 ) jipprevedu:

“Artikolu 3

1.   Id-dritt esklussiv ta’ l-għoti ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ projbizzjoni tal-kiri jew tas-self għandu jkun ta’ dawn li ġejjin:

[…]

(b)

l-artist fir-rigward ta’ l-iffissar tal-wirja tiegħu;

[…]

Artikolu 7

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-artisti d-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-iffissar tal-wirjiet tagħhom.

[…]

Artikolu 8

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-artisti d-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir b’mezzi mingħajr fili u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-wirjiet tagħhom, ħlief fejn il-wirja tkun fiha nnifisha diġà wirja mxandra jew tkun saret minn iffissar.

[…]

Artikolu 9

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dritt esklussiv li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku l-oġġetti indikati fil-punti (a) sa (d), inklużi kopji tagħhom, bil-bejgħ jew b’xi mod ieħor, minn hawn ‘il quddiem ‘id-dritt ta’ distribuzzjoni’:

(a)

għall-artisti, rigward l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

[…]

Artikolu 10

[…]

2. Irrispettivament mill-paragrafu 1, kull Stat Membru jista’ jagħmel dispożizzjoniet għall-istess tipi ta’ limitazzjonijiet rigward il-protezzjoni ta’ artisti, […] hekk bħad-dispożizzjonijet previsti fil-liġi tiegħu rigward il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur f’xogħlijiet letterarji u artistiċi.

Madankollu, jistgħu jkunu previsti liċenzji obbligatorji, biss sal-punt fejn ikunu kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

[…]”

12.

Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE ( 8 ) tipprevedi, fl-Artikoli 18 sa 23 tagħha, fir-rigward tal-artisti:

–

il-prinċipju ta’ remunerazzjoni xierqa u proporzjonata meta huma jagħtu liċenzja jew jittrasferixxu d-drittijiet esklużivi tagħhom għall-isfruttament tax-xogħlijiet protetti tagħhom,

–

l-obbligu ta’ trasparenza min-naħa tal-partijiet li lilhom tkun ingħatat liċenzja jew ikunu ġew ittrasferiti id-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-modi ta’ sfruttament, tad-dħul kollu iġġenerat u tal-ħlas dovut,

–

id-dritt li jitolbu remunerazzjoni supplimentari xierqa u ġusta meta r-remunerazzjoni inizjalment miftehma tirriżulta li hija eżaġeratament baxxa meta mqabbla mad-dħul kollu sussegwentement miksub mill-isfruttament tal-prestazzjonijiet,

–

proċedura alternattiva volontarja għas-soluzzjoni tat-tilwim li tirrigwarda l-obbligu ta’ trasparenza u tad-dritt għal remunerazzjoni supplimentari,

–

id-dritt ta’ revoka ta’ liċenzja jew ta’ trasferiment tad-drittijiet esklużivi tagħhom,

–

il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ kull dispożizzjoni kuntrattwali li tmur kontra r-regoli imsemmija fit-tieni, fit-tielet u fir-raba inċiżi hawn fuq.

13.

L-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika fir-rigward tax-xogħlijiet u materjal ieħor kollha li huma protetti mil-liġi nazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, fi jew wara s‑7 ta’ Ġunju 2021.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att konkluż u kwalunkwe dritt miksub qabel is‑7 ta’ Ġunju 2021”.

Id‑dritt Belġjan

14.

Fid-dritt Belġjan, id-drittijiet relatati huma rregolati mill-Kapitolu 3 tat-Titolu 5 tal-Ktieb XI tal-code de droit économique (il-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku). L-Artikoli XI.203 u XI.205 ta’ dan il-kodiċi, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku”), kienu jipprovdu b’mod partikolari:

“Art. XI.203

[…]

Id-drittijiet relatati rrikonoxxuti f’dan il-kapitolu huma mobbli, assenjabbli u trasferibbli, kollha jew parti minnhom, skont ir-regoli tal-Kodiċi Ċivili. Huma jistgħu b’mod partikolari jkunu s-suġġett ta’ trasferiment jew ta’ liċenza sempliċi jew esklużiva.

[…]

Art. XI.205

1. L-artist biss għandu d-dritt li jirriproduċi l-prestazzjoni tiegħu jew li jawtorizza r-riproduzzjoni tagħha, bi kwalunkwe mod jew taħt kwalunkwe forma li tkun, diretta jew indiretta, provviżorja jew permanenti, kollha jew parti minnha.

Dan id-dritt jinkludi b’mod partikolari d-dritt esklużiv li jawtorizza l-kiri jew is-self tagħha.

Huwa biss għandu d-dritt li jikkomunika l-prestazzjoni tiegħu lill-pubbliku bi kwalunkwe mod, inkluż billi jqegħidha għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod li kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess għaliha fil-post u fil-ħin li kull persuna tagħżel individwalment.

Id-drittijiet tal-artist jinkludu b’mod partikolari d-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni […]

[…]

3. Fir-rigward tal-artist, il-kuntratti kollha għandhom ikunu bil-miktub.

Id-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirrigwardaw id-drittijiet tal-artist u l-modi ta’ sfruttament tagħhom għandhom jiġu interpretati b’mod strett. It-trasferiment tal-oġġett li jinkorpora l-fissazzjoni tal-prestazzjoni ma jinkludix id-dritt ta’ sfruttament tal-oġġett.

[…]

4. Meta l-prestazzjonijiet isiru minn artist fit-twettiq ta’ kuntratt ta’ xogħol jew taħt statut, id-drittijiet patrimonjali jistgħu jkunu ttrasferiti mill-persuna li timpjega sakemm it-trasferiment tad-drittijiet ikun espressament previst u sakemm il-prestazzjoni taqa’ taħt il-kamp tal-kuntratt jew tal-istatut.

[…]

Il-ftehimiet kollettivi jistgħu jiddeterminaw il-portata u l-modalitajiet tat-trasferiment”.

15.

L-arrêté royal relatif aux droits voisins du personnel artistique de l’Orchestre national de Belgique (id-Digriet Irjali dwar id-Drittijiet Relatati tal-Persunal Artistiku tal-Orkestra Nazzjonali tal-Belġju (iktar ’il quddiem l-“ONB”), tal‑1 ta’ Ġunju 2021 (iktar ’il quddiem l-“att kontenzjuż fil-kawża prinċipali”) jirregola b’mod speċifiku d-drittijiet relatati tal-artisti tal-ONB. L-Artikolu 2 ta’ dan l-att jipprovdi:

“L-artist jittrasferixxi lill-[ONB], skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet, id-drittijiet relatati li jirrigwardaw il-prestazzjonijiet tiegħu imwettqa fil-kuntest tal-kompitu tiegħu fis-servizz tal-[ONB]”.

16.

Skont l-Artikolu 3(1) u (2) tal-imsemmi att:

“§ 1   Id-drittijiet relatati li ġejjin għandhom jiġu ttrasferiti lill-[ONB] skont l-Artikolu 2 inkambju għall-allowances ippreċiżati fl-Artikoli 4 u 6:

a)

Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku:

–

Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tal-prestazzjonijiet tal-artisti imwettqa fil-kuntest tal-kompitu tagħhom fis-servizz tal-[ONB], bil-għan ta’ xandir u ritrażmissjoni tagħhom bl-awdjo b’mod hertz, bil-cable, bis-satellita, bil-pjattaformi tal-internet, permezz ta’ streaming jew bi kwalunkwe mezz tekniku ieħor magħruf jew mhux magħruf illum;

–

Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tal-prestazzjonijiet tal-artisti imwettqa fil-kuntest tal-kompitu tagħhom fis-servizz tal-[ONB], bil-għan ta’ xandir u ritrażmissjoni awdjoviżiv tagħhom, b’mod hertz, bil-cable, bis-satellita, bil-pjattaformi tal-internet, permezz ta’ streaming jew bi kwalunkwe mezz tekniku ieħor magħruf jew mhux magħruf illum;

b)

Dritt ta’ riproduzzjoni u ta’ distribuzzjoni:

–

Id-dritt li jiġu rriprodotti l-prestazzjonijiet tal-artisti imwettqa fil-kuntest tal-kompitu tagħhom fis-servizz tal-[ONB], fl-intier tagħhom jew parti minnhom, f’numri bla limitu ta’ kopji, fuq kull midja fonografika, vidjografika jew multimedjali, inkluż il-midja diġitali, magħrufa jew mhux magħrufa llum;

–

Id-dritt ta’ distribuzzjoni tal-midja li tirriproduċi l-prestazzjonijiet tal-artisti, u d-dritt li din tiġi offruta biex titniżżel għal skopijiet privati fuq servizz aċċessibbli minn netwerk diġitali ta’ trażmissjoni tad-data, b’mod partikolari l-internet, u b’mod ġenerali d-dritt li tiġi sfruttata jew li jkun permess l-isfruttament tal-midja inkluż permezz tal-bejgħ jew il-kiri.

§ 2   Id-drittijiet ittrasferiti skont l-Artikolu 2 u l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu għandhom jiġu ttrasferiti għaż-żmien kollu tad-drittijiet relatati u għal kulħadd […]”

Il‑fatti tal‑kawża prinċipali, il‑proċedura u d‑domandi preliminari

17.

Qabel l-adozzjoni tal-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali, l-isfruttament tad-drittijiet relatati tal-mużiċisti tal-ONB kien innegozjat, każ b’każ, fi ħdan kumitat ta’ konsultazzjoni. Sa mis-sena 2016, seħħew negozjati bejn l-ONB u d-delegazzjonijiet sindakali tal-mużiċisti, fi ħdan kumitat ta’ konsultazzjoni, sabiex jinstab ftehim fir-rigward tar-remunerazzjoni għad-drittijiet relatati. Dawn in-negozjati fallew.

18.

Fid-dawl ta’ dan il-falliment, l-awtoritajiet Belġjani kompetenti ddeċidew li jirregolaw din il-kwistjoni b’mod regolamentari. Madankollu, il-konsultazzjoni mar-rappreżentanti ta’ dawn il-mużiċisti fuq l-abbozz ta’ att regolatorju falliet ukoll, ħaġa li wasslet għall-protokoll ta’ nuqqas ta’ ftehim tat‑12 ta’ Mejju 2021.

19.

Fl‑1 ta’ Ġunju 2021, l-Istat Belġjan adotta l-att kontenzjuż tal-kawża prinċipali, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ġunju 2021.

20.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fis‑26 ta’ Lulju 2021 quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu l-annullament tal-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali, billi sostnew, b’mod partikolari, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet tiegħu kienu jiksru l-Artikoli 18 sa 23 tad-Direttiva 2019/790 kif ukoll l-Artikoli XI.203 u XI.205 tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku.

21.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 18 sa 23 tad-[Direttiva 2019/790] għandhom jiġu interpretati bħala li jopponu t-trasferiment b’mezzi leġiżlattivi tad-drittijiet relatati ta’ membru tal-persunal irregolat mir-Regolamenti tal-Persunal għal servizzi mwettqa fil-qasam tar-relazzjoni tax-xogħol?

2)

Jekk tingħata risposta affermattiva l-kunċetti ta’ ‘atti konklużi’ u ‘drittijiet akkwistati’ fl-Artikolu 26(2) tad-[Direttiva 2019/790] għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu b’mod partikolari għat-trasferiment ta’ drittijiet relatati mwettaq permezz ta’ att leġiżlattiv adottat qabel is‑7 ta’ Ġunju 2021?”

22.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Settembru 2023. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-ONB, mill-Gvern Belġjan u mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fl‑20 ta’ Ġunju 2024.

Analiżi

23.

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/790. Qabel ma ngħaddi għall-analiżi ta’ dawn id-domandi fil-veru sens tal-kelma, jidhirli li jeħtieġ li jsiru ċerti rimarki preliminari u proposti fir-rigward tal-formulazzjoni tagħhom.

Rimarki preliminari

24.

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/790 dwar id-drittijiet relatati tal-artisti, sabiex tiġi evalwata l-konformità, ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, tal-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali (l-ewwel domanda) u, b’mod iktar partikolari, dwar l-applikabbiltà ratione temporis ta’ din id-direttiva fil-kawża prinċipali (it-tieni domanda).

25.

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima ( 9 ). F’dan il-każ, jien tal-fehma li jeħtieġ li d-domandi preliminari jiġu ssupplimentati.

26.

Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet inklużi fid-Direttiva 2019/790 ma humiex ta’ natura awtonoma u diffiċilment joqogħdu għal interpretazzjoni iżolata. Għalkemm, skont l-Artikolu 1(2) tagħha, din id-direttiva tħalli mhux mittiefsa u ma taffettwa bl-ebda mod ir-regoli eżistenti stabbiliti permezz, b’mod partikolari, tad-Direttivi 2001/29 u 2006/115 għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-drittijiet relatati tal-artisti, ikun madankollu iktar preċiż li jingħad li dawn ir-regoli “huma bbażati” fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn id-direttivi bil-għan li jsaħħu l-effikaċja tagħhom ( 10 ). Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/790 imsemmija fid-domandi preliminari għandhom għaldaqstant ikunu interpretati flimkien ma’ dawk tad-Direttivi 2001/29 u 2006/115 li jagħtu d-drittijiet relatati lill-artisti.

27.

Iktar minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-motivi mressqa kontra l-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali jikkonċernaw il-konformità tiegħu mhux biss mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/790, imma wkoll, b’mod partikolari, mal-Artikoli XI.203 u XI.205 tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku ( 11 ). Issa, dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, safejn jiżguraw it-traspożizzjoni fid-dritt Belġjan, għal dak li jikkonċerna lill-artisti, tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll tal-Artikoli 3 u 7 sa 9 tad-Direttiva 2006/115, għandhom jiġu interpretati, safejn possibbli, b’mod konformi ma’ dawn id-direttivi ( 12 ). Barra minn hekk, l-imsemmija direttivi ma humiex affettwati mill-problema tal-applikabbiltà ratione temporis tagħhom għall-kawża prinċipali, għall-kuntrarju tad-Direttiva 2019/790. Għaldaqstant, il-kjarifika fir-rigward tal-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq tad-dritt tal-Unjoni jidhirli li hija utli, jekk mhux essenzjali, għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, u dan iktar u iktar meta din il-kwistjoni ma jidhirx li tqajmet jew ġiet diskussa fil-proċedura fil-kawża prinċipali.

28.

Għal dak li jikkonċerna t-tieni domanda, din taqa’ taħt il-kwistjoni iktar wiesgħa dwar jekk id-Direttiva 2019/790 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma huwa l-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant din tkun tista’ tiġi analizzata fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, nipproponi li ngħaqqad din l-analiżi ma’ dik tal-ewwel domanda.

29.

Għaldaqstant, nipproponi li nikkunsidra li, permezz taż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 3(1)(a), l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, kif ukoll l-Artikoli 18 sa 23 tad-Direttiva 2019/790 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu t-trasferiment, b’mod regolamentari, favur il-persuna li timpjega, tad-drittijiet relatati tal-artisti li huma membri tal-persunal taħt statut, għall-prestazzjonijiet imwettqa fil-qasam tar-relazzjoni tax-xogħol.

Dwar id‑domandi preliminari kif ifformulati mill-ġdid

30.

Permezz tal-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali, adottat mingħajr il-kunsens tal-mużiċisti tal-ONB u minkejja l-oppożizzjoni tagħhom, l-awtoritajiet Belġjani ordnaw unilateralment, b’mod regolamentari, it-trasferiment tad-drittijiet relatati kollha, eżistenti u futuri, ta’ dawn il-mużiċisti favur l-ONB, kontra remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa. Dan l-att jixbah għaldaqstant trasferiment obbligatorju ta’ dawn id-drittijiet favur l-istituzzjoni interessata li tisfruttahom ekonomikament. Barra minn hekk, dan it-trasferiment ġie deċiż, fir-rigward tal-mużiċisti diġà membri tal-ONB meta ġie adottat l-imsemmi att, b’mod retroattiv, jiġifieri wara li dawn daħlu fis-servizz ta’ din l-orkestra ( 13 ). It-trasferiment jirriżulta minn att li joriġina mill-Gvern Federali, li minnu tiddependi wkoll l-ONB. Konsegwentement, it-trasferiment inkwistjoni ġie deċiż, b’xi mod, mill-Gvern favur tiegħu stess.

31.

Id-domanda li tqum hija għaldaqstant dik dwar jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi 2001/29, 2006/115 u 2019/790 jipprekludux tali trasferiment obbligatorju. Nirrileva mill-ewwel li r-risposta hija, fil-fehma tiegħi, affermattiva, għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem.

Dwar id‑Direttivi 2001/29 u 2006/115

32.

L-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll l-Artikolu 3(1)(a), l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, jagħtu lill-artisti d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprekludu l-isfruttament tal-prestazzjonijiet tagħhom fil-forma ta’ fissazzjoni, riproduzzjoni, distribuzzjoni (inkluż kiri u self) u l-komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

33.

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt esklużiv li artist jawtorizza jew jipprekludi jikkostitwixxi dritt ta’ natura preventiva, fis-sens li kull att ta’ sfruttament ta’ oġġetti hekk protetti jeħtieġ il-kunsens minn qabel tal-proprjetarju tad-dritt inkwistjoni. Kull użu ta’ tali oġġetti mwettaq minn terz mingħajr tali kunsens minn qabel għalhekk għandu jitqies li jikser dawn id-drittijiet ( 14 ). Barra minn hekk, din il-protezzjoni ma hijiex limitata għat-tgawdija tad-drittijiet esklużivi, iżda testendi wkoll għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet ( 15 ).

34.

Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati tad-Direttivi 2001/29 u 2006/115 jagħtu lill-artisti d-dritt li verament u effettivament jopponu l-isfruttament mingħajr il-kunsens tagħhom tal-prestazzjonijiet tagħhom. Dan id-dritt ma jistax, għaldaqstant, jiġi ttrasformat f’sempliċi dritt għal remunerazzjoni permezz ta’ trasferiment obbligatorju bħal dak previst mill-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali.

35.

Il-fatt li l-mużiċisti tal-ONB huma impjegati taħt l-istatus ta’ membri tal-persunal tas-servizz pubbliku ma huwiex importanti hawnhekk. Fil-fatt, bl-użu, mingħajr preċiżazzjoni oħra, tat-terminu “artisti”, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Unjoni kollha, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ssuġġetta l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2001/29 u 2006/115 għal ebda kundizzjoni li tikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ impjieg tal-persuni kkonċernati ( 16 ). L-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għall-artisti impjegati, inkluż taħt l-istatus ta’ membri tal-persunal tas-servizz pubbliku, ma hijiex, fil-fehma tiegħi, suġġetta għal xi dubju.

36.

Id-Direttivi 2001/29 u 2006/115 jipprevedu eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-drittijiet esklużivi tal-artisti. Għaldaqstant, l-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29 jistabbilixxi lista eżawrjenti tal-eċċezzjonijiet għad-drittijiet protetti skont din id-direttiva, li l-Istati Membri għandhom dritt jipprevedu fil-leġiżlazzjoni tagħhom. Bl-istess mod, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/115 jistabbilixxi lista qasira ta’ eċċezzjonijiet possibbli għad-drittijiet protetti skont din id-direttiva, li magħha jistgħu jiżdiedu l-eċċezzjonijiet simili għal dawk previsti fid-dritt intern ta’ kull Stat Membru għal dak li jikkonċerna d-drittijiet tal-awtur ( 17 ). Barra minn hekk, id-drittijiet ta’ xandir u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tal-artisti huma limitati f’ċerti sitwazzjonijiet skont l-Artikolu 8(1) u (2) tal-imsemmija direttiva. B’mod partikolari, dan il-paragrafu 2 jintroduċi liċenzja obbligatorja għax-xandir u għall-komunikazzjoni lill-pubbliku meta jkun hemm prestazzjonijiet irreġistrati fuq fonogramma ppubblikata għal skopijiet kummerċjali, permezz ta’ remunerazzjoni ekwa lill-proprjetarji.

37.

Dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ma jippermettux madankollu li jiġu ttrasformati d-drittijiet esklużivi ta’ kategorija jew ta’ grupp ta’ artisti, permezz ta’ trasferiment obbligatorju, fi dritt għal remunerazzjoni.

38.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/115 jipprovdi barra minn hekk espressament li jistgħu jkunu previsti liċenzji obbligatorji, biss sal-punt fejn ikunu kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Ruma. Għalkemm tinsab fid-Direttiva 2006/115, din id-dispożizzjoni tapplika mhux biss għad-drittijiet esklużivi protetti skont din id-direttiva, imma “rigward il-protezzjoni ta’ artisti” b’mod ġenerali, jiġifieri għad-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2001/29 wkoll.

39.

Il-Konvenzjoni ta’ Ruma, li għaliha tagħmel riferiment id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq tad-Direttiva 2006/115, tiddefinixxi b’mod ċar in-natura tad-drittijiet li l-kontraenti f’din il-konvenzjoni huma obbligati jiżguraw lill-artisti. L-Artikolu 7(1) ta’ din il-konvenzjoni, li jistabbilixxi l-livell minimu ta’ protezzjoni meħtieġ, jipprovdi li din il-protezzjoni għandha tippermetti “li tkun ta’ ostakolu” għall-isfruttament, mingħajr il-kunsens ta’ dawn l-artisti, tal-prestazzjonijiet tagħhom fil-forma ta’ xandir jew komunikazzjoni lill-pubbliku, tal-ewwel fissazzjoni u ta’ riproduzzjoni. Dawn huma għalhekk drittijiet esklużivi u preventivi tal-artisti li għandhom ikunu jistgħu jagħtu jew jirrifjutaw il-kunsens tagħhom għal kull sfruttament tal-prestazzjonijiet tagħhom f’waħda mill-forom imsemmija hawn fuq.

40.

Il-Konvenzjoni ta’ Ruma ttaffi l-portata ta’ dan il-prinċipju ta’ kunsens minn qabel tal-artisti f’numru limitat ta’ sitwazzjonijiet biss, imsemmija fl-Artikoli 12, 15 u 19 ta’ din il-konvenzjoni, riprodotti, rispettivament fl-Artikolu 8(2), fl-Artikolu 10 u fl-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2006/115. Ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tippermetti madankollu li jiġi ordnat trasferiment obbligatorju ta’ natura ġenerali, bħalma huwa dak li jinsab fl-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali ( 18 ).

41.

Għal dak li jikkonċerna l-prestazzjonijiet kollettivi, jiġifieri l-prestazzjonijiet magħmula minn diversi artisti, l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jippermetti lill-partijiet tal-konvenzjoni li jiddeterminaw il-modalitajiet li bihom dawn l-artisti jkunu rrappreżentati għall-iskopijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom. Huma għaldaqstant possibbli aġġustamenti li jippermettu lill-gruppi ta’ artisti li jagħtu b’mod effettiv l-awtorizzazzjoni tagħhom għal atti ta’ sfruttament tal-prestazzjonijiet tagħhom. Min-naħa l-oħra, mix-xogħol preparatorju tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jirriżulta li din id-dispożizzjoni tittratta mhux il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-artisti, imma biss il-modalitajiet tar-rappreżentanza tagħhom, preċiżament sabiex jiġi evitat li hija ma tiġix interpretata bħala li tippermetti l-introduzzjoni ta’ liċenzja obbligatorja li tikkonċerna l-prestazzjonijiet kollettivi ( 19 ). Il-prinċipju tal-kunsens jibqa’ għaldaqstant applikabbli hawnhekk b’mod sħiħ.

42.

Il-WPPT jirriproduċi, b’xi adattamenti minuri, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għal dak li jikkonċerna d-drittijiet esklużivi tal-artisti. Dawn id-drittijiet huma kklassifikati hemmhekk bħala “drittijiet esklużivi għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni”. L-Artikoli 8, 9 u 10 tal-WPPT jissupplimentaw din il-konvenzjoni bi drittijiet ġodda, jiġifieri, rispettivament, id-dritt ta’ distribuzzjoni, id-dritt ta’ kiri u d-dritt għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

43.

Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2001/29 u 2006/115 ċċitati fil-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet, moqrija fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u tal-WPPT, jipprekludu li trasferiment ġenerali tad-drittijiet relatati ta’ grupp ta’ artisti jista’ jiġi previst b’mod regolamentari mingħajr il-kunsens minn qabel ta’ dawn l-artisti.

44.

Huwa ċertament minnu li, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun prevista preżunzjoni ta’ kunsens impliċitu tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati ( 20 ). Madankollu, din il-ġurisprudenza ma hijiex, fil-fehma tiegħi, applikabbli f’dan il-każ.

45.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkontemplat tali kunsens impliċitu biss f’sitwazzjonijiet ta’ użu inqas importanti ( 21 ). Niddubita li dan jista’ jiġi traspost bħala tali għal trasferiment ġenerali tad-drittijiet relatati ta’ grupp ta’ artisti. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-kundizzjonijiet li fihom jista’ jiġi aċċettat kunsens impliċitu għandhom ikunu ddefiniti b’mod strett, sabiex il-prinċipju stess ta’ kunsens minn qabel ma jitlifx l-effett tiegħu ( 22 ). Issa, fil-każ tal-artisti kkonċernati mill-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali, il-prinċipju tal-kunsens minn qabel huwa preċiżament ridott għax-xejn.

46.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-proprjetarju kkonċernat għandu jkun f’pożizzjoni li jopponi għall-użu kkontemplat l-oġġett protett inkwistjoni ( 23 ). Issa, huwa paċifiku fil-proċedura fil-kawża prinċipali li l-mużiċisti tal-ONB ma tawx il-kunsens tagħhom għall-modalitajiet tat-trasferiment tad-drittijiet tagħhom u jopponu għall-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant ma tistax tkun kwistjoni ta’ preżunzjoni ta’ kunsens minn naħa tagħhom. Barra minn hekk, inkwantu l-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali jikkonċerna mużiċisti diġà impjegati, l-eżistenza ta’ kunsens impliċitu fir-rigward tat-trasferiment tad-drittijiet tagħhom favur l-ONB jibqa’ purament ipotetiku ( 24 ).

47.

Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li t-tiftix ta’ għan jew ta’ interess kulturali ma jistax jiġġustifika deroga, mhux prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni, mill-protezzjoni żgurata mill-atti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati ( 25 ).

48.

Għall-finijiet ta’ kjarezza, nirrileva li, fil-fehma tiegħi, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li d-drittijiet relatati tal-artisti jiġu ttrasferiti lill-persuna li timpjegahom, u dan kif jinsab previst fl-Artikolu XI.205(4) tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku, u lanqas li, fil-każ tal-artisti impjegati taħt l-istatus ta’ membri tal-persunal tas-servizz pubbliku, dan it-trasferiment isir b’mod leġiżlattiv. Madankollu, l-adozzjoni u l-kontenut ta’ tali att regolatorju għandhom ikunu s-suġġett ta’ kunsens minn qabel ta’ dawn l-artisti jew tar-rappreżentanti tagħhom debitament mandatati.

49.

Għaldaqstant, nipproponi li tingħata risposta għad-domandi preliminari, għal dak li jirrigwarda d-Direttivi 2001/29 u 2006/115, li l-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll l-Artikolu 3(1)(a), l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2006/115 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu t-trasferiment, b’mod regolamentari, favur il-persuna li timpjega, tad-drittijiet relatati tal-artisti li huma membri tal-persunal taħt statut, għall-prestazzjonijiet imwettqa fil-qasam tar-relazzjoni tax-xogħol, meta l-adozzjoni u l-kontenut tal-att regolatorju inkwistjoni ma jkunux is-suġġett ta’ kunsens minn qabel ta’ dawn l-artisti jew tar-rappreżentanti tagħhom debitament mandatati.

Fuq id‑Direttiva 2019/790

50.

Għal dak li jikkonċerna d-Direttiva 2019/790, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva fil-każ tat-trasferiment, b’mod regolamentari, tad-drittijiet relatati tal-artisti impjegati taħt l-istatus ta’ membri tal-persunal tas-servizz pubbliku kif ukoll dwar l-applikabbiltà tal-imsemmija direttiva ratione temporis, fid-dawl tad-data ta’ adozzjoni tal-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali. Ser nikkonċentra għaldaqstant fuq żewġ aspetti. L-evalwazzjoni tal-konformità sostantiva tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-istess direttiva taqa’ fi kwalunkwe każ taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju.

– Fuq l‑applikabbiltà tad‑Direttiva 2019/790 ratione temporis

51.

Infakkar li skont l-Artikolu 26 tagħha, id-Direttiva 2019/790 tapplika fir-rigward tax-xogħlijiet u materjal ieħor kollha li huma protetti mil-liġi nazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, fi jew wara s‑7 ta’ Ġunju 2021. Dan l-artikolu jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li din id-direttiva tapplika mingħajr preġudizzju għal atti konklużi u għad-drittijiet miksuba qabel id-data msemmija. Il-kwistjoni li tqum hija għalhekk dik dwar safejn l-imsemmija direttiva tapplika għall-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ġunju 2021.

52.

Nosserva mill-ewwel li r-riżerva li tinsab fl-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2019/790 tapplika biss għall-atti konklużi u d-drittijiet miksuba skont il-liġi. Jekk, wara r-risposta li ser tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari, il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi li tinvalida l-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni tal-applikabbiltà ratione temporis ta’ din id-direttiva ssir mingħajr skop, peress li l-eventwali att ġdid ta’ trasferiment tad-drittijiet tal-mużiċisti tal-ONB ikun ġie adottat wara s‑7 ta’ Ġunju 2021.

53.

Minkejja l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli meħtieġ li jsiru r-rimarki segwenti li jikkonċernaw din l-applikabbiltà ratione temporis.

54.

Għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2001/29, ifformulat f’termini essenzjalment identiċi għall-Artikolu 26 tad-Direttiva 2019/790, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn għandhom l-għan li jevitaw l-applikazzjoni retroattiva tad-Direttiva 2001/29 u li dawn għandhom jiġu interpretati fis-sens li din id-direttiva ma taffettwax l-atti ta’ sfruttament tad-drittijiet esklużivi li jkunu twettqu qabel id-data ta’ applikabbiltà tagħha ( 26 ).

55.

Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tagħtix risposta espliċita għall-kwistjoni dwar kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “dritt miksub”, li jinsab ukoll fl-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2019/790. Fil-fehma tiegħi, dan il-kunċett ma jistax jingħata interpretazzjoni wiesgħa ħafna, sabiex ma jiġix affettwat l-effett utli ta’ din id-direttiva.

56.

Fil-fatt, it-trasferiment tad-drittijiet esklużivi jista’ jkollu portata ratione temporis estiża ħafna. Għaldaqstant, l-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali jipprevedi t-trasferiment favur l-ONB tad-drittijiet relatati kollha, li jinsabu elenkati hemmhekk, tal-mużiċisti ta’ din l-orkestra, dawk attwalment impjegati u dawk li ser ikunu impjegati fil-futur, inkluż għall-prestazzjonijiet futuri, u għat-tul kollu ta’ dawn id-drittijiet. Jekk l-imsemmija drittijiet jiġu kkunsidrati bħala “miksub[a]”, fis-sens tal-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2019/790, dan ikollu bħala effett li jneħħi b’mod definittiv it-trasferiment tad-drittijiet relatati tal-mużiċisti tal-ONB mir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, li ssir għaldaqstant mingħajr effett fir-rigward ta’ dan il-grupp ta’ artisti.

57.

Għaldaqstant, jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2019/790 jiġi interpretat bħala li jirreferi biss għad-drittijiet eżistenti fid-data li hija indikata hemmhekk, jiġifieri għad-drittijiet li l-fatt li ħoloqhom ikun seħħ qabel din id-data. Għal dak li jikkonċerna d-drittijiet relatati tal-artisti, dan il-fatt li ħoloqhom huwa, fil-prinċipju, l-interpretazzjoni jew il-prestazzjoni. Fil-fatt, għalkemm it-trasferiment tad-drittijiet esklużivi jista’ jirrigwarda d-drittijiet futuri, huwa diffiċli li dawn jiġu kkunsidrati bħala “miksuba” miċ-ċessjonarju, inkwantu ma huwiex ċert li l-fatt li jkun joħloq id-drittijiet ikun ser iseħħ.

58.

Barra minn hekk, u indipendentement mill-interpretazzjoni in abstracto tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2019/790, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, l-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali, bħala att regolatorju, għandu natura doppja. Minn naħa, jikkostitwixxi l-att ta’ trasferiment tad-drittijiet relatati tal-mużiċisti tal-ONB impjegati fil-mument li dan ġie adottat ( 27 ). Min-naħa l-oħra, huwa jirregola b’mod astratt is-sitwazzjoni ta’ kull mużiċist ta’ din l-orkestra, attwali jew futura. Bħala tali, dan l-att jifforma parti mil-leġiżlazzjoni interna Belġjana li r-Renju tal-Belġju huwa fl-obbligu li jrendi konformi mad-Direttiva 2019/790 sa mis‑7 ta’ Ġunju 2021. Dan l-obbligu jaqa’ fuq l-Istat Belġjan minkejja r-rwol li fih huwa jaġixxi, kemm jekk bħala leġiżlatur kif ukoll bħala l-persuna li timpjega. Dan l-Istat Membru ma jista’ fil-fatt jinvoka ebda “drittijiet miksuba” sabiex ifixkel l-effett utli ta’ din id-direttiva.

59.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluni għall-konklużjoni li l-Artikoli 18 sa 23 tad-Direttiva 2019/790 huma applikabbli għall-att kontenzjuż b’effett mis‑7 ta’ Ġunju 2021, b’riżerva għall-atti ta’ sfruttament li jkunu seħħew u għad-drittijiet eżistenti miksuba mill-ONB qabel din id-data ( 28 ).

– Dwar l‑applikabbiltà tad-Direttiva 2019/790 ratione personae

60.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-Artikoli 18 sa 23 tad-Direttiva 2019/790 japplikawx fil-każ ta’ trasferiment tad-drittijiet relatati ta’ artisti li jkun seħħ fil-kuntest ta’ relazzjoni tax-xogħol, b’mod partikolari ta’ impjieg taħt l-istatus ta’ membru tal-persunal tas-servizz pubbliku. Dawn id-dubji huma xprunati mill-pożizzjonijiet tal-Istat Belġjan u tal-ONB, li dawn il-partijiet isostnu, essenzjalment, fl-osservazzjonijiet tagħhom f’din il-proċedura, li jiddefendu l-pożizzjoni li, fid-dawl tal-formulazzjoni tagħhom u fid-dawl tal-premessi rilevanti ta’ din id-direttiva, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw biss għall-proprjetarji tad-drittijiet li jkunu kkonkludew kuntratti ta’ liċenzja jew ta’ trasferiment tad-drittijiet tagħhom.

61.

Kif jirriżulta mill-argumenti ddedikati għall-iżviluppi rilevanti tad-Direttivi 2001/29 u 2006/115, ħlief f’numru limitat ta’ każijiet, l-artisti għandhom jagħtu l-kunsens tagħhom għal kull sfruttament tad-drittijiet relatati tagħhom. Meta dan il-kunsens jingħata kontra remunerazzjoni, ikun jeżisti allura forma ta’ “kuntratt ta’ sfruttament” ta’ dawn id-drittijiet, fis-sens ġeneriku tat-terminu, fejn dan il-kuntratt jista’ jieħu forom u ismijiet differenti fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali. Ma humiex esklużi r-relazzjonijiet tax-xogħol, li fihom jista’ wkoll jeżisti kuntratt ta’ trasferiment tad-drittijiet relatati bejn l-artist impjegat u min jimpjegah, kemm jekk separat jew integrat mal-kuntratt ta’ xogħol.

62.

Id-Direttiva 2019/790 tieħu din is-sitwazzjoni bħala fatta u huwa f’dan is-sens wiesa’ u ġeneriku li t-terminu ta’ “kuntratt” jintuża fiha. Barra minn hekk, l-Artikoli 18, 19 u 22 ta’ din id-direttiva jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha bħala li jirreferi għall-għoti ta’ liċenzja jew għal trasferiment tad-drittijiet esklużivi. It-terminu ta’ “kuntratt”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu għaldaqstant jinftiehem bħala li jirreferi għal kull għoti ta’ liċenzja ta’ sfruttament jew trasferiment tad-drittijiet esklużivi.

63.

Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Artikoli 18 sa 23 tad-Direttiva 2019/790 japplikaw mhux biss fl-ipoteżi tal-eżistenza ta’ kuntratt ta’ sfruttament tad-drittijiet esklużivi fis-sens strett, imma għal kull darba li artist jagħti, kontra remunerazzjoni, il-kunsens tiegħu għall-isfruttament tad-drittijiet relatati tiegħu.

64.

Interpretazzjoni differenti tkun iċċaħħad lid-Direttiva 2019/790 minn parti kbira mill-effikaċja tagħha. Fil-fatt, l-artisti, bħalma huma l-atturi tat-teatru jew mużiċisti ta’ orkestra, isibu ruħhom spiss f’relazzjoni ta’ impjieg. Għalkemm xogħolhom jikkonsisti prinċipalment filli jagħtu prestazzjonijiet b’mod dirett, il-persuna li timpjegahom tista’ tkun ukoll interessata li tisfrutta l-prestazzjonijiet tagħhom b’modi oħra. Meta dawn l-artisti jiġu esklużi mill-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, dan ikun jillimita sew il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u, konsegwentement, l-effett utli tagħha.

65.

Il-konklużjoni mogħtija fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet hija kkorroborata mill-premessa 72 tad-Direttiva 2019/790, li tgħid li l-persuni fiżiċi jeħtieġu l-protezzjoni prevista minn din id-direttiva “sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw b’mod sħiħ mid-drittijiet armonizzati skont il-liġi tal-Unjoni”. Issa, peress li dawn id-drittijiet armonizzati skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-drittijiet relatati tal-artisti, jeżistu indipendentement mis-sitwazzjoni tal-proprjetarji tagħhom mill-perspettiva tad-dritt tax-xogħol, l-istess għandu japplika għal dak li jikkonċerna l-applikabbiltà tal-imsemmija direttiva. Għalkemm din il-premessa ssemmi wkoll sitwazzjonijiet fejn din il-ħtieġa għal protezzjoni ma tirriżultax, b’mod partikolari f’ċerti relazzjonijiet ta’ xogħol, dawn is-sitwazzjonijiet jikkonċernaw mhux l-isfruttament tax-xogħlijiet protetti, imma biss l-użu finali tagħhom. Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

66.

Din il-konklużjoni tapplika wkoll għall-impjiegi fis-settur pubbliku, inkluż dawk irregolati mhux minn kuntratt ta’ xogħol, imma minn statut. Fil-fatt, f’dawn is-sitwazzjonijiet ukoll, l-artist ikkonċernat għandu jagħti l-kunsens tiegħu għall-isfruttament, mill-persuna li timpjegah, tad-drittijiet relatati tiegħu. Ir-relazzjoni tagħhom tixbah għaldaqstant, fis-sustanza, kull relazzjoni kuntrattwali oħra bejn proprjetarju tad-drittijiet esklużivi u detentur ta’ liċenzja ta’ sfruttament jew ċessjonarju ta’ dawn id-drittijiet. Għaldaqstant, id-Direttiva 2019/790 tapplika f’dan il-każ.

67.

L-argumenti mqajma f’dan ir-rigward mill-ONB u mir-Renju tal-Belġju, ibbażati fuq in-natura speċifika tal-impjiegi fl-amministrazzjoni pubblika, inkluż fl-Unjoni Ewropea, huma fil-fehma tiegħi żbaljati. Fl-ewwel lok, it-trasferiment tad-drittijiet tal-awtur eventwali fuq xogħlijiet li fir-rigward tagħhom hemm dubju qawwi li dawn jikkostitwixxu xogħlijiet, fis-sens tad-drittijiet tal-awtur, għall-amministrazzjoni li hija l-utent finali tagħhom u ma tisfruttahomx, fi kwalunkwe każ ekonomikament, ma huwiex paragunabbli mat-trasferiment tad-drittijiet relatati fuq prestazzjonijiet artistiċi bil-għan, preċiżament, ta’ sfruttament kummerċjali tagħhom. Fit-tieni lok, meta membru tal-persunal tas-servizz pubbliku jidħol fis-servizz ma’ xi amministrazzjoni, huwa jista’ jagħti l-kunsens tiegħu għat-trasferiment tad-drittijiet eventwali tiegħu b’għarfien sħiħ tar-regoli fis-seħħ, billi jiffirma l-impenn tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali japplika għall-mużiċisti diġà impjegati u ma jippermettilhomx li jagħtu jew li jirrifjutaw il-kunsens tagħhom għat-trasferiment ikkontemplat, minkejja li fil-passat tali kunsens kien meħtieġ minnhom. Fit-tielet lok, it-trasferiment tad-drittijiet lil xi amministrazzjoni fil-kuntest tas-servizz ma jwassalx għal remunerazzjoni addizzjonali u ma jiskattax, għaldaqstant, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2019/790, għall-kuntrarju tat-trasferiment previst mill-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali. Fl-aħħar nett, hawnhekk ma hijiex kwistjoni ta’ remunerazzjoni lill-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku, imma ta’ trasferiment, kontra remunerazzjoni, tad-drittijiet relatati tal-artisti, kwistjoni li għaliha l-Unjoni, bla ebda dubju, għandha kompetenza.

Risposta għad‑domandi preliminari

68.

L-Artikoli 18 sa 23 tad-Direttiva 2019/790 japplikaw, għaldaqstant, fil-prinċipju, għal leġiżlazzjoni bħalma hija l-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali, b’mod li din għandha tkun konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. L-evalwazzjoni ta’ din il-konformità teżiġi l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u tal-konstatazzjonijiet fattwali u, konsegwentement, taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju.

69.

Bħala rimarka finali, niġbed l-attenzjoni mill-ġdid għall-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2019/790, li permezz tiegħu din id-direttiva tħalli kif inhuma u ma taffettwax ir-regoli eżistenti stabbiliti, b’mod partikolari, mid-Direttivi 2001/29 u 2006/115. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din l-ewwel direttiva, fosthom l-Artikoli 18 sa 23 tagħha, ma jissostitwixxux l-obbligu li jiġu osservati r-regoli stabbiliti minn dawn iż-żewġ direttivi l-oħra, b’mod partikolari l-prinċipju tal-kunsens minn qabel għal kull sfruttament tax-xogħlijiet protetti. Att unilaterali adottat mingħajr tali kunsens, anki jekk josserva dawn l-artikoli, ma jistax jitqies bħala li huwa konformi mad-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni fl-intier tiegħu.

70.

Għaldaqstant, nipproponi li tingħata risposta għad-domanda preliminari, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2019/790, li l-Artikoli 18 sa 23 ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li, ħlief għall-atti ta’ sfruttament imwettqa u għad-drittijiet eżistenti miksuba qabel is‑7 ta’ Ġunju 2021, dawn japplikaw għat-trasferiment, b’mod regolamentari, favur il-persuna li timpjega, tad-drittijiet relatati tal-artisti li huma membri tal-persunal irregolati minn statut, għall-prestazzjonijiet imwettqa fil-qasam tar-relazzjoni tax-xogħol, b’mod li dan l-att regolatorju għandu jkun konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. L-imsemmi att għandu għaldaqstant ikun konformi mar-rekwiżiti tad-Direttivi 2001/29 u 2006/115, b’mod partikolari mar-rekwiżit tal-kunsens minn qabel għat-trasferiment tad-drittijiet relatati.

Konklużjoni

71.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) bil-mod kif ġej:

L-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, kif ukoll l-Artikolu 3(1)(a), l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu t-trasferiment, b’mod regolamentari, favur il-persuna li timpjega, tad-drittijiet relatati mad-dritt tal-awtur tal-artisti li huma membri tal-persunal irregolati minn statut, għall-prestazzjonijiet imwettqa fil-qasam tar-relazzjoni tax-xogħol, meta l-adozzjoni u l-kontenut tal-att regolatorju inkwistjoni ma jkunux is-suġġett ta’ kunsens minn qabel ta’ dawn l-artisti jew tar-rappreżentanti tagħhom debitament mandatati.

L-Artikoli 18 sa 23 tad-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ħlief għall-atti ta’ sfruttament imwettqa u għad-drittijiet eżistenti miksuba qabel is‑7 ta’ Ġunju 2021, dawn japplikaw għat-trasferiment, b’mod regolamentari, favur il-persuna li timpjega, tad-drittijiet relatati tal-artisti li huma membri tal-persunal irregolati minn statut, għall-prestazzjonijiet imwettqa fil-qasam tar-relazzjoni tax-xogħol, b’mod li dan l-att regolatorju għandu jkun konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. L-imsemmi att għandu għaldaqstant ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2001/29 u 2006/115, b’mod partikolari mar-rekwiżit tal-kunsens minn qabel għat-trasferiment tad-drittijiet relatati.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Dawn huma b’mod iktar preċiż id-drittijiet imsejħa “patrimonjali”. Id-drittijiet morali ma humiex affettwati mid-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant ma humiex ser jiġu diskussi f’dawn il-konklużjonijiet.

( 3 ) Il-protezzjoni tal-produtturi ta’ fonogrammi u ta’ organizzazzjonijiet għax-xandir, ukoll stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ Ruma, taqa’ barra mill-kamp ta’ din il-kawża.

( 4 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers (C‑265/19, EU:C:2020:677, punti 50 u 51).

( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208.

( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 230.

( 7 ) ĠU 2006, L 376, p. 28.

( 8 ) ĠU 2019, L 130, p. 92.

( 9 ) Ara, dan l-aħħar, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Registrų centras (C‑354/21, EU:C:2023:184, punt 35).

( 10 ) Ara l-premessa 72 tad-Direttiva 2019/790.

( 11 ) U, skont kif jien fhimt it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra dan l-ilment bħala ammissibbli.

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, Spedidam (C‑484/18, EU:C:2019:970, punt 30). Għall-finijiet ta’ kjarezza, nirrileva li d-Direttiva 2019/790 ma kinitx għadha trasposta fid-dritt Belġjan fil-mument tal-adozzjoni tal-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali.

( 13 ) It-terminu “servizz” hawnhekk jidhirli li huwa xieraq, peress li l-mużiċisti tal-ONB huma normalment impjegati taħt l-istatus ta’ membri tal-persunal tas-servizz pubbliku.

( 14 ) Ara, b’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna d-drittijiet relatati tal-artisti, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, Spedidam (C‑484/18, EU:C:2019:970, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, Spedidam (C‑484/18, EU:C:2019:970, punt 37).

( 16 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers (C‑265/19, EU:C:2020:677, punti 48 u 61).

( 17 ) Dawn l-eċċezzjonijiet ma jistgħux ikunu ħlief dawk elenkati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29. In-natura konfuża ta’ din il-leġiżlazzjoni hija dovuta għall-fatt li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/115 jirriproduċi testwalment l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE tad‑19 ta’ Novembru 1992 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 120), li tippreċedi d-Direttiva 2001/29 u li d-Direttiva 2006/115 tikkostitwixxi l-kodifikazzjoni tagħha.

( 18 ) Huwa biss l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma li jistabbilixxi tip ta’ liċenzja obbligatorja għas-sitwazzjoni fejn fonogramma ppubblikat għal skopijiet kummerċjali tintuża għax-xandir jew għal komunikazzjoni lill-pubbliku u, f’dan il-każ, l-artisti kkonċernati għandhom dritt biss għal remunerazzjoni ekwa. L-Artikolu 15 ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi eċċezzjonijiet klassiċi għad-drittijiet esklużivi tal-artisti, filwaqt li l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2006/115, fil-kuntest tal-possibbiltà offruta mill-Artikolu 19 tal-imsemmija konvenzjoni, jippermetti lill-Istati Membri li jipprevedu preżunzjoni ta’ awtorizzazzjoni min-naħa tal-artisti għall-atti koperti minn din id-direttiva meta jkunu taw il-kunsens biex il-prestazzjonijiet tagħhom jiġu inklużi f’xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv.

( 19 ) Ara Ficsor, M., Guide des traités sur le droit d’auteur et les droits connexes administrés par l’OMPI, WIPO, Genève, 2003, p. 153.

( 20 ) Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke (C‑301/15, EU:C:2016:878, punt 35), kif ukoll tal‑14 ta’ Novembru 2019, Spedidam (C‑484/18, EU:C:2019:970, punt 40).

( 21 ) Jiġifieri r-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku f’forma diġitali tal-kotba li ma humiex kummerċjalment disponibbli u l-isfruttament ta’ prestazzjonijiet li jinsabu f’xogħlijiet awdjoviżivi antiki.

( 22 ) Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, Spedidam (C‑484/18, EU:C:2019:970, punt 40).

( 23 ) Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke (C‑301/15, EU:C:2016:878, punt 38), kif ukoll tal‑14 ta’ Novembru 2019, Spedidam (C‑484/18, EU:C:2019:970, punt 43).

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke (C‑301/15, EU:C:2016:878, punt 39).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke (C‑301/15, EU:C:2016:878, punt 45).

( 26 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, VG Wort et (C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:426, punti 28 u 29).

( 27 ) Dan hu minnu, tal-inqas, għal dak li jikkonċerna l-mużiċisti impjegati taħt l-istatus ta’ membri tal-persunal tas-servizz pubbliku. Għall-mużiċisti impjegati taħt kuntratt ta’ xogħol, l-aħħar premessa tal-att kontenzjuż fil-kawża prinċipali tipprevedi li dan l-att ser isir applikabbli għalihom permezz ta’ addendum fil-kuntratti tagħhom.

( 28 ) Madankollu, skont l-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 19 tagħha huwa applikabbli għall-kuntratti eżistenti mis‑7 ta’ Ġunju 2021 mingħajr riżervi.