Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)
1 ta’ Ottubru 2026 (*)
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Direttiva 2001/55/KE – Standards minimi għall-għoti ta’ protezzjoni temporanja fil-każ ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u miżuri intiżi li jiżguraw bilanċ bejn l-isforzi magħmula mill-Istati Membri għall-akkoljenza ta’ dawn il-persuni u sabiex isostnu l-konsegwenzi ta’ din l-akkoljenza – Artikolu 17(2) – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Għoti tal-protezzjoni internazzjonali lil persuna li tgawdi minn protezzjoni temporanja skont id-Direttiva 2001/55 – Artikolu 31 – Prassi amministrattiva nazzjonali li tikkonsisti fis-sospensjoni, matul il-perjodu ta’ protezzjoni temporanja, tad-dekorrenza tat-terminu previst għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali”
Fil-Kawża C‑249/25 [Jilin] (i),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ April 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ April 2025, fil-proċedura
Minister van Asiel en Migratie
vs
UB,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu‑Matei, S. Rodin (Relatur), N. Piçarra u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal UB, minn F. Zeven, advocaat,
– għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. H. S. Gijzen u J. Langer, bħala aġenti,
– għall-Gvern Belġjan, minn L. Jans u M. Van Regemorter, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u D. Lutostańska, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc, M. Debieuvre u L. Haasbeek, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ April 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal‑20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 162), kif ukoll tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Minister van Asiel en Migratie (il-Ministru għall-Ażil u għall-Immigrazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) u UB, dwar il-possibbiltà għall-Ministru li jissospendi l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn UB sakemm dan tal-aħħar igawdi mill-protezzjoni temporanja skont id-Direttiva 2001/55.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2001/55
3 Il-premessa 18 tad-Direttiva 2001/55 tipprovdi:
“Għandhom jiġu stabbiliti r-regoli sabiex jirregolaw l-aċċess għall-proċedura ta’ l-asil fil-kuntest tal-protezzjoni temporanja fl-eventwailità ta’ influss bil-massa tal-persuni spostati, skond l-obbligi internazzjonali ta' l-Istati Membri u tat-Trattat.”
4 L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“Il-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajjiżi terzi li ma jkunux jistgħu jmorru lura lejn il-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom u li tippromwovi bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu lil dawn il-persuni u jġorru l-konsegwenzi tagħhom.”
5 L-Artikolu 2(a), (ċ) u (d) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:
“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
(a) ‘protezzjoni temporanja’ tfisser proċedura ta’ karattru eċċezzjonali sabiex tipprovdi, fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajiżi terzi li ma jkunux kapaċi jerġgħu lura lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom, protezzjoni immedjata u temporanja lil dawn il-persuni, b’mod partikolari jekk ikun hemm ukoll ir-riskju illi din is-sistema ta’ asil ma’ tkunx kapaċi li tipproċessa dan l-influss mingħajr effetti negattivi għall-ħidma effiċjenti tagħha, fl-interess tal-persuni kkonċernati u ta’ persuni oħra li jitolbu l-protezzjoni;
[...]
(ċ) ‘persuni spostati’ tfisser iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi u l-persuni mingħajr stat li kellhom iħallu l-pajjiż jew ir-reġjun ta’ l-oriġini tagħhom, jew ġew evakwati, [...], u ma jkunux kapaċi jerġgħu lura f’kondizzjonijiet ta’ sigurtà u tat-tul taż-żmien minħabba s-sitwazzjoni li tipprevali f’dan il-pajjiż, li jistgħu jidħlu fl-iskop ta’ l-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 [1954]), li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 u li ġiet ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż f’New York fil‑31 ta’ Jannar 1967 u li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Genève’),] jew ta’ strumenti internazzjonali jew nazzjonali li jagħtu protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari:
(i) il-persuni li ħarbu minn żoni tal-konflitt bl-armi jew ta' vjolenza endemika;
(ii) il-persuni f’riskju gravi ta’ vjolazzjonijiet sistematiċi jew iġġeneralizzati tad-drittijiet umani tagħhom jew li kienu l-vittmi tagħhom;
(d) ‘influs bil-massa’ tfisser il-wasla fil-Komunità [Ewropea] ta’ numu kbir ta’ persuni spostati, li jkunu ġejjin minn pajjiż speċifiku jew żona speċifika, sewwa jekk il-wasla tagħhom fil-Komunità kienet spontanja u sewwa jekk megħjuna, per eżempju permezz ta' programm ta’ evakwazzjoni”.
6 Skont l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva:
“Il-protezzjoni temporanja ma għandhiex tippreġudika ir-rikonoxximent ta’ l-istatus ta’ rifuġjat skond il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.”
7 L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2001/55 jipprovdi:
“1. Il-persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja jridu jkunu kapaċi jiddepożitaw applikazzjoni għall-asil f’kull ħin.
2. L-eżaminazzjoni ta’ kull applikazzjoni għall-asil mhux ipproċessata qabel it-tmiem tal-perjodu taż-żmien tal-protezzjoni temporanja għandha tiġi kkompletata qabel it-tmiem ta’ dan il-perodu taż-żmien.”
8 L-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“1. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-protezzjoni temporanja ma’ titgawdiex simultanjment ma’ l-istatus ta’ min ikun qiegħed ifittex l-asil waqt li jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati l-applikazzjonijiet.
2. Meta, wara li tkun ġiet eżaminata applikazzjoni għall-asil, jew meta ma jiġix konċess, meta applikabbli, tip ieħor ta’ protezzjoni lil persuna sabiex tgawdi jew tkun qiegħda tgawdi protezzjoni temporanja, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28, li din il-persuna tgawdi jew tissokta tgawdi l-protezzjoni temporanja għall-bqija tal-perjodu taż-żmien tal-protezzjoni.”
Id-Direttiva 2011/95/UE
9 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), bit-titolu “Skop”, jipprovdi:
“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għal refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal ptotezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.”
10 L-Artikolu 2(h) u (i) ta’ din id-direttiva jippreċiża:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
(h) ‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista' tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva, li tista' ssir applikazzjoni separata għaliha;
(i) ‘applikant’ ifisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li għamel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha għadha ma ttiħditx deċiżjoni finali”.
Id-Direttiva 2013/32
11 Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/32, bit-titolu “Għan”:
“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal- protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva [2011/95].”
12 L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu (b) tiegħu:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[...]
(b) ‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ jew ‘applikazzjoni’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li qed tfittex stat ta’ rifuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni barra mill-ambitu tad-Direttiva [2011/95], li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha”.
13 L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/32, bit-titolu “Ambitu”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali magħmula fit-territorju, inklużi dawk magħmula fil-fruntiera fl-ilmijiet territorjali jew fiż-żoni ta’ tranżitu, tal-Istati Membri, u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali.”
14 L-Artikolu 31 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Proċedura ta’ eżami”, jipprevedi, fil-paragrafi 3 sa 5 tiegħu:
“3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni.
Fejn applikazzjoni tkun suġġetta għall-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 604/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49. p. 50)], il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur għandu jibda japplika mill-mument li l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tagħha jiġi determinat f’konformità ma’ dak ir-Regolament, l-applikant ikun fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru u l-awtorità responsabbli tkun ħadet responsabbiltà tiegħu.
L-Istati Membri jistgħu jestendu l-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur stabbilit f’dan il-paragrafu għal perjodu li ma jaqbiżx disa’ xhur oħra, meta:
(a) jkun hemm kwistjonijiet kumplessi ta’ fatt u/jew liġi;
(b) għadd kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi japplikaw simultanjament għall-protezzjoni internazzjonali, bir-riżultat li jsir diffiċli ħafna fil-prattika li l-proċedura tiġi ffinalizzata fil-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur;
(c) fejn id-dewmien ikun ċarament attribwit għan-nuqqas li l-applikant jikkonforma mal-obbligi tiegħu/tagħha taħt l-Artikolu 13.
Permezz ta’ eċċezzjoni, l-Istati Membri jistgħu, f’ċirkostanzi ġustifikati kif xieraq, jaqbżu l-limiti taż-żmien stabbiliti li jinsabu f’dan il-paragrafu b’massimu ta’ tliet xhur meta dan ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat eżami adegwat u sħiħ tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.
4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 13 u 18 tad-Direttiva [2011/95], l-Istati Membri jistgħu jippostponu l-konklużjoni tal-proċedura ta’ eżami meta l-awtorità determinanti ma tkunx tista’ tiġi mistennija li tiddeċiedi fil-limit ta’ żmien stipulati fil-paragrafu 3 minħabba sitwazzjoni inċerta fil-pajjiż ta’ oriġini li tkun mistennija li tkun waħda temporanja. F’każ bħal dan, l-Istati Membri għandhom:
(a) iwettqu rieżamijiet tas-sitwazzjoni f’dak il-pajjiż ta’ oriġini tal-inqas kull sitt xhur;
(b) jinformaw lill-applikanti kkonċernati fi żmien raġonevoli bir-raġunijiet għall-posponiment;
(c) jinformaw lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli bil-posponimenti ta’ proċeduri għal dak il-pajjiż ta’ oriġini.
5. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jikkonkludu l-proċedura ta’ eżami f’limitu ta’ żmien massimu ta’ 21 xahar minn meta ssir l-applikazzjoni.”
Id-dritt Olandiż
Il-Liġi Ġenerali dwar il-Proċeduri Ġudizzjarji Amministrattivi
15 L-Artikolu 6:12 tal-Algemene wet bestuursrecht (il-Liġi Ġenerali dwar il-Proċeduri Ġudizzjarji Amministrattivi), tal‑4 ta’ Ġunju 1992 (Stb. 1992, Nruo 315), jipprevedi:
“1. Meta r-rikors jiġi ppreżentat kontra l-assenza ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni fit-termini stabbiliti [...], [il-preżentata ta’ dan ir-rikors] ma għandha tkun suġġetta għall-osservanza ta’ ebda terminu.
2. Ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat meta:
a. l-awtorità amministrattiva tkun naqset milli tagħti deċiżjoni fi żmien xieraq [...] u meta
b. ikunu għaddew ġimagħtejn mill-għada tal-jum li fih il-persuna kkonċernata tkun bagħtet l-ittra ta’ intimazzjoni lill-awtorità amministrattiva.
[...]”
16 L-Artikolu 8:55d tal-Liġi Ġenerali dwar il-Proċeduri Ġudizzjarji Amministrattivi jipprovdi:
“1. Jekk ir-rikors ikun fondat u jekk deċiżjoni tkun għadha ma ġietx ikkomunikata, il-qorti amministrattiva għandha tordna lill-awtorità amministrattiva tikkomunika deċiżjoni fi żmien ġimagħtejn mill-għada tal-ħruġ tas-sentenza tagħha.
2. Il-qorti amministrattiva għandha tannetti mas-sentenza tagħha pagamenti ta’ penalità speċifiċi għal kull jum ta’ dewmien li l-awtorità amministrattiva tieħu sabiex tosserva din is-sentenza. [...]
3. F’każijiet partikolari jew meta l-osservanza ta’ rekwiżiti legali oħra tkun timponi dan, il-qorti amministrattiva tista’ tipprevedi terminu ieħor jew tordna miżura oħra.”
Il-Liġi tal‑2000 dwar il-Persuni Barranin
17 L-Artikolu 42 tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi tal‑2000 dwar il-Persuni Barranin), tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nruo 495), jipprevedi:
“1. Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-għoti ta’ permess ta’ residenza temporanja [...] għandha tiġi adottata fi żmien sitt xhur minn meta l-applikazzjoni tiġi rċevuta.
[...]
4. It-terminu msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi estiż b’terminu massimu ta’ disa’ xhur addizzjonali meta:
[...]
5. wara l-estensjoni msemmija fil-paragrafu 4, meta din tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat eżami xieraq u komplut tal-imsemmija applikazzjoni, it-terminu jista’ jiġi estiż mill-ġdid b’massimu ta’ tliet xhur. [...]”
18 L-Artikolu 43(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:
“Permezz ta’ deċiżjoni [tal-Ministru], għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini barranin li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għall-għoti ta’ permess ta’ residenza temporanja [...], it-terminu msemmi fl-Artikolu 42(1) jista’ jiġi estiż b’perijodu massimu ta’ 21 xahar, meta, skont il-probabbiltajiet kollha, tkun teżisti għal perijodu qasir inċertezza dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini u meta, abbażi ta’ dan, ma jkunx jista’ raġonevolment jiġi deċiż jekk din l-applikazzjoni tistax tintlaqa’ [...]”
19 Skont l-Artikolu 43a tal-imsemmija liġi:
“B’deroga mill-Artikolu 42(1), [...], fir-rigward taċ-ċittadini barranin li jgawdu mill-protezzjoni temporanja, id-deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-għoti tal-permess ta’ residenza temporanja msemmija fl-Artikolu 28 għandha tittieħed f’mument li jkun jinsab bejn id-data li fiha tiġi rċevuta din l-applikazzjoni u sitt xhur wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ protezzjoni temporanja. [...]”
Id-Digriet Irjali dwar l-Implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Persuni Barranin
20 L-Artikolu 3.1a tal-Besluit tot uitvoering van de Vreemdelingenwet, (id-Digriet Irjali dwar l-Implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Persuni Barranin), tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, 497), jipprovdi:
“1. Il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ permess ta’ residenza temporanja għal skopijiet ta’ ażil ikollha l-konsegwenza li t-tneħħija ma sseħħx waqt li tkun fis-seħħ deċiżjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva [2001/55], sakemm iċ-ċittadin barrani:
a. ikun jappartjeni għall-grupp speċifiku ta’ ċittadini barranin iddefinit f’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bħal dik imsemmija fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/55;
b. ikun il-konjuġi taċ-ċittadin barrani msemmi fil-punt (a), jew is-sieħeb mhux miżżewweġ li miegħu dan iċ-ċittadin barrani jkollu relazzjoni stabbli, u kien qiegħed jgħix mal-isemmi ċittadin barrani fiż-żmien li fih seħħew il-fatti li taw lok għad-deċiżjoni msemmija fis-sentenza introduttiva;
c. ikun il-wild minuri, mhux miżżewweġ, kemm jekk adottat kif ukoll jekk le, taċ-ċittadin barrani msemmi fil-punti (a) jew (b);
d. ikun qarib ieħor taċ-ċittadin barrani msemmi fil-punt (a) li, fil-mument tal-fatti li wasslu għad-deċiżjoni msemmija fis-sentenza introduttiva, kien kompletament jew fil-parti l-kbira dipendenti fuq dan iċ-ċittadin barrani u kien jgħix fi ħdan l-unità familjali, u li l-abbandun tiegħu ikun joħloq sitwazzjoni trawmatika; jew,
e. ikun jappartjeni lill-grupp, li għandu jiġi indikat permezz ta’ digriet ministerjali, ta’ ċittadini barranin li joriġinaw mill-istess pajjiż jew mill-istess reġjun bħaċ-ċittadin barrani msemmi fil-punt (a), spostati għall-istess raġuni u li ma jkunux igawdu diġà minn protezzjoni f’pajjiż ieħor li huwa parti għat-Trattat [FUE] jew għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3)].
[...]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
21 Fis‑7 ta’ Marzu 2022, UB, ċittadin Ċiniż ta’ oriġini Ujgur, wasal fil-Pajjiżi l-Baxxi ma’ martu, ċittadina Ukrena, u l-wild tagħhom. Fit‑13 ta’ April 2022, huwa ppreżenta applikazzjoni għall-ażil fiċ-ċentru ta’ reġistrazzjoni tal-akkoljenza ċentrali tal-applikanti għall-ażil f’Ter Apel (il-Pajjiżi l-Baxxi).
22 Wara li bdiet l-eżami ta’ din l-applikazzjoni għall-ażil, l-awtorità kompetenti kkonstatat, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, li UB, bħala membru tal-familja ta’ ċittadin Ukren residenti fl-Ukraina ma’ martu u mal-wild tagħhom qabel l‑24 ta’ Frar 2022, kellu dritt għall-protezzjoni temporanja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-istess jum li fih UB instema’ fir-rigward tal-imsemmija applikazzjoni għall-ażil, il-Ministru informah li ma kienx hemm lok li jitkompla l-eżami ta’ din l-applikazzjoni, peress li huwa kien jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex igawdi minn din il-protezzjoni. Fil-fehma tiegħu, l-ipproċessar tal-istess applikazzjoni għall-ażil seta’ jitkompla mal-iskadenza tal-perijodu ta’ protezzjoni temporanja.
23 Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tas‑16 ta’ Jannar 2024, UB ilmenta li l-Ministru ma tax deċiżjoni fit-termini previsti mid-Direttiva 2013/32 dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil. Fid-dawl tal-assenza ta’ deċiżjoni meħuda fil-ġimagħtejn wara li ntbagħtet din l-ittra, UB ippreżenta rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Arnhem (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Arnhem, il-Pajjiżi l-Baxxi).
24 Ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Arnhem (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Arnhem) qieset li t-terminu massimu ta’ 21 xahar sabiex tiġi konkluża l-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil imsemmi fid-Direttiva 2013/32 kien jibda jiddekorri fil-każijiet kollha mill-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni għall-ażil. Konsegwentement, f’dan il-każ, peress li l-applikazzjoni għall-ażil ta’ UB kienet ġiet ippreżentata fit‑13 ta’ April 2022, dik il-qorti distrettwali qieset li l-Ministru kellu jagħti deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni għall-ażil sa mhux iktar tard minn Jannar 2024. Peress li l-Ministru ma kienx ħa deċiżjoni fi żmien xieraq, l-imsemmija qorti distrettwali ordnatlu jagħti deċiżjoni dwar l-imsemmija applikazzjoni għall-ażil f’terminu ta’ tmien ġimgħat wara s-sentenza tagħha, bla ħsara għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 100 għal kull jum ta’ dewmien fil-limitu ta’ ammont massimu ta’ EUR 7 500.
25 Il-Ministru ppreżenta rikors kontra s-sentenza tar-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Arnhem (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Arnhem) quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju.
26 Permezz ta’ dak ir-rikors, il-Ministru jsostni li la mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/32 li jispeċifikaw it-termini għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-ażil u lanqas mir-“raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni ta’ din id-direttiva” ma jirriżulta li dawn it-termini japplikaw ukoll fis-sitwazzjonijiet eċċezzjonali rregolati mid-Direttiva 2001/55.
27 Il-qorti tar-rinviju tispjega li d-Direttiva 2001/55 ġiet trasposta fid-dritt Olandiż fis‑16 ta’ Diċembru 2004. Skont dik il-qorti, minn din it-traspożizzjoni jirriżulta li għandha tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil sabiex persuna tkun tista’ tgawdi mill-protezzjoni temporanja. It-terminu għall-għoti ta’ deċiżjoni relatat ma’ tali applikazzjoni għall-ażil huwa sospiż għat-tul tal-protezzjoni temporanja, b’tali mod li jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-imsemmija applikazzjoni għall-ażil biss wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ protezzjoni temporanja.
28 Il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tiddeċiedi t-tilwima li biha hija adita, huwa neċessarju li hija tistabbilixxi kif it-terminu previst għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandu jiġi ddeterminat meta l-persuna li tkun ippreżentat tali applikazzjoni tkun ukoll tgawdi mill-protezzjoni temporanja.
29 F’dan ir-rigward, dik il-qorti tirrileva li minn interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2001/55 jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija redatta skont “formulazzjoni miftuħa”. Fil-fehma tagħha, għalkemm huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jikkompleta l-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil, jew matul il-perijodu ta’ protezzjoni temporanja, jew wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni ma tippreċiżax meta l-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil għandu effettivament jibda u lanqas kemm jista’ jdum dan l-eżami.
30 L-imsemmija qorti tqis, b’mod iktar wiesa’ li l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2001/55 u tad-Direttiva 2013/32 ma toffrix tweġiba deċiżiva fir-rigward tal-kwistjoni ta’ dritt li tqum f’dan il-każ.
31 Hija u teżamina l-kuntest li taħtu taqa’ d-Direttiva 2001/55, l-istess qorti tosserva li, permezz ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa n-neċessità li tkun tista’ tiġi offruta , fl-Istati Membri, “protezzjoni immedjata u temporanja” lill-persuni spostati, b’mod partikolari meta jkun hemm ukoll riskju li s-sistema ta’ ażil tal-Istati Membri ma tkunx tista’ tiġġestixxi tajjeb l-influss tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Madankollu, la d-Direttiva 2001/55, la d-Direttiva 2013/32 u lanqas id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta' l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2006, L 175M, p. 168), ma jipprevedu dispożizzjonijiet derogatorji fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-Direttiva 2001/55.
32 B’mod iktar ġenerali, il-qorti tar-rinviju tqis li eżami globali tad-Direttivi 2001/55 u 2013/32 kif ukoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettilhiex tiddeduċi b’ċertezza li teżisti possibbiltà li ma tingħatax deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn persuna li tgawdi mill-protezzjoni temporanja matul il-perijodu ta’ protezzjoni temporanja.
33 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 17(2) tad-Direttiva [2001/55] għandu jiġi interpretat bħala li jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jissospendu l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ persuna li tgawdi minn protezzjoni temporanja, matul dan il-perijodu ta’ protezzjoni temporanja?
2) Il-limiti ta’ żmien għad-deċiżjoni imsemmija fl-Artikolu 31 tad-Direttiva [2013/32] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fejn applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun tressqet qabel jew matul il-perijodu ta’ protezzjoni temporanja minn benefiċjarju ta’ din il-protezzjoni [...], dawk il-limiti ta’ żmien jibdew jiddekorru biss jew jerġgħu jibdew jiddekorru biss fi tmiem il-perijodu ta’ protezzjoni temporanja?”
Fuq id-domandi preliminari
34 Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2001/55 u l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jissospendu b’mod awtomatiku l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-persuni li jgawdu mill-protezzjoni temporanja matul il-perijodu ta’ protezzjoni temporanja, b’tali mod li t-terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar dawn l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jibda jiddekorri jew ikompli jiddekorri biss wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu.
35 Hekk kif jindika l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2001/55 hija intiża li tistabbilixxi standards minimi għall-għoti ta’ protezzjoni temporanja fil-każ ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajjiżi terzi li ma jkunux jistgħu jmorru lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom u li tikkontribwixxi sabiex jinstab bilanċ bejn l-isforzi magħmula mill-Istati Membri għall-akkoljenza ta’ dawn il-persuni u sabiex isostnu l-konsegwenzi ta’ din l-akkoljenza. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva, l-implimentazzjoni ta’ din il-protezzjoni tfittex, b’mod partikolari, li tevita li s-sistema intiża għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali tkun mgħobbija bil-preżentazzjoni ta’ numru kbir ta’ applikazzjonijiet f’salt intiżi li jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat, u dan kemm fl-interess ta’ dawn l-istess persuni kif ukoll fl-interess tal-persuni l-oħra li jitolbu protezzjoni internazzjonali.
36 Dan il-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja u immedjata, li huwa manifestazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-politika tal-ażil, imsemmija fl-Artikolu 80 TFUE, huwa, madankollu, hekk kif proprju jenfasizzaw il-premessi 2 u 13, kif l-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva, ta’ natura eċċezzjonali u għandu jkun irriżervat għall-każijiet ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati. Barra minn hekk, huwa jagħti lill-persuni li jgawdu minnu drittijiet iktar limitati minn dawk li jirriżultaw mill-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2011/95 (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Kaduna, C‑244/24 u C‑290/24, EU:C:2024:1038, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
37 Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, huwa neċessarju li jitqiesu mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea tista’ wkoll tipprovdi informazzjoni rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha. (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12; tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 50, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2026, Gonrieh, C‑819/25 PPU, EU:C:2026:252, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
38 Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2001/55 jirriżulta li din id-dispożizzjoni sempliċement tistabbilixxi regola dwar il-modalitajiet ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ protezzjoni temporanja, mingħajr madankollu ma tippreċiża l-modalitajiet ta’ eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet matul dan il-perijodu u, b’mod partikolari, jekk l-Istati Membri għandhomx il-possibbiltà li ma jwettqux tali eżami matul l-imsemmi perijodu.
39 Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2001/55 kif ukoll tal-oriġini ta’ dan l-Artikolu 17(2), għandu, l-ewwel nett, jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/55 jippreċiża li l-protezzjoni temporanja ma tippreġudikax ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat skont il-Konvenzjoni ta’ Genève, filwaqt li l-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-persuni li jgawdu mill-protezzjoni temporanja għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għall-ażil “f’kull ħin”.
40 Barra minn hekk, mill-Artikolu 19(2) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, jekk, wara l-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil, l-istatus ta’ refuġjat jew, jekk ikun hemm lok, tip ieħor ta’ protezzjoni ma jingħatax lil persuna li tista’ tgawdi jew li tgawdi mill-protezzjoni temporanja, din il-persuna għandha tgawdi jew għandha tkompli tgawdi mill-protezzjoni temporanja għall-kumplament tal-perijodu ta’ protezzjoni.
41 Għaldaqstant, mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2001/55 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jistabbilixxi sistema li fiha l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ protezzjoni internazzjonali tkun awtomatikament eskluża jew sospiża, iżda, għall-kuntrarju, huwa ippreveda li tali proċeduri jistgħu jitmexxew matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni temporanja.
42 It-tieni nett, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 42 sa 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2001/55 jirriżulta li, fl-assenza ta’ ftehim dwar il-possibbiltà li jiġi sospiż l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali matul il-perijodu ta’ protezzjoni temporanja, l-Istati Membri ddeċidew li ma jintroduċux din il-possibbiltà f’din id-direttiva, minkejja li din kienet tinsab fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni.
43 Konsegwentement, ma jistax jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni impliċitament ippreveda l-imsemmija possibbiltà fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2001/55.
44 Għaldaqstant, mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2001/55 kif ukoll mill-oriġini tal-Artikolu 17(2) tagħha jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jistabbilixxi sistema li fiha l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ protezzjoni internazzjonali tkun jew tista’ tkun awtomatikament eskluża jew sospiża, iżda, għall-kuntrarju, ippreveda li tali proċeduri jkunu jistgħu jitmexxew matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni temporanja.
45 It-tielet nett, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ir-regoli ġenerali dwar il-proċeduri ta’ protezzjoni internazzjonali stabbiliti mid-Direttivi 2011/95 u 2013/32. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi li din id-direttiva hija intiża li tistabbilixxi standards relatati mal-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr stat għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jgawdu minn protezzjoni internazzjonali, ma’ status uniformi għar-refuġjati u għall-persuni li jistgħu jgawdu mill-protezzjoni sussidjarja u mal-kontenut ta’ din il-protezzjoni. Barra minn hekk, mill-qari ta’ dan l-Artikolu 1 flimkien ma’ dak tal-Artikolu 2(h) u (i) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din tirregola l-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni li jistgħu jinftiehmu bħala li huma intiżi għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat li jiġu ppreżentati lil Stat Membru minn kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn kull persuna apolida.
46 Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 1 u mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li din id-direttiva, li hija intiża li tistabbilixxi proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati fit-territorju tal-Istati Membri, inkluż fil-fruntiera, fl-ilmijiet territorjali jew f’żona ta’ tranżitu.
47 Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni bl-ebda mod ma eskluda mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32 lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal din il-protezzjoni, diġà kienu jgawdu mill-protezzjoni temporanja.
48 Għaldaqstant, fl-assenza ta’ preċiżazzjoni kuntrarja fid-Direttivi 2011/95 u 2013/32, għandu jitqies li r-regoli ġenerali stabbiliti minn dawn id-direttivi huma normalment applikabbli għal tali applikanti għal protezzjoni internazzjonali. B’mod partikolari, it-termini msemmija fl-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32 għandhom jitqiesu li japplikaw, bħala prinċipju, waqt l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-applikant għal din il-protezzjoni jgawdix diġà mill-protezzjoni temporanja.
49 Din il-konklużjoni hija sostnuta mill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jestendu t-terminu għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali meta raġunijiet oġġettivi jkunu jiġġustifikaw tali estensjoni.
50 B’mod partikolari, il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jestendu t-terminu ta’ sitt xhur previst għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għal perijodu li ma jistax jeċċedi disa’ xhur addizzjonali, jekk numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat jitolbu simultanjament protezzjoni internazzjonali, b’tali mod li jkun diffiċli ħafna, fil-prattika, li l-proċedura tiġi konkluża fit-terminu ta’ sitt xhur.
51 Barra minn hekk, mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu, f’ċirkustanzi debitament iġġustifikati, jaqbżu b’massimu ta’ tliet xhur it-termini ta’ sitt u ta’ disa’ xhur, imsemmija fl-ewwel subparagrafu u fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) ta’ din id-direttiva, meta dan ikun neċessarju sabiex jiġi żgurat eżami xieraq u eżawrjenti tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.
52 Barra minn hekk, mill-Artikolu 31(4) u (5) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jipposponu l-konklużjoni tal-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meta l-awtorità determinanti ma tkunx tista raġonevolment tiġi mistennija tagħti deċiżjoni fit-termini previsti fl-Artikolu 31(3), minħabba sitwazzjoni inċerta fil-pajjiż ta’ oriġini li tkun mistennija li tkun temporanja, sakemm ma jinqabiżx terminu finali ta’ 21 xahar.
53 Minn dan isegwi li l-imsemmi Artikolu 31 jippermetti b’mod partikolari lill-Istati Membri jaqbżu t-terminu ta’ sitt xhur normalment previst għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali f’sitwazzjonijiet ikkaratterizzati minn żieda fil-pressjoni fuq is-sistemi ta’ protezzjoni internazzjonali tagħhom, bħal dawk li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-protezzjoni temporanja prevista mid-Direttiva 2001/55, b’tali mod li l-istess Artikolu 31 juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni debitament ħa inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet amministrattivi li jistgħu jiġu kkawżati miż-żieda fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati simultanjament.
54 Fit-tielet lok, ma jistax jitqies li sospensjoni ġġeneralizzata u awtomatika tal-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jew tat-termini għall-eżami ta’ tali applikazzjoni matul il-perijodu ta’ protezzjoni temporanja hija neċessarja sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għanijiet ta’ din id-direttiva.
55 Ċertament, hekk kif tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, l-implimentazzjoni tal-protezzjoni temporanja hija intiża li jiġi evitat li s-sistema intiża għall-protezzjoni internazzjonali tkun mgħobbija bil-preżentazzjoni ta’ numru kbir ta’ applikazzjonijiet f’salt minn persuni spostati intiżi li jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat, u dan kemm fl-interess ta’ dawn il-persuni spostati kif ukoll fl-interess tal-persuni l-oħra li jitolbu protezzjoni internazzjonali.
56 Madankollu, l-imsemmija direttiva hija intiża wkoll li tiżgura li tinżamm il-possibbiltà effettiva taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tal-persuni mingħajr Stat li jgawdu mill-protezzjoni temporanja li jiksbu protezzjoni internazzjonali, wara eżami xieraq tas-sitwazzjoni individwali tagħhom, filwaqt li tiżguralhom, b’mod immedjat, protezzjoni ta’ portata iżgħar (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2025, Framholm, C‑195/25, EU:C:2025:904, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
57 Issa, dan l-aħħar għan jimmilita kontra l-għoti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri ta’ possibbiltà li jissospendu, b’mod iġġeneralizzat u awtomatiku, l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali matul il-perijodu ta’ protezzjoni temporanja.
58 Barra minn hekk, l-implimentazzjoni, għall-Unjoni Ewropea kollha, tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja stabbilit mid-Direttiva 2001/55, ma tfissirx neċessarjament li Stat Membru huwa kkonfrontat bil-preżentazzjoni ta’ numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li teċċedi l-kapaċitajiet tas-sistema ta’ protezzjoni tiegħu. Għaldaqstant, l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn persuna li tgawdi mill-protezzjoni temporanja ma jistax jiġi pospost għas-sempliċi raġuni li tali eżami jkun jista’ jikser l-għan imfakkar fil-punt 55 ta’ din is-sentenza.
59 Barra minn hekk, sospensjoni eventwali ġġeneralizzata u awtomatika tal-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-persuni li jgawdu mill-protezzjoni temporanja tista’, mal-iskadenza tal-perijodu ta’ protezzjoni temporanja, tesponi lill-awtoritajiet kompetenti għall-oneru li jkollhom jeżaminaw simultanjament numru kbir ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, b’mod li din il-miżura ma tidhirx realment li tista’ tilħaq l-għan ta’ protezzjoni tas-sistemi nazzjonali kontra t-tagħbija kkawżata mill-preżentazzjoni ta’ numru kbir ta’ applikazzjonijiet f’salt intiżi li tinkiseb il-protezzjoni internazzjonali.
60 Madankollu, ma jistax jiġi kompletament eskluż li, eċċezzjonalment, il-preżentazzjoni, fuq perijodu qasir, ta’ numru kunsiderevoli ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mill-persuni li jgawdu mill-protezzjoni temporanja, tqiegħed, fil-prattika, lil Stat Membru fl-impossibbiltà oġġettiva, fid-dawl tal-kapaċitajiet tas-sistema ta’ protezzjoni temporanja tiegħu u minkejja l-miżuri kollha raġonevolment possibbli sabiex jaffronta tali influss, li jeżamina dawn l-applikazzjonijiet kollha b’osservanza stretta tat-termini msemmija fl-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32.
61 Għalkemm l-eżistenza ta’ tali impossibbiltà oġġettiva ma tistax, għar-raġunijiet esposti fil-punti 35 sa 59 ta’ din is-sentenza, tiġġustifika sospensjoni ġġeneralizzata u awtomatika tal-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-persuni li jgawdu mill-protezzjoni temporanja, hija tista’, min-naħa l-oħra, twassal lill-Istat Membru kkonċernat, bil-għan li jiżgura t-twettiq tal-għanijiet tad-Direttiva 2001/55 u sabiex iħares id-drittijiet tal-applikanti kollha għal protezzjoni internazzjonali, jieħu miżuri bħall-eżami gradwali ta’ dawn l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, jekk ikun il-każ billi jiddefinixxi prijoritajiet għal dan l-għan.
62 Tali miżuri jistgħu għalhekk, jekk ikun il-każ, iwasslu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jipposponu temporanjament l-eżami ta’ wħud mill-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati minn persuni li jgawdu mill-protezzjoni temporanja, mingħajr ma jkun possibbli li jiġi ggarantit, b’mod sistematiku, li kull waħda minn dawn l-applikazzjonijiet tkun tista’ finalment tiġi eżaminata b’osservanza stretta tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32.
63 F’sitwazzjoni fejn tali miżuri jkunu ġew implimentati mill-awtoritajiet kompetenti, huma l-qrati kompetenti, aditi b’rikors bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandhom jiżguraw li l-eventwali qbiż ta’ dawn it-termini, minn naħa, ma jirriżultax minn deċiżjoni ta’ sospensjoni ġġeneralizzata u awtomatika tal-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-persuni li jgawdu mill-protezzjoni temporanja u, min-naħa l-oħra, jirriżulta biss mill-miżuri neċessarji sabiex tiġi indirizzata impossibbiltà oġġettiva li jiġu osservati l-imsemmija termini, filwaqt li tiġi evitata t-tagħbija tas-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.
64 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2001/55 u l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
– dawn jipprekludu li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jissospendu b’mod awtomatiku l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-persuni li jgawdu mill-protezzjoni temporanja matul il-perijodu ta’ protezzjoni temporanja, b’tali mod li t-terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar dawn l-applikazzjonijiet għal protezzjoni temporanja jibda jiddekorri jew ikompli jiddekorri biss wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu;
– huwa possibbli għall-awtoritajiet kompetenti, f’każijiet eċċezzjonali, li jipposponu temporanjament l-eżami ta’ wħud mill-imsemmija applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali inkluż billi jaqbżu dan it-terminu għall-għoti ta’ deċiżjoni, sakemm dan il-qbiż ikun jirriżulta minn miżuri adottati sabiex tiġi affrontata impossibbiltà oġġettiva li l-imsemmi terminu għall-għoti ta’ deċiżjoni jiġi osservat b’mod strett filwaqt li tiġi evitata t-tagħbija tas-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u li jkunu neċessarji għal dan l-għan.
Fuq l-ispejjeż
65 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 17(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal‑20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta dawn, u l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
– dawn jipprekludu li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jissospendu b’mod awtomatiku l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-persuni li jgawdu mill-protezzjoni temporanja matul il-perijodu ta’ protezzjoni temporanja, b’tali mod li t-terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar dawn l-applikazzjonijiet għal protezzjoni temporanja jibda jiddekorri jew ikompli jiddekorri biss wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu;
– huwa possibbli għall-awtoritajiet kompetenti, f’każijiet eċċezzjonali, li jipposponu temporanjament l-eżami ta’ wħud mill-imsemmija applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali inkluż billi jaqbżu dan it-terminu għall-għoti ta’ deċiżjoni, sakemm dan il-qbiż ikun jirriżulta minn miżuri adottati sabiex tiġi affrontata impossibbiltà oġġettiva li l-imsemmi terminu għall-għoti ta’ deċiżjoni jiġi osservat b’mod strett filwaqt li tiġi evitata t-tagħbija tas-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u li jkunu neċessarji għal dan l-għan.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.