Brussell, 29.11.2024

COM(2024) 561 final

2024/0311(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2014/32/UE fir-rigward ta’ tagħmir tal-provvista tal-vetturi elettriċi, distributuri tal-gass ikkumpressat, u arloġġi tal-elettriku, tal-gass u tal-enerġija termali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Din il-proposta hija emenda teknika mmirata tad-Direttiva dwar l-Istrumenti tal-Kejl 2014/32/UE 1 (il-“MID”). Il-kamp ta’ applikazzjoni u r-rekwiżiti essenzjali assoċjati koperti mill-MID kienu diġà stabbiliti mid-Direttiva 2004/22/KE 2 , li tagħha l-MID hija riformulazzjoni. Għalhekk, baqgħu ma nbidlux għal aktar minn 20 sena. Dan ifisser li l-MID ma tkoprix strumenti tal-kejl ġodda li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew 3 . Dan huwa partikolarment il-każ għat-tagħmir tal-provvista tal-vetturi elettriċi u d-distributuri tal-gass ikkumpressat (eż. l-idroġenu u l-gass naturali) u l-arloġġi tal-enerġija termali għall-applikazzjonijiet tat-tkessiħ. Barra minn hekk, sa fejn huma kkonċernati l-arloġġi tal-elettriku u tal-gass, il-MID ma tindirizzax ir-rwol dejjem akbar tad-diġitalizzazzjoni (kejl intelliġenti) jew l-użu ta’ gassijiet ġodda (bħall-idroġenu jew gassijiet rinnovabbli oħra bħala alternattivi għall-gassijiet aktar tradizzjonali) li jfornu l-unitajiet domestiċi.

Minħabba f’hekk, in-nuqqas ta’ rekwiżiti armonizzati għal ċerti kategoriji ta’ strumenti tal-kejl huwa mistenni li jwassal għall-ħolqien ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali diverġenti u għalhekk għal frammentazzjoni tas-suq uniku. Tali frammentazzjoni twassal għal kostijiet ogħla għall-operaturi ekonomiċi u l-konsumaturi. Barra minn hekk, din tista’ wkoll tikkawża dewmien fit-tnedija ta’ teknoloġiji li huma essenzjali għat-tranżizzjoni doppja, ekoloġika u diġitali, tal-ekonomija tal-Unjoni.

Barra minn hekk, xi rekwiżiti essenzjali tal-MID ma għadhomx teknoloġikament newtrali (eż. rekwiżiti tal-wiri) li jipprevjenu l-użu ta’ soluzzjonijiet moderni u l-benefiċċji assoċjati tagħhom f’termini ta’ konvenjenza u protezzjoni għall-konsumaturi.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u biex tiġi evitata aktar frammentazzjoni tas-suq uniku, hija meħtieġa emenda teknika mmirata tal-MID.

Din il-proposta tipprovdi għal aġġornament limitat tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-MID (inklużi r-rekwiżiti essenzjali ġodda biex ikopru dan il-kamp ta’ applikazzjoni akbar) u aġġornament limitat ta’ xi rekwiżiti essenzjali fir-rigward tal-arloġġi tal-elettriku u tal-gass.

•    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

Il-proposta ma taffettwax l-applikabbiltà ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni applikabbli għall-istrumenti tal-kejl.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din l-inizjattiva hija konsistenti mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni u hija komplementari għaliha, b’mod partikolari l-Qafas Leġiżlattiv Ġdid.

Il-proposta se tgħin biex titħaffef it-tranżizzjoni doppja, ekoloġika u diġitali, f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa 4 .

Se tikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni b’suċċess tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi (AFIR, Alternative Fuels Infrastructure Regulation), 5 li huwa prerekwiżit għat-tnedija ta’ mobbiltà nadifa, u tad-Direttiva (UE) 2023/1791 dwar l-effiċjenza enerġetika 6 .

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

Il-bażi legali tal-proposta hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

F’konformità mal-Premessa (62) tal-MID, l-objettivi tal-MID jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni.

Ir-reġimi regolatorji diverġenti fl-Istati Membri joħolqu diskrepanzi fis-suq uniku. Jiġġeneraw kostijiet addizzjonali u piż amministrattiv; u joħolqu ostakli għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-istrumenti tal-kejl.

L-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali għat-tagħmir tal-provvista tal-vetturi elettriċi, għad-distributuri tal-gass ikkumpressat, għall-arloġġi tal-enerġija termali għall-applikazzjonijiet tat-tkessiħ; u għall-arloġġi intelliġenti, biex b’hekk jiġi żgurat il-moviment liberu tagħhom, tista’ tinkiseb biss fil-livell tal-Unjoni.

Mingħajr azzjoni tal-Unjoni, is-suq uniku se jibqa’ frammentat, u dan iwassal għal rekwiżiti diverġenti għal dawn l-istrumenti tal-kejl fl-Unjoni permezz ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali emerġenti.

Għalhekk, il-ħolqien ta’ qafas regolatorju armonizzat għall-istrumenti tal-kejl imsemmija jkun jevita l-ħolqien ta’ reġimi regolatorji differenti madwar l-Unjoni, u jtejjeb il-funzjonament tas-suq uniku.

•    Proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għaliex ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq uniku filwaqt li tipprovdi rekwiżiti armonizzati għat-tagħmir tal-provvista tal-vetturi elettriċi, għad-distributuri tal-gass ikkumpressat, għall-arloġġi tal-enerġija termali għall-applikazzjonijiet tat-tkessiħ u għar-rekwiżiti l-aktar avvanzati għall-arloġġi intelliġenti tal-elettriku u tal-gass.

•Għażla tal-istrument

Peress li l-att legali li jrid jiġi emendat huwa Direttiva, jixraq li l-att emendatorju jkollu l-istess forma.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Kummissjoni qed twettaq evalwazzjoni tad-Direttiva 2014/31/UE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi 7 (NAWID, non-automatic weighing instruments) u tal-MID. Mingħajr ma tipprevjeni l-eżitu ta’ dik l-evalwazzjoni, il-proposta attwali hija emenda teknika tal-MID biex tadattaha għall-progress teknoloġiku, peress li d-Direttiva ma tkoprix strumenti ġodda tal-kejl u ma għadhiex teknoloġikament newtrali.

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Din il-proposta tħejjiet billi tqieset il-ħidma tal-Kooperazzjoni Ewropea fil-Metroloġija Legali (“WELMEC”, European Cooperation in Legal Metrology) li tiġbor l-awtoritajiet nazzjonali tal-UE u tal-EFTA responsabbli mill-metroloġija legali.

L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra ġew mistiedna jattendu laqgħa speċjali tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Istrumenti tal-Kejl 8 dwar il-kwistjoni fil-11 ta’ Jannar 2024. Intalbu jikkontribwixxu għal din il-ħidma billi jibagħtu kummenti qabel u wara l-laqgħa. L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra ġew mistiedna jattendu wkoll laqgħa speċjali oħra tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Istrumenti tal-Kejl fit-12 ta’ Settembru 2024. Intalbu jikkontribwixxu għal din il-proposta billi jibagħtu kummenti qabel u wara l-laqgħa.

Fl-20 ta’ Settembru 2024, ġiet ippubblikata sejħa għal evidenza fuq il-pjattaforma “Semma’ Leħnek” 9 fejn kwalunkwe parti interessata ġiet mistiedna tipprovdi l-feedback sat-18 ta’ Ottubru 2024. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni rċeviet 53 kontribuzzjoni:

–ħamsa mingħand awtoritajiet pubbliċi,

–35 minn negozji u assoċjazzjonijiet tal-impriżi, u

–13 minn oħrajn.

Il-kontribuzzjonijiet li waslu kkonfermaw il-kwistjonijiet identifikati qabel mill-Kummissjoni, b’mod partikolari l-ħtieġa ta’ rekwiżiti essenzjali aġġornati li jappoġġaw l-introduzzjoni ta’ arloġġi intelliġenti, il-ħtieġa li l-Anness V tal-MID jirreferi b’mod espliċitu għall-Kurrent Dirett biex jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi, il-ħtieġa li jiġu armonizzati r-rekwiżiti metroloġiċi għall-istazzjonijiet tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi fil-livell tal-UE, u t-talba għall-integrazzjoni tal-applikazzjonijiet tat-tkessiħ fl-Anness VI tal-MID. 

•Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta ma hijiex akkumpanjata minn Valutazzjoni tal-Impatt, peress li hija sempliċi emenda teknika u mmirata tal-MID biex tadattaha għall-progress teknoloġiku.

L-Artikolu 47 tal-MID jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati. Madankollu, din is-setgħa hija limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni għal emendi puntwali tal-Annessi speċifiċi għall-istrumenti. Għalhekk, il-MID ma tinkludix l-għoti xieraq tas-setgħa biex il-Kummissjoni temenda b’mod aktar ġenerali l-Annessi u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-MID u tadattaha għall-progress teknoloġiku.

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din il-proposta se tgħin biex jitnaqqsu l-kostijiet taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti għall-manifatturi, inklużi l-SMEs, peress li se jkollhom jikkonformaw ma’ leġiżlazzjoni armonizzata waħda biss tal-UE minflok ma jiffaċċjaw sa 27 rekwiżit nazzjonali diverġenti.

Kostijiet tal-produzzjoni aktar baxxi se jibbenefikaw indirettament lill-konsumaturi.

•Drittijiet fundamentali

Il-proposta hija f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma tirrikjedix riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-Unjoni Ewropea.

5.ELEMENTI OĦRAJN

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-proposta ma tbiddilx l-arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar previsti fil-MID. Għaldaqstant, il-mekkaniżmi eżistenti se jintużaw għall-istrumenti miżjuda wkoll.

•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Il-proposta ma teħtieġx dokumenti ta’ spjegazzjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tagħha.

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Din il-proposta tinkludi:

·Aġġustamenti tekniċi għall-Anness I tal-MID dwar ir-rekwiżiti essenzjali applikabbli għall-istrumenti kollha koperti mid-direttiva. L-aġġustamenti għal dan l-anness se jaffettwaw biss l-istrumenti tal-kejl soġġetti għal din l-emenda teknika;

·Aġġustamenti tekniċi għall-Anness IV tal-MID dwar l-arloġġi tal-gass u l-apparati ta’ konverżjoni tal-volum biex titqies iż-żieda fl-użu ta’ gassijiet ġodda u t-tnedija tal-arloġġi intelliġenti;

·Aġġustamenti tekniċi għall-Anness V tal-MID dwar l-arloġġi tal-enerġija elettrika attivi biex jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi u t-tnedija tal-arloġġi intelliġenti;

·Żieda ta’ Anness Va ġdid dwar it-tagħmir tal-provvista tal-vetturi elettriċi biex jinkludi rekwiżiti essenzjali armonizzati;

·Aġġustamenti tekniċi għall-Anness VI tal-MID dwar l-arloġġi tal-enerġija termali biex jinkludu l-arloġġi tal-enerġija termali għall-applikazzjonijiet tat-tkessiħ;

·Żieda ta’ Anness VIIa ġdid dwar id-distributuri tal-gass ikkumpressat b’rekwiżiti essenzjali armonizzati.

2024/0311 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2014/32/UE fir-rigward ta’ tagħmir tal-provvista tal-vetturi elettriċi, distributuri tal-gass ikkumpressat, u arloġġi tal-elettriku, tal-gass u tal-enerġija termali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 10 ,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Wieħed mill-objettivi tad-Direttiva 2014/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 dwar l-istrumenti tal-kejl huwa li jiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/32/UE, l-istrumenti tal-kejl li huma parti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Anness I u fl-Annessi rilevanti speċifiċi għall-istrumenti.

(2)Il-kamp ta’ applikazzjoni u r-rekwiżiti essenzjali assoċjati koperti mid-Direttiva 2014/32/UE kienu diġà stabbiliti mid-Direttiva 2004/22/KE 12 , li tagħha d-Direttiva 2014/32/UE hija riformulazzjoni. Għalhekk, baqgħu ma nbidlux għal aktar minn 20 sena. Sadanittant, fis-suq tfaċċaw strumenti tal-kejl ġodda li ma humiex koperti mid-Direttiva 2014/32/UE. Dan huwa partikolarment il-każ għat-tagħmir tal-provvista tal-vetturi elettriċi u d-distributuri tal-gass ikkumpressat, li huma importanti biex it-tnedija tal-mobbiltà nadifa tirnexxi. Barra minn hekk, id-Direttiva 2014/32/UE ma tkoprix l-arloġġi tal-enerġija termali għall-applikazzjonijiet tat-tkessiħ. Barra minn hekk, f’dak li għandu x’jaqsam mal-arloġġi tal-elettriku u tal-gass, id-Direttiva 2014/32/UE la tkopri l-użu tal-idroġenu u ta’ gassijiet oħra li jistgħu jintużaw bħala alternattivi għal gassijiet aktar tradizzjonali, u lanqas tippermetti li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-kejl intelliġenti li jaqdi rwol importanti fil-kisba tal-objettivi tal-Unjoni dwar il-klima. Għalhekk, jixraq li jiġu emendati l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/32/UE u r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Annessi ta’ dik id-Direttiva biex jitqies il-progress teknoloġiku.

(3)L-Annessi I, IV, V u VI tad-Direttiva 2014/32/UE ma għadhomx teknoloġikament newtrali peress li ma jipprovdux rekwiżiti essenzjali li jikkorrispondu għal teknoloġiji ġodda, li jipprovdu protezzjoni mtejba lill-konsumaturi u għalhekk jenħtieġ li jiġu emendati.

(4)L-Anness I tad-Direttiva 2014/32/UE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex iqis l-introduzzjoni ta’ arloġġi intelliġenti tal-gass u tal-elettriku u l-istrumenti l-ġodda tal-kejl koperti mill-Annessi l-ġodda speċifiċi għall-istrumenti.

(5)L-Anness IV tad-Direttiva 2014/32/UE jenħtieġ li jiġi emendat biex iqis l-użu dejjem akbar tal-idroġenu u ta’ gassijiet oħra li jistgħu jintużaw bħala alternattivi għal gassijiet aktar tradizzjonali u t-tnedija tal-arloġġi intelliġenti tal-gass.

(6)L-Anness V tad-Direttiva 2014/32/UE jenħtieġ li jiġi emendat biex titqies it-tnedija tal-arloġġi intelliġenti tal-elettriku.

(7)Jenħtieġ li jiddaħħal Anness Va ġdid tad-Direttiva 2014/32/UE biex jindirizza l-ħtieġa għar-rekwiżiti essenzjali armonizzati fir-rigward tas-sistemi tal-kejl għat-tagħmir tal-provvista tal-vetturi elettriċi.

(8)L-Anness VI tad-Direttiva 2014/32/UE jenħtieġ li jiġi emendat biex jinkludi l-arloġġi tal-enerġija termali għall-applikazzjonijiet tat-tkessiħ sabiex tiġi evitata ċertifikazzjoni addizzjonali ta’ tali prodotti fil-livell nazzjonali.

(9)Iż-żieda fl-użu tal-gassijiet ikkumpressati, bħall-idroġenu u l-gass naturali tirrikjedi li jiddaħħal Anness VIIa ġdid tad-Direttiva 2014/32/UE dwar is-sistemi tal-kejl għal distributuri tal-gass ikkumpressat.

(10)Peress li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi żgurat li l-istrumenti tal-kejl fis-suq jissodisfaw ir-rekwiżiti li jipprevedu livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi pubbliċi koperti b’din id-Direttiva filwaqt li jiggarantixxu l-funzjonament tas-suq intern, ma jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri iżda jista’, pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, u din tista’ tadotta l-miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imsemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.

(11)Sabiex id-distributuri jkunu jistgħu jfornu stokk ta’ strumenti tal-kejl li jkunu ġew introdotti fis-suq qabel id-data tal-applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, jeħtieġ jiġu previsti arranġamenti tranżizzjonali raġonevoli li jippermettu t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ strumenti tal-kejl li diġà ġew introdotti fis-suq skont id-Direttiva 2014/32/UE qabel id-data tal-applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

(12)Barra minn hekk, biex il-manifatturi jingħataw biżżejjed żmien ħalli jadattaw il-prodotti tagħhom għar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Annessi ta’ din id-Direttiva, huwa meħtieġ ukoll li jiġu previsti arranġamenti tranżizzjonali raġonevoli li jippermettu t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ strumenti tal-kejl li ġew introdotti fis-suq skont iċ-ċertifikati nazzjonali jew li għalihom inħareġ ċertifikat skont id-Direttiva 2014/32/UE qabel id-data tal-applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, u li jkunu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/32/UE mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

(13)Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2014/32/UE tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2014/32/UE hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Din id-Direttiva tapplika għall-istrumenti tal-kejl iddefiniti fl-Annessi III sa XII speċifiċi għall-istrumenti, (“Annessi speċifiċi għall-istrumenti”), li jirrigwardaw l-arloġġi tal-ilma (MI-001), l-arloġġi tal-gass u l-apparati tal-konverżjoni (MI-002), l-arloġġi tal-enerġija elettrika attiva (MI-003), is-sistemi tal-kejl għat-tagħmir tal-provvista tal-vetturi elettriċi (MI-003a), l-arloġġi tal-enerġija tas-sħana (MI-004), is-sistemi tal-kejl għall-kejl kontinwu u dinamiku ta’ kwantitajiet ta’ likwidi oħra għajr l-ilma (MI-005), is-sistemi tal-kejl għad-distributuri tal-gass ikkumpressat (MI-005a), l-istrumenti tal-użin awtomatiċi (MI-006), il-miters tat-taxi (MI-007), l-istrumenti tal-kejl tal-materjali (MI-008), l-istrumenti tal-kejl dimensjonali (MI-009) u l-analizzaturi tal-gass tal-egżost (MI-010).”;

(2)L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ din id-Direttiva;

(3)L-Anness IV huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ din id-Direttiva;

(4)L-Anness V huwa emendat f’konformità mal-Anness III ta’ din id-Direttiva;

(5)L-Anness Va jiddaħħal kif stabbilit fl-Anness IV ta’ din id-Direttiva;

(6)L-Anness VI huwa emendat f’konformità mal-Anness V ta’ din id-Direttiva;

(7)L-Anness VIIa jiddaħħal kif stabbilit fl-Anness VI ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.B’deroga mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2014/32/UE, l-Istati Membri ma għandhomx jimpedixxu t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ strumenti tal-kejl li jkunu konformi mad-Direttiva 2014/32/UE fil-verżjoni fis-seħħ fi [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, jekk jogħġbok daħħal id-data = id-data ta’ jum qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] u li jkunu ġew introdotti fis-suq qabel [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, jekk jogħġbok daħħal id-data = [24 xahar] wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

2.B’deroga mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2014/32/UE, iċ-ċertifikati maħruġa skont id-Direttiva 2014/32/UE u ċ-ċertifikati nazzjonali, li jkopru l-istrumenti tal-kejl li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/32/UE minn [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, jekk jogħġbok daħħal id-data = id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] u ġew introdotti fis-suq qabel [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, jekk jogħġbok daħħal id-data = 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], għandhom jibqgħu validi sal-iskadenza tal-validità tagħhom, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, jekk jogħġbok daħħal id-data = 12-il sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

Artikolu 3

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn [Nota għall-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: daħħal id-data eżatta – [12-il xahar] wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [Nota għall-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: daħħal id-data eżatta – [24 xahar] wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva 2014/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ strumenti tal-kejl (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 149, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/32/oj ).
(2)    Id-Direttiva 2004/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar l-istrumenti tal-kejl (ĠU L 135, 30.4.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/22/oj ).
(3)    COM(2019) 640 final.
(4)    COM(2020) 102 final u (COM(2021) 350 final
(5)    Ir-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE (ĠU L 234, 22.9.2023, p. 1, http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1804/oj ).
(6)    Id-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-effiċjenza enerġetika u li temenda r-Regolament (UE) 2023/955 (ĠU L 231, 20.9.2023, p. 1, http://data.europa.eu/eli/dir/2023/1791/oj ).
(7)    Id-Direttiva 2014/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 107, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/31/oj )
(8)    Grupp ta’ Ħidma tal-Istrumenti tal-Kejl (E01349): https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/expert-groups/consult?lang=en&groupID=1349  
(9)     L-istrumenti tal-kejl – aġġornament tekniku tar-regoli tal-UE (europa.eu)
(10)    ĠU C , , p. .
(11)    Id-Direttiva 2014/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ strumenti tal-kejl (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 149, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/32/oj ).
(12)    Id-Direttiva 2004/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar l-istrumenti tal-kejl (ĠU L 135, 30.4.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/22/oj ).