SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)
23 ta’ Novembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – Direttiva 2014/26/UE – Ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati – Soċjetà għall-ġestjoni kollettiva – Direttiva 2004/48/KE – Miżuri, proċeduri u rimedji neċessarji sabiex ikun żgurat ir-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – Artikolu 4 – Persuni li għandhom il-kwalità sabiex jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fid-Direttiva 2004/48/KE – Soċjetà għall-ġestjoni kollettiva awtorizzata sabiex toħroġ liċenzji kollettivi estiżi – Locus standi għall-finijiet tad-difiża tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali”
Fil-Kawża C‑201/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Marzu 2022, fil-kawża
Kopiosto ry
vs
Telia Finland Oyj,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, Z. Csehi, M. Ilešič (Relatur), I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Kopiosto ry, minn S. Lapiolahti u B. Rapinoja, asianajajat, |
|
– |
għal Telia Finland Oyj, minn M. Manner, asianajaja, |
|
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda, J. Samnadda u I. Söderlund, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Mejju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32), kif ukoll tal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Kopiosto ry u Telia Finland Oyj (iktar ’il quddiem “Telia”), dwar it-trażmissjoni mill-ġdid minn Telia ta’ programmi televiżivi li allegatament jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur tal-awturi rrappreżentati minn Kopiosto. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2004/48
|
3 |
Il-premessi 3, 10 u 18 tad-Direttiva 2004/48 jiddikjaraw:
[…]
[…]
|
|
4 |
Il-Kapitolu I ta’ din id-direttiva, intitolat “L-Oġġettiv u l-firxa ta’ applikazzjoni”, jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Materja tas-suġġett”, li jipprovdi: “Din id-Direttiva tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘diritijiet tal-proprjetà intellettwali’ jinkludi id-drittijiet tal-proprjetà industrijali.” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.” |
|
6 |
Il-Kapitolu II tal-istess direttiva, li jinkludi l-Artikoli 3 sa 15 tagħha, huwa intitolat “Il-Miżuri, il-proċeduri u r-rimedji”. |
|
7 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Obbligu Ġenerali”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat. 2. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.” |
|
8 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-persuni ntitolati biex japplikaw għall-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji”, huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala persuni intitolati biex jistgħu japplikaw għall-miżuri, għall-proċeduri u għar-rimedji li għalihom saret riferenza f’dan il-kapitolu:
|
Id‑Direttiva 2014/26/UE
|
9 |
Il-premessi 8, 9, 12 u 49 tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU 2014, L 84, p. 72 u rettifika fil-ĠU 2022, L 245, p. 71), jiddikjaraw:
[…]
[…]
|
|
10 |
L-Artikolu 3(a) ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
|
11 |
Skont l-Artikolu 35 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Riżolviment ta’ tilwim”: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tilwim bejn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti fir-rigward, b’mod partikolari, kundizzjonijiet attwali u proposti ta’ ħruġ ta’ liċenzji jew ksur ta’ kuntratt, ikunu jistgħu jitressqu quddiem il-qorti, jew jekk xieraq, lil korp ta’ riżolviment ieħor li jkun indipendenti u imparzjali, meta dak il-korp ikollu l-għarfien espert fid-dritt dwar il-proprjetà intelletwali. 2. L-Artikoli 33 u 34 u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jasserixxu u jiddefendu id-drittijiet tagħhom billi jieħdu azzjoni f’qorti.” |
Id‑dritt Finlandiż
|
12 |
L-Artikolu 26 tat-tekijänoikeuslaki (404/1961) (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur (404/1961)) tat‑8 ta’ Lulju 1961, kif emendata bil-laki tekijänoikeuslain muuttamisesta (607/2015) (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur (607/2015)) tat‑22 ta’ Mejju 2015 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur”), intitolat “Liċenzja kuntrattwali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur li jikkonċernaw il-liċenzji kuntrattwali għandhom japplikaw għal ftehim konkluż bejn utent u l-organu awtorizzat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u għall-Kultura li jirrappreżenta, f’qasam speċifiku, bosta awturi ta’ xogħlijiet użati fil-Finlandja, dwar l-użu ta’ xogħlijiet ta’ awturi li jaqgħu taħt dan l-istess qasam. Fid-dawl ta’ dan il-ftehim, organu awtorizzat jitqies li huwa awtorizzat jirrappreżenta wkoll l-awturi ta’ xogħlijiet oħra fl-istess qasam. Il-liċenzjat li jkun kiseb liċenzja kollettiva estiża bis-saħħa tal-imsemmi ftehim jista’, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan tal-aħħar, juża x-xogħlijiet kollha tal-awturi li jaqgħu taħt l-istess qasam. |
|
13 |
Skont l-Artikolu 26(4) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur, il-modalitajiet stabbiliti mill-organu msemmi fil-paragrafu 1 dwar it-tqassim tar-remunerazzjonijiet għar-riproduzzjoni, għall-komunikazzjoni jew għat-trażmissjoni tax-xogħlijiet bejn l-awturi li huwa jirrappreżenta jew l-użu tar-remunerazzjonijiet għal finijiet komuni għall-awturi, għandhom japplikaw ukoll għall-awturi tal-istess qasam imsemmija fil-paragrafu 1 li ma humiex irrappreżentati direttament minn dan l-organu. |
|
14 |
L-Artikolu 25 h tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur, intitolat “Trażmissjoni mill-ġdid ta’ trażmissjoni radjofonika jew televiżiva”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li xogħol inkluż f’xandira radjofonika jew televiżiva jista’ jiġi trażmess mill-ġdid, mingħajr ma tinbidel ix-xandira, bis-saħħa ta’ liċenzja kuntrattwali, bħal dik prevista fl-Artikolu 26 ta’ din il-liġi, sabiex jasal lill-pubbliku fl-istess ħin tat-trażmissjoni oriġinali. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
15 |
Kopiosto hija soċjetà għall-ġestjoni kollettiva, fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2014/26, li tiġġestixxi u toħroġ liċenzji f’isem numru kbir ta’ awturi abbażi tal-mandati mogħtija lilha minn dawn l-awturi. Kopiosto hija wkoll awtorizzata mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u għall-Kultura bħala l-organu fdat bil-ħruġ ta’ liċenzji kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 26 tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur, b’mod partikolari bil-għan li jiġu trażmessi mill-ġdid xogħlijiet inklużi f’xandira tar-radju jew tat-televiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 25 h(1) ta’ din il-liġi. |
|
16 |
Telia topera network ta’ televiżjoni bil-cable li jittrażmetti s-sinjali ta’ xandir tal-emittenti televiżivi nazzjonali mingħajr restrizzjonijiet bil-għan ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku. |
|
17 |
Fl‑24 ta’ Jannar 2018, Kopiosto adixxiet lill-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja) b’talba intiża sabiex jiġi kkonstatat li Telia kienet trażmettiet mill-ġdid programmi televiżivi, fis-sens tal-Artikolu 25 h tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur, u li, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tagħha, din it-trażmissjoni mill-ġdid kienet tikser id-drittijiet tal-awturi rrappreżentati minn Kopiosto, prinċipalment bħala l-organu fdat bil-ħruġ ta’ liċenzji kuntrattwali u, sussidjarjament, abbażi tal-mandati mogħtija lilha mill-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur. |
|
18 |
Telia ssostni li Kopiosto ma għandhiex locus standi sabiex tressaq azzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur. |
|
19 |
Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) ċaħdet, b’mod partikolari, bħala inammissibbli t-talbiet ta’ Kopiosto bbażati fuq ksur tad-drittijiet tal-awtur, minħabba li din tal-aħħar ma kellhiex id-dritt tressaq f’isimha stess azzjoni għal kontrafazzjoni f’isem il-proprjetarji tad-drittijiet irrappreżentati minnha bħala l-organu fdat bil-ħruġ ta’ liċenzji kuntrattwali fis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 26 tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur. Din il-qorti qieset li Kopiosto lanqas ma kellha locus standi sabiex tressaq azzjoni għal kontrafazzjoni fir-rigward tal-proprjetarji tad-drittijiet li kienu tawha l-mandat sabiex tiġġestixxi d-drittijiet tagħhom u sabiex tirrappreżentahom legalment. |
|
20 |
Kopiosto ppreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), li hija l-qorti tar-rinviju, billi sostniet, prinċipalment, li, minħabba l-istatus tagħha ta’ organu fdat bil-ħruġ ta’ liċenzji kuntrattwali, hija għandha, kif jeżiġi l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48, interess dirett li tressaq azzjoni fil-każ ta’ użu illegali tax-xogħlijiet tal-awturi rrappreżenti minnha u, sussidjarjament, li hija għandha, tal-inqas, id-dritt li tressaq azzjonijiet fir-rigward tal-użu mhux awtorizzat tax-xogħlijiet tal-awturi li d-drittijiet tal-awtur tagħhom hija tiġġestixxi abbażi ta’ mandati ta’ ġestjoni u ta’ rappreżentanza legali mogħtija lilha minn dawn l-awturi. |
|
21 |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, Telia ssostni li, bħala l-organu fdat bil-ħruġ ta’ liċenzji kuntrattwali, Kopiosto hija awtorizzata toħroġ liċenzji għat-trażmissjoni mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi u tiġbor it-tariffi korrispondenti. Mill-banda l-oħra, huwa biss il-proprjetarju inizjali tad-drittijiet tal-awtur ikkonċernat jew iċ-ċessjonarju ta’ dawn id-drittijiet tal-awtur li jistgħu jressqu azzjoni għal kontrafazzjoni tal-imsemmija drittijiet tal-awtur. |
|
22 |
Il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) tqis, essenzjalment, li, sabiex tissolva t-tilwima fil-kawża prinċipali, huwa meħtieġ li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali fil-qasam, jiġi deċiż taħt liema kundizzjonijiet soċjetà għall-ġestjoni kollettiva, fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2014/26, tista’ titqies li hija intitolata titlob l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji msemmija fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48. B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi jekk, għal dan il-għan, huwiex biżżejjed, skont l-Artikolu 4(c) ta’ din id-direttiva, li organu fdat bil-ħruġ ta’ liċenzji kuntrattwali jkollu, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-locus standi in judicio ġenerali bħala parti f’tilwima, kif ukoll id-dritt li jinnegozja u joħroġ tali liċenzji għat-trażmissjoni mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi f’isem il-proprjetarji kollha ta’ drittijiet fil-qasam inkwistjoni jew jekk dan il-locus standi huwiex suġġett għall-kundizzjoni li dan l-organu jkun awtorizzat b’mod espliċitu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex iressaq, f’ismu stess, azzjoni għal ksur ta’ tali drittijiet. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tosserva, qabelxejn, li, fis-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, SNB‑REACT (C‑521/17, EU:C:2018:639), il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġettat dan il-locus standi għall-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tqis li l-organu ta’ rappreżentazzjoni kollettiva tal-proprjetarji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jkollu interess dirett fid-difiża ta’ tali drittijiet u li din il-leġiżlazzjoni tirrikonoxxi l-locus standi tiegħu għal dan il-għan, mingħajr, madankollu, ma ppreċiżat jekk din it-tieni kundizzjoni tirreferix għal-locus standi in judicio ġenerali ta’ tali organu bħala parti quddiem qorti, jew jekk teżiġix li d-dritt nazzjonali jipprevedi b’mod espliċitu, jew tal-inqas jippermetti, li organu fdat bil-ħruġ ta’ liċenzji kollettivi estiżi jkun jista’ jressaq azzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur. |
|
24 |
Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tal-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza, ma huwiex ċar jekk l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa intiż li jarmonizza dak li għandu jinftiehem bl-“interess dirett”, stipulat fil-premessa 18 tad-Direttiva 2004/48, ta’ organu li jiddefendi d-drittijiet tal-proprjetarji tad-drittijiet irrappreżentati minnu, jew jekk dan għandux jiġi ddeterminat abbażi tad-dritt nazzjonali. L-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48, moqri flimkien mal-premessa 18 tagħha, lanqas ma juri b’mod ċar jekk soċjetà għall-ġestjoni kollettiva għandhiex interess dirett li tiddefendi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali minħabba s-sempliċi fatt li hija għandha d-dritt, abbażi, minn naħa, tal-liċenzja kollettiva estiża u, min-naħa l-oħra, tal-mandati ta’ ġestjoni mogħtija lilha mill-proprjetarji tad-drittijiet, li tagħti drittijiet ta’ użu tax-xogħlijiet u li tiġbor, f’isem il-proprjetarji tad-drittijiet, il-ħlasijiet dovuti lilhom abbażi ta’ dawn id-drittijiet. |
|
25 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kwistjoni tal-locus standi bbażat fuq l-istatus ta’ organu fdat bil-ħruġ ta’ liċenzji kollettivi estiżi, dwar il-mod kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 fid-dawl, minn naħa, tal-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà previst fl-Artikolu 17 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, tad-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) tgħid li, kieku l-organu fdat bil-ħruġ ta’ liċenzji kollettivi estiżi kellu jitqies li għandu d-dritt li jressaq azzjoni għal ksur f’ismu stess, dan jista’ jwassal sabiex jitnaqqar id-dritt tal-proprjetarju li jressaq azzjoni huwa stess. F’dan il-kuntest, għandu jiġi ddeterminat jekk il-fatt li jiġi rrikonoxxut il-locus standi ta’ tali organu fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-awturi li ma jkunux ittrasferixxew id-dritt esklużiv tagħhom għandux jitqies li huwa ndħil sproporzjonat fid-dritt tagħhom li jiddisponu mid-drittijiet tal-awtur tagħhom. Din il-qorti tfisser, madankollu, li tali ndħil jista’ jiġi ġġustifikat, b’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li s-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva jistgħu jintervjenu b’mod iktar effettiv mill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur stess. |
|
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
27 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li, minbarra l-kundizzjoni relatata mal-interess dirett fid-difiża tad-drittijiet ikkonċernati, ir-rikonoxximent tal-kwalità tas-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali sabiex jitolbu, f’isimhom stess, l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva huwa suġġett biss għal-locus standi in judicio ta’ dawn is-soċjetajiet jew jekk din id-direttiva teħtieġx ir-rikonoxximent espliċitu, fid-dritt applikabbli, tal-locus standi tal-imsemmija soċjetajiet għall-finijiet tad-difiża tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. |
|
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li mill-premessa 18 tad-Direttiva 2004/48, li fid-dawl tagħha għandu jinqara l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea xtaq li l-leġittimazzjoni sabiex tintalab l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti minn din id-direttiva għandha tiġi rrikonoxxuta mhux biss lill-proprjetarji tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, iżda wkoll lil dawk li għandhom interess dirett fid-difiża ta’ dawn id-drittijiet, kif ukoll id-dritt ta’ locus standi in judicio, sa fejn il-leġiżlazzjoni applikabbli tippermetti dan u konformement magħha (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, SNB‑REACT, C‑521/17, EU:C:2018:639, punt 33). |
|
29 |
Dawn il-persuni huma elenkati fl-Artikolu 4(b) sa (d) tal-imsemmija direttiva. Is-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali huma msemmija fil-punt (ċ) ta’ dan l-artikolu, li bis-saħħa tiegħu l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-kwalità tas-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali regolarment irrikonoxxuti bħala rappreżentanti tal-proprjetarji tad-drittijiet sabiex jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fil-Kapitolu II tal-istess direttiva, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli jippermettu dan u konformement magħhom. |
|
30 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati jirrikonoxxu l-leġittimazzjoni ta’ organu ta’ rappreżentazzjoni kollettiva ta’ proprjetarji ta’ trademarks sabiex jitlob, f’ismu stess, l-applikazzjoni ta’ rimedji previsti f’din id-direttiva, bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet ta’ dawn il-proprjetarji, kif ukoll il-locus standi tiegħu sabiex jiddefendi dawn l-imsemmija drittijiet, bil-kundizzjoni li dan l-organu jkun jitqies, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandu interess dirett fid-difiża ta’ dawn id-drittijiet u li din il-leġiżlazzjoni tirrikonoxxi l-locus standi in judicio ta’ dak l-organu għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, SNB‑REACT, C‑521/17, EU:C:2018:639, punt 39). |
|
31 |
Dan ifisser li l-leġittimazzjoni ta’ soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali sabiex titlob, f’isimha stess, l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48 hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni applikabbli tqis li din is-soċjetà għandha interess dirett fid-difiża ta’ tali drittijiet u tawtorizzaha tressaq azzjoni ġudizzjarja għal dan l-għan. |
|
32 |
Konsegwentement, għalkemm soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għandu ta’ bilfors ikollha locus standi in judicio sabiex tiġi rrikonoxxuta l-leġittimità tagħha sabiex titlob, f’isimha stess, l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti minn din id-direttiva, tali locus standi waħdu ma jistax ikun suffiċjenti għal dan l-għan. |
|
33 |
Barra minn hekk, peress li l-locus standi in judicio jikkostitwixxi attribut ordinarju tal-personalità ġuridika li, bħala prinċipju, għandhom is-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva, interpretazzjoni differenti ċċaħħad lit-tieni kundizzjoni stabbilita fil-punt 39 tas-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, SNB‑REACT (C‑521/17, EU:C:2018:639) mill-effett utli tagħha. |
|
34 |
Fir-rigward, imbagħad, tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikonoxximent tal-leġittimazzjoni ta’ soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali sabiex titlob, f’isimha stess, l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti mid-Direttiva 2004/48 huwiex suġġett għal rikonoxximent espliċitu ta’ din il-leġittimazzjoni fil-leġiżlazzjoni applikabbli, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(ċ) ta’ din id-direttiva jirreferi, b’mod ġenerali, għad-“dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli”. |
|
35 |
Issa, tali espressjoni ma tfissirx ta’ bilfors li l-kwalità tas-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali sabiex jitolbu, f’isimhom stess, l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti mill-imsemmija direttiva hija irrikonoxxuta b’mod espliċitu minn dispożizzjoni speċifika, billi dan il-locus standi jista’ jirriżulta minn regoli proċedurali ta’ natura ġenerali. |
|
36 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan tad-Direttiva 2004/48 li, kif tiddikjara l-premessa 10 tagħha, huwa, b’mod partikolari, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern (sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M., C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal dan l-għan, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu sett minimu ta’ miżuri, ta’ proċeduri u ta’ rimedji neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. |
|
37 |
Issa, kif jirriżulta mill-premessa 18 tal-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies opportun li, kif huwa rrilevat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-leġittimazzjoni sabiex tintalab l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti minnha mhux biss għandha tiġi rrikonoxxuta lill-proprjetarji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, iżda wkoll lis-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva, li, bħala regola ġenerali, għandhom ir-riżorsi finanzjarji u materjali li jippermettulhom jibdew proċeduri b’mod effettiv sabiex jikkontestaw ksur ta’ dawn id-drittijiet. |
|
38 |
Konsegwentement, interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 tista’, fl-Istati Membri li ma jkunux adottaw dispożizzjoni li tirregola b’mod speċifiku d-dritt ta’ azzjoni tas-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva, iżżomm lil tali soċjetajiet milli jitolbu, f’isimhom stess, l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti minn din id-direttiva, u b’hekk ikun hemm riskju li tiddgħajjef l-effikaċja tal-mezzi implimentati mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. |
|
39 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minbarra l-kundizzjoni relatata mal-interess dirett fid-difiża tad-drittijiet ikkonċernati, ir-rikonoxximent tal-kwalità tas-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali sabiex jitolbu, f’isimhom stess, l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva huwa suġġett għal-locus standi ta’ dawn is-soċjetajiet għall-finijiet tad-difiża tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, li tista’ tirriżulta minn dispożizzjoni speċifika għal dan l-għan jew minn regoli proċedurali ta’ natura ġenerali. |
Fuq it‑tieni domanda
|
40 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati jirrikonoxxu l-interess dirett tas-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali regolarment irrikonoxxuti bħala rappreżentanti tal-proprjetarji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jitolbu, f’isimhom stess, l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva fil-każ fejn l-eżistenza ta’ interess dirett fid-difiża tad-drittijiet ikkonċernati fir-rigward ta’ dawn is-soċjetajiet ma tkunx tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. |
|
41 |
Għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “interess dirett”, li ma jidhirx fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/48, jissemma fil-premessa 18 ta’ din id-direttiva, li minnha jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li l-leġittimazzjoni sabiex tintalab l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti minn din id-direttiva tiġi rrikonoxxuta mhux biss lill-proprjetarji tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, iżda wkoll lil dawk li għandhom interess dirett li jipproteġu dawn id-drittijiet kif ukoll id-dritt ta’ locus standi in judicio, “sa fejn il-leġiżlazzjoni applikabbli tippermetti dan u konformement magħha”. |
|
42 |
B’hekk, filwaqt li l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 2004/48 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu, fi kwalunkwe każ, il-leġittimazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali sabiex jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji msemmija fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, il-punti (b) sa (d) tal-Artikolu 4 jippreċiżaw, it-tlieta li huma, li huwa biss sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli jippermettu dan u, konformement magħhom, li l-Istati Membri jirrikonoxxu din l-istess leġittimazzjoni fir-rigward ta’ persuni oħra, kif ukoll fir-rigward ta’ ċerti organi speċifiċi (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, SNB‑REACT, C‑521/17, EU:C:2018:639, punt 28). |
|
43 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li r-riferiment għal-“leġiżlazzjoni applikabbli” fl-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 għandu jinftiehem bħala li jirreferi kemm għal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti kif ukoll, jekk ikun il-każ, għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, SNB‑REACT, C‑521/17, EU:C:2018:639, punt 31). |
|
44 |
Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda, għandu jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni attwalment fis-seħħ jirrikonoxxux l-eżistenza ta’ interess dirett tas-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva fid-difiża tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, kif jirriżulta mill-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza, din id-direttiva, sa fejn hija tirreferi, għal dan il-għan, għal-leġiżlazzjoni applikabbli, ma tirregolax hija stess il-kwistjoni dwar jekk soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva għandhiex interess dirett fid-difiża tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. |
|
46 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mit-travaux préparatoires tal-imsemmija direttiva, li minnhom jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni abbanduna l-idea li jiġi armonizzat il-locus standi tas-soċjetajiet imsemmija fl-Artikolu 4(ċ) tagħha. Fil-fatt, filwaqt li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni Ewropea għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri u proċeduri sabiex jiġi żgurat ir-rispett ta’ drittijiet tal-proprjetà intelletwali (COM (2003) 46 final) kienet tipprevedi l-obbligu tal-Istati Membri li jirrikonoxxu l-leġittimazzjoni tas-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva sabiex “jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri u proċeduri u l-locus standi in judicio tagħhom sabiex jiddefendu d-drittijiet jew l-interessi kollettivi jew individwali li huma jkunu ġew fdati bihom”, dan l-approċċ spiċċa mwarrab u ddaħħal minflok riferiment għal-leġiżlazzjoni applikabbli. |
|
47 |
Min-naħa l-oħra, għalkemm l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2014/26, moqri fid-dawl tal-premessa 49 tagħha, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu proċeduri ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim bejn is-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva u l-utenti li jkunu indipendenti, imparzjali u effikaċi, b’mod partikolari permezz ta’ mezzi ġudizzjarji, xorta jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta mill-premessi 8 u 9 ta’ din id-direttiva, l-għan tagħha ma huwiex li tirregola l-kundizzjonijiet li fihom dawn is-soċjetajiet jistgħu jressqu azzjoni ġudizzjarja, iżda li tikkoordina r-regoli nazzjonali dwar l-aċċess tagħhom għall-attività ta’ ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, l-arranġamenti għall-governanza tagħhom u l-qafas għas-superviżjoni tagħhom, kif ukoll li tiżgura livell għoli ta’ governanza, ta’ ġestjoni finanzjarja, ta’ trasparenza u ta’ għoti ta’ informazzjoni mill-imsemmija soċjetajiet. Għalhekk ma jistax jitqies li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tirregola l-kwistjoni tal-interess dirett tas-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva fid-difiża tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. |
|
48 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt tal-Unjoni ma jirregolax il-kundizzjonijiet li fihom soċjetà għall-ġestjoni kollettiva għandha titqies li għandha interess dirett fid-difiża tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li d-“dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli”, li jirreferi għalihom l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48, jirreferu għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri. |
|
49 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri huma obbligati jirrikonoxxu l-leġittimazzjoni ta’ soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali sabiex titlob l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti minn din id-direttiva, kif ukoll il-locus standi tagħha sabiex tiddefendi tali drittijiet fejn, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tqis li din is-soċjetà għandha interess dirett fid-difiża ta’ dawn id-drittijiet. Konsegwentement, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw jekk tali soċjetà għandhiex, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, interess dirett fid-difiża tad-drittijiet tal-proprjetarji rrappreżentati minnha, filwaqt li jiġi ppreċiżat li, kemm‑il darba din il-kundizzjoni tkun nieqsa, tali obbligu ta’ rikonoxximent ma jiġix impost fuq l-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, SNB‑REACT, C‑521/17, EU:C:2018:639, punti 34, 36 u 38). |
|
50 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri ma humiex obbligati jirrikonoxxu l-interess dirett tas-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali regolarment irrikonoxxuti bħala rappreżentanti tal-proprjetarji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jitolbu, f’isimhom stess, l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva fil-każ fejn l-eżistenza ta’ interess dirett fid-difiża tad-drittijiet ikkonċernati fir-rigward ta’ dawn l-organi ma tkunx tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. |
Fuq it‑tielet domanda
|
51 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi dwar is-sinjifikat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-locus standi, jekk ikun il-każ fid-dawl tal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta, tal-fatt li s-soċjetà kkonċernata, bħala l-organu fdat bil-ħruġ ta’ liċenzji kuntrattwali, tirrappreżenta wkoll awturi li ma jkunux awtorizzawha tiġġestixxi d-drittijiet tagħhom, u tal-fatt li d-dritt ta’ din is-soċjetà li tressaq azzjoni sabiex tiddefendi d-drittijiet ta’ dawk l-awturi ma jkunx previst mil-liġi. |
|
52 |
Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, din id-domanda titqajjem kemm‑il darba soċjetà għall-ġestjoni kollettiva kellha titqies li għandha interess dirett u locus standi f’isimha stess f’tilwimiet li jirrigwardaw drittijiet koperti minn liċenzji estiżi. |
|
53 |
Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali premessa hija nieqsa f’dan il-każ. Minn naħa, fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni attwalment fis-seħħ ma tistabbilixxix, fir-rigward ta’ dawn is-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva, l-eżistenza ta’ interess dirett sabiex jitolbu, f’isimhom stess, l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji msemmija fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48. Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont id-dritt Finlandiż, il-locus standi ta’ dawn is-soċjetajiet la huwa rregolat minn dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli speċifika għal dan il-għan u lanqas minn regoli proċedurali ta’ natura ġenerali. |
|
54 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda. |
Fuq l‑ispejjeż
|
55 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.