|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3581 |
2.7.2025 |
Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ Indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2025/3581)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Wagram”
PDO-AT-A0233-AM02 — 28.5.2025
1. Isem il-prodott
Wagram
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
☒ Denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP)
☐ Indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP)
☐ Indikazzjoni ġeografika (IĠ)
3. Settur
☐ Prodotti agrikoli
☒ Inbejjed
☐ Xarbiet spiritużi
4. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
L-Awstrija
5. Isem tal-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jew tal-grupp ta’ produtturi stabbilit jew residenti f’pajjiż terz li jikkomunika l-emenda standard lill-Kummissjoni
Bundesministerium für Land- und Forstwirtschaft, Regionen und Wasserwirtschaft [il-Ministeru Federali għall-Agrikoltura u l-Forestrija, ir-Reġjuni u l-Ġestjoni tal-Ilma]
6. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
1. Tnaqqis fil-varjetajiet tad-dwieli
Sa issa, seta’ jintuża għadd kbir ta’ varjetajiet biex isir l-inbid tad-DOP Wagram. Sabiex jissaħħaħ il-karattru speċifiku tal-inbejjed u r-rabta maż-żona tal-oriġini, l-għadd ta’ varjetajiet tnaqqas ftit u l-varjetajiet ġew stabbiliti mill-ġdid taħt il-kategoriji Gebietswein [inbid reġjonali], Ortswein [inbid minn villaġġ jew muniċipalità partikolari] u Riedenwein [inbid minn vinja waħda definita legalment].
Il-bidla fil-varjetajiet la taffettwa l-isem u lanqas il-kategorija tad-DOP Wagram. Ir-rabta maż-żona ssaħħet, peress li l-varjetajiet huma tipiċi ħafna taż-żona tal-vitikultura tad-DOP Wagram u ilhom jitkabbru hemmhekk għal żmien twil. Barra minn hekk, ma ġiet imposta l-ebda restrizzjoni fuq il-kummerċjalizzazzjoni, peress li l-inbejjed magħmula minn varjetajiet li ma għadhomx koperti mid-DOP Wagram jistgħu jiġu kkummerċjalizzati taħt id-DOP Niederösterreich. Għalhekk, l-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott hija emenda standard.
Id-dokument uniku għandu jiġi emendat ukoll, peress li jistabbilixxi l-varjetajiet li jistgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-inbid tad-DOP Wagram.
2. Deskrizzjoni aktar preċiża tal-karatteristiċi organolettiċi
Il-bidliet fil-varjetajiet ifissru li l-karatteristiċi organolettiċi tal-inbejjed tad-DOP Wagram jistgħu jiġu stabbiliti b’mod aktar preċiż.
Dan la jaffettwa l-isem u lanqas il-kategorija tad-DOP Wagram. Ir-rabta maż-żona hija wkoll bħal qabel, peress li l-karatteristiċi organolettiċi fundamentali ma nbidlux: dawn sempliċement ġew deskritti b’mod aktar preċiż. Barra minn hekk, ma ġiet imposta l-ebda restrizzjoni fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-inbid tad-DOP Wagram. Għalhekk, l-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott hija emenda standard.
Id-dokument uniku għandu jiġi emendat ukoll, peress li jistabbilixxi l-karatteristiċi organolettiċi tal-inbid tad-DOP Wagram.
3. Regoli addizzjonali dwar it-tikkettar
L-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tistabbilixxi regoli dwar id-daqs tat-tipa tad-dettalji fuq it-tikketta (il-varjetà, id-DOP, it-termini tradizzjonali, eċċ.) u l-użu tat-terminu tradizzjonali “DAC” jew “Districtus Austriae Controllatus”. Peress li dan ma jaqa’ taħt l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143, l-emenda hija emenda standard. Ir-regoli għandhom jiġu inklużi fid-dokument uniku taħt il-punt 9 – “Rekwiżiti oħra applikabbli”.
4. Kjarifika tad-dispożizzjonijiet dwar l-ibbottiljar u l-produzzjoni
Produzzjoni: Skont l-Att Awstrijak dwar l-Inbid, normalment ikun possibbli li jiġu prodotti nbejjed tad-DOP barra miż-żona tal-vitikultura, li jfisser li l-Awstrija ġeneralment tagħmel użu mid-deroga prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/33. L-ispeċifikazzjoni tal-prodott tad-DOP Wagram ġiet emendata biex issa tistipula wkoll li l-produzzjoni barra miż-żona tal-vitikultura trid tiġi nnotifikata u approvata mill-Kumitat Reġjonali tal-Inbid ta’ Wagram.
L-ibbottiljar: Ma ġiet stabbilita l-ebda restrizzjoni. L-ibbottiljar barra miż-żona tal-vitikultura jrid jiġi nnotifikat u approvat mill-Kumitat Reġjonali tal-Inbid.
Dawn ir-rekwiżiti ta’ notifika ma jillimitawx il-kummerċjalizzazzjoni tal-inbid tad-DOP Wagram u għalhekk huma emenda standard. Dawn għandhom jiġu inklużi fid-dokument uniku taħt il-punt 9 – “Rekwiżiti oħra applikabbli”.
5. Dispożizzjonijiet dwar l-użu ta’ unitajiet ġeografiċi iżgħar fuq it-tikketta
L-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tippermetti li ssir referenza għal unitajiet ġeografiċi iżgħar miż-żona sottostanti tad-DOP Wagram, u b’hekk isir użu mill-possibbiltajiet previsti fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2019/33. Peress li dan ma jaqa’ taħt l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143, l-emenda hija emenda standard. L-ismijiet tal-unitajiet ġeografiċi huma elenkati fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott u għandhom jiġu inklużi wkoll fid-dokument uniku fil-punt 9 – “Rekwiżiti oħra applikabbli”.
DOKUMENT UNIKU
1. Isem/ismijiet
Wagram
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP — Denominazzjoni ta’ oriġini protetta
3. Kategoriji tal-prodotti tad-dielja kif elenkati fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013
|
1. |
Inbid |
3.1. Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
|
— |
22 — XARBIET, SPIRTI U ĦALL 2204 — inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb għajr dak tal-intestatura 2009 |
4. Deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed
Inbid Wagram
L-inbid tad-DOP Wagram huwa prodott mill-varjetajiet ta’ dwieli li ġejjin użati għall-produzzjoni tal-Qualitätswein [inbid ta’ kwalità]: Chardonnay, Frühroter Veltliner, Grauer Burgunder, Grüner Veltliner, Gelber Muskateller, Roter Veltliner, Sauvignon Blanc, Traminer, Weißer Burgunder, Riesling, Blauer Burgunder, San Laurent, Zweigelt. L-inbid jista’ jsir minn varjetà waħda, taħlita ta’ varjetajiet, jew varjetajiet f’vinja minn fost dawn.
Togħma: L-inbejjed bojod huma influwenzati mil-loess, li jagħtihom togħma pikkanti sottili. B’mod partikolari, l-inbejjed Grüner Veltliner isiru dejjem aktar pikkanti hekk kif jimmaturaw, u dan jirriżulta fi nbejjed mimlija togħma u pjaċevoli. Ir-Riesling Wagram għandu togħma ta’ frott ċara u qawwija u struttura aċiduża tajba. L-inbejjed bojod ma jridx ikollhom sfumaturi dominanti tal-injam. L-inbejjed ħomor huma rikki u għandhom karatteristiċi varjetali qawwija. L-inbejjed kollha għandhom jikkorrispondu għat-terminu “xotti”.
Kategoriji differenti tal-inbid:
Gebietswein [inbid reġjonali]: Dawn l-inbejjed isiru minn taħlita ta’ varjetajiet jew mill-varjetajiet f’vinja li ġejjin: Chardonnay, Frühroter Veltliner, Grauer Burgunder, Grüner Veltliner, Gelber Muskateller, Roter Veltliner, Sauvignon Blanc, Traminer, Weißer Burgunder, Riesling, Blauer Burgunder, San Laurent, Zweigelt. It-taħlit ma’ varjetajiet oħra użati għall-produzzjoni tal-Qualitätswein huwa permess ukoll, sa limitu ta’ 15 % tat-taħlita, sakemm ma jkunx ta’ detriment għad-denominazzjoni.
Ortswein [inbid ittikkettat bl-isem ta’ raħal jew muniċipalità]: Dawn l-inbejjed huma magħmulin minn waħda mill-varjetajiet li ġejjin: Chardonnay, Grüner Veltliner, Roter Veltliner, Weißer Burgunder, Riesling, Blauer Burgunder, Zweigelt. It-taħlit ma’ varjetajiet oħra użati għall-produzzjoni tal-Qualitätswein huwa permess ukoll, sa limitu ta’ 15 % tat-taħlita (ir-regola ta’ 15 %), sakemm dan ma jkunx ta’ detriment għad-denominazzjoni. Mhumiex permessi l-inbejjed rożè magħmulin minn għeneb blu (kemm jekk “magħsur kmieni” kif ukoll jekk le), varjetajiet f’vinja, u t-taħlitiet u l-cuvées kollha (mingħajr preġudizzju għar-regola ta’ 15 %) magħmulin minn għeneb tal-inbid abjad jew aħmar.
Riedenwein [inbid ittikkettat bl-isem ta’ vinja waħda definita legalment]: Dawn l-inbejjed iridu jiġu prodotti mill-varjetajiet Grüner Veltliner jew Roter Veltliner, li jintużaw għall-produzzjoni tal-Qualitätswein. It-taħlit ma’ varjetajiet oħra użati wkoll għall-produzzjoni tal-Qualitätswein huwa permess, sa limitu ta’ 15 % tat-taħlita, sakemm ma jkunx ta’ detriment għad-denominazzjoni.
Karatteristiċi analitiċi
|
— |
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) — |
|
— |
Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum) 9,0 |
|
— |
Aċidità totali minima 4 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
|
— |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) 18 |
|
— |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) 250 |
5. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid
5.1. Prattiki enoloġiċi speċifiċi
Restrizzjonijiet rilevanti għall-produzzjoni tal-inbejjed
Il-prattiki enoloġiċi kollha previsti fir-Regolamenti (UE) 2019/934 u 2019/935 għall-inbid b’Denominazzjoni ta’ oriġini protetta huma awtorizzati għad-DOP Wagram, ħlief għat-trattament bis-sorbat tal-potassju jew bid-dikarbonat tad-dimetil. Id-deaċidifikazzjoni tal-inbejjed hija possibbli f’konformità ma’ dawk ir-Regolamenti. Il-Ministru Federali għall-Agrikoltura u l-Forestrija, ir-Reġjuni u l-Ġestjoni tal-Ilma jiddeċiedi jekk jippermettix l-aċidifikazzjoni abbażi tal-kundizzjonijiet tat-temp matul l-istaġun tat-tkabbir. Il-kundizzjonijiet għal kwalunkwe aċidifikazzjoni huma f’dak il-każ irregolati mir-Regolamenti msemmija hawn fuq.
Il-meraq tal-għeneb irid ikollu piż minimu tal-most ta’ 15 °KMW fuq l-Iskala Klosterneuburg tal-Piż tal-Most (= 9,5 % vol.).
Huwa permissibbli li l-qawwa alkoħolika naturali tiżdied b’massimu ta’ 2 % vol. (jew 2,5 % vol. fil-każ ta’ kundizzjonijiet klimatiċi mhux favorevoli u wara awtorizzazzjoni mill-Ministru Federali għall-Agrikoltura u l-Forestrija, ir-Reġjuni u l-Ġestjoni tal-Ilma) biż-żieda ta’ sukrożju, most tal-għeneb konċentrat jew most tal-għeneb ikkonċentrat rettifikat jew b’konċentrazzjoni parzjali.
5.2. Rendimenti massimi għal kull ettaru
Inbid tad-DOP Wagram
10 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru
6. Definizzjoni taż-żona definita
Id-distrett politiku ta’ Tulln, bl-eċċezzjoni tal-muniċipalitajiet ta’ Atzenbrugg, Sitzenberg-Reidling u Würmla, u l-muniċipalità ta’ Stetteldorf am Wagram jiffurmaw iż-żona tal-vitikultura ta’ Wagram.
7. Indikazzjoni tal-varjetà jew tal-varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid li minnhom jiġi prodott l-inbid jew jiġu prodotti l-inbejjed
|
|
Blauer Burgunder – Blauer Spätburgunder, Blauburgunder, Pinot Noir |
|
|
Chardonnay – Morillon |
|
|
Frühroter Veltliner – Malvasier |
|
|
Gelber Muskateller – Muskateller |
|
|
Gelber Traminer – Traminer |
|
|
Grauer Burgunder – Grauburgunder, Pinot Gris, Ruländer |
|
|
Grüner Veltliner |
|
|
Roter Traminer – Traminer |
|
|
Roter Veltliner |
|
|
Sauvignon Blanc |
|
|
St. Laurent |
|
|
Weißer Burgunder – Weißburgunder, Pinot Blanc, Klevner |
|
|
Weißer Riesling – Riesling, Rheinriesling |
|
|
Zweigelt – Blauer Zweigelt, Rotburger |
8. Deskrizzjoni tar-rabta jew tar-rabtiet
Iż-żona tal-vitikultura ta’ Wagram hija maqsuma f’żewġ żoni differenti. L-ewwel waħda hija l-Wagram stess: pjanura kbira fit-Tramuntana tad-Danubju, li tinsab direttament fil-Lvant taż-żona ta’ vitikultura ta’ Kamptal u li testendi madwar 30 km lejn il-Lvant. F’din il-parti, id-dwieli jikbru fuq ħamrija tal-loess ħoxna biex jipproduċu nbejjed robusti u pikkanti. Iż-żona l-oħra, li tinsab fiż-żona ta’ Klosterneuburg fil-Majjistral ta’ Vjenna, għandha ħamrija aktar ġibsija li tipproduċi nbejjed vivaċi u b’togħma ta’ frott.
Il-klima hija kkaratterizzata mill-influwenza tad-Danubju u l-prossimità tar-reġjun Pannonjan. L-iljieli huma pjuttost friski, li huwa ta’ benefiċċju għall-iżvilupp tal-aromi. Madwar 75 % tal-inbid prodott fiż-żona tal-vitikultura ta’ Wagram huwa nbid abjad. Il-varjetajiet ewlenin użati huma Grüner Veltliner għall-inbejjed bojod u Zweigelt għall-inbejjed ħomor. Ta’ min isemmi wkoll Frühroter Veltliner, varjetà tipika taż-żona. F’termini tal-kwalitajiet organolettiċi tagħhom, l-inbejjed jistgħu jiġu deskritti bħala rikki u pikkanti. Is-saff oħxon ta’ loess fuq il-Wagram huwa perfett għall-produzzjoni ta’ nbejjed Grüner Veltliner b’saħħithom u pikkanti. Il-ħamrija aktar ġibsija fiż-żona madwar Klosterneuburg tipproduċi nbejjed vivaċi u b’togħma ta’ frott.
Barra minn hekk, il-fatt li fil-biċċa l-kbira n-natura tan-negozji tal-produzzjoni tal-inbid hija li dawn huma mmexxija minn familji, tfisser li l-istil tradizzjonali tal-produzzjoni tal-inbid jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra, li jżid mal-karattru distintiv tal-inbejjed Wagram.
9. Rekwiżiti oħra applikabbli
Qafas legali:
Leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
Skont l-Att Awstrijak dwar l-Inbid, l-inbid tad-DOP Wagram jista’ jiġi kkummerċjalizzat biss jekk ikollu numru uffiċjali tal-kontroll tal-kwalità [staatliche Prüfnummer]. Sabiex jinkiseb numru uffiċjali ta’ verifika tal-kwalità, kampjun ta’ kull inbid li għandu jiġi kkummerċjalizzat bid-DOP Wagram irid jgħaddi minn ittestjar analitiku u organolettiku (kontroll sistematiku; ara l-ispeċifikazzjoni tal-prodott).
Fl-ittestjar sensorjali, l-inbejjed jiġu ttestjati minn bord tad-dewqan uffiċjali magħmul minn sitt assaġġaturi u president. Kampjuni mhux identifikati jitqiegħdu quddiem l-assaġġaturi. Il-formola tal-ittestjar tinkludi biss l-informazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni, bħad-deżinjazzjoni tradizzjonali u s-sena. L-assaġġaturi jużaw kemm l-esperjenza tagħhom kif ukoll jistabbilixxu nbejjed ta’ referenza biex jiġġudikaw jekk l-inbejjed ippreżentati lilhom humiex tipiċi tal-inbejjed ta’ Wagram u humiex kummerċjabbli (jiġifieri ħielsa minn imperfezzjonijiet).
Il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Awstrijak dwar id-Dewqan, il-Gazzetta tal-Liġi Federali (BGBl.) II Nru 256/2003, japplikaw għas-sessjonijiet ta’ dewqan tal-bord miżmuma għall-finijiet tal-ħruġ ta’ numru uffiċjali ta’ verifika tal-kwalità għall-inbid bid-denominazzjoni tal-bejgħ Wagram DAC. Madankollu, erba’ assaġġaturi jridu jikkonfermaw li r-rekwiżiti għall-inbid Wagram DAC huma ssodisfati.
Id-denominazzjoni “DAC” tissostitwixxi t-terminu “Denominazzjoni ta’ oriġini protetta” u trid tidher fuq it-tikketta ħdejn iż-żona tal-vitikultura Wagram u b’karattri li ma jkunux akbar minn nofs id-daqs ta’ dawk użati għall-isem Wagram. L-isem Wagram irid jidher ukoll fuq it-tikketta li ma għandhiex għalfejn tinkludi l-informazzjoni obbligatorja kollha (it-tikketta ta’ quddiem jekk ikun hemm tikketta ta’ wara); is-suppliment “DAC” jista’ jitħalla barra.
Mhuwiex permess l-użu ta’ denominazzjonijiet oħra ta’ bejgħ, ħlief għall-Qualitätswein. Minbarra t-terminu Qualitätswein, huwa permess biss li jintwera jew isem tad-ditta jew indikazzjoni addizzjonali permessa skont l-Att dwar l-Inbid (eż. isem dekorattiv jew indikazzjoni tradizzjonali fakultattiva). Id-denominazzjoni addizzjonali u kwalunkwe informazzjoni dwar il-varjetà tad-dwieli jridu jiġu stampati b’karattri li ma jkunux akbar minn dawk użati biex jindikaw id-DOP Wagram u jridu jidhru kemm fuq it-tikketta ta’ quddiem kif ukoll fuq it-tikketta ta’ wara.
Mhuwiex permess li tiġi indikata ż-żona tal-vitikultura “Niederösterreich” jew ir-reġjun tal-vitikultura “Weinland”.
Għandha tiġi indikata l-vendemmja.
Il-muniċipalitajiet katastali li ġejjin biss jistgħu jintużaw bħala indikazzjonijiet relatati mal-post: Absdorf, Fels, Gösing, Thürnthal, Feuersbrunn, Wagram, Großriedenthal, Ottenthal, Neudegg, Ameisthal, Baumgarten, Großweikersdorf, Großwiesendorf, Ruppersthal, Tiefenthal, Zaussenberg, Engelmannsbrunn, Kirchberg, Mitterstockstall, Oberstockstall, Unterstockstall, Königsbrunn, Hippersdorf, Eggendorf, Starnwörth, Stetteldorf, Klosterneuburg (inklużi l-muniċipalitajiet tal-vitikultura ta’ Wagram fin-Nofsinhar tad-Danubju). Dawn l-indikazzjonijiet relatati mal-post jistgħu jintużaw biss flimkien mad-DOP Wagram.
L-isem ta’ kwalunkwe Ried [vinja waħda] waħda definita għaż-żona tal-vitikultura ta’ Wagram mill-awtorità amministrattiva distrettwali kompetenti jista’ jintuża bħala denominazzjoni ta’ vinja waħda. Dawn l-ismijiet ta’ vinji uniċi jistgħu jintużaw biss flimkien mad-DOP Wagram.
Qafas legali:
Leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika definita
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
Skont l-Att Awstrijak dwar l-Inbid, l-inbejjed kollha tad-DOP iridu jiġu prodotti fir-reġjun tal-vitikultura (reġjun ta’ oriġini tal-IĠP) li fih tinsab iż-żona tad-DOP jew f’reġjun tal-vitikultura ġar. Għalhekk, l-Awstrija ġeneralment tagħmel użu mid-deroga prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/33. Għall-produzzjoni tal-inbid tad-DOP Wagram, ġew stabbiliti kundizzjonijiet addizzjonali li jippermettu l-produzzjoni barra miż-żona tal-oriġini sakemm dan jiġi nnotifikat lill-Kumitat Reġjonali tal-Wagram u awtorizzat minnu.
Qafas legali:
Leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Imballaġġ fiż-żona ġeografika definita
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
L-Att Awstrijak dwar l-Inbid ma jistabbilixxix regoli ġenerali dwar l-ibbottiljar tal-inbejjed tad-DOP. Sabiex jiġu żgurati l-kwalità u l-karatteristiċi tipiċi tal-inbid tad-DOP Wagram, huma stabbiliti l-kundizzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-ibbottiljar tiegħu:
L-inbid irid jiġi bbottiljat fiż-żona tad-DOP Wagram. L-ibbottiljar barra miż-żona ta’ oriġini huwa possibbli jekk jiġi nnotifikat u awtorizzat mill-Kumitat Reġjonali ta’ Wagram.
Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://info.bml.gv.at/dam/jcr:24c80f20-c06d-4159-b5bc-04feaeeadcad/Produktspezifikation_Wagram.pdf
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3581/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)