European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2566

20.11.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2566

tad-19 ta’ Novembru 2026

li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/1089 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-medetomidina għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

Billi:

(1)

Il-medetomidina ġiet approvata bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1731 (2) sal-31 ta’ Diċembru 2022, soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Fis-27 ta’ Ġunju 2021, tressqet applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-medetomidina għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1495 (3) ipposponiet id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-medetomidina għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21 għat-30 ta’ Ġunju 2025, sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-eżami tal-applikazzjoni. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/953 (4) ipposponiet ulterjorment id-data tal-iskadenza ta’ dik l-approvazzjoni għat-30 ta’ Ġunju 2026, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/1089 (5) reġgħet ipposponiet id-data tal-iskadenza għall-31 ta’ Diċembru 2026.

(4)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/2567 (6) ma ġedditx l-approvazzjoni tal-medetomidina għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21 peress li l-medetomidina ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(5)

Għalhekk, jixraq li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2026/1089 titħassar,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1089 titħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1731 tat-28 ta’ Settembru 2015 li japprova l-medetomidina bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 21 (ĠU L 252, 29.9.2015, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1731/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1495 tat-8 ta’ Settembru 2022 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-medetomidina għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 234, 9.9.2022, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1495/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/953 tat-23 ta’ Mejju 2025 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-medetomidina għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2025/953, 23.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/953/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/1089 tal-20 ta’ Mejju 2026 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-medetomidina għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2026/1089, 22.5.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1089/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/2567 tad-19 ta’ Novembru 2026 li ma ġġeddidx l-approvazzjoni tal-medetomidina bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2026/2567, 20.11.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2567/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2566/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)