European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/818

2.5.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/818

tal-28 ta’ April 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika dwar l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 78(2), l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 84, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 (1), fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, u permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 (2), fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, u daħlet fis-seħħ għall-Unjoni fl-1 ta’ Ottubru 2023. Sal-lum, hemm 39 parti għall-Konvenzjoni (il-“Partijiet”), inkluż l-Unjoni u 22 Stat Membru.

(2)

Il-Kumitat tal-Partijiet (“il-Kumitat”) huwa korp tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-Konvenzjoni. Skont l-Artikolu 67(3) tal-Konvenzjoni, il-Kumitat adotta ir-regoli ta’ proċedura tiegħu stess (“ir-Regoli ta’ Proċedura”). Ir-Regoli ta’ Proċedura jipprevedu li kull Parti jkollha vot wieħed. L-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni teħtieġ ċerti aġġustamenti għar-Regoli ta’ Proċedura, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-vot.

(3)

F’Awwissu 2023, is-Segretarjat tal-Kumitat ippropona ċerti emendi għar-Regoli ta’ Proċedura biex jirriflettu l-impatt tal-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni fuq il-funzjonament tal-Kumitat (l-“emendi proposti”) u talab lill- biex jissottomettu suġġerimenti ta’ abbozzar.

(4)

Fit-22 ta’ April 2024, permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2024/1669 (3) u (UE) 2024/1680 (4), l-Unjoni stabbiliet il-pożizzjoni tagħha dwar l-emendi proposti u pproponiet emendi alternattivi.

(5)

Fil-31 ta’ Mejju 2024, matul is-16-il laqgħa tal-Kumitat, ma kienx possibbli li jintlaħaq qbil dwar l-emendi proposti u l-Kumitat iddeċieda li l-President tiegħu jwettaq konsultazzjonijiet informali biex tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-membri kollha tal-Kumitat.

(6)

F’Novembru 2024, wara konsultazzjonijiet informali, il-President tal-Kumitat ippreżenta lill-Partijiet proposta riveduta għall-emendi stabbilita fid-dokument IC-CP(2024)12 prov. Skont dik il-proposta, ir-regoli attwali tal-votazzjoni jenħtieġ li jkomplu japplikaw iżda għandhom jiġu ssupplimentati bi klawżola li tipprovdi li għandu jsir kull sforz mill-Kumitat biex ikompli l-prattika tiegħu li jieħu deċiżjonijiet b’kunsens (il-“klawżola ta’ kunsens”), u klawżola li tipprovdi li l-Kumitat għandu jeżamina l-applikazzjoni tar-regoli fi żmien 3 snin wara l-adozzjoni tal-emendi (il-“klawżola ta’ rieżami”). Il-klawżola ta’ kunsens tikkodifika l-prattika eżistenti fi ħdan il-Kumitat u l-klawżola ta’rieżami tiċċara l-intenzjoni li r-Regoli ta’ Proċedura jiġu vvalutati mill-ġdid mhux aktar tard minn 3 snin wara l-adozzjoni tal-emendi għalihom..

(7)

Fit-13 ta’ Frar 2025, is-Segretarjat tal-Kumitat qassam mal-Partijiet “il-Proposta riveduta tal-President tal-Kumitat tal-Partijiet għall-emenda tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul” stabbilita fid-dokument IC-CP(2025)1Prov (l-“att previst”). Is-Segretarjat stieden lill-Partijiet japprovaw l-att previst permezz ta’ proċedura bil-miktub u kkomunika wkoll li, sakemm ma jiġux ippreżentati oġġezzjonijiet bil-miktub lis-Segretarjat sat-30 ta’ April 2025, l-att previst għandu jitqies bħala adottat.

(8)

Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, peress li l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura se jkunu legalment vinkolanti għall-Unjoni.

(9)

L-adozzjoni tal-att previst twassal biex ir-regoli attwali dwar il-votazzjoni essenzjalment ikomplu japplikaw, bl-Unjoni jkollha vot wieħed flimkien mal-voti ta’ dawk l-Istati Membri li huma Partijiet. Iż-żieda tal-klawżola ta’ kunsens u l-klawżola ta’ rieżami jenħtieġ li jkunu aċċettabbli għall-Unjoni.

(10)

Fir-rigward tar-Regola 2.2.b., li telenka l-parteċipanti li mhumiex membri tal-Kumitat, ir-referenza għall-Unjoni jenħtieġ li titħassar minħabba li m’għadhiex valida.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tal-att previst.

(12)

Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat fuq l-att previst tkun mingħajr preġudizzju għal pożizzjonijiet futuri dwar ir-regoli ta’ proċedura fir-rigward ta’ konvenzjonijiet oħra tal-Kunsill tal-Ewropa jew ftehimiet tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

(13)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(14)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u ma hijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Partijiet stabbilit skont l-Artikolu 67 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-“Kumitat”), fir-rigward tal-adozzjoni ta’ emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat, għandha tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tal-Proposta riveduta tal-President tal-Kumitat għall-emenda tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat stabbilita fid-dokument IC-CP(2025)1 prov.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-28 ta’ April 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SZŁAPKA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni (ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1075/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement (ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 4, ELI: http://data.europa. eu/eli/dec/2023/1076/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1669 tat-22 ta’ April 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, dwar emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement (ĠU L, 2024/1669, 12.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1669/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1680 tat-22 ta’ April 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika dwar emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati ma’ istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni (ĠU L, 2024/1680, 12.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1680/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/818/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)