|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/4090 |
24.7.2026 |
OPINJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-2 ta’ Ġunju 2026
dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri mill-Ġermanja fil-fruntieri interni tagħha f’konformità mal-Artikolu 27a(3) tar-Regolament (UE) 2016/399 (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen)
(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)
(C/2026/4090)
(1)
Skont l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni toffri liċ-ċittadini tagħha żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-ażil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontra l-kriminalità.
(2)
Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen)(kodifikazzjoni) (1), Stat Membru jista’, meta jkun ikkonfrontat b’theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, eċċezzjonalment u temporanjament jintroduċi mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni kollha tiegħu jew f’partijiet speċifiċi minnhom. Dan għandu jsir biss bħala miżura tal-aħħar istanza, u l-ambitu u d-durata tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri ma għandhomx jaqbżu dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jirrispondu għat-theddida serja identifikata.
(3)
L-Artikolu 25a(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jispeċifika li fejn Stat Membru jippjana li jintroduċi mill-ġdid il-kontroll mal-fruntieri fil-fruntieri interni biex jindirizza theddida serja prevedibbli, għandu jinnotifika lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata tal-kontrolli fuq il-fruntieri, mill-anqas erba’ ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid pjanata tal-kontrolli tal-fruntieri jew mill-aktar fis possibbli meta ċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-ħtieġa li jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni jsiru magħrufa lill-Istat Membru inqas minn erba’ ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata.
(4)
L-Artikolu 27a(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jeħtieġ li l-Kummissjoni, wara li jaslu n-notifiki sottomessi b’rabta ma’ estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni skont l-Artikolu 25a(4) li twassal għall-kontinwazzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni għal aktar minn 12-il xahar, il-Kummissjoni fuq l-istess raġunijiet, għandha toħroġ opinjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali kontrolli fuq il-fruntieri interni.
(5)
Il-qafas għall-introduzzjoni mill-ġdid u l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni ġie rivedut b’mod sostanzjali bir-Regolament (UE) 2024/1717 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li daħal fis-seħħ fl-10 ta’ Lulju 2024. Konsegwentement, il-bidu tal-perijodi kollha msemmija fit-Titolu III, Kapitolu II tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ġie kkalkolat minn din id-data.
(6)
Permezz tal-ittra datata d-9 ta’ Settembru 2024, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri abbażi tal-Artikolu 25a tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, fil-fruntieri interni fuq l-art mal-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Lussemburgu, u n-Netherlands għal perjodu ta’ sitt xhur, mis-16 ta’ Settembru 2024 sal-15 ta’ Marzu 2025. Fl-istess ittra, l-awtoritajiet Ġermaniżi ħabbru l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art mal-Awstrija, mit-12 ta’ Novembru 2024, u mal-Polonja, maċ-Ċekja u mal-Iżvizzera mis-16 ta’ Diċembru 2024.
(7)
Permezz ta’ ittra datata l-15 ta’ Ottubru 2024, l-awtoritajiet Ġermaniżi ssottomettew il-mudell ta’ notifika għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri fil-fruntiera interna fuq l-art mal-Awstrija, għal perjodu ta’ 4-il xahar u 3 jum, mit-12 ta’ Novembru 2024 sal-15 ta’ Marzu 2025.
(8)
Permezz ta’ ittra datata l-10 ta’ Diċembru 2024, l-awtoritajiet Ġermaniżi ssottomettew in-notifika tagħhom għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art maċ-Ċekja, il-Polonja u l-Iżvizzera, mis-16 ta’ Diċembru 2024 sal-15 ta’ Marzu 2025.
(9)
Permezz ta’ ittra datata t-12 ta’ Frar 2025, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw l-estensjoni tal-introduzzjoni mill-ġdid għal perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur, mis-16 ta’ Marzu 2025 sal-15 ta’ Settembru 2025.
(10)
Fis-7 ta’ Mejju 2025, l-awtoritajiet Ġermaniżi ħabbru pubblikament intensifikazzjoni progressiva tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art tagħhom. Fl-istess ħin, inħarġet struzzjoni ministerjali (“Weisung”), li ppermettiet ir-rifjut tad-dħul fil-fruntiera interna tal-applikanti għall-ażil.
(11)
Wara t-tħabbira tal-intensifikazzjoni progressiva tal-kontroll fil-fruntieri interni kollha fuq l-art, is-servizzi tal-Kummissjoni ma rċevewx aġġornament tan-notifika li saret fit-12 ta’ Frar 2025 iżda ġew infurmati matul il-kuntatti mal-Koordinatur ta’ Schengen, inkluż f’laqgħa mal-awtoritajiet Ġermaniżi fit-28 ta’ Mejju 2025.
(12)
Permezz ta’ ittra datata t-18 ta’ Awwissu 2025, l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw it-tieni estensjoni tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni għal perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur, mis-16 ta’ Settembru 2025 sal-15 ta’ Marzu 2026.
(13)
Permezz ta’ ittra datata t-12 ta’ Frar 2026, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw it-tielet estensjoni tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni għal perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur, mis-16 ta’ Marzu 2026 sal-15 ta’ Settembru 2026.
(14)
Fit-18 ta’ Marzu 2026, u f’konformità mal-Artikolu 33(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-Ġermanja ppreżentat rapport dwar l-introduzzjoni mill-ġdid u l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art tagħha, mal-Belġju, mad-Danimarka, ma’ Franza, mal-Lussemburgu, u man-Netherlands għall-perjodu bejn s-16 ta’ Settembru 2024 u l-15 ta’ Settembru 2025, fil-fruntiera fuq l-art tagħha mal-Awstrija għall-perjodu bejn t-12 ta’ Novembru 2024 u l-11 ta’ Novembru 2025, u fil-fruntieri fuq l-art tagħha maċ-Ċekja, mal-Polonja u mal-Iżvizzera għall-perjodu bejn s-16 ta’ Diċembru 2024 u l-15 ta’ Diċembru 2025.
(15)
Il-Ġermanja ġiet inkluża fid-djalogu strutturat tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Wara l-wasla tan-notifika tal-Ġermanja għal estensjoni, dan id-djalogu strutturat kompla bħala parti minn proċess ta’ konsultazzjoni previst mill-Artikolu 27a(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.
(16)
Is-sitwazzjoni attwali fil-fruntieri interni ġiet deskritta fir-Rapport dwar l-Istat ta’ Schengen tat-23 ta’ April 2025 (3) u hija diskussa regolarment fil-Kunsill ta’ Schengen.
(17)
Wara li jaslu n-notifiki sottomessi b’rabta ma’ estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni skont l-Artikolu 25a(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li twassal għall-kontinwazzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni għal total ta’ 12-il xahar, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali kontrolli fuq il-fruntieri, kif previst mill-Artikolu 27a(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Għall-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art mal- Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Lussemburgu u n-Netherlands, din kienet in-notifika ppreżentata fit-12 ta’ Frar 2025. Għall-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art mal-Awstrija, iċ-Ċekja, il-Polonja u l-Iżvizzera din kienet in-notifika ppreżentata fit-18 ta’ Awwissu 2025.
(18)
Wara valutazzjoni tan-notifiki u r-rapporti kollha msemmija hawn fuq u r-rapport, issupplimentata bl-informazzjoni pprovduta mill-Ġermanja fil-qafas tal-proċess ta’ konsultazzjoni u dokumenti uffiċjali oħra, disponibbli għall-pubbliku, il-Kummissjoni tadotta din l-Opinjoni.
VALUTAZZJONI TAN-NOTIFIKI U R-RAPPORT
I. REKWIŻITI FORMALI
|
(19) |
Fil-qafas tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll tal-fruntieri interni, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jimponi diversi obbligi formali fuq l-Istati Membri. |
|
(20) |
L-Artikolu 25a(4) tal-SBC jirrikjedi li l-Istati Membri, fejn theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tkun prevedibbli fi Stat Membru, jinnotifikaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata tal-kontrolli fil-fruntieri. |
|
(21) |
Il-Kummissjoni tosserva li n-notifiki tas-16 ta’ Settembru 2024 ġew sottomessi inqas minn erba’ ġimgħat qabel id-dħul fis-seħħ tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-konformità mal-obbligu li tiġi ppreżentata notifika fil-ħin tista’ tiġi eżentata biss f’każ li ċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-ħtieġa li jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni jsiru magħrufa mill-Istat Membru inqas minn erba’ ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata. |
|
(22) |
In-notifiki għall-estensjonijiet tal-kontrolli fil-fruntieri interni saru bl-użu tal-mudell stabbilit għal dan l-għan bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/315 (4). |
|
(23) |
Il-Ġermanja ma indikatx l-ismijiet tal-punti ta’ qsim tal-fruntiera awtorizzati fin-notifika tagħha kif meħtieġ mill-Artikolu 27(1)(c) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. |
|
(24) |
L-Artikolu 27(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jirrikjedi li f’sitwazzjonijiet fejn il-kontrolli fuq il-fruntieri jkunu ilhom fis-seħħ għal sitt xhur, l-Istati Membri jipprovdu valutazzjoni tar-riskju fi kwalunkwe notifika sussegwenti li tippreżenta l-iskala u l-evoluzzjoni antiċipata tat-theddida serja. Filwaqt li valutazzjoni preċiża tal-iskala u d-durata antiċipata tat-theddida serja tista’ tkun diffiċli biex tiġi pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali minħabba n-natura kumplessa tagħha, il-Kummissjoni tinnota li l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ġermaniżi fin-notifiki ma tagħmilx valutazzjoni tar-riskju dettaljata skont l-Artikolu 27(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, filwaqt li tqis ix-xejriet fl-iżvilupp tat-theddida serja fil-perjodu preċedenti ta’ introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, u bl-użu ta’ analiżijiet tar-riskju mħejjija fil-livell nazzjonali u mill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni. |
|
(25) |
In-notifiki magħmula mill-Ġermanja ma għandhomx valutazzjoni tar-riskju dettaljata u informazzjoni dwar il-movimenti mhux awtorizzati fuq skala kbira f’daqqa skont l-Artikolu 27(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Barra minn hekk, din il-valutazzjoni ma tinkludix informazzjoni miksuba mill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom jew analiżi tad-data minn sistemi ta’ informazzjoni rilevanti kif meħtieġ minn din l-istess dispożizzjoni. |
|
(26) |
Ir-rapport dwar l-introduzzjoni mill-ġdid u l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni, ibbażat fuq l-Artikolu 33(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li l-Ġermanja kellha tissottometti fl-iskadenza ta’ 12-il xahar (fis-16 ta’ Settembru 2025 għall-Belġju, id-Danimarka, Franza il-Lussemburgu u n-Netherlands; fit-12 ta’ Novembru 2025 għall-Awstrija, u fis-16 ta’ Diċembru 2025 għaċ-Ċekja, il-Polonja u l-Iżvizzera) ġiet ippreżentata fit-18 ta’ Marzu 2026. |
|
(27) |
Ir-rapport dwar l-introduzzjoni mill-ġdid u l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni jsegwi l-format uniformi stabbilit bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/308 (5). |
II. ĦTIEĠA U PROPORZJONALITÀ
Il-pożizzjoni tal-Awtoritajiet Ġermaniżi
|
(28) |
Fin-notifiki kollha tagħhom, l-awtoritajiet Ġermaniżi jindikaw l-eżistenza ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna li tirriżulta minn sitwazzjoni eċċezzjonali kkaratterizzata minn movimenti mhux awtorizzati fuq skala kbira f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, skont it-tifsira tal-Artikolu 25(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/399, bħala l-ġustifikazzjoni għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Barra minn hekk, in-notifiki jirreferu għal sfidi ġenerali relatati mal-migrazzjoni u s-sigurtà. |
|
(29) |
Fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-migrazzjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi jirreferu għall-effett kumulattiv tal-għadd kbir ta’ persuni li jfittxu l-ażil, il-movimenti mhux awtorizzati ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u l-benefiċjarji Ukreni ta’ protezzjoni temporanja, u l-pressjoni li tirriżulta fuq is-servizzi pubbliċi, b’mod partikolari s-sistema ta’ ammissjoni, integrazzjoni u akkoljenza tal-Länder u l-muniċipalitajiet, kif ukoll il-ġudikatura, l-edukazzjoni pubblika u l-assistenza soċjali, li jżidu mat-tensjonijiet soċjali u l-polarizzazzjoni fost il-pubbliku. L-awtoritajiet Ġermaniżi jissottolinjaw li huwa importanti li tiġi kkunsidrata mhux biss is-sitwazzjoni attwali tal-migrazzjoni illegali, iżda wkoll l-influss kostanti ta’ migrazzjoni illegali matul dawn l-aħħar snin u l-pressjoni li tirriżulta fuq is-sistemi ta’ ammissjoni u integrazzjoni, l-awtoritajiet u l-qrati tal-migrazzjoni, l-edukazzjoni pubblika u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Din is-sitwazzjoni taffettwa mhux biss partijiet partikolari tal-fruntieri Ġermaniżi, iżda t-territorju federali kollu. |
|
(30) |
Fir-rigward tas-sitwazzjoni tas-sigurtà, l-awtoritajiet Ġermaniżi jirreferu għall-iżviluppi tas-sigurtà globali, inkluż il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għaddejja kontra l-Ukrajna, is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Lvant Nofsani, is-sitwazzjoni u l-iżviluppi fraġli fl-Afganistan u fis-Sirja, u l-eskalazzjoni bejn Iżrael u l-Iran. |
|
(31) |
L-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni tagħmilha possibbli li jiġu identifikati fi stadju bikri dawk l-individwi li huma ta’ theddida (terroristika) u li jkun hemm rispons b’miżuri rilevanti tal-pulizija. Fil-perjodi ta’ rapportar rispettivi koperti mir-rapport ibbażat fuq l-Artikolu 33(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, l-awtoritajiet Ġermaniżi qabdu kważi 1 500 persuna assoċjata ma’ kriminalità politikament motivata. |
|
(32) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi jirreferu għal sensiela ta’ attakki u reati vjolenti, b’mod partikolari dawk li jinvolvu skieken, li jżidu sens ta’ nuqqas ta’ sigurtà fost il-pubbliku. |
|
(33) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi jqisu li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni tagħha hija kemm meħtieġa kif ukoll proporzjonata fid-dawl tan-nuqqasijiet attwali fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-funzjonament ħażin tas-sistema ta’ Dublin, li jipprevjenu t-trasferimenti ta’ Dublin lejn l-Istati Membri rilevanti. |
|
(34) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi jindikaw l-effett deterrenti qawwi tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni fir-rigward tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin u l-migrazzjoni illegali. L-awtoritajiet Ġermaniżi identifikaw madwar 83 600 entrata mhux awtorizzata fl-2024 u madwar 63 000 entrata mhux awtorizzata fl-2025. Barra minn hekk, il-Pulizija Federali rreġistrat 1 500 każ ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti minn madwar 1 600 faċilitatur ta’ dħul klandestin. |
|
(35) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi jqisu li miżuri alternattivi, bħall-kontrolli tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntiera, l-użu tat-teknoloġija (bħad-droni, il-kameras ta’ sorveljanza, ir-Rikonoxximent Awtomatiku tal-Pjanċi) kif ukoll il-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija u tar-riammissjoni bejn l-Istati Membri ġirien ġew eżawriti u mhumiex effettivi biżżejjed biex jaġixxu bħala sostitut għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. |
|
(36) |
Il-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali Federali timponi limiti fuq l-użu sistematiku ta’ sistemi ta’ rikonoxximent tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni. Barra minn hekk, l-għodod tekniċi jistgħu jkunu kapaċi jidentifikaw vetturi u persuni iżda ma jistgħux jivverifikaw il-kundizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. |
|
(37) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi jsostnu li fin-nuqqas ta’ introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, il-liġi nazzjonali ma tippermettix lill-Awtorità tal-Pulizija Ġermaniża twettaq kontrolli fil-fruntieri biss fuq il-bażi tal-qsim tal-fruntiera u tieħu miżuri immedjati biex tirrifjuta d-dħul lil persuni li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tad-dħul. Dawn il-kontrolli jkomplu jippermettu l-prevenzjoni u d-detezzjoni bikrija tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin, b’mod aktar immirat, filwaqt li jipproteġu wkoll lill-vittmi tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin. |
|
(38) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi jsostnu li l-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art jitwettqu b’moderazzjoni u jiġu adattati għas-sitwazzjoni f’kull sezzjoni tal-fruntiera interna sabiex jiġi minimizzat l-impatt tagħhom fuq it-traffiku transfruntier u jiġi evitat it-tfixkil bla bżonn tiegħu, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. L-intensità, il-post, it-tul u l-firxa tal-verifiki fil-fruntieri huma adattati skont, fost l-oħrajn, is-sitwazzjoni fil-fruntiera interna fuq l-art u l-infrastruttura tat-traffiku lokali. Għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma ppreżentawx lista ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera awtorizzati. |
L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni
|
(39) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi pprovdew informazzjoni dwar id-diversi aspetti tat-theddid serju identifikat għas-sigurtà interna u għall-ordni pubbliku kif ukoll argumenti biex jissostanzjaw il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-kontrolli fil-fruntieri introdotti mill-ġdid. |
|
(40) |
Il-Kummissjoni tinnota li, filwaqt li s-sitwazzjoni diffiċli tas-sigurtà globali tista’ twassal għal tħassib serju għas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri, in-notifiki ma jipprovdux analiżi suffiċjenti li tispjega kif l-ambjent tas-sigurtà globali jaffettwa lill-Ġermanja b’mod speċifiku, u kif din it-theddida timmaterjalizza f’partijiet speċifiċi tal-fruntieri interni tal-art fejn il-kontrolli ġew introdotti mill-ġdid. |
|
(41) |
Il-Kummissjoni ma tistax, abbażi tal-informazzjoni pprovduta fin-notifiki, tistabbilixxi fid-dettall kif l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni se tindirizza t-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali identifikata mill-Ġermanja, speċjalment fir-rigward ta’ reati vjolenti mwettqa minn persuni li diġà huma preżenti fit-territorju nazzjonali. |
|
(42) |
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Ġermanja qed tiffaċċja sitwazzjoni ta’ migrazzjoni kumplessa, kif muri mid-data dwar l-għadd globali ta’ applikazzjonijiet għall-ażil, inklużi dawk ippreżentati wara dħul mhux awtorizzat, minn applikanti għall-protezzjoni internazzjonali rreġistrati fi Stat Membru ieħor, minn benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, kif ukoll l-għadd ta’ permessi maħruġa lill-membri tal-familja ta’ refuġjati rikonoxxuti għall-fini tar-riunifikazzjoni tal-familja. Il-kapaċità tal-Ġermanja li tipprovdi kundizzjonijiet ta’ akkoljenza adegwati għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ġiet affettwata wkoll mill-ħtieġa li jiġu appoġġati l-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. |
|
(43) |
Il-Kummissjoni tinnota li movimenti mhux awtorizzati ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri interni jekk dawn il-movimenti mhux awtorizzati jkunu ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna. F’dan ir-rigward, fl-Artikolu 25(1)(c) tiegħu, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jirreferi speċifikament għas-sitwazzjoni li fiha movimenti mhux awtorizzati fuq skala kbira f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bejn l-Istati Membri jpoġġu pressjoni sostanzjali fuq ir-riżorsi u l-kapaċitajiet ġenerali ta’ awtoritajiet kompetenti mħejjija tajjeb, u li x’aktarx ipoġġu f’riskju l-funzjonament ġenerali taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. |
|
(44) |
Il-Kummissjoni tinnota li nuqqasijiet fil-kontroll tal-fruntieri esterni, jistgħu jikkostitwixxu raġuni għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri interni jekk dawn in-nuqqasijiet ikunu ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 29(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprevedi wkoll proċedura speċifika li permezz tagħha l-Kunsill jista’, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jirrakkomanda li Stat Membru wieħed jew iktar jintroduċu mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni kollha tagħhom jew f’partijiet speċifiċi minnhom, meta l-funzjonament ġenerali taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni jitqiegħed f’riskju minħabba nuqqasijiet serji persistenti relatati mal-kontrolli fil-fruntieri esterni u sa fejn dawn iċ-ċirkustanzi jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna. |
|
(45) |
Data reċenti turi li kemm is-sitwazzjoni migratorja Ewropea kif ukoll dik nazzjonali tjiebu b’mod sinifikanti. L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta osservat tnaqqis qawwi fil-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri tal-Unjoni fl-2024. Fl-2025, skont l-Għarfien u l-Analiżi Integrati tas-Sitwazzjoni tal-UE, il-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri reġa’ naqas, bi kwart meta mqabbel mal-2024 (180 429 fl-2025 imqabbel ma’ 240 199 fl-2024). Skont id-data disponibbli għall-pubbliku pprovduta mill-awtoritajiet Ġermaniżi, fit-2024 l-għadd tal-ewwel applikazzjonijiet għall-ażil naqas b’ 30,2 % (6). Din ix-xejra’ l isfel aċċellerat fl-ewwel disa’ xhur tal-2025, li matulhom l-għadd tal-ewwel applikazzjoni għall-ażil naqas b’ 51 % addizzjonali (7). Dan it-tnaqqis huwa parti minn xejra usa’ minħabba sforzi kollettivi akbar biex jiġu protetti l-fruntieri esterni tal-UE u ma jistax jiġi attribwit biss għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni mill-Ġermanja. |
|
(46) |
L-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni tista’ tikkontribwixxi għad-detezzjoni ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri fit-territorju ta’ Stat Membru, tiffaċilita r-riammissjonijiet rapidi fil-fruntiera interna u tiżgura li l-movimenti mhux awtorizzati tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali jiġu identifikati minnufih, li jippermetti l-applikazzjoni korretta tar-regoli tar-Regolament ta’ Dublin (8) dwar l-allokazzjoni tar-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta fin-notifiki dwar l-għadd ta’ qbid u riammissjonijiet ma turix l-iżvilupp ta’ dawn in-numri maż-żmien, u lanqas ma tiġġustifika l-estensjoni ġenerali tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni u t-tisħiħ progressiv tiegħu fil-fruntieri interni kollha fuq l-art mingħajr distinzjoni. |
|
(47) |
Il-Kummissjoni tenfasizza li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni ma tbiddilx l-obbligi tal-Ġermanja skont ir-regoli applikabbli tad-dritt tal-UE dwar l-ażil u r-ritorn. Il-konformità mal-acquis tal-UE dwar l-ażil u r-ritorn fil-fruntieri interni introdotti mill-ġdid tipprevjeni aktar movimenti mhux awtorizzati u tippermetti segwitu xieraq f’każ li persuna tkun ġiet identifikata bħala riskju għas-sigurtà. |
|
(48) |
Il-Kummissjoni tinnota li fit-2 ta’ Ġunju 2025, il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin ħadet miżura interim kontra r-rifjut tal-awtoritajiet Ġermaniżi li japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Dublin għal tliet applikanti għall-ażil fil-fruntiera interna mal-Polonja (9). Dan għadu ma jikkostitwixxix deċiżjoni finali fil-proċedimenti prinċipali tal-qorti. |
|
(49) |
Il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni mill-Istati Membri ġirien tal-Ġermanja ta’ dawran dirett lura fil-fruntiera interna barra mill-qafas ta’ ftehimiet jew arranġamenti ta’ riammissjoni eżistenti, li tqajjem tħassib dwar is-sigurtà kif ukoll mistoqsijiet dwar l-effettività u l-legalità ta’ approċċ bħal dan. |
|
(50) |
In-notifiki ma jiddikjarawx raġunijiet speċifiċi għall-għażla tal-ambitu ġeografiku u temporali tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Ma hemm l-ebda spjegazzjoni għaliex durata ta’ sitt xhur, aktar milli perjodu iqsar, tidher l-aktar xierqa. Ma hemm ebda ġustifikazzjoni għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni kollha mingħajr distinzjoni, li jimplika li l-livell tat-theddida serja għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna huwa l-istess fil-fruntieri interni kollha. |
|
(51) |
Il-Kummissjoni tieħu nota tal-intenzjoni ddikjarata tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jwettqu kontrolli fil-fruntieri interni b’mod li jillimita l-impatt fuq it-traffiku transfruntier. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-intensifikazzjoni progressiva tal-kontroll fil-fruntieri interni mħabbra fis-7 ta’ Mejju 2025 ġiet innotifikata verbalment lis-servizzi tal-Kummissjoni iżda ma ġietx riflessa fin-notifiki sussegwenti tagħha. |
|
(52) |
Il-Kummissarju tal-Pulizija Federali, fir-rapport annwali tiegħu tat-8 ta’ Lulju 2025, iddenunzja l-pressjoni li titqiegħed fuq il-forza tal-pulizija nazzjonali bl-introduzzjoni mill-ġdid ġenerali tal-kontrolli fil-fruntieri interni, għad-detriment tad-dmirijiet normali tal-pulizija, u appella għal approċċ aktar imfassal apposta għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni abbażi tal-kundizzjonijiet reġjonali (10). |
III. MIŻURI ALTERNATTIVI
Il-pożizzjoni tal-Awtoritajiet Ġermaniżi
|
(53) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi jiddikjaraw li l-miżuri alternattivi rrakkomandati mill-Kummissjoni fir-Rakkomandazzjonijiet tagħha tat-23 ta’ Novembru 2023 (11) mhumiex biżżejjed biex jikkumbattu t-theddida serja għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna kif identifikata fit-territorju tagħhom. |
|
(54) |
Barra minn hekk, il-kontrolli tal-pulizija fit-territorju bbażati fuq il-liġi nazzjonali u msemmija fl-Artikolu 23 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, b’mod partikolari kontrolli aleatorji fuq il-post, se jkomplu jitwettqu fiż-żona tal-fruntiera kollha. |
|
(55) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi jsostnu li l-kontrolli tal-pulizija mwettqa fit-territorju ma jistgħux jissostitwixxu l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, peress li skont id-dritt Ġermaniż, dawn ma jistgħux jintużaw biex jiġu vverifikati l-kundizzjonijiet tad-dħul. Hija biss introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni li tippermetti verifika fuq persuni abbażi biss tal-fatt li jaqsmu fruntiera interna u li joħorġu deċiżjoni ta’ rifjut tad-dħul. |
|
(56) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi jsostnu li, bħala regola ġenerali, id-deċiżjonijiet dwar ir-rifjuti ta’ dħul fit-territorju Ġermaniż jiġu kkomunikati lill-Istati Membri ġirien fil-qafas tal-kooperazzjoni mill-qrib tal-pulizija tal-fruntieri. L-istess japplika għar-riammissjoni fil-qafas ta’ ftehimiet bilaterali ta’ riammissjoni. |
|
(57) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi jiddikjaraw li l-użu tat-teknoloġija, bħad-droni, il-kameras ta’ sorveljanza u r-Rikonoxximent Awtomatiku tal-Pjanċi (ANPR) huwa bbażat fuq il-liġi nazzjonali u jista’, skont liema teknoloġija tintuża, ikollu rekwiżiti aktar stretti għall-użu tagħhom mill-kontroll fil-fruntieri interni. Diġà qed jintużaw sitt sistemi għas-sorveljanza bil-kamera u l-ANPR għal sorveljanza bbażata fuq is-sitwazzjoni u mhux sistematika. Madankollu, skont l-awtoritajiet Ġermaniżi, dawn is-sistemi ma jistgħux jissostitwixxu l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, peress li mhumiex iffukati fuq l-identifikazzjoni u l-prevenzjoni tal-migrazzjoni illegali u jistgħu sempliċiment jappoġġaw il-kompiti ta’ kontroll tal-Pulizija Federali. |
|
(58) |
Il-pulizija Federali tal-Ġermanja taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet sħab tagħha fil-pajjiżi ġirien. Għandha fis-seħħ ftehimiet dwar l-infurzar tal-liġi mal-Istati Membri ġirien kollha u qed tinvolvi ruħha f’diskussjonijiet attivi biex taġġorna l-ftehimiet eżistenti mal-Awstrija, id-Danimarka, Franza, il-Lussemburgu u n-Netherlands. |
|
(59) |
Skont l-awtoritajiet Ġermaniżi, il-kooperazzjoni tal-pulizija tista’ tvarja fir-reġjuni differenti u hija adattata għall-ħtiġijiet fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera. Din il-kooperazzjoni transfruntiera tinkludi l-kondiviżjoni regolari tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ miżuri (konġunti) tul il-fruntieri komuni u fiż-żona tal-fruntiera, b’mod partikolari rondi konġunti, iżda wkoll taħriġ u valutazzjonijiet tar-riskju konġunti. |
|
(60) |
Iċ-ċentri Konġunti ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija u tad-Dwana u/jew l-Uffiċċji Konġunti ta’ Kollegament ġew stabbiliti b’mod permanenti fil-fruntieri interni tal-art Ġermaniżi kollha. L-awtoritajiet tas-sigurtà mir-reġjuni tal-fruntiera jaħdmu flimkien hemmhekk, jikkoordinaw u jappoġġaw l-operazzjonijiet transfruntiera u jiskambjaw informazzjoni dwar is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, uffiċjali ta’ kollegament mill-Pulizija Federali huma skjerati fiċ-Ċentru ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija ta’ Thörl-Maglern mal-Awstrija, is-Slovenja u l-Italja. |
|
(61) |
Il-pulizija Federali toħloq prodotti ta’ evalwazzjoni konġunta fil-livelli ċentrali, lokali u reġjonali mal-awtoritajiet sħab barranin. |
L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni
|
(62) |
Il-Kummissjoni tieħu nota tal-applikazzjoni attiva tal-Ġermanja ta’ miżuri alternattivi li jakkumpanjaw u jillimitaw l-impatt tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. |
|
(63) |
Il-Kummissjoni ġiet infurmata mill-Istati Membri ġirien dwar nuqqas ta’ skambju ta’ informazzjoni fil-fruntieri interni introdotti mill-ġdid, b’mod partikolari fl-applikazzjoni ta’ ftehimiet bilaterali ta’ riammissjoni. |
|
(64) |
Il-Kummissjoni tilqa’ l-inizjattivi biex jiġu aġġornati l-ftehimiet bilaterali ta’ kooperazzjoni tal-pulizija mal-Awstrija, id-Danimarka, Franza, il-Lussemburgu u n-Netherlands. |
|
(65) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-Ġermanja għandha fis-seħħ ftehimiet ta’ riammissjoni mal-Istati Membri ġirien kollha tagħha. Hija tilqa l-inizjattivi riċenti ma’ Franza u l-Lussemburgu biex isiru arranġamenti prattiċi għall-applikazzjoni tal-proċedura ta’ trasferiment skont l-Artikolu 23a tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. |
|
(66) |
Il-Kummissjoni tinnota li anke fin-nuqqas ta’ introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jkomplu jeżerċitaw is-setgħat pubbliċi, inklużi dawk immirati lejn it-tnaqqis tal-migrazzjoni illegali fiż-żoni tal-fruntieri interni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-limiti għall-użu ta’ miżuri alternattivi, b’mod partikolari l-użu tat-teknoloġija u tal-verifiki tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntiera, huma previsti fil-liġi nazzjonali. |
IV. MIŻURI TA’ MITIGAZZJONI
Il-pożizzjoni tal-Awtoritajiet Ġermaniżi
|
(67) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi jiddikjaraw li l-kontrolli fil-fruntieri interni jitwettqu b’mod proporzjonat u abbażi tas-sitwazzjoni fuq il-post, b’kamp ta’ applikazzjoni u intensità adattati għall-kundizzjonijiet tat-traffiku biex jiġi minimizzat it-tfixkil għall-vjaġġaturi, għan-negozji u għall-vjaġġaturi. |
|
(68) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi jinvolvu ruħhom fi djalogu kontinwu u mill-qrib f’livelli differenti mal-awtoritajiet lokali fir-reġjuni transfruntiera u mal-awtoritajiet tal-pajjiżi ġirien, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni. |
|
(69) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi ħadu miżuri ta’ sikurezza tat-traffiku, inkluż tnaqqis inkrementali fil-veloċità fit-toroq traffikużi, li huma implimentati kif meħtieġ u kkoordinati mas-sħab nazzjonali, reġjonali u internazzjonali. |
|
(70) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi jadattaw kontinwament il-miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku lokali f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet biex itaffu l-konġestjoni, b’passi ta’ mitigazzjoni meħuda minnufih meta jkun meħtieġ. |
|
(71) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi stabbilew sistema ta’ monitoraġġ nazzjonali biex jidentifikaw u jindirizzaw l-effett negattiv fuq terminu qasir fuq it-traffiku transfruntier. S’issa ma ġie osservat l-ebda tfixkil kbir jew dejjiemi u ma kien hemm l-ebda rekord ta’ dewmien li dam aktar minn 30 minuta minħabba l-konġestjoni kkawżata minn kontrolli fuq it-traffiku transfruntier li jidħol fil-pajjiż. |
|
(72) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi infurmaw lis-settur tal-loġistika bl-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni permezz tal-Ministeru għat-Trasport u sar disponibbli punt ta’ kuntatt iddedikat. Ma kien hemm l-ebda lment sinifikanti. |
|
(73) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi ottimizzaw l-infrastruttura tat-traffiku fejn possibbli. Huma pproponew ir-rilokazzjoni tal-punti ta’ kontroll fit-territorju tal-pajjiżi ġirien biex jiġu ffaċilitati l-flussi. Adattamenti strutturali fuq awtostradi Ġermaniżi jistgħu jiġu kkunsidrati iżda ma jistgħux jiġu implimentati fi żmien qasir. |
L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni
|
(74) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-impenn tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jiżguraw li l-impatt tal-kontrolli fil-fruntieri interni jibqa’ limitat kif meħtieġ mill-Artikolu 26(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. |
|
(75) |
Il-Ġermanja nnotifikat ir-reġjuni transfruntiera tagħha skont l-Artikolu 42b tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. |
|
(76) |
Il-Ġermanja ħadet passi, taħt il-gwida tal-Kummissjoni u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri ġirien tagħha, biex tiżgura l-fluwidità tat-traffiku fil-punti ta’ qsim interni tal-art fejn il-kontroll ġie introdott mill-ġdid. |
|
(77) |
Minkejja l-isforzi mill-awtoritajiet Ġermaniżi biex itaffu l-impatt tal-kontrolli fil-fruntieri interni, il-Kummissjoni rċeviet ħafna lmenti minn ċittadini u negozji li jindikaw li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni taffettwahom b’mod negattiv. |
|
(78) |
Speċjalment fil-fruntieri bejn il-Ġermanja u l-Lussemburgu, bejn il-Ġermanja u l-Polonja u bejn il-Ġermanja u n-Netherlands, l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni kkawżat diffikultajiet lill-komunitajiet lokali tal-fruntieri, b’mod partikolari lill-ħaddiema transfruntiera. |
|
(79) |
Il-Kummissjoni tilqa’ t-titjib li sar bħala riżultat ta’ kuntatti bilaterali biex tittejjeb is-sitwazzjoni fil-fruntiera bejn il-Ġermanja u l-Lussemburgu. Dan jinkludi l-adozzjoni ta’ proċedura operattiva ġdida fil-punt ta’ kontroll ta’ Schengen (Markusbierg) fuq l-awtostrada A13 u t-tħabbira konġunta tat-tmiem tal-kontroll fiss fuq il-fruntiera fil-punt ta’ kontroll ta’ Trier (Sauertalbrücke), li se jiġu sostitwiti b’kontrolli mobbli fit-territorju Ġermaniż. Saru kuntatti simili, bl-għan li titjieb strutturalment is-sitwazzjoni fil-fruntiera interna, mal-awtoritajiet Olandiżi u Pollakki. |
|
(80) |
Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet Ġermaniżi li jagħtu attenzjoni speċifika lir-reġjuni transfruntiera li huma kkonċernati mill-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni u ma jispjegawx sa liema punt jistgħu jiġu proposti soluzzjonijiet teknoloġiċi jew imfassla apposta għal kull reġjun tal-fruntiera jew kategorija ta’ vjaġġaturi essenzjali biex tiġi żgurata l-fluwidità tal-ivvjaġġar transfruntier. |
V. RAKKOMANDAZZJONIJIET
|
(81) |
Żona Schengen li tiffunzjona tajjeb tiddependi fuq l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-acquis dwar il-migrazzjoni u l-ażil. Il-bidu tal-applikazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil f’Ġunju 2026 se jkun xprun importanti biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar movimenti mhux awtorizzati jew tħassib migratorju u ta’ sigurtà relatat mal-migrazzjoni illegali — tħassib imressaq mill-Ġermanja li jiġġustifika l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni. |
|
(82) |
Il-Kummissjoni tindika li skont ir-Regolament dwar l-Iskrinjar (12), li jifforma parti mill-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, kontroll tas-sigurtà tal-bażijiet tad-data rilevanti kollha jifforma parti kemm mill-iskrinjar fil-fruntieri esterni, kif ukoll fit-territorju. |
|
(83) |
It-tħassib dwar is-sigurtà huwa r-raġuni ewlenija mressqa mill-Ġermanja li tiġġustifika l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Il-liġi tal-UE diġà tipprovdi firxa wiesgħa ta’ għodod biex tgħin fl-indirizzar ta’ dan it-tħassib tal-awtoritajiet Ġermaniżi. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-mekkaniżmi eżistenti biex isaħħu s-sigurtà u l-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi. Dawn jinkludu r-Regolament Prüm II, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen il-ġdida u l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri u r-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (13). Id-dħul fis-seħħ tal-EES u tal-ETIAS se jkompli jiżgura l-fruntieri esterni (14). |
|
(84) |
Il-Kummissjoni tfakkar fil-ħtieġa li jiġu rrispettati l-obbligi skont ir-regoli applikabbli tad-dritt tal-UE dwar l-ażil u r-ritorn fil-fruntieri interni fejn ġew introdotti mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri. |
|
(85) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi għandhom ikomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni tagħhom mal-Istati Membri ġirien tal-Ġermanja, inkluż permezz tar-reviżjoni xierqa tal-ftehimiet jew l-arranġamenti bilaterali eżistenti ta’ riammissjoni u/jew il-konklużjoni ta’ arranġamenti prattiċi għall-applikazzjoni tal-proċedura ta’ trasferiment skont l-Artikolu 23a tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, kif ukoll bil-ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali tal-pulizija ma’ Stati Membri ġirien. |
|
(86) |
Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Ġermanja tindirizza kwalunkwe ostaklu legali jew operazzjonali li jxekkel l-użu effettiv ta’ miżuri alternattivi, bħal limitazzjonijiet skont il-liġi nazzjonali biex titlob identifikazzjoni u tivverifika l-konformità mal-kundizzjonijiet għal soġġorn legali fit-territorju, jew l-użu ta’ mezzi teknoloġiċi, bħar-rikonoxximent tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni, fil-fruntieri interni tagħha għal finijiet ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni. |
|
(87) |
Il-Kummissjoni tenfasizza li l-użu ta’ miżuri alternattivi, inklużi soluzzjonijiet teknoloġiċi, jista’ jikkostitwixxi mezz aktar effiċjenti u effettiv biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà u kontroll tal-migrazzjoni, mingħajr il-ħtieġa li jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni. |
|
(88) |
Jenħtieġ li l-awtoritajiet Ġermaniżi jaħdmu lejn it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri interni, abbażi ta’ approċċ imfassal apposta għal kull taqsima tal-fruntiera interna u għal kull theddida u jagħmlu użu sħiħ mill-miżuri alternattivi disponibbli stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/268 u l-possibbiltajiet skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Dawn il-miżuri għandhom isaħħu u jikkomplementaw il-miżuri eżistenti. Kontrolli fuq il-post mhux statiċi u mhux sistematiċi bbażati fuq ir-riskju, inklużi kontrolli tal-pulizija fiż-żona tal-fruntiera u kooperazzjoni msaħħa tal-pulizija u tar-riammissjoni mal-Istati Membri ġirien, jikkostitwixxu l-ewwel pass lejn tali tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri interni. |
|
(89) |
Il-Kummissjoni tqis li l-kooperazzjoni b’suċċess mal-Istati Membri ġirien u ma’ pajjiżi terzi, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ miżuri alternattivi, jipprovdu bażi solida li fuqha il-Ġermanja issa tista’ taħdem lejn it-tneħħija gradwali tal-kontroll fil-fruntieri interni, mingħajr ma jkollha għalfejn tikkomprometti s-sigurtà jew il-kontroll tal-migrazzjoni tagħha. Hija se tibqa’ f’kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri kollha kkonċernati biex jintlaħaq dan l-għan. |
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2026.
Għall-Kummissjoni
Magnus BRUNNER
Membru tal-Kummissjoni
(2) Ir-Regolament (UE) 2024/1717 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (ĠU L, 2024/1717. 20.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1717/oj).
(3) COM(2025) 185 final.
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/315 tal-14 ta’ Frar 2025 li tistabbilixxi mudell għan-notifika tal-introduzzjoni mill-ġdid jew l-estensjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni (OJ L, 2025/315, 17.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/315/oj).
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/308 tal-14 ta’ Frar 2025 li tistabbilixxi format uniformi għar-rapport dwar l-introduzzjoni mill-ġdid jew l-estensjoni tal-kontroll fil-fruntieri interni f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2025/308, 17.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/308/oj).
(6) Bundesamt für Migration und Flüchtlinge. (2024). “Addressing societal challenges using transdisciplinary research”, OECD Science, Technology and Industry Policy Papers, No. Aktuelle Zahlen, Ausgabe: Dezember 2024. https://www.bamf.de/SharedDocs/Anlagen/DE/Statistik/AsylinZahlen/aktuelle-zahlen-dezember-2024.pdf?__blob=publicationFile&v=3.
(7) Bundesamt für Migration und Flüchtlinge. (2025). “Addressing societal challenges using transdisciplinary research”, OECD Science, Technology and Industry Policy Papers, No. Aktuelle Zahlen, Ausgabe: September 2025. https://www.bamf.de/SharedDocs/Anlagen/DE/Statistik/AsylinZahlen/aktuelle-zahlen-september-2025.pdf?__blob=publicationFile&v=4.
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).
(9) VG Berlin, Beschluss vom 2.6.2025, VG 6 L 191/25, ECLI:DE:VGBE:2025:0602.6L191.25.00; VG Berlin, Beschluss vom 2.6.2025, VG 6 L 192/25, ECLI: DE:VGBE:2025:0602.6L192.25.00; VG Berlin, Beschluss vom 2.6.2025, VG 6 L 193/25, ECLI:DE:VGBE:2025:0602.6L193.25.00.
(10) Deutscher Bundestag Drucksache 21/750 --- Tätigkeitsbericht des Polizeibeauftragten über den Zeitraum vom 1. Juli 2024 bis zum 30. Juni 2025.
(11) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/268 tat-23 ta’ Novembru 2023 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward ta’ theddid serju għas-sigurtà interna u l-ordni pubbliku fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni (ĠU L, 2024/268, 17.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/268/oj).
(12) Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jintroduċi l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817 (ĠU L, 2024/1356, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1356/oj).
(13) Regolament (UE) 2024/982 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 dwar it-tiftix u l-iskambju awtomatizzat ta’ data għall-kooperazzjoni tal-pulizija, u li jemenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI u r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament Prüm II) (ĠU L, 2024/982, 5.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/982/oj); Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1862/oj); Regolament (UE) 2025/13 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/818 (ĠU L, 2025/13, 8.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/13/oj); Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132; ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/681/oj).
(14) Rettifika tar-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2226/oj); Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1240/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/4090/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)