|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1308 |
2.7.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1308
tat-23 ta’ Ġunju 2025
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) b’rabta ma’ Rakkomandazzjoni tad-WCO skont l-Artikolu 16 li jemenda s-Sistema Armonizzata
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31 u l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (“il-Konvenzjoni tas-SA”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE (1) u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni tas-SA, il-Kumitat tas-Sistema Armonizzata jista’ jipproponi lill-Kunsill tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO, World Customs Organization) proposti għal emendi tan-Nomenklatura tas-Sistema Armonizzata (“in-Nomenklatura tas-SA”). Skont l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tas-SA, il-Kunsill tad-WCO jista’ jirrakkomanda emendi lill-Partijiet Kontraenti. |
|
(3) |
Il-Kunsill tad-WCO hu mistenni jiddeċiedi dwar abbozz ta’ Rakkomandazzjoni għall-Partijiet Kontraenti għal emenda tan-Nomenklatura tas-SA matul is-sessjonijiet ta’ Ġunju 2025 tiegħu (l-“abbozz ta’ Rakkomandazzjoni”). L-abbozz ta’ Rakkomandazzjoni għandha tiġi adottata abbażi ta’ proposta mħejjija mill-Kumitat tas-Sistema Armonizzata u tiġi finalizzata matul il-75 laqgħa tiegħu bejn l-10 u l-21 ta’ Marzu 2025. Din għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2028. |
|
(4) |
Huwa ta’ importanza kbira li n-Nomenklatura tas-SA tinżamm aġġornata u konformi mal-evoluzzjoni tax-xejriet kummerċjali u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, u li tirrifletti kemm jista’ jkun il-ħtiġijiet tal-utenti. L-abbozz ta’ Rakkomandazzjoni jinkludi bosta settijiet ta’ emendi li jqisu l-ħtieġa li n-Nomenklatura tas-SA tiġi mmodernizzata jew adattata għall-ambjent tagħha. |
|
(5) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tad-WCO b’rabta mal-abbozz ta’ Rakkomandazzjoni, billi ladarba tiġi aċċettata skont l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tas-SA, ir-Rakkomandazzjoni se jkollha effetti legali għall-Unjoni u se jkollha l-kapaċità li tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2). |
|
(6) |
Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tad-WCO jenħtieġ ti tkun waħda ta’ appoġġ għall-abbozz ta’ Rakkomandazzjoni, kif ukoll għal kwalunkwe bidla editorjali minuri li tista’ titqies meħtieġa, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (id-WCO) matul is-sessjonijiet tiegħu ta’ Ġunju 2025 għandha tkun li jiġi aċċettat l-abbozz tar-Rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (“il-Konvenzjoni tas-SA”) dwar l-emenda tas-Sistema Armonizzata kif stabbilit fl-Anness Q tad-Dokument NC3358Ba (Rapport HSC/75/Marzu 2025).
2. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tad-WCO jistgħu jaqblu dwar bidliet editorjali minuri fl-abbozz tar-Rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tas-SA fid-dawl tal-iżviluppi fis-sessjonijietli ġejjin tal-Kunsill tad-WCO, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri matul il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-addozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta’ Ġunju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
C. SIEKIERSKI
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU L 198, 20.7.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1987/369/oj).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1308/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)