3.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 143/31


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Diċembru 2007

dwar l-għajnuna statali C 51/06 (ex N 748/06) li l-Polonja implimentat għal Arcelor Huta Warszawa

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6077)

(Il-verżjoni bil-Pollakk biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/406/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Protokoll Nru 8 tat-Trattat ta’ Adeżjoni dwar ir-ristrutturar ta’ l-industrija ta’ l-azzar Pollakka (1),

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti (2) tagħhom skond id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Fl-2002 ġie ppreżentat pjan ta’ ristrutturar (imsemmi wkoll bħala l-pjan individwali tan-negozju) lill-awtoritajiet Pollakki minn Arcelor Huta Warszawa (aktar ’il quddiem imsemmija “AHW”), li dak iż-żmien kienet għadha Huta L.W. Sp. z o.o. (aktar ’il quddiem imsemmija “HLW”). Il-pjan ġie rivedut f’Marzu 2003 (aktar ’il quddiem imsemmi “l-IBP ta’ l-2003”).

(2)

Il-proċess ta’ ristrutturar ta’ l-azzar fil-Polonja beda f’Ġunju 1998, meta l-Polonja ppreżentat l-ewwel Programm ta’ Ristrutturar għall-Industrija tal-Ħadid u ta’ l-Azzar lill-Komunità sabiex tikkonforma ma’ l-Artikolu 8(4) tal-Protokoll 2 tal-Ftehim ta’ l-Ewropa mal-Polonja (aktar ’il quddiem imsemmi l-Artikolu 8(4)), li jippermetti, b’mod eċċezzjonali, li l-għajnuna Statali tingħata għar-ristrutturar fis-settur tal-prodotti ta’ l-azzar matul l-ewwel ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

(3)

Fil-5 ta’ Novembru 2002, il-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika tal-Polonja approva l-Programm ta’ Ristrutturar u Żvilupp għall-Industrija tal-Ħadid u ta’ l-Azzar Pollakka sa l-2006 u, fuq din il-bażi, fil-25 ta’ Marzu 2003 adotta l-Programm Nazzjonali ta’ Ristrutturar finali tiegħu (aktar ’il quddiem imsemmi “NRP” – (National Restructuring Programme)) Dan il-pjan essenzjalment jippermetti għajnuna Statali sa PLN 3.387 biljun (EUR 846 miljun) (3) li tingħata lill-industrija ta’ l-azzar Pollakka għar-ristrutturar fil-perjodu mill-1997 sa l-2006.

(4)

L-NRP ġie sottomess lill-Kummissjoni, li vvalutatu fil-25 ta’ Marzu 2003 u, fuq il-bażi ta’ din il-valutazzjoni, għamlet proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill biex jiġi estiż il-moratorju (li inizjalment kien jiskadi fl-1997) għall-għoti ta’ għajnuna Statali lis-settur ta’ l-azzar Pollakk taħt il-Ftehim ta’ l-Ewropa sa l-aħħar ta’ l-2003, bil-kondizzjoni li l-benefiċjarji jiksbu l-vijabbiltà sa l-2006. Il-proposta ġiet approvata mill-Kunsill f’Lulju 2003 (4).

(5)

L-UE għalhekk ippermettiet lill-Polonja, b’deroga mir-regoli ta’ l-UE, (5) li tagħti għajnuna għar-ristrutturar lill-industrija ta’ l-azzar. Dan ġie finalment stabbilit fil-Protokoll Nru 8 għall-Att ta’ Adeżjoni, dwar ir-ristrutturar ta’ l-industrija ta’ l-azzar Pollakka (aktar ’il quddiem imsemmi “Protokoll Nru 8”) (6). Dan jikkonferma l-approvazzjoni ta’ għajnuna Statali ta’ mhux aktar minn PLN 3.387 biljun mogħtija lit-tmien kumpaniji indikati, inkluża HLW, sa l-aħħar ta’ l-2003, sakemm ir-ristrutturar jitlesta mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2006 (7). L-NRP jalloka PLN 322 miljun ta’ għajnuna għar-ristrutturar lill-HLW (ara tabella 8), li huwa kkonfermata f’aktar dettall fl-IPB ta’ l-2003 u li se tiġi implimentata skond punt 9 (a) u (h) tal-Protokoll Nru 8.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-kondizzjonijiet tiegħu, il-Protokoll Nru 8 jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ. Inter alia l-Polonja kellha tipprovdi rapporti bi-annwali tal-monitoraġġ, u twettqu evalwazzjonijiet indipendenti minn konsulent indipendenti fl-2004, l-2005 u l-2006. Ir-rapporti tal-Kumpaniji għall-HLW/AHW s’issa ġew ippreżentati fi Frar 2004, f’April 2005, f’Mejju 2006 u f’Ġunju 2007. Ġew diskussi ma’ l-awtoritajiet Pollakki u l-benefiċjarji u approvati mis-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Pollakki.

(7)

L-IBP ta’ l-HLW ġie emendat fl-2005 mill-AHW (aktar ’il quddiem imsemmi “2005 IBP”) u l-approvazzjoni tal-Kummissjoni mfittxija skond punt 10 tal-Protokoll Nru 8.

(8)

Bl-ittra datata 6 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni infurmat lill-Polonja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward ta’ użu ħażin potenzjali ta’ l-għajnuna.

(9)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (8). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom fuq l-għajnuna.

(10)

Il-Polonja wieġbet bl-ittra tat-2 ta’ Marzu 2007. Fid-19 ta’ Marzu 2007 il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti mill-benefiċjarja AHW, li hija għaddiet flimkien ma’ mistoqsijiet lill-awtoritajiet Pollakki. Wara laqgħa ma’ l-awtoritajiet Pollakki u mal-benefiċjarja f’Marzu 2007, mistoqsijiet ulterjuri ntbagħtu lill-Polonja fit-2 t’April 2007 u fis-6 t’Awissu 2007. Il-Polonja wieġbet fl-4 ta’ Ġunju 2007 u fl-1 t’Ottubru 2007.

(11)

Imbagħad, fit-18 t’Ottubru 2007 is-servizzi tal-Kummissjoni infurmaw lill-Polonja dwar il-valutazzjoni preliminari tagħha tal-każ u, wara skambji oħra bejn l-awtoritajiet Pollakki u l-Kummissjoni, fis-16 ta’ Novembru 2007 l-awtoritajiet Pollakki indikaw li l-kumpanija kellha l-intenzjoni li tħallas lura l-għajnuna, “bla ħsara għas-sitwazzjoni legali”.

(12)

L-awtoritajiet Pollakki kkonfermaw f’ittra tat-22 ta’ Novembru 2007 li fl-20 ta’ Novembru 2007 AHW kienet ħallset EUR 2 089 768 f’kont ibblukkat favur il-Ministeru tal-Finanzi Pollakk. Taħt il-kondizzjonijiet tal-ftehim, ħadd m’għandu jkollu aċċess għall-flus fil-kont sakemm din id-Deċiżjoni tiġi adottata. Fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha l-Ministeru jirċievi l-ammont flimkien ma’ l-interessi li jkunu nġemgħu sa l-20 ta’ Novembru 2007. Jekk id-deċiżjoni ma tkunx maħruġa sa l-aħħar ta’ Frar 2008, il-flus jerġgħu lura għand AHW.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TA’ L-GĦAJNUNA

(13)

AHW hija produttur ta’ l-azzar Pollakk li jipproduċi azzar likwidu u prodotti twal, speċjalment azzar ta’ kwalità u speċjali (profili sezzjonali ħfief u tqal).

(14)

Fl-1991 il-maġġoranza ta’ l-ishma fl-HLW ġew meħuda mill-produttur ta’ l-azzar Taljan Lucchini u mibjugħa fl-2005 lil Arcelor, li ngħaqdet ma’ Mittal Steel fl-2006 (9).

1.   Il-programm ta’ ristrutturar ta’ l-IPB ta’ l-2003

(15)

Il-Kummissjoni tifhem li l-HLW kienet qiegħda tiffaċċja restrizzjonijiet finanzjarji serji fil-ħin ta’ l-adozzjoni tal-pjan tan-negozju. Ma kinitx qiegħda tieħu ebda flus addizzjonali mill-kumpanija parent tagħha Lucchini, li kienet, skond il-Polonja, fi kriżi finanzjarja profonda, u ma setgħetx tbiegħ l-assi ta’ valur tagħha stess minħabba problemi regolatorji. Għalhekk, bejn l-1997 u l-2003 il-kumpanija kienet nieqsa ħafna mill-flus kontanti, li kien rifless fil-pjan ta’ ristrutturar (10).

(16)

Sabiex terġa ssir vijabbli, l-IPB ta’ l-2003 ta’ l-HLW għalhekk stabbilixxa bosta kompiti prinċipali ta’ ristrutturar (f’punt 3.2) li fosthom l-aktar importanti kienu:

(a)

“Ristrutturar ta’ l-assi u ristrutturar finanzjarju sabiex jinkisbu fondi għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm, tiġi żgurata l-likwidità finanzjarja u jitnaqqsu l-ispejjeż finanzjarji;

(b)

Implimentazzjoni ta’ l-investimenti sabiex tittejjeb aktar il-kwalità u t-taħlita tal-prodotti manifatturati u tiżdied il-kompetittività ta’ l-intrapriża, tnaqqis ta’ l-ispiża […];

(ċ)

Aktar titjib ta’ l-istandards tal-protezzjoni ambjentali”.

(a)   L-investimenti

(17)

L-IPB ta’ l-2003 (punt 3.3) iddikjara l-istrateġija industrijali tiegħu bħala “li jkun hemm fokus fuq it-titjib gradwali tat-taħlita tal-prodotti tiegħu permezz ta’ tnaqqis sinifikanti tal-produzzjoni ta’ sbarri u bċejjeċ (tat-tip merchant) u l-iżvilupp tal-produzzjoni b’fokus fuq l-azzar ta’ l-ispeċjalità u ta’ l-inġinerija”. Għal dan il-għan, l-HLW stenniet “… li twettaq programm ta’ investimenti gradwali fl-oqsma li ġejjin ta’ l-impjant: il-magna ta’ l-irrumblar medja, il-ħanut tal-forġa, magna ta’ l-estrusjoni, il-qasam ta’ l-ikkastjar ta’ l-ingotti”, filwaqt li l-magna ta’ l-istrippi dojoq kellha tiżżarma.

(18)

Sabiex titwettaq l-istrateġija t’hawn fuq, il-kumpanija ppjanat programm ta’ investiment ta’ [bejn PLN 150 miljun u PLN 220 miljun] (*1) li kien indikat fl-IPB ta’ l-2003 kif ġej:

Tabella 1

Investimenti ppjanati tal-produzzjoni ta’ l-azzar (= tabella 21 ta’ l-IPB ta’ l-2003)

F’PLN 000

2002

2003

2004

2005

2006

Totali

Ħanut ta’ l-Azzar

 

 

 

 

[…]

[…]

Magni ta’ l-irrumblar fis-sħana

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[appross. 95 %]

Ġenerali

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Il-magna ta’ l-estrusjoni

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Totali

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[PLN 150-220 miljuni]

(19)

Kif indikat f’punt 4.4 ta’ l-IPB ta’ l-2003, l-investimenti ffukaw fuq l-immodernizzar tal-magni ta’ l-irrumblar fis-sħana (ara tabella 22 ta’ l-IPB ta’ l-2003). Dan kien jikkomprendi l-immodernizzar tal-magna tas-sezzjonijiet medji, kif ukoll is-sostituzzjoni tal-fran ta’ tisħin mill-ġdid tal-magna tat-tqattiegħ ta’ l-ingotti u l-magna tas-sezzjonijiet tqal. Il-ħin ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-investimenti ġie indikat fit-tabella 23 ta’ l-IPB ta’ l-2003, li kienet tindika li l-investimenti kienu se jibdew kważi kollha fl-2002.

(b)   Ir-ristrutturar ta’ l-impjiegi

(20)

Taħt l-IPB ta’ l-2003 (punt 4.11), il-kumpanija ppjanat li tnaqqas in-numru ta’ l-impjegati tagħha minn 1 249 għal 850. L-IPB ta’ l-2005 issa jiddikjara li l-forza tax-xogħol se titnaqqas għal 700 impjegat. L-IPB ta’ l-2003 alloka PLN 4,03 miljun għar-ristrutturar ta’ l-impjiegi, li minnhom PLN 1,5 miljun kellhom jiġu sostnuti minn għajnuna Statali maħsuba b’mod speċjali, PLN 1,17 miljun mill-programme PHARE u PLN 1,34 miljun mill-kumpanija (11).

(ċ)   Ir-ristrutturar finanzjarju

(21)

L-IPB ta’ l-2003 ipprovda wkoll għar-ristrutturar finanzjarju u għar-ristrutturar ta’ l-assi, skond il-pjan (punt 3.2), ikkonċernat: “ħlas lura ta’ self fuq perjodu qasir u l-bejgħ ta’ assi mhux meħtieġa li mhumiex konnessi mal-produzzjoni.”

(22)

L-IPB ta’ l-2003 (punt 4.7) ipprovda għar-ristrutturar tad-dejn ta’ PLN 513 369 miljun (skond il-karta tal-bilanċ dan kien it-total ta’ dejn fuq perjodu twil u fuq perjodu qasir). Kien intenzjonat li dan jiġi ffinanzjat minn profitti u ristrutturar ta’ l-assi tal-ġejjieni. Dħul ta’ PLN 363 miljun kienu mistennija minn dan ta’ l-aħħar fl-2004 u l-2005, li PLN 60 miljun minnhom kellhom ikopru djun ġodda.

(23)

Fid-dettall, il-Kummissjoni tifhem li l-IPB ta’ l-2003 speċifika l-miżuri li ġejjin għar-ristrutturar finanzjarju: l-ewwel, id-dejn pubbliku ġie rrinunzjat li rriżulta f’għajnuna ta’ PLN 21,5 miljun (ara 4.12.2); it-tieni, l-HLW kienet qiegħda, mill-2000, twettaq xi ristrutturar ta’ l-assi li kien għadu għaddej billi tbiegħ assi mhux produttivi, u dan kellu jiġġenera fondi biex jiġi ffinanzjat il-programm ta’ investiment.

(24)

Ir-ristrutturar ta’ l-assi jrid jidher fl-isfond li l-assi ta’ l-HLW kienu diġà kienu s-suġġett ta’ tranżazzjoni finanzjarja deskritta mill-HLW bħala “tranżazzjoni ta’ bejgħ u kiri lura” (“sale and lease-back transaction”). Fl-2000 il-kumpanija kienet kisbet self ta’ PLN 250 miljun bażikament ikkollateralizzat b’ipoteka fuq l-art u bini li jappartjenu lill-kumpanija. Dan kien jikkonċerna assi produttivi u mhux produttivi. Il-ħlas lura kellu jseħħ f’żewġ ħlasijiet kull sena sa l-2010. It-tranżazzjoni kienet meħtieġa minħabba li l-HLW kienet teħtieġ il-flus kontanti imma ma setgħetx tbiegħ l-assi mhux produttivi tagħha immedjatament. Dan kellu jsir matul is-snin li ġejjin u jirriżulta f’ġenerazzjoni ta’ flus kontanti u t-tnaqqis ta’ l-ispejjeż finanzjarji.

(25)

Skond l-IPB ta’ l-2003, ir-ristrutturar ta’ l-assi kellu jikkonċerna l-assi mhux produttivi (punt 4.7 u 4.8). Apparentement fl-aħħar ta’ l-2001 l-ewwel parti (53 ettari) mill-100 ettari nbiegħu. Madankollu l-bejgħ ta’ assi mhux produttivi oħra ddewwem minħabba li AKR (Agencja Kapitałowo Rozliczeniowa S.A. – kumpanija li l-azzjonisti tagħha huma l-Aġenzija ta’ l-Iżvilupp ta’ l-Industrija u t-Teżor ta’ l-Istat) kellha xi diffikultajiet biex tirregola l-istatus legali tal-parti ta’ l-art li ma kinitx konnessa mal-produzzjoni.

(26)

Billi ma kienux disponibbli fondi mill-bejgħ ta’ l-art, kien previst kreditu temporanju garantit mill-Istat ta’ PLN 300 miljun. Il-kreditu kellu jintuża għall-investimenti u biex ikopri djun fuq perjodu qasir (total ta’ PLN 219 miljun). Barraminnhekk, PLN 53 miljun ġew allokati biex jinġiebu ’l quddiem investimenti oriġinarjament ippjanati għal wara l-2006 (dawn il-219 + 53 miljun jammontaw, flimkien ma’ 10 % spejjeż ta’ l-iffinanzjar (jiġifieri 27 miljun), għal 299 miljun). Konsegwentement, mill-fondi totali ta’ [PLN 150-220 miljun] ippjanati għall-investimenti, mill-inqas PLN […] miljun (jiġifieri PLN […] miljun – PLN 53 miljun) għandhom jiġu inklużi fil-PLN 219 miljun. L-ammont rimanenti ta’ PLN […] miljun (PLN 219 miljun – PLN […] miljun) iridu għalhekk ikunu l-ispejjeż tar-ristrutturar finanzjarju fuq perjodu qasir.

(d)   Ir-ristrutturar ambjentali

(27)

L-IPB ta’ l-2003 (punt 4.9) kien jinkludi wkoll programm separat ta’ investiment relatat ma’ l-ambjent li kien jikkonsisti fl-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ amministrazzjoni ambjentali skond ISO 14001 (PLN 0,5 miljun), numru ta’ investimenti taħt l-umbrella ta’ proġett ta’ riklamazzjoni ta’ l-art bi spejjeż ta’ PLN 50 miljun u mmodernizzar tad-dipartiment ta’ l-inġinerija ta’ l-elettriku (li għalihom ma kienu allokati l-ebda fondi). Il-miżuri kellhom jibdew fl-2002.

(28)

L-investigazzjoni indikat li wħud imma mhux il-miżuri kollha indikati fl-IPB ta’ l-2003 ġew implimentati skond l-iskeda ta’ żmien. B’mod partikolari, il-kostruzzjoni ta’ impjant ta’ l-ipproċessar tal-fdalijiet kienet posposta għall-2007-2008, u ma kinitx bdiet sas-sajf 2007. Barraminnhekk il-kostruzzjoni ta’ impjant ta’ l-ipproċessar ta’ l-iskart kienet abbandunata billi l-ipproċessar ta’ l-iskart huwa amministrat minn subkuntrattur, (12) li hija soluzzjoni aktar effiċjenti fl-infiq.

(29)

Madankollu, l-investigazzjoni kkonfermat ukoll id-dikjarazzjoni tal-Polonja li l-ispejjeż għar-ristrutturar ambjentali ma kellhomx jitħallsu taħt il-pjan ta’ ristrutturar, imma kellhom jiġu koperti minn fondi tagħha, bħal dħul mir-ristrutturar ta’ l-assi.

(e)   L-iffinanzjar tar-ristrutturar

(30)

L-IPB ta’ l-2003 (4.12) jidentifika nuqqas fl-iffinanzjar ta’ PLN 300 miljun (ara wkoll id-dikjarazzjoni tal-likwidità, punt 5.1.). Billi ma ngħatat l-ebda indikazzjoni tal-kuntrarju, jista’ jitqies li dan kien l-uniku ffinanzjar meħtieġ.

(31)

Punt 4.12 jindika li r-ristrutturar kien jeħtieġ iffinanzjar ta’ PLN 113,6 miljun fl-2002 u PLN 105,3 miljun fl-2003, kif ukoll il-PLN 21,9 miljun spejjeż ta’ ffinanzjar tas-self ta’ dawn il-fondi. Barraminnhekk, PLN 53 miljun addizzjonali ġew allokati biex jinġiebu ’l quddiem l-investimenti. Madankollu, m’hemm l-ebda indikazzjoni ta’ għaliex l-iffinanzjar kien meħtieġ eżattament.

(32)

Wara l-2003 l-ebda ffinanzjar ieħor ma deher li kien meħtieġ. Filfatt fl-IPB ta’ l-2005 tagħha l-AHW, meta tiddeskrivi l-IPB ta’ l-2003 tikkonferma “L-[…] Programm ta’ Ristrutturar assuma li serje ta’ azzjonijiet ta’ karattru strateġiku u operazzjonali kienu se jittieħdu, li b’riżultat tagħhom kien mistenni titjib sinifikanti fil-profittabbiltà ta’ l-attivitajiet, u b’riżultat, likwidità finanzjarja. Il-Programm ta’ Ristrutturar aċċetta li fatturi ta’ likwidità finanzjarja se jitjiebu b’mod gradwali, mis-sena 2003”.

(f)   Konklużjoni dwar l-isforzi ta’ ristrutturar taħt l-IPB ta’ l-2003

(33)

Ir-ristrutturar ipprovdut fl-IBP li għalih kien meħtieġ sostenn straordinarju jinkludi investiment (PLN [150-220] miljun, inkluż il-PLN 53 miljun ta’ investimenti miġjuba ’l quddiem), ristrutturar ta’ l-impjiegi (PLN 4,03 miljun), xi rinunzji ta’ dejn pubbliku (PLN 21,5 miljun), xi ristrutturar finanzjarju (PLN 81,5 miljun) u xi spejjeż ta’ ffinanzjar għas-self (PLN 27,1 miljun), ilkoll jammontaw għal PLN 324,63 miljun.

(34)

Ir-ristrutturar kellu jiġi ffinanzjat prinċipalment minn self garantit mill-Istat, li kien intenzjonat li jissodisfa nuqqas ta’ ffinanzjar li rriżulta mid-dewmien ta’ parti mir-ristrutturar ta’ l-assi. Għalhekk, sabiex il-kumpanija tkun tista’ twettaq ristrutturar finanzjarju u investimenti fl-2002/2003 u possibbilment ukoll fl-2004, il-kumpanija ngħatat il-kreditu temporanju garantit mit-Teżor ta’ l-Istat. Il-proġett ta’ ristrutturar kien għalhekk konness b’mod ċar ma’ skeda taż-żmien.

(35)

Madankollu, ir-ristrutturar ta’ l-assi ma kienx indikat fl-IPB ta’ l-2003 li jwassal għal spejjeż ta’ ristrutturar. Kien, pjuttost, eżerċizzju kontinwu, indipendenti mill-pjan ta’ ristrutturar sostnut mill-għajnuna Statali u ma jeħtieġx b’mod ċar l-ebda ffinanzjar Statali addizzjonali. Ukoll xi miżuri li mhumiex marbuta direttament mar-restawr tal-vijabbiltà, bħall-miżuri ambjentali, ġew iffinanzjati permezz tar-ristrutturar ta’ l-assi u kienu, kif imtenni mill-Polonja, għalhekk segwiti barra mir-ristrutturar.

(36)

Filfatt, l-uniku raġuni għaliex ir-ristrutturar ta’ l-assi huwa msemmi huwa minħabba li kellu jiġġenera finanzjament permezz tal-bejgħ ta’ l-assi mhux produttivi. Madankollu, il-ħlas lura tat-tranżazzjoni tal-bejgħ u kiri lura ma jissemmiex.

2.   L-għajnuna statali

(37)

Mill-PLN 322 miljun għajnuna (ikkalkulati bħala għotja ekwivalenti netta) aċċettati oriġinarjament fl-NRP, l-AHW kisbet l-għajnuna murija fit-tabella mehmuża sottomessa mill-Polonja:

Tabella 2

L-għajnuna statali approvata u rċevuta fl-2002 u l-2003 (*2)

 

NRP

(f’ 000 PLN)

L-għajnuna statali miksuba

(f’ 000 PLN)

Id-differenza

(f’ 000 PLN)

Totali 2002-2003

321 878 000

203 946 000

117 932 000

(38)

L-għajnuna ngħatat għal tliet skopijiet differenti:

(a)

PLN 0,33 miljun għar-ristrutturar ta’ l-impjiegi (1,5 miljun kienu ġew ippjanati oriġinarjament),

(b)

PLN 20,56 miljun għal rinunzji ta’ dejn (21,5 miljun kienu ġew ippjanati oriġinarjament), li ntużaw għal titjib ġenerali tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija.

(ċ)

Garanzija ta’ self ta’ PLN 183,2 miljun (EUR 46,3 miljun; PLN 299 miljun kienu ġew ippjanati oriġinarjament, u approvati mill-Kummissjoni).

(39)

Is-self sostnut mill-garanzija Statali ngħata lill-HLW minn Bank Pekao S.A. fuq il-bażi ta’ ftehim bejn l-HLW u l-bank ta’ l-10 ta’ Diċembru 2003. Il-ftehim ta’ self jindika li s-self irid jitħallas lura ħames snin wara l-iffirmar tal-ftehim, jiġifieri sa l-10 ta’ Diċembru 2008.

(40)

L-AHW kien applika għall-garanzija f’Awissu 2003. Kienet ingħatat b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-31 ta’ Diċembru 2003 u kienet tikkonċerna valur nominali ta’ EUR 46,3 miljun, flimkien ma’ l-interessi u spejjeż assoċjati oħra sa EUR 58,3 miljun. Id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri rrikonoxxiet li l-HLW kien se jkollha bżonn l-għajnuna l-ewwel sabiex tiffinanzja l-investimenti relatati mal-magna ta’ l-irrumblar bis-sħana u l-ispejjeż tax-xiri tal-proprjetà taħt ftehim ta’ bejgħ u kiri lura, u ordnat li din tintuża għal dan l-iskop. Fid-dettall:

(a)

parti mis-self kien intenzjonat għal ammont sa EUR 14 600 000 biex jiġu ffinanzjati l-investimenti tal-produzzjoni, investiment konness mal-magna ta’ l-irrumblar (medju) u l-immodernizzar tal-magna ta’ l-irrumblar (gaġeġ). Madankollu, bejn it-30 ta’ Settembru 2004 u t-28 ta’ Frar 2005 EUR 2 854 355 biss ġew użati fi 8 pagamenti. Il-ħlas lura seħħ fis-16 ta’ Settembru 2005.

(b)

il-parti l-oħra, għal ammont sa EUR 31 430 000, li bihom il-kumpanija riedet tħallas il-parti li kien baqa’ tal-ftehim ta’ bejgħ u kiri lura, kienet intenzjonata għar-ristrutturar tad-dejn bix-xiri mill-ġdid tal-proprjetà tal-produzzjoni (art u bini). Mill-24 ta’ Awwissu 2004, il-kumpanija użat EUR 31 245 684, u ħallsithom lura fis-16 ta’ Settembru 2005. Skond l-awtoritajiet Pollakki u l-benefiċjarja, is-self intuża biex jitħallas il-ftehim ta’ bejgħ u kiri lura ta’ l-2000.

(41)

B’kollox, il-kumpanija indikat li kienet ħallset interessi li jammontaw għal EUR 1 132 788,35, li kienet ħallset f’porzjonijiet. Għal dan il-għan tqies li l-ewwel porzjon ta’ interessi, imħallas fit-30 ta’ Diċembru 2004, għandu jiġi allokat għall-porzjonijiet rispettivi tas-self użati, filwaqt li minn dak il-punt ’il quddiem, l-ammonti ta’ interessi setgħu jiġu distribwiti bejn it-totali rispettivi. L-awtoritajiet Pollakki ssottomettew li dan wassal għall-qsim li ġej tal-ħlasijiet ta’ l-interessi:

Tabella 3

l-interessi mħallsa

Data, interessi mħallsa

Total ta’ l-interessi

L-interessi fuq il-parti tas-self użata għall-ħlas lura tal-ftehim ta’ bejgħ u kiri lura

L-interessi fuq il-parti tas-self użata għall-investiment

30 ta’ Diċembru 2004

371 931

EUR 363 880

EUR 8 051

30 ta’ Ġunju 2005

EUR 536 522

EUR 491 612

EUR 44 910

16 ta’ Settembru 2005

EUR 224 336

EUR 205 557

EUR 18 778

 

EUR 1 132 788

EUR 1 061 050

EUR 71 738

(42)

L-AHW kellha wkoll l-elementi ta’ nfiq li ġejjin konnessi mas-self garantit:

(a)

miżata ta’ preparazzjoni ta’ EUR 270 000;

(b)

miżata tat-Teżor Statali biex tingħata l-garanzija tas-self ta’ EUR 583 300, imħallsa fit-30 ta’ April 2004 (1 % ta’ l-ammont totali tal-garanzija ta’ EUR 58 330 000, indipendenti mid-daqs tas-self mogħti attwalment);

(ċ)

spejjeż sostnuti mill-bank għall-kuntratt ta’ self u mgħoddija lill-AHW: EUR 55 947.

(43)

L-applikazzjoni għal self ta’ l-2003 ta’ l-HLW tindika wkoll li t-tnaqqis tas-self (fir-rigward ta’ l-ammont approvat taħt l-IPB ta’ l-2003) kien ibbażat fuq l-inizjattiva ta’ l-HLW stess minħabba li kienet diġà nnegozjat is-self. Madankollu, l-HLW irriżervat id-dritt li tapplika għall-għajnuna li kien baqa’ taħt il-limitu ta’ PLN 75 miljun, imma qatt m’għamlet hekk.

3.   L-implimentazzjoni ta’ l-IPB ta’ l-2003

(44)

Mhux kontestat li l-IPB ta’ l-2003 kien implimentat parzjalment biss. Bejn l-2002 u l-2004 l-HLW nefqet biss PLN 58,7 miljun fuq ir-ristrutturar. PLN [approssimattivament 25 % ta’ l-ammont ta’ investiment totali muri f’Tabella 1] miljun biss intefaq mill-PLN […] miljun għall-investiment fl-immodernizzar tal-magna ta’ l-irrumblar bis-sħana previst għall-2002 sa l-2004. L-investimenti kienu jikkonċernaw biss l-immodernizzar tal-magna tas-sezzjonijiet medji, filwaqt li ma saru l-ebda investimenti fil-fran ta’ tisħin mill-ġdid tal-magna tat-tqattiegħ ta’ l-ingotti jew il-magna tas-sezzjonijiet tqal. Barraminnhekk, inqas minn nofs miljun minn PLN […] miljun ġie investit fl-impjant ta’ l-azzar u PLN […] miljun f’investimenti ġenerali oħra (għad-dettalji ara l-kolonni għall-2002, l-2003 u l-2004 fit-tabella 4 aktar ’l isfel).

(45)

Il-Kummissjoni ma ġietx ipprovduta bi kwalunkwe informazzjoni dwar jekk twettaqx ristrutturar finanzjarju. Madankollu, mill-IPB ta’ l-2005 il-Kummissjoni tara li d-dejn ta’ l-HLW fit-30.6.2005 kien kważi l-istess bħal dak ta’ l-HLW fl-aħħar ta’ l-2001 (ara punt 1.8 ta’ l-IPB ta’ l-2005). Barraminnhekk, l-HLW kienet kapaċi tikseb riżultat operattiv pożittiv diġà fl-2004. Għalhekk, il-Kummissjoni tassumi li l-kumpanija kisbet ir-ristrutturar finanzjarju fuq perjodu qasir ippjanat tagħha.

(46)

Ir-rapporti tal-konsulent indipendenti responsabbli mill-monitoraġġ jikkonfermaw li l-HLW ma kinitx vijabbli fl-2004, fl-aħħar ta’ l-2004 jew fl-aħħar ta’ l-2005. Madankollu, l-AHW kienet vijabbli fl-aħħar tal-perjodu ta’ ristrutturar (fl-aħħar ta’ l-2006).

(47)

Mhux kontestat li l-vijabbiltà fl-aħħar ta’ l-2006 huwa dovut għal numru ta’ fatturi, li ġejjin, barra mill-immodernizzar parzjali tal-magna ta’ l-irrumblar, fuq kollox mill-boom fis-settur ta’ l-azzar, li kellu impatt pożittiv ħafna fuq id-dħul tal-kumpanija. Barraminnhekk, bl-akkwist ta’ l-HLW minn Arcelor, investitur b’saħħtu, il-problemi ta’ likwidità ta’ l-HLW kollha sparixxew. Madankollu, il-kumpanija ma kinitx kapaċi tissostanzja d-dikjarazzjoni ġenerali tagħha li l-użu attwali tal-garanzija għall-iskopijiet ta’ ffinanzjar mill-ġdid kienet kawża tal-ksib ta’ vijabbiltà tal-kumpanija.

4.   Il-bidliet fl-IPB ta’ l-2003

(48)

Fl-2005, id-dħul ta’ sid ġdid irriżulta f’bidla konsiderevoli fl-istrateġija ta’ l-investiment. Minflok immodernizzar tal-magni ta’ l-irrumblar bis-sħana eżistenti, l-AHW issa tippjana li tibni magna ta’ l-irrumblar ġdida b’kapaċità li tipproduċi prodotti twal għal applikazzjonijiet tal-kostruzzjoni. Apparentement il-magna se tuża bċejjeċ kwadri ta’ 160 mm CC bħala materja prima u l-firxa ta’ produzzjoni tagħha se tkun virgi ta’ rinforz ta’ azzar bil-karbonju, virgi tondi u ċatti, sezzjonijiet ħfief u sezzjonijiet kwadri u trasversali. Il-Polonja tispjega li dan l-adattament huwa rispons għall-iżvilupp tas-suq tal-kostruzzjoni, li għalih huwa previst tkabbir sostanzjali għal bosta snin fiż-żona ta’ Varsavja, li jista’ jagħti lill-AHW vantaġġ ta’ min ikun ħa l-ewwel inizjattiva minħabba l-lokalizzazzjoni tagħha f’Varsavja.

(49)

Il-magna l-ġdida se tkun operattiva b’mod sħiħ sa nofs l-2008 u se tissostitwixxi l-magni ta’ l-irrumblar bis-sħana eżistenti, li fiha PLN [approssimattivament 25 % ta’ l-ammont totali ta’ l-investiment muri f’Tabella 1] miljun diġà ġie investit fl-immodernizzar. L-ispiża totali tal-programm ta’ investiment hija mqassra fit-tabella li ġejja:

Tabella 4

L-ispejjeż għall-programm ta’ investiment ġdid fl-IPB ta’ l-2005

F’PLN 000

2002 (*3)

2003 (*3)

2004 (*3)

2005

2006

Total

Il-ħanut ta’ l-azzar

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Il-magni ta’ l-irrumblar bis-sħana

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[approssimattivament 120 % ta’ l-ammont totali ta’ investiment muri f’tabella 1]

Ġenerali

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Total

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[approssimattivament 140 % ta’ l-ammont totali ta’ investiment muri f’tabella 1]

(50)

Għalhekk l-ispejjeż totali ta’ investiment issa se jkunu ta’ PLN [approssimattivament 140 % ta’ l-ammont totali ta’ investiment muri f’Tabella 1] miljun, li minnhom huwa ppjanat li jiġu allokati PLN [approssimattivament 120 % ta’ l-ammont totali ta’ investiment muri f’Tabella 1] għall-magna ta’ l-irrumblar bis-sħana, b’hekk PLN […] miljun aktar minn kemm kien immirat oriġinarjament għall-investiment. Madankollu, dawn l-ispejjeż jinkludu PLN […] miljun għall-magna tas-sezzjonijiet medji diġà kompluta. Jekk dawn jitnaqqsu mill-PLN […] miljun, l-ispiża tal-magna ta’ l-irrumblar il-ġdida tammonta għal PLN [inqas minn 200] miljun.

5.   L-iżvilupp tal-kapaċità

(51)

L-iżvilupp tal-kapaċità ta’ l-AHW hija illustrata fit-tabella li ġejja:

Tabella 5

Il-kapaċità massima ta’ produzzjoni kull sena f’eluf ta’ tunnellati

Produzzjoni

2002

2003

2004

2005

2006

2007

2008

Rimarki

Azzar likwidu

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[appross. 100 % tal-kapaċità totali tal-magna]

[idem]

L-ebda bidliet

Prodotti ċatti

20

20

20

20

0

0

0

Stipulati mill-Protokoll Nru 8

Vireg tal-wajer tal-magna ta’ l-irrumblar

180

180

180

180

180

0

0

Stipulati mill-Protokoll Nru 8

Vireg tal-profili sezzjonali ħfief tat-tip merchant tal-magna ta’ l-irrumblar

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[appross. 40 %]

0

Strateġija ġdida (*4)

Profili sezzjonali twal u tqal tal-magna ta’ l-irrumblar

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[appross. 60 %]

0

Strateġija ġdida (*4)

Profili kkastjati tal-magna ta’ l-irrumblar

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

0

Strateġija ġdida (*4)

Strippi rrumblati mingħajr sħana

30

0

0

0

0

0

0

Stipulati mill-Protokoll Nru 8

Il-magna ta’ l-irrumblar il-ġdida

0

0

0

0

0

[…]

[Appross. 70 %]

Strateġija ġdida (mhux ipprovduta fil-Protokoll Nru 8)

(52)

Wara li l-magna ta’ l-irrumblar il-ġdida tkun operattiva b’mod sħiħ fl-2008, il-magna ta’ l-irrumblar il-qadima se tiżżarma. Fl-ebda punt qabel l-2007 il-produzzjoni totali tal-kumpanija ma qabżet il-kapaċità massima ta’ […] tunnellati. Għalhekk il-modifikazzjoni tal-programm ta’ investiment se tirriżulta fi tnaqqis addizzjonali tal-kapaċità tal-kumpanija b’[…] tunnellati.

III.   IR-RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

(53)

Fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni indikat li l-pjan ta’ ristrutturar ta’ l-AHW ma kienx ġie implimentat u ddikjarat li hija kellha l-intenzjoni li tinvestiga jekk dan kienx jikkostitwixxi użu ħażin ta’ l-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija. B’mod partikolari l-Kummissjoni indikat li ammont kbir ta’ l-għajnuna ma kinitx ġiet użata b’mod xieraq.

(54)

Barraminnhekk, il-Kummissjoni ddubitat jekk setgħetx taċċetta l-pjan tan-negozju aġġornat taħt punt 10 tal-Protokoll Nru 8, billi dan jikkonċerna investiment ġdid li jista’ jkun utli imma mhux meħtieġ għar-ristrutturar tal-kumpanija.

IV.   KUMMENTI MILL-POLONJA

(55)

L-awtoritajiet Pollakki insistew li l-AHW użat il-garanzija Statali skond it-termini u l-kondizzjonijiet li taħthom kienet mogħtija u spjegaw illi

(a)

l-ewwel nett, il-ħlas lura tat-tranżazzjoni ta’ bejgħ u kiri lura kien relatat ma’ l-investimenti, li kienu deskritti biss bħala miżura ġenerali ħafna, mingħajr l-ebda investimenti ma jiġu speċifikati fid-dettall.

(b)

it-tieni nett kien parti mir-ristrutturar finanzjarju billi l-ammont ta’ l-ispejjeż tar-ristrutturar kien ta’ PLN 857 miljun, billi huma jqiesu t-telf u d-dejn ukoll bħala spejjeż tar-ristrutturar. Il-Polonja tindika li dawn jikkonsistu f’telf ta’ PLN 150 miljun għas-snin 2002 u 2003, indikati fil-karta tal-bilanċ prevista (p. 79, l-IPB ta’ l-2003). Barraminnhekk il-kumpanija kellha wkoll dejn fuq perjodu twil u fuq perjodu qasir ta’ PLN 513,4 miljun. L-ispejjeż addizzjonali ġejjin mir-ristrutturar ta’ l-impjiegi u ta’ l-investimenti (PLN 190,5 miljun).

(ċ)

it-tielet nett it-tranżazzjoni kienet parti mir-ristrutturar ta’ l-assi li kien ipprovdut fil-pjan ta’ ristrutturar. Il-kumpanija għalhekk iddeċidiet “li tissostitwixxi l-ftehim ta’ kiri lura b’self finanzjarju li jqum inqas” sabiex tnaqqas “l-effetti negattivi tagħha fuq il-likwidità minn dejn finanzjarju eżistenti”. Il-Polonja indikat li dan kien urġenti billi l-HLW kienet f’“punt ta’ eżawriment tar-riżorsi finanzjarji tagħha”.

(56)

L-awtoritajiet Pollakki jiddikjaraw ukoll li t-tranżazzjoni ta’ bejgħ u kiri lura kkontribwixxiet ukoll għal vijabbiltà tal-kumpanija imma ma jissostanzjawx dan.

(57)

L-awtoritajiet Pollakki jikkonfermaw li ż-żmien ta’ l-għajnuna kien kruċjali. Filfatt huma jiddikjaraw li “kien hemm bżonn għal għajnuna Statali biss fl-2003/2004” meta kien hemm essenzjalment nuqqas finanzjarju (13).

(58)

L-awtoritajiet Pollakki jtennu li l-AHW ħallset lura l-għajnuna. Il-garanzija Statali kellha tkun biss supplementari għall-kollaterali l-oħra għas-self. Filfatt kollaterali f’forma ta’ ipoteka fuq l-art u fuq l-assi fissi kollha ngħatat lill-bank, kif ukoll seba’ kambjali. Barraminnhekk, il-Polonja ssottomettiet dettalji dwar strumenti ta’ ffinanzjar oħra varji li l-HLW kienet qiegħda tuża wkoll f’dak iż-żmien u konsegwentement targumenta li l-HLW setgħet tikseb il-finanzjament fis-suq mingħajr il-garanzija.

(59)

L-awtoritajiet Pollakki jfakkru li Arcelor ma kinitx se tixtri l-kumpanija kieku ma kinitx ċerta li l-HLW kienet “intitolata għall-għajnuna Statali li kienet irċeviet għall-proċess ta’ ristrutturar”.

(60)

L-awtoritajiet Pollakki jissottolinjaw li l-modifikazzjoni tal-pjan se tirriżulta fi programm ta’ investiment usa’ minn dak previst fil-pjan oriġinali u li l-investiment kollu kien kommess irrevokabbilment sa l-aħħar ta’ l-2006 (jiġifieri sa l-aħħar tal-perjodu ta’ ristrutturar). L-awtoritajiet Pollakki huma għalhekk ta’ l-opinjoni li l-għajnuna m’għandhiex titqies li ntużat ħażin u l-modifikazzjoni proposta tal-pjan għandha titqies li hija kompatibbli mar-regoli tal-Komunità.

(61)

L-awtoritajiet Pollakki jindikaw li l-investiment previst fl-IPB ta’ l-2005, jiġifieri s-sostituzzjoni tal-magna medja, kien ilu li ġie diskuss sa mill-1997. Madankollu mill-1997 sa l-2003 il-kumpanija ma kellhiex biżżejjed likwidità biex tiffinanzja dan l-investiment. Huwa biss meta Arcelor ħadet il-kumpanija li biżżejjed fondi kienu disponibbli għall-finanzjament (14). Barraminnhekk il-Polonja targumenta li l-firxa tal-prodotti kienet definita b’mod wiesa’ biss fl-IPB ta’ l-2003 u dak li ġie definit ma kienx ottimali biex jissodisfa l-istruttura tad-domanda mibdula fis-suq Pollakk, li kienet teħtieġ adattament tal-firxa tal-prodotti.

(62)

L-awtoritajiet Pollakki jargumentaw li l-emendi fl-IPB ta’ l-2005 m’għandhom l-ebda impatt negattiv fuq il-Protokoll Nru 8. Il-pjan il-ġdid huwa meħtieġ biex tinkiseb “vijabbiltà dejjiema”. Il-vijabbiltà attwali fl-aħħar tal-perjodu ta’ ristrutturar kien dovut biss għas-suq pożittiv u s-sitwazzjoni tal-prezz/dħul/spiża. F’dan is-sens huwa ddikjarat li t-teknoloġija l-ġdida ma kinitx se tiggarantixxi li l-kumpanija tkun kompetittiva fuq perjodu twil, u kien meħtieġ li tiġi sostitwita bi proċess kontinwu ta’ kkastjar ta’ l-istat l-aktar avvanzat.

(63)

L-awtoritajiet Pollakki jissuġġerixxu li anke jekk l-għajnuna miksuba kienet meqjusa għajnuna operattiva addizzjonali, għandha titqies ibbilanċjata bil-miżuri ta’ kumpens, jiġifieri t-tnaqqis addizzjonali tal-kapaċità tal-kumpanija wara li ġiet modifikata l-istrateġija. L-awtoritajiet Pollakki jikkonfermaw ukoll li l-HLW ma wettqitx l-investimenti tagħha kollha minħabba li r-ristrutturar ta’ l-assi tagħha ġie mdewwem.

(64)

Il-Polonja infurmat ukoll lill-Kummissjoni bir-rata ta’ l-interessi mitluba għas-self kif indikat aktar ’il fuq f’punt 41 u l-ispejjeż l-oħra mitluba fir-rigward tas-self u l-garanzija kif indikat f’punt 42.

V.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(65)

Il-benefiċjarja ssottomettiet kummenti fuq il-bidu tal-proċedura u sussegwentement inżammet infurmata dwar l-iskambju ta’ l-informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Pollakki.

(66)

L-AHW targumenta li parti kbira mill-għajnuna ntużat biex jerġgħu jinxtraw xi assi mikrija sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż finanzjarji. Barraminnhekk, billi l-investimenti kienu jikkonċernaw il-proprjetà mikrija, ix-xiri lura tagħha setgħet titqies bħala parti mir-ristrutturar.

(67)

Il-benefiċjarja targumenta wkoll li l-garanzija ngħatat qabel l-adeżjoni tal-Polonja fl-Unjoni Ewropea (ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri kienet adottata f’Diċembru 2003), u kien għalhekk il-gvern Pollakk li kellu jiddetermina l-iskop ta’ l-għajnuna. Barraminnhekk, il-kumpanija tindika li wżat l-għajnuna eżatt skond id-deċiżjoni li tat il-garanzija.

(68)

L-AHW tenniet li l-pjan il-ġdid għandu jservi l-objettiv tal-pjan l-antik u l-bidla ta’ strateġija hija meħtieġa għall-vijabbiltà fuq perjodu twil tal-kumpanija.

VI.   VALUTAZZJONI

1.   Il-liġi applikabbli

(69)

Punt 1 tal-Protokoll Nru 8 jipprovdi li “minkejja l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE, l-għajnuna Statali mogħtija mill-Polonja għal skopijiet ta’ ristrutturar lil partijiet speċifikati ta’ l-industrija ta’ l-azzar Pollakka għandha titqies kompatibbli mas-suq komuni” jekk, inter alia, jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll.

(70)

Il-moratorju għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturar lill-industrija ta’ l-azzar Pollakka taħt il-Ftehim ta’ l-Ewropa ġie estiż mill-Kunsill sa l-adeżjoni tal-Polonja fl-Unjoni Ewropea. Dan l-arranġament ġie rrikonoxxut fil-Protokoll Nru 8 bħala parti mill-adeżjoni tal-Polonja fl-Unjoni Ewropea. Sabiex jinkiseb dan l-objettiv, il-Protokoll ikopri perjodu ta’ żmien li jestendi minn qabel u wara l-adeżjoni. B’mod aktar preċiż, jawtorizza ammont limitat ta’ għajnuna għar-ristrutturar għas-snin mill-1997 sa l-2003 u jipprojbixxi kwalunkwe għajnuna Statali oħra lill-industrija ta’ l-azzar Pollakka għal skopijiet ta’ ristrutturar bejn l-1997 u l-2006. F’dan ir-rigward huwa differenti b’mod ċar minn dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat ta’ Adeżjoni bħall-mekkaniżmu interim stabbilit fl-Anness IV (l-“proċedura ta’ għajnuna eżistenti”), li jikkonċerna biss l-għajnuna Statali mogħtija qabel l-adeżjoni sakemm tkun “għadha tapplika wara” d-data ta’ l-adeżjoni. Il-Protokoll Nru 8 jista’ għalhekk jitqies bħala lex specialis li, għall-kwistjonijiet li jkopri, jissostitwixxi kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ l-Att ta’ Adeżjoni (15).

(71)

Konsegwentement, filwaqt li l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal KE normalment ma japplikawx għal għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni u li ma tkunx għadha tapplika wara l-adeżjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 8 jestendu l-monitoraġġ ta’ l-għajnuna Statali taħt it-Trattat tal-KE għal kwalunkwe għajnuna mogħtija għar-ristrutturar ta’ l-industrija ta’ l-azzar Pollakka bejn l-1997 u l-2006.

(72)

Id-deċiżjoni tista’ tittieħed taħt l-Artikolu 88 (2) KE wara l-adeżjoni tal-Polonja minħabba li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fil-Protokoll Nru 8, ir-regoli u l-prinċipji normali għandhom japplikaw. Konsegwentement ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 (aktar ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Proċedurali”) (16) japplika wkoll.

2.   Użu ħażin ta’ l-għajnuna

(73)

Punt 18 (a) tal-Protokoll Nru 8 jagħti lill-Kummissjoni l-poter li tieħu “passi xierqa li jeħtieġu kwalunkwe kumpanija kkonċernata li tirrimborża kwalunkwe għajnuna mogħtija bi ksur tal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Protokoll […] jekk il-monitoraġġ tar-ristrutturar juri li ma jkunux ġew issodisfati l-impenni għall-arranġamenti tranżizzjonali f’dan il-Protokoll”.

(74)

Wara l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Polonja ma kinitx kapaċi twieġeb għad-dubji tagħha dwar użu ħażin ta’ l-għajnuna għar-ristrutturar. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kumpanija ma implimentatx b’mod xieraq il-pjan ta’ ristrutturar tagħha kif stipulat b’mod espliċitu f’punt 9 (a) u (h) tal-Protokoll Nru 8. Il-Kummissjoni tosserva li, mir-riżorsi finanzjarji disponibbli (madwar EUR 34 miljun), parti insinifikanti biss intużat għall-investimenti ta’ ffinanzjar skond l-IPB ta’ l-2003, filwaqt li l-bqija, jiġifieri EUR 31,2 miljun, intużaw għal skopijiet mhux indikati fil-pjan.

(75)

Biex tasal għall-konklużjoni tagħha, il-Kummissjoni l-ewwel ivvalutat x’tip ta’ miżuri kienu ppjanati fl-IBP oriġinali, imbagħad jekk il-miżuri li ġew segwuti mill-kumpanija kienux b’xi mod mhux kompatibbli mas-suq komuni, u imbagħad l-effett tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ l-għajnuna wżata ħażin fl-isfond tal-pjan globali, qabel ma kkunsidrat l-ammont ta’ għajnuna. Il-kwistjoni ta’ jekk il-pjan il-ġdid jistax jibdel din il-konklużjoni hija diskussa fil-kapitolu li ġej (3).

(a)   L-ambitu tar-ristrutturar stabbilit fil-pjan ta’ investiment oriġinali

(76)

Il-Kummissjoni l-ewwel tikkjarifika l-ambitu ta’ l-IPB ta’ l-2003 u jekk il-ħlas tal-ftehim tal-bejgħ u kiri lura ta’ l-assi produttivi, li għalih l-għajnuna għar-ristrutturar kienet użata prinċipalment, kienx kopert mill-IPB ta’ l-2003.

(77)

Kif iddikjarat aktar ’il fuq f’punt 34), il-kompitu prinċipali tal-pjan ta’ ristrutturar kien li jiggarantixxi l-eżekuzzjoni ta’ ċerti miżuri meħtieġa biex l-HLW jirrestawra l-vijabbiltà f’ħin f’waqtu. Dan kien jikkonċerna prinċipalment ristrutturar ta’ l-investimenti u ristrutturar finanzjarju. L-enfasi tal-pjan kien fuq li l-kumpanija tkun kapaċi tirristruttura fl-2002 u l-2003.

(78)

L-ewwel nett, taħt l-IPB ta’ l-2003 l-HLW kellha tinvesti PLN [150-220] miljun. Madankollu, kemm il-benefiċjarja u l-awtoritajiet Pollakki jidhru li qed jiddeduċu li l-akkwist ta’ l-assi produttivi jista’ jitqies bħala parti mill-programm ta’ investiment. Il-Polonja targumenta li l-investimenti ġew deskritti bħala miżura ġenerali ħafna, mingħajr ma ġew speċifikati kwalunkwe mill-investimenti fid-dettall. Barraminnhekk il-benefiċjarja targumenta li x-xiri kien meħtieġ għall-proċess ta’ ristrutturar “billi l-impjant ma setgħax jiġi mħaddem matul ir-ristrutturar mingħajr dawn il-faċilitajiet”.

(79)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta dawn l-argumenti. Huwa evidenti li l-IPB ta’ l-2003 identifika l-investimenti taħt punt 4.4. f’termini ta’ spejjeż (tabella 21 ta’ l-IPB ta’ l-2003, murija f’tabella 1 f’punt 18) aktar ’il fuq), oġġett (tabella 22 ta’ l-IPB ta’ l-2003) u ħin (tabella 23 ta’ l-IPB ta’ l-2003). Ma kienx hemm lok għal kwalunkwe ħlas tal-ftehim ta’ bejgħ u kiri lura tal-assi produttivi. Filfatt, dan it-tentattiv juri minflok li la l-awtoritajiet Pollakki u lanqas il-benefiċjarja ma raw kwalunkwe ġustifikazzjoni plawżibbli għall-ħlas tal-ftehim ta’ bejgħ u kiri. Kieku dan kien jiġi inkluż fil-pjan.

(80)

It-tieni nett, l-IPB ta’ l-2003 jipprevedi ristrutturar finanzjarju limitat. Fis-sottomissjonijiet li għamlu aktar tard l-awtoritajiet Pollakki ddikjaraw li l-ammont tax-xiri lura ta’ l-assi produttivi għandu jiġu inkluż fir-ristrutturar finanzjarju (17). Huma jargumentaw li r-ristrutturar finanzjarju kien ikopri wkoll telf eżistenti ta’ PLN 150 miljun u l-iskedar mill-ġdid tad-dejn ta’ PLN 513 miljun u għalhekk jaslu għal total ta’ spejjeż ta’ ristrutturar ta’ madwar PLN 858 miljun.

(81)

Madankollu, l-Kummissjoni ma tistax taċċetta li t-telf eżistenti ta’ PLN 150 miljun u l-iskedar mill-ġdid tad-dejn ta’ PLN 513 miljun huma spejjeż ta’ ristrutturar. Kif indikat f’punt 22), il-Kummissjoni ma tikkontestax li punt 4.7 ta’ l-IPB ta’ l-2003 isemmi li “l-kumpanija għandha l-intenzjoni li tirristruttura d-dejn ta’ PLN 513 miljun”. Madankollu, mhuwiex indikat li dan huwa neċessarjament parti mill-kompiti ta’ ristrutturar. Filfatt, punt 3.2 elenka biss il-“ħlas lura ta’ self fuq perjodu qasir u l-bejgħ ta’ assi mhux meħtieġa mhux konnessi mal-produzzjoni” bħala kompitu ta’ ristrutturar.

(82)

Barraminhekk, huwa wkoll mhux normali li jitqiesu t-tipi kollha ta’ telf sempliċement bħala spejjeż tar-ristrutturar kif tiddikjara l-Polonja. Dejn fil-karta tal-bilanċ mhuwiex neċessarjament ekwivalenti għal spejjeż tar-ristrutturar, billi d-dejn bħala tali jifforma parti mill-operazzjonijiet normali tan-negozju. Huwa veru li dejn eċċessiv jista’ jirriżulta f’diffikultajiet imma mbagħad ir-ristrutturar irid jidentifika miżuri speċifiċi bħal injezzjonijiet ta’ kapital jew self jew ftehim ta’ skedar mill-ġdid biex jittratta d-dejn. Il-pjan ma jinkludiex kwalunkwe waħda minn dawn il-miżuri għar-ristrutturar finanzjarju (punt 4.7, il-ħames paragrafu).

(83)

Filfatt, l-IPB ta’ l-2003 jindika f’punt 4.7 li PLN 363 miljun biss kienu meħtieġa biex jiġi ffinanzjat ir-ristrutturar. Dan huwa inqas mid-dejn totali eżistenti ta’ PLN 513 miljun. Barraminnhekk, il-PLN 60 miljun imsemmija f’punt 4.7 jidhru li jirrelataw ma’ kapital għall-operat futur. Għalhekk, PLN 300 miljun l-aktar kellu jmur għar-ristrutturar (ara aktar ’il fuq punt 30)).

(84)

Madankollu, l-użu ta’ PLN 300 miljun huwa kkjarifikat f’punt 4.12.1 ta’ l-IPB ta’ l-2003 li jikkonċerna l-ispejjeż u s-sorsi tal-programm. Dan il-punt jispjega li kopertura finanzjarja totali ta’ PLN 219 miljun kienet meħtieġa għall-2002-2003. Billi din kellha wkoll tkopri l-investimenti, kif indikat aktar ’il fuq f’punt 26), il-fondi li jibqgħu għar-ristrutturar finanzjarju kienu biss ta’ PLN […] miljun.

(85)

Il-PLN 81,5 miljun lanqas kienu jkopru l-ammont biex jitħallas il-ftehim ta’ bejgħ u kiri lura. Punt 3.2. indika b’mod ċar li r-ristrutturar finanzjarju kien se jikkonċerna biss id-dejn fuq perjodu qasir. Għalhekk, ir-ristrutturar finanzjarju inkluż fil-pjan kien limitat għal PLN 81,5 miljun, li ma kienx, madankollu, jikkonċerna l-ħlas tal-ftehim ta’ bejgħ u kiri lura, li, billi kellu jitħallas lura matul is-snin sa l-2010, kien b’mod ċar dejn fuq perjodu twil. Għalhekk il-ħlas tal-ftehim ta’ bejgħ u kiri lura jista’ wkoll ma jitqiesx bħala parti mir-ristrutturar finanzjarju li għandu jiġi supplimentat bl-għajnuna.

(86)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Pollakki jidhru li jaċċettaw li l-ħlas tat-tranżazzjoni ta’ bejgħ u kiri lura ma kienx parti mir-ristrutturar ta’ l-assi, billi ma jargumentawx li dan huwa l-każ. Madankollu, huma indirettament jirreferu għar-ristrutturar ta’ l-assi meta jsemmu passaġġ mill-parti dwar ir-ristrutturar ta’ l-assi: “il-bejgħ t’hawn fuq se jippermetti lil Huta L. W. li tħallas lura parti mis-self tagħha u żżomm il-likwidità finanzjarja” (punt 64 ta’ l-ittra ta’ l-4 ta’ Ġunju).

(87)

Madankollu, l-awtoritajiet Pollakki jonqsu milli jaċċettaw li m’huwa ddikjarat imkien li d-dejn kollu mill-bejgħ u kiri lura għandu jiġi skedat mill-ġdid, filwaqt li l-pjan jindika f’bosta punti li l-iskedar mill-ġdid jikkonċerna biss l-assi mhux produttivi. Dan huwa mtenni darbtejn fl-istess kapitolu li minnu l-kwotazzjoni t’hawn fuq ta’ l-awtoritajiet Pollakki ttieħdet. Filfatt, huwa stabbilit b’mod ċar hemmhekk li ċertu dejn taħt il-ftehim ta’ bejgħ u kiri lura, jiġifieri dak li jikkonċerna assi mhux produttivi (ara punt 4.12.1 ta’ l-IPB ta’ l-2003), għandu jkun suġġett għar-ristrutturar ta’ l-assi. Dan jikkonċerna l-hekk imsejħa proġetti tal-100-ettaru u 88-ettari. L-iskop ta’ dan ir-ristrutturar ta’ l-assi kien li jiġu lliberati l-flus sabiex isiru l-investimenti. Dan kien inaqqas simultanjament l-ispiża finanzjarja tad-dejn. Madankollu, ma tingħata l-ebda indikazzjoni li l-ftehim ta’ bejgħ u kiri lura kollu għandu jitħallas qabel ma kien skedat sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż finanzjarji. Minflok ir-ristrutturar ta’ l-assi jimmira biss li “jnaqqas” l-ispejjeż finanzjarji, mhux li jeliminahom.

(88)

Fl-aħħar nett, bir-restrizzjonijiet finanzjarji ta’ l-HLW, il-Kummissjoni ma tara l-ebda raġuni għaliex l-HLW kellha timmira li tixtri l-assi produttivi tagħha meta l-ħlas lura kien dovut għal aktar tard. Filfatt, ma kien indikat bl-ebda mod li l-kuntratt ta’ kera kien se jkun ostaklu għar-ristrutturar. B’mod partikolari, punt 4.12 ta’ l-IPB ta’ l-2003 ma jsostniex dan, billi jindika biss li bil-bejgħ ta’ xi assi, li kienu identifikati preċedentement bħala dawk mhux produttivi, l-HLW kienet se tkun kapaċi tnaqqas l-ispejjeż tal-kuntratt tal-kera. Dan huwa loġiku, billi kellhom jinbiegħu l-assi sabiex jitħallas lura (parzjalment) is-self u għalhekk jitnaqqsu l-interessi li l-HLW jkollha tħallas fuq is-self. Madankollu, dan ma jirrelata bl-ebda mod max-xiri lura ta’ l-assi produttivi, li ma setgħax jiġġenera kwalunkwe flus billi dawn l-assi kienu se jinżammu mill-kumpanija.

(89)

Ix-xiri lura ta’ l-assi produttivi ma kienx għalhekk ipprovdut fl-IPB ta’ l-2003. Għalhekk, l-HLW użat l-għajnuna għal skop li ma kienx kopert mill-pjan ta’ ristrutturar li kien il-bażi għall-awtorizzazzjoni ta’ l-għajnuna. Dan ifisser li l-għajnuna kienet użata bi ksur ta’ l-NRP u d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, jiġifieri l-Protokoll Nru 8. Taħt l-Artikolu 1(g) tar-Regolament Proċedurali, dan jista’ jitqies użu ħażin, billi dan huwa definit bħala użu ta’ l-għajnuna bi ksur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ l-għajnuna Statali (18).

(b)   In-nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ l-għajnuna użata ħażin

(90)

Wara li ġie stabbilit li l-għajnuna Statali miksuba ma kinitx użata skond il-pjan, jeħtieġ li jiġi ddimostrat li din l-għajnuna użata ħażin hija wkoll mhux kompatibbli mas-suq komuni.

(91)

F’termini formali, dan jista’ diġà jiġi konkluż mill-fatt li, l-ewwel nett, il-kumpanija ma wżatx l-għajnuna skond il-pjan, li, taħt il-Protokoll Nru 8, hija obbligata li timplimenta b’mod xieraq u, it-tieni nett, li kwalunkwe għajnuna Statali oħra barra l-IBP, l-NRP u l-Protokoll Nru 8 hija mhux kompatibbli mas-suq komuni taħt punt 18 tal-Protokoll Nru 8.

(92)

Barraminnhekk, il-Kummissjoni tinnota li ma kinitx se tkun kapaċi li tqies l-użu attwali kompatibbli mas-suq komuni, minkejja l-fatt li l-AHW irrestawrat il-vijabbiltà tagħha. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni tixtieq tikkjarifika li, għalkemm il-benefiċjarja tiddubita li l-vijabbiltà attwali tal-benefiċjarja hija biżżejjed, għandu jitqies li l-fehim tagħha ta’ vijabbiltà huwa differenti mill-mod li l-vijabbiltà kienet predefinita fl-Anness 3 tal-Protokoll Nru 8. Dan il-fehim kif miftihem taħt il-Protokoll Nru 8, kien immonitorjat miż-żewġ partijiet kontraenti u ma jistax jiġi mibdul b’mod retroattiv minn benefiċjarja.

(93)

Madankollu, il-Kummissjoni ttenni l-ewwel nett li l-kompatibbiltà ma ssegwiex sempliċement mill-fatt li l-HLW irrestawrat il-vijabbiltà fl-2006. Filfatt, ir-restawrazzjoni tal-vijabbiltà mhijiex biżżejjed waħedha biex tirrendi proġett ta’ ristrutturar kompatibbli mas-suq komuni. Barraminnhekk, għandu jiġi żgurat li r-restawrazzjoni tal-vijabbiltà tinkiseb bl-ammont minimu ta’ għajnuna Statali meħtieġ għar-ristrutturar u li l-miżuri ta’ kumpens jiġu implimentati. Il-Kummissjoni tfakkar li dawn il-kondizzjonijiet huma ddikjarati fl-Artikolu 8(4) tal-Ftehim ta’ l-Ewropa, li għalih issir referenza f’punt 1 tal-Protokoll Nru 8. B’mod partikolari l-kunċett li l-għajnuna Statali tkun il-minimu meħtieġ jimplika li l-għajnuna m’għandhiex tintuża biex tiffinanzja investiment jew miżura li mhijiex essenzjali għar-ristrutturar (19).

(94)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tfakkar li l-pjan, jiġifieri l-kompiti ta’ ristrutturar u l-miżuri biex jiġu ffinanzjati, għandhom, minn perspettiva ex ante, jiżguraw li l-vijabbiltà tinkiseb. Filfatt, l-IPB ta’ l-2003 poġġa enfasi speċjali fuq l-investimenti u fuq li jinġiebu ’l quddiem l-investimenti fl-użu tiegħu ta’ l-għajnuna Statali. Il-pjan jindika li l-investimenti kellhom jinġiebu ’l quddiem għall-2003 grazzi għas-self temporanju. Barraminnhekk, huwa indikat li r-ristrutturar ta’ l-assi kien mistenni li jseħħ fl-2004 u l-2005, li kien ovvjament tard wisq għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ investiment. Għalhekk is-self kien ipprovdut biex jimtela n-nuqqas finanzjarju. Filfatt, l-introduzzjoni tal-pjan ittenni li “l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ristrutturar skond l-iskeda adottata u l-kontinwazzjoni ta’ l-intrapriża se jeħtieġu s-self temporanju meħtieġ”. B’konklużjoni, is-self temporanju kien meqjus bħala meħtieġ sabiex jinġiebu l-investimenti ’l quddiem skond skeda speċifika.

(95)

Il-fatt li l-HLW m’għażlitx li tħallas il-ftehim ta’ bejgħ u kiri ta’ l-assi produttivi u li ma tagħmilx l-investimenti fil-ħin għalhekk jindika li, minn perspettiva ex ante, l-azzjoni ta’ l-HLW ipperikolat il-possibbiltajiet tagħha li tirrestawra l-vijabbiltà. Filfatt, l-awtoritajiet Pollakki ma kkomunikaw l-ebda raġuni għaliex f’Awissu 2003, meta l-HLW applikat għall-garanzija, is-sitwazzjoni kellha tinbidel, billi kienu għaddew biss ħames xhur wara l-aħħar aġġornament tal-pjan f’Marzu 2003. Dan it-tip ta’ użu ta’ l-għajnuna kien għalhekk mhux implimentazzjoni tal-pjan imma minflok, meta jitqies il-fatt li l-investimenti kienu marbuta għal skeda ta’ żmien, ostakolar ta’ l-implimentazzjoni xierqa tal-pjan. Għalhekk, mill-perspettiva ex ante, il-kumpanija pperikolat b’mod ċar il-vijabbiltà, minkejja l-fatt li aktar tard irrestawratha.

(96)

Huwa veru li r-riżorsi finanzjarji huma funġibbli, u l-fatt li l-għajnuna Statali ma ntużatx skond il-pjan jista’ jimplika li l-pjan ta’ ristrutturar seta’ jiġi ffinanzjat b’mezzi oħra, li kienu ppjanati oriġinarjament li jintużaw għal skopijiet oħra, li għalihom qiegħda bħalissa tintuża l-għajnuna. Madankollu, din it-tip ta’ argumentazzjoni mhijiex aċċettabbli fil-każ ta’ proġett ta’ ristrutturar, fejn il-mezzi finanzjarji tal-kumpanija għandhom jintużaw għall-orjentazzjoni mill-ġdid tal-kumpanija u, minħabba d-diffikultajiet tal-kumpanija, l-ebda fondi żejda m’għandhom ikunu disponibbli għal proġetti barra mill-pjan. Għalhekk, l-użu tal-fondi mis-self garantit mill-Istat biex jitħallas is-self għall-assi produttivi huwa fattur kawżali fit-tnaqqis ta’ l-attivitajiet ta’ ristrutturar xi mkien ieħor, b’mod partikolari l-implimentazzjoni fil-ħin ta’ l-investimenti t’hawn fuq.

(97)

Barraminnhekk, il-Kummissjoni ma tarax ir-rilevanza ta’ l-argument imressaq ’l quddiem mill-awtoritajiet Pollakki u l-benefiċjarja b’effett li fl-2003 il-kumpanija kienet f’diffikultajiet finanzjarji tali li ma kinitx kapaċi tagħmel kwalunkwe investimenti. Dan huwa minħabba li l-Kummissjoni tonqos milli tara għaliex kumpanija f’dik it-tip ta’ sitwazzjoni tagħżel il-ħlas lura ta’ dejn fuq perjodu twil minflok miżuri oħra li kienu identifikati bħala meħtieġa biex tiġi rrestawrata l-vijabbiltà.

(98)

Fl-aħħar nett, huwa wkoll mhux rilevanti li l-kumpanija qiegħda issa toffri li tirkupra l-investimenti li rrinunzjat għalihom fl-2004, minħabba li l-implimentazzjoni kienet marbuta ma’ skeda ta’ żmien partikolari, li kienet meqjusa l-uniku mod biex tiġi rrestawrata l-vijabbiltà sa l-aħħar ta’ l-2006. Dan il-ksur huwa definit u wkoll ma jistax jiġi mibdul b’bidla fl-IBP. Dan huwa hekk minkejja l-fatt li l-IPB ta’ l-2005 jipprovdi għal investimenti addizzjonali, billi dawn ma jistgħux isewwu l-użu ħażin.

(99)

It-tielet nett, anke jekk l-HLW assumiet f’Awissu 2003 li l-investimenti ma kienux għadhom meħtieġa biex tiġi rrestawrata l-vijabbiltà, dan jimplika li l-HLW kienet indikat spejjeż tar-ristrutturar eċċessivament għolja fl-IPB ta’ l-2003 u li l-għajnuna li ġiet irċevuta ma kinitx meħtieġa għar-ristrutturar. Madankollu, il-Kummissjoni taħseb li huwa improbabbli li l-kumpanija bidlet ħsiebha biss 5 xhur wara li l-IPB ta’ l-2003 kien ġie konkluż (f’Marzu 2003) meta, f’Awissu 2003, hija applikat għall-garanzija u indikat li l-parti prinċipali kienet tridha biex tħallas is-self fuq l-assi produttivi. Sabiex tissostanzja din it-tip ta’ sejba, il-kumpanija kellha mbagħad fi kwalunkwe każ tindika dan il-fatt lill-Kummissjoni fil-ħin dovut, li m’għamlithiex.

(100)

Madankollu, anke jekk l-investimenti ma kinux meħtieġa, li jiġu diretti mill-ġdid il-fondi biex jitħallas il-bejgħ u kiri lura ta’ l-assi produttivi ma jidhirx li kien ġustifikabbli bħala spejjeż tar-ristrutturar. Filfatt, l-iffinanzjar biex jitħallas il-ftehim ta’ bejgħ u kiri lura ta’ l-assi produttivi kien irranġat, u seta’ tħallas wara l-aħħar tal-perjodu ta’ ristrutturar. Jista’ jkun veru li rriżulta f’piżijiet finanzjarji, imma dawn kienu apparentement meqjusa fil-projezzjonijiet finanzjarji ta’ l-IPB ta’ l-2003. Billi l-assi ma setgħux jinbiegħu, l-uniku effett tal-ħlas lura kien għalhekk tnaqqis ta’ l-ispejjeż finanzjarji, li kien jagħti lill-HLW likwidità addizzjonali. Dan ifisser li l-HLW kisbet flus addizzjonali, li jistgħu jitqiesu għajnuna operattiva, li setgħet tirriżulta wkoll f’miżuri li jinvolvu tgħawwiġ eċċessiv tas-suq. Għalhekk il-Kummissjoni ma tarax kif dawn it-tip ta’ miżuri setgħu jiġu awtorizzati kieku ġew notifikati lill-Kummissjoni. Għalhekk ukoll, jekk l-investimenti ma kinux realment meħtieġa, l-użu attwali ta’ l-għajnuna jitqies ukoll mhux kompatibbli mas-suq komuni.

(101)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tikkontestax l-argument tal-benefiċjarja li l-garanzija ntużat skond id-deċiżjoni tal-gvern u li l-gvern kien kompetenti li jiddetermina l-iskop ta’ l-għajnuna. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li dan huwa mingħajr effett fuq il-kompatibbiltà tal-garanzija, li għandha tiġi ddeterminata skond il-Protokoll Nru 8 u l-IPB ta’ l-2003, li ma jinkludux għajnuna għall-iskop appovat mill-gvern fid-deċiżjoni ta’ l-għotja.

(102)

Fl-isfond ta’ dak li ntqal, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi li l-għajnuna ntużat b’mod mhux kompatibbli mal-punti 9 u 18 tal-Protokoll Nru 8. Hija għalhekk mhux kompatibbli mas-suq komuni.

(ċ)   L-effett tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ l-għajnuna użata ħażin fuq il-pjan ta’ ristrutturar kollu

(103)

Fl-aħħar nett, l-effett tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ l-użu ħażin għandu jiġi ddeterminat.

(104)

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tixtieq li l-ewwel tinnota li l-investigazzjoni preżenti ma sabitx li xi spejjeż ta’ ristrutturar kienu saru inutli, imma li partijiet tal-fondi ta’ l-Istat kienu ġew użati ħażin. Jista’ jkun veru li xi investimenti setgħu jiġu kkanċellati – idealment wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Dan ifisser li l-ispejjeż ta’ ristrutturar attwali kienu aktar baxxi u l-proporzjon rilevanti ta’ l-għajnuna kellu jiġi rkuprat; approċċ li l-Kummissjoni aċċettat f’każijiet ta’ ristrutturar ta’ l-azzar preċedenti (20). Madankollu, fil-każ preżenti mhux biss xi spejjeż ta’ ristrutturar saru inutli imma, kif diskuss aktar ’il fuq imma, il-problema hija li l-finanzjament kollu ta’ parti mir-ristrutturar (jiġifieri l-EUR 31,2 miljun) tilef l-oġġett tiegħu, billi mill-perspettiva ex ante s-self temporanju kien użat kważi kollu b’mod li ma kienx konformi ma’ l-IBP u pperikola r-restawrazzjoni tal-vijabbiltà jew, mill-perspettiva taż-żmien meta l-bidla ġrat, ipprovda lill-kumpanija bi flus żejda, li jridu jintraddu lura. Barraminnhekk, dan it-tip ta’ użu ħażin ma jistax jiġi rranġat b’mod retroattiv, mill-kumpanija li timplimenta l-investiment aktar tard, billi l-fondi ngħataw sabiex jippermettu l-finanzjament ta’ investimenti u ristrutturar finanzjarju f’punt partikolari ta’ żmien. Dan l-inċentiv għall-għajnuna kien diġà skadut fl-2005. Filfatt, kieku r-ristrutturar kien irranġat aktar tard, l-ebda għajnuna, b’mod partikolari lanqas is-self temporanju garantit mill-Istat, ma kienet tkun meħtieġa. Għalhekk l-użu ħażin jikkonċerna l-fondi kollha pprovduti taħt is-self temporanju li kienu wżati għall-bejgħ u kiri lura ta’ l-assi produttivi.

(105)

Il-Kummissjoni hija wkoll konxja li eċċess ta’ riżorsi fl-aħħar tal-perjodu ta’ ristrutturar hija normali u li kumpanija m’għandhiex tiġi kkastigata talli tikseb riżultati aħjar minn dawk mistennija ex ante. Madankollu, dan għandu jwassal għal riżultati aħjar tan-negozju, li jippermettu lill-kumpanija ftit aktar marġni biex tantiċipa l-ħlas lura tad-dejn, per eżempju. Dan ma jfissirx li l-kumpanija tista’ tagħti direzzjoni mill-ġdid kważi lill-għajnuna kollha għal skopijiet mhux indikati fil-pjan tan-negozju.

(106)

It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li l-kumpanija rċeviet ukoll bosta miżuri ta’ għajnuna Statali oħra, bħar-rinunzja ta’ dejn u parti mis-self garantit użat biex jiġu ffinanzjati l-investimenti. Dawn il-miżuri ġew implimentati skond il-pjan u għenu biex tinkiseb il-vijabbiltà għall-kumpanija.

(107)

Madankollu, jista’ jiġi assunt li r-ristrutturar kollu għandu jitqies li falla, minħabba li l-pjan kien implimentat parzjalment biss u, minn perspettiva ex ante, implimentazzjoni sħiħa biss tal-pjan ta’ ristrutturar kienet tiżgura li l-vijabbiltà tiġi rrestawrata. Madankollu, f’dan il-kuntest jista’ jkun rilevanti li l-kumpanija rrestawrat il-vijabbiltà (21). Dan huwa l-każ mill-inqas sakemm il-kumpanija ma kisbitx kwalunkwe eċċess ta’ għajnuna li ma kienx meħtieġ biex tiġi rrestawrata l-vijabbiltà. Fi kliem ieħor jekk dan il-vantaġġ jiġi rkuprat jerġa jirrestawra s-sitwazzjoni ex ante, jiġifieri tagħmel tajjeb talli ġiet irċevuta għajnuna eċċessiva. F’dan il-każ il-miżuri li jibqa’, li ġew implimentati skond il-pjan, jistgħu filfatt ikunu kkontribwew għar-restawrazzjoni tal-vijabbiltà. Huma jistgħu għalhekk, sakemm l-għajnuna eċċessiva rċevuta tiġi rkuprata, jitqiesu kompatibbli.

(108)

Għalhekk, billi l-miżuri li jibqa’ żguraw li tiġi rrestawrata l-vijabbiltà bl-għajnuna minima meħtieġa, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-ammont li ngħata direzzjoni mill-ġdid tas-self garantit biss, u mhux l-ammont kollu ta’ l-għajnuna għar-ristrutturar, kien użat ħażin, u li l-miżuri l-oħra taħt l-IPB ta’ l-2003 jibqgħu kompatibbli.

(d)   L-element ta’ għajnuna tal-parti wżata ħażin tas-self garantit

(109)

Fl-aħħar nett, l-element ta’ għajnuna tas-self garantit mill-Istat ta’ EUR 31 245 684 irid jiġi ddeterminta. Bi prinċipju l-intensità ta’ l-għajnuna ta’ garanzija tista’ tkun sa 100 % (22).

(110)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi madankollu li l-garanzija bħala forma ta’ għajnuna kellha f’dan il-każ effett ta’ tgħawwiġ limitat billi s-self li għalih l-HLW kisbet il-garanzija kien imħallas lura wara sena minn Arcelor. Għalhekk, il-Kummissjoni tqies li sabiex jiġi rkuprat il-vantaġġ kollu rċevut mill-kumpanija huwa meħtieġ li jiġi rkuprat biss is-sussidju fuq l-interessi mogħti mill-garanzija għall-perjodu meta l-flus imsellfa kien għad-dispożizzjoni tal-kumpanija. Barraminnhekk, il-Kummissjoni tinnota li l-kumpanija xorta kelli xi possibbiltajiet li tikseb finanzjament u kienet kapaċi tipprovdi sigurtà deċenti. Dan huwa kkonfermat fil-kuntratt ta’ garanzija, li kien jeħtieġ sigurtà.

(111)

Skond il-prattika kostanti tal-Kummissjoni, is-sussidju ta’ l-interessi jkun ekwivalenti għad-differenza bejn l-interessi li kien ikollhom jitħallsu skond it-termini tas-suq u l-interessi mħallsa attwalment mill-kumpanija. L-interessi tas-suq f’dan il-każ ikunu kkalkulati fuq il-bażi tar-rata ta’ referenza fil-ħin meta l-flus kien disponibbli (f’Awissu 2004) flimkien ma’ 400 punt bażi, billi l-HLW ma kinitx vijabbli fl-2004 (ara aktar ’il fuq punt 46)), imma kienet kumpanija f’diffikultà (23). Il-prattika tal-Kummissjoni stabbilita ma tippermettiex li tinżel taħt l-400 punt bażi (24). Madankollu ma hija meħtieġa l-ebda żieda oħra billi l-kumpanija pprovdiet garanzija u s-settur ta’ l-azzar kien sejjer tajjeb fl-2004.

(112)

Billi s-self ma kienx ipprovdut f’PLN imma f’Euro, il-Kummissjoni qiegħda tapplika r-rata ta’ referenza għaż-Żona Euro, jiġifieri 4.43 %. F’dan il-kuntest għandu jiġi mfakkar li l-benefiċċju miksub attwalment għandu jiġi valutat billi jiġu kkomparati l-kondizzjonijiet miksuba mill-kumpanija u l-kondizzjonijiet li kienu jinkisbu taħt kondizzjonijiet tas-suq (mingħajr il-garanzija ta’ l-Istat). Hija prattika normali tas-suq li jiġu ddeterminati l-interessi tal-kreditu fuq il-bażi tar-rata ta’ referenza (normalment ir-rata ta’ referenza interbankarja rilevanti) għall-munita tas-somma prinċipali, minħabba li ċ-ċaqliq tal-valur tal-flus huwa relatat ma’ l-ekonomija li fiha munita partikolari tintuża. Għalhekk, fil-każ ta’ self denominat bl-Euro r-rata ta’ referenza applikata minn kreditur ta’ l-ekonomija tas-suq għandha wkoll tkun dik użata għal kreditu denominat bl-Euro, minkejja li s-self kien ingħata fil-Polonja.

(113)

Għalhekk, l-interessi kellhom ikunu ta’ 8.43 % p.a., jiġifieri kellu jammonta għal EUR 2 807 206. Dan jeħtieġ li jiġi kkomparat ma’ l-ispejjeż li l-kumpanija kellha attwalment. Dawn jikkonsistu fl-interessi ta’ EUR 1 061 050 flimkien ma’ xi premiums għall-garanzija (kif indikat f’punt 42) (a) u (b)), li, skond il-prattika tal-Kummissjoni, iridu jitqiesu meta jiġi kkalkulat l-ammont ta’ l-għajnuna ta’ garanzija (25).

(114)

L-ispiża tal-garanzija għandha titqassam fuq l-ammont totali tal-garanzija u relatata ma’ l-għajnuna wżata ħażin flimkien ma’ l-interessi koperti mill-garanzija. Dan huwa minħabba li l-użu limitat tal-parti garantita tas-self għal investimenti kienet deċiżjoni tan-negozju li ma kinitx għadha ttieħdet meta s-self garantit kien irranġat bħala self ta’ € 46 miljun flimkien ma’ l-interessi għal ħames snin. B’mod ieħor is-self garantit kien se jiġi rranġat b’mod differenti. Għalhekk diviżjoni pro rata għandha ssir billi jiġi kkalkulat il-proporzjon tal-miżata relatata ma’ l-ammont attwali garantit u wżat ħażin. Barraminnhekk, għall-istess raġunijiet il-miżata għandha tiġi kkalkulata pro rata għaż-żmien użat attwalment fir-rigward tal-garanzija għall-perjodu totali ta’ ħames snin, billi l-garanzija kienet teoretikament ammortizzata f’dak il-perjodu. Jekk tkun itterminata qabel, din hija reviżjoni ta’ deċiżjoni tan-negozju li hija indipendenti mill-arranġament preċedenti.

(115)

Dan ifisser li l-Kummissjoni taċċetta tnaqqis ta’ l-ispejjeż għall-miżata tat-Teżor ta’ l-Istat u l-miżata ta’ preparazzjoni kif indikat aktar ’il fuq f’punt 42), imma fuq il-bażi ta’ kalkolazzjoni pro rata, ibbażata fuq a) il-proporzjon ta’ l-ammont garantit attwalment (32.3 (=31.24 + 1.06 (s-somma prinċipali flimkien ma’ l-interessi mħallsa attwalment)) għall-ammont totali tal-garanzija (EUR 58 330 000)) u b) il-proporzjon ta’ l-użu attwali għall-użu intenzjonat għal 5 snin (jiġifieri 388 ġranet minn 1 826 ġurnata potenzjali).

(116)

Madankollu, fir-rigward ta’ miżati għas-self indikati aktar ’il fuq f’punt 42) (ċ), il-Kummissjoni ma tqisx dawn bħala spejjeż li jistgħu jitnaqqsu mill-vantaġġ, billi kwalunkwe self fuq termini tas-suq irid jinvolvi wkoll spejjeż simili, li setgħu possibbilment ikunu anke ogħla.

(117)

Dan iwassal għall-kalkolazzjoni li ġejja, meqjusa l-interessi komposti fuq il-benefiċċju mill-24 t’Awissu 2004 sal-ħlas lura, b’rata ta’ l-irkupru ta’ 7.62 % p.a.:

(EUR)

L-ammont totali ffinanzjat

31 245 684,00

L-interessi xierqa meħtieġa mill-24.8.2004 sas-16.9.2005

2 807 206

L-interessi mħallsa attwalment mill-HLW fuq is-self garantit

1 061 050

Il-miżata ta’ preparazzjoni għall-garanzija, pro rata fuq il-garanzija totali u l-perjodu tas-self

31 792

Il-Miżata tat-Teżor ta’ l-Istat, pro rata fuq il-garanzija totali u l-perjodu tas-self

68 683

L-ispejjeż totali għas-self garantit imħallsa attwalment

1 161 525

Id-differenza ta’ l-interessi (=benefiċċju)

1 645 682

Flimkien ma’ l-interessi komposti bir-rata ta’ l-irkupru mill-24.8.2004 sa l-20.11.2007

444 086

Pagabbli fl-20.11.2007

2 089 768

(e)   Konklużjoni

(118)

Fil-qosor: il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ħlas tal-ftehim ta’ bejgħ u kiri lura għall-assi produttivi ma kienx previst fl-IPB ta’ l-2003 u poġġa r-restawrazzjoni ta’ vijabbiltà f’riskju, mill-inqas fiż-żmien meta l-għajnuna kienet meħtieġa. Madankollu, billi l-kumpanija xorta rrestawrat l-vijabbiltà, l-użu ħażin ta’ l-għajnuna ma jaffetwax il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna li tibqa’. Barraminnhekk billi l-garanzija ġiet terminata u s-self diġà ġie mħallas lura, is-sussidju ta’ l-interessi biss li minnu l-HLW ibbenefikat fil-perjodu meta l-flus kienu disponibbli (jiġifieri mit-trasferiment tal-flus għall-ħlas lura) jeħtieġ li jiġi rkuprat issa. Dan is-sussidju ta’ l-interessi jammonta għal EUR 1 645 682.

3.   Bidla fil-pjan

(119)

Il-Polonja talbet lill-Kummissjoni biex taċċetta IBP aġġornat taħt punt 10 tal-Protokoll Nru 8.

(120)

Il-Kummissjoni ttrattat każijiet simili fil-passat u kkjarifikat li: “Ftehim mill-Kummissjoni għal bidla ta’ IBP irid ikun ibbażat fuq il-konsiderazzjoni li m’hemm l-ebda problema ta’ kompatibbiltà tal-bidla ma’ l-objettivi tal-Protokoll Nru 8. Dan huwa l-każ fejn iċ-ċifri prinċipali indikati fil-Protokoll dwar l-għajnuna Statali, il-kapaċità u ż-żmien jibqgħu mhux mibdula u l-proporzjonalità ta’ l-għajnuna Statali kif stipulate fil-Protokoll tibqa’ fis-seħħ mingħajr ma jiġi kkontestat l-objettiv tal-vijabbiltà.” (26)

(121)

Il-Kummissjoni kkjarifikat fid-deċiżjoni tal-ftuħ li f’dan il-każ il-bidliet ma kinux jikkonċernaw la żieda ta’ l-ammont totali ta’ l-għajnuna Statali u lanqas żieda tal-kapaċità ta’ produzzjoni (27) ġewwa l-perjodu ta’ ristrutturar, imma li l-IBP reviżjonat prinċipalment kien jimplika bidla sinifikanti fl-istrateġija ta’ l-investiment tal-kumpanija, li l-għajnuna Statali pprovduta dehret li ġiet abbużata bħala għajnuna operattiva u l-ebda għajnuna Statali oħra ma kienet meħtieġa biex jiġu kkompletati l-investimenti (ara punti 54 u 56). Essenzjalment, l-investigazzjoni kkonfermat li dawn id-dubji ma ġewx spjegati, billi l-għajnuna ġiet filfatt użata ħażin, kif konkluż aktar ’il fuq, u mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

(122)

L-IPB ta’ l-2005 ma jirranġax dan id-difett, jiġifieri l-eċċess ta’ l-għajnuna Statali, u għalhekk ma jistax jiġi approvat f’dik il-forma. B’mod partikolari, il-fatt li l-AHW fil-frattemp reġgħet qajmet il-programm ta’ investiment mhux biżżejjed biex jirranġa d-difett. Kif diskuss aktar ’il fuq, dan kien ikun hekk anke kieku l-kumpanija wettqet biss l-investimenti indikati fil-pjan ta’ ristrutturar. Huwa ċar li l-programm ta’ investiment il-ġdid se jiġi implimentat fi stadju ħafna aktar tard minn kif kien previst oriġinarjament fil-pjan. Huwa wkoll ċar li l-għajnuna oriġinali kienet ipprovduta biex tiżgura konformità ma’ l-iskeda tal-programm ta’ ristrutturar. Għalhekk l-għajnuna kienet relatata ma’ l-iskop ta’ l-inċitament ta’ l-HLW li tagħmel dawn l-investimenti b’mod skedat u fil-ħin fl-2003 u l-2004. Filfatt, kieku l-iskeda ta’ ristrutturar kienet imdewma ex ante għall-2004 u l-2005, l-ebda self temporanju u għalhekk l-ebda għajnuna ma kienet tkun meħtieġa.

(123)

Minkejja l-użu ħażin, il-Kummissjoni tinnota li jekk l-għajnuna użata ħażin tiġi rkuprata, hija tista’ taċċetta l-pjan ġdid residwali. Fid-deċiżjoni li tibda l-proċedura l-Kummissjoni tinnota li kienet lesta taċċetta l-istrateġija tan-negozju l-ġdida minn perspettiva industrijali, billi taċċetta li l-investiment il-ġdid ikun ta’ benefiċċju għall-prestazzjoni ekonomika futura tal-kumpanija u jista’ jkollu effetti pożittivi oħra fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali u t-tnaqqis ta’ l-ispiża.

(124)

Fi kwalunkwe każ il-Kummissjoni tinnota li l-emenda tal-pjan ma teħtieġx kwalunkwe għajnuna addizzjonali imma hija kompletament iffinanzjata mill-fondi ta’ l-investitur. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tara l-ebda raġuni biex toġġezzjona għall-programm aġġornat, anke jekk hemm bidla fl-istrateġija. (28)

VII.   KONLUŻJONI

(125)

Fil-qosor, il-Kummissjoni tikkonkludi li, skond punti 9 u 18 tal-Protokoll Nru 8, il-garanzija għas-self ta’ EUR 31,2 miljun ġiet użata ħażin u ntużat b’mod mhux kompatibbli mill-HLW. Meqjus li l-garanzija ta’ l-Istat ġiet itterminata u s-self ġie mħallas lura, li jfisser li kien hemm vantaġġ għall-HLW ekwivalenti għal sussidju ta’ l-interessi ta’ EUR 1 645 682, dan il-vantaġġ għandu jiġi rrimborżat. Billi fl-20 ta’ Novembru 2007 l-AHW volontarjament ħallset lura fil-kont ibblukkat EUR 2 089 768, li jikkorrispondu għall-ammont li għandu jiġi rkuprat flimkien ma’ l-interessi komposti, li għandhom jiġu rċevuti mill-awtoritajiet Pollakki fid-data tal-ħruġ ta’ din id-deċiżjoni, l-ebda rkupru ieħor m’huwa meħtieġ.

(126)

Barraminnhekk, sakemm din l-għajnuna tiġi rrimborżata, il-Kummissjoni tista’, taħt punt 10 tal-Protokoll Nru 8, tapprova l-bidla tal-pjan kif indikat fl-IPB ta’ l-2005, billi din ma tinvolviex għajnuna addizzjonali u tirrinforza l-vijabbiltà tal-kumpanija,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna Statali ta’ EUR 1 645 682 mogħtija lill-HLW/AHW mill-Polonja bi ksur ta’ punt 18 tal-Protokoll Nru 8 ġiet użata ħażin mill-HLW/AHW u mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

Fl-isfond tal-ħlas lura ta’ l-għajnuna wżata ħażin imsemmija fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni m’għandha l-ebda oġġezzjonijiet għall-emenda ta’ l-AHW tal-pjan tan-negozju tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmula fi Brussell, 11 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 236, 23.9.2003, p. 948.

(2)   ĠU C 35, 17.2.2007, p. 41.

(3)  Bl-assunzjoni li EUR 1 = PLN 4.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Lulju 2003, ĠU L 199, 7.8.2003, p. 17. Cf. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ C-20/04, (ĠU L 366, 21.12.2006, p. 1, punti 23 et seq).

(5)  Cf. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-għajnuna għas-Salvataġġ u għar-Ristrutturar u l-għajnuna għaż-żarmar għas-settur ta’ l-azzar, ĠU C 70, 19.3.2002, p. 21, li jipprojbixxi l-għajnuna għar-ristrutturar għall-industrija ta’ l-azzar.

(6)  Ara in-nota 1 ta’ qiegħ il-paġna.

(7)  Skond l-aħħar rapport tal-monitoraġġ ta’ Ġunju 2007, ġie żborżat PLN 2.727 biljun ta’ għajnuna. Mit-tmien benefiċjarji, tliet kumpaniji, jiġifieri Technolgie Buczek (cf. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Ottubru 2007 fil-każ C23/06, li għada ma ġietx ippubblikata), Huta Andrzej u Huta Batory fil-frattemp marru fil-likwidazzjoni, filwaqt li erba’ kumpaniji, jiġifieri Polskie Huty Stali S.A (issa Mittal Steel Poland ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ N 186/05, Bidla fl-IBP tal-MSP), Huta Bankowa, Huta Labędy u Huta Pokόj, reġgħu saru vijabbli.

(8)  Ara in-nota 2 ta’ qiegħ il-paġna.

(9)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Mittal /Arcelor tat-2 ta’ Ġunju 2006, każ Nru COMP/M.4137.

(10)  Ara s-sottomissjoni ta’ l-informazzjoni tal-Polonja ta’ l-4 ta’ Ġunju 2007, punti 19, 30, 55.

(*1)  Partijiet minn dan it-test ġew moħbija sabiex ma tinkixifx informazzjoni kunfidenzjali. Dawn ġew indikati b’linja tikek f’parentesi kwadri. Il-programm ta’ investiment totali jammonta għal bejn PLN 150 miljun u PLN 220 miljun. Sabiex id-deċiżjoni tkun iżjed faċli li tiġi mifhuma, aktar informazzjoni finanzjarja kunfidenzjali tingħata bħala perċentwali approssimattiv ta’ l-ammont ta’ PLN 150-220 miljun (PLN 150-220 miljun jittieħed bħala 100 %).

(11)  L-IPB ta’ l-2003, p. 66, tabella 35.

(12)  Ara r-rapport ta’ l-ESC għall-2006 ta’ Lulju 2007.

(*2)  Iċ-ċifri jikkorrispondu għal tabella 36 ta’ l-IPB ta’ l-2003. Iċ-ċifri aġġornati skond ir-Rapporti ta’ Monitoraġġ Pollakki u indipendenti ta’ Ġunju 2007, b’EUR 1 meqjusa daqs PLN 3.95.

(*3)  investimenti diġà implimentati taħt l-IPB ta’ l-2003.

(*4)  Il-Protokoll Nru 8 ma jipprovdiex għal dan it-tnaqqis tal-kapaċità

(13)  L-ittra ta’ l-4 ta’ Ġunju 2007, punt 20.

(14)  L-awtoritajiet Pollakki jikkonfermaw li l-infiq kapitali meħtieġ għall-adattament relatat ma’ kkastjar kontinwu u l-estensjoni tal-firxa tal-prodotti huwa ogħla, imma jargumentaw li huwa kumpensat minn żewġ fatturi: l-ewwel nett, it-trasferiment ta’ investiment għall-kostruzzjoni ta’ magna ta’ sostituzzjoni għandu jirriżulta f’iffrankar konsiderevoli mill-ispiża sa € 85 miljun u, it-tieni nett, għandu jkun hemm iffrankar ta’ l-enerġija u tat-tħaddim aktar tard.

(15)  Ara d-Deċiżjoni tal-5.7.2005 fil-każ C 20/04 Huta Czestochowa (ĠU L 366, 21.12.2006, p. 1).

(16)   ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(17)  L-ittra ta’ l-4 ta’ Ġunju 2007, punt 24.

(18)  L-użu ħażin, madankollu, ma jikkontestax jekk benefiċjarja kinitx oriġinarjament intitolata li tirċievi l-għajnuna, imma jikkonkludi biss li l-għajnuna kienet użata bi ksur tad-deċiżjoni li tatha.

(19)  Dan il-prinċipju komuni diġà ġie mtenni. Huwa stabbilit f’punt 45 tal-linji gwida tas-salvataġġ u ristrutturar u kkonfermat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ C31/2001 Schmitz-Gotha, ĠU L 77, 24.3.2003, p. 41, fejn il-Kummissjoni rrifjutat l-akkwist ta’ subkuntrattur, li kien meqjus bħala utli, imma mhux strettament meħtieġ għar-ristrutturar. Dan kien ikkonfermat fil-Każ T-17/03 Schmitz–Gotha [2006] ECR II-1139.

(20)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13.9.2006 fil-każ N 350a/2006 MSO, (ĠU C 280, 18.11.2006, p. 4, punt 48).

(21)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Ottubru 2007 fil-każ C 23/06 Technologie Buczek, li għadha ma ġietx ippubblikata, fejn dan ma kienx il-każ.

(22)  In-Notifika tal-Kummissjoni dwar il-metodu ta’ l-iffissar tar-rati ta’ referenza u ta’ tnaqqis, ĠU C 273, 09.09.1997, p. 3. Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12.9.2007 biex tiftaħ proċeduri fil-każ NN 45/2007 (C 38/2007), Arbel Fauvet Rail, ĠU C 249, 24.10.2007, p. 17, punt 15.

(23)  Il-Kummissjoni tiddetermina li kumpanija tkun f’diffikultà skond il-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-Għajnuna Statali għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-kumpaniji f’diffikultà, ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2. Barraminnhekk kumpanija hija wkoll meqjusa li tkun f’diffikultà meta tkun fil-perjodu ta’ ristrutturar tagħha u qiegħdha ssegwi pjan ta’ ristrutturar, li huwa l-każ hawnhekk. Għall-400 punti bażi cf. id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2.3.2005 fil-każ C 43/2001, Chemische Werke Piesteritz, ĠU L 296, 12.11.2005, p. 19, punti 107-108; u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-24.1.2007 fil-każ C 38/2005, Biria, ĠU L 183, 13.7.2007, p. 27, punti 83 et seq.

(24)  In-Notifika tal-Kummissjoni dwar il-metodu ta’ l-iffissar tar-rati ta’ referenza u tat-tnaqqis, ĠU C 273, 9.9.1997, p. 3.

(25)  In-Notifika tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna Statali f’forma ta’ garanziji, (ĠU C 71, 11.3.2000, p. 14, punt 3.2).

(26)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ N 186/05, Change of IBP of MSP, punt 41 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru N 600/04 Change of IBP of VPFM.

(27)  Il-Kummissjoni nnutat li l-investimenti l-ġdid kien se jirriżulta fi tnaqqis tal-kapaċità minn 930 kt għal 700 000 tunnellata.

(28)  Fl-interessi tal-kompletezza, il-Kummissjoni tixtieq ukoll tinnota li hija żżomm l-opinjoni tagħha li s-sostituzzjoni ma kinitx inkluża diġà fl-IPB ta’ l-2003. L-IBP jiddikjara b’mod ċar li l-HLW riedet “tiffoka fuq it-titjib gradwali tal-firxa tal-prodott tagħha bl-iżvilupp ta’ produzzjoni li tiffoka fuq azzar speċjalizzat u ta’ l-inġinerija”). L-IPB ta’ l-2005 jindika b’mod ċar li “sabiex tissodisfa d-domanda tas-suq, sar meħtieġ li tiġi rfinuta l-istrateġija u li jiġi arrikkit il-portafoll tax-xogħolijiet ta’ l-azzar b’firxa ġdida ta’ prodotti ġodda”. Dan jimplika li l-AHW xtaqet tissodisfa d-domanda għall-azzar tal-kostruzzjoni billi tarma magna ġdida kapaċi li tipproduċi azzar tal-kostruzzjoni u tuża l-azzar likwidu eżistenti b’mod aktar effiċjenti għal dan l-iskop. Madankollu, huwa evidenti li l-kumpanija ma kellhiex il-fondi biex tagħmel dawn l-investimenti qabel l-2003, imma setgħet biss tagħmel dan bl-għajnuna ta’ Arcelor.