European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1965

25.9.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1965

tat-22 ta’ Settembru 2025

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar it-trasferiment ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 87(2), il-punt (a), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-4 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Iżlanda għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar it-trasferiment ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR, Passenger Name Record) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (il-“Ftehim”). In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fid-9 ta’ April 2025.

(2)

Il-Ftehim jipprevedi t-trasferiment tad-data tal-PNR mit-trasportaturi tal-ajru mill-Unjoni lill-Iżlanda b’rispett sħiħ tad-drittijiet previsti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, partikolarment id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikoli 7 u 8, rispettivament, tagħha. B’mod partikolari, il-Ftehim jinkludi salvagwardji xierqa għall-protezzjoni ta’ data personali trasferita skont dan.

(3)

Il-Ftehim irawwem il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Iżlanda u dawk tal-Istati Membri kif ukoll il-Europol u l-Eurojust, bl-għan li jtejbu l-kapaċitajiet tagħhom li jsaħħu l-fruntieri esterni tal-Unjoni u tal-Iżlanda, kif ukoll jiżguraw b’mod effettiv is-sigurtà interna fin-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni fiż-żona Schengen.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Irlanda nnotifikat, b’ittra tad-29 ta’ Lulju 2025, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(5)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

(6)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u ta l-Opinjoni tiegħu 15/2025 fl-24 ta’ Lulju 2025 (2).

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar it-trasferiment ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim. (3)

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

J. JENSEN


(1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(2)  Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  It-test tal-Ftehim se jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni tal-konklużjoni tiegħu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1965/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)