Strasburgu, 16.12.2025

COM(2025) 1021 final

2025/0409(COD)

Pakkett ta' Simplifikazzjoni Omnibus

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE u d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-simplifikazzjoni u t-tisħiħ tar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-ikel u l-għalf, u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 82/711/KEE u 85/572/KEE


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-proposta hija parti mill-pakkett ta’ simplifikazzjoni leġiżlattiva trażversali mħabbar fil-Viżjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-Agrikoltura u għall-Ikel 1 , li għandu l-għan li jnaqqas il-piżijiet regolatorji mhux meħtieġa filwaqt li jżomm standards għoljin għas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, u għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, u tal-ambjent. B’mod iktar speċifiku, din l-inizjattiva għandha l-għan li tissimplifika ċerti dispożizzjonijiet u proċeduri tal-atti li ġejjin:

Id-Direttiva 2009/128/KE 2 : Id-droni 3 għandhom il-potenzjal li jintużaw għal applikazzjoni iktar immirata tal-pestiċidi u, f’ċerti sitwazzjonijiet jistgħu jippreżentaw riskju iktar baxx għall-operatur u għall-ambjent mit-teknoloġiji ta’ applikazzjoni bbażati fuq l-art. Madankollu, bħalissa huma koperti mill-projbizzjoni ġenerali tal-bexx mill-ajru skont id-Direttiva 2009/128/KE, u l-għoti u l-kisba ta’ derogi individwali għall-użu tagħhom iwasslu għal piż amministrattiv konsiderevoli fuq l-utenti professjonali u fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Dan ġie identifikat bħala l-iktar piż sinifikanti fl-evalwazzjoni tad-Direttiva mwettqa fl-2022 4 . L-impatt ta’ dan il-piż qed jikber hekk kif jiżdiedu l-opportunitajiet biex jiġu applikati l-pestiċidi bl-użu tad-droni, li jxekklu l-iżvilupp u l-użu ta’ din it-teknoloġija innovattiva fl-UE. Fil-laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd (AGRIFISH Council, Agriculture and Fisheries Council) f’Diċembru 2024, diversi Stati Membri appoġġaw dokument 5 li jitlob l-inklużjoni fid-Direttiva ta’ ċerti kriterji biex jiġi ffaċilitat l-użu tad-droni bħal dawk li kienu diġà ġew identifikati fi proposta preċedenti tal-Kummissjoni 6 (li minn dakinhar ’l hawn ġiet irtirata 7 ). Għalhekk, qed jiġi propost li fid-Direttiva tiġi introdotta possibbiltà għall-Istati Membri li jagħtu deroga ġenerali mill-projbizzjoni fuq il-bexx mill-ajru għal ċerti tipi ta’ droni identifikati mill-Kummissjoni f’att delegat. L-applikazzjoni tal-pestiċidi mid-droni tkun soġġetta għall-kundizzjoni li l-prodotti rispettivi għall-protezzjoni tal-pjanti jkollhom jiġu awtorizzati b’mod espliċitu skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għall-applikazzjoni mid-droni. Għalhekk, il-Kummissjoni se tagħti mandat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA, European Food Safety Authority) biex tiżviluppa dokument ta’ gwida dwar il-valutazzjoni tar-riskju għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għall-applikazzjoni mill-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u se tikkonsulta lill-EFSA u lill-Istati Membri fit-tħejjija tal-att delegat li jelenka t-tipi ta’ droni li jistgħu jintużaw għall-bexx mill-ajru. L-applikazzjoni tal-pestiċidi mid-droni tkompli tkun soġġetta wkoll għal rekwiżiti oħra tad-Direttiva, inklużi dawk li jirregolaw it-taħriġ u l-ispezzjoni tat-tagħmir. Barra minn hekk, tkompli tkun soġġetta għal rekwiżiti dettaljati f’leġiżlazzjoni oħra tal-UE 8 , inkluż dwar il-kompetenza ta’ bdoti remoti, il-limitazzjonijiet operazzjonali biex jitnaqqas ir-riskju ppreżentat lin-nies u lil inġenji tal-ajru oħra u l-parametri tekniċi applikabbli għat-tipi ta’ droni użati.

Id-Direttiva 98/58/KE 9 : Is-sidien jew l-indokraturi tal-annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja bħalissa huma meħtieġa jżommu rekords tat-trattamenti mediċinali mogħtija lill-annimali u tan-numru ta’ mortalitajiet bħala parti mid-direttiva orizzontali għall-benesseri tal-annimali miżmuma fil-farms. Żamma simili tar-rekords hija meħtieġa mir-Regolament dwar il-prodotti mediċinali veterinarji u mir-Regolament dwar is-saħħa tal-annimali rispettivament. Filwaqt li l-potenzjal għal iktar simplifikazzjoni għall-bdiewa b’mod ġenerali se jitqies fil-proċess tal-immodernizzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benesseri tal-annimali skont il-Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel 10 , dan l-omnibus diġà se jevita d-duplikazzjoni tar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords għall-bdiewa billi jemenda d-Direttiva 98/58/KE f’dan ir-rigward.

Id-Direttiva 82/711/KEE 11 u d-Direttiva 85/572/KEE 12 : Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 13 jipprevedi l-qafas legali applikabbli għall-materjali u l-oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel. Huwa ssostitwixxa u ħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/109/KEE.

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri speċifiċi għall-materjali u l-oġġetti elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Sakemm il-Kummissjoni tadotta miżura speċifika dwar il-materjali tal-plastik li jiġu f’kuntatt mal-ikel, ir-Regolament Nru 1935/2004 ma ħassarx id-Direttivi tal-Kunsill 82/711/KEE u 85/572/KEE, li stabbilew ir-regoli meħtieġa għall-ittestjar tal-migrazzjoni tal-kostitwenti tal-materjali u l-oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-oġġetti tal-ikel, inkluża l-lista tas-simulanti, li għandhom jintużaw għal dak il-għan għal kategoriji speċifiċi tal-ikel.

 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 14 tal-14 ta’ Jannar 2011 kien ġie adottat bħala miżura speċifika għall-materjali u l-oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f’kuntatt mal-ikel. Ir-Regolament Nru 10/2011 ikopri l-kwistjonijiet regolati mid-Direttivi 82/711/KEE u 85/572/KEE. Għalhekk, huwa xieraq li jitħassru d-Direttivi 82/711/KEE u 85/572/KEE għal raġunijiet ta’ ċertezza legali.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

L-emendi tad-Direttiva 2009/128/KE huma konformi mal-għanijiet ġenerali ta’ dik id-Direttiva, li huma li jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent. Il-faċilitazzjoni ta’ użu akbar tad-droni bis-salvagwardji meħtieġa tippermetti l-applikazzjoni mmirata mill-ajru tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ittejjeb is-sikurezza tal-operaturi u tnaqqas l-użu ġenerali u r-riskju tal-pestiċidi.

Peress li s-salvagwardji għas-saħħa u l-benesseri tal-annimali għadhom fis-seħħ, l-emenda tad-Direttiva 98/58/KE hija konformi mal-objettiv ġenerali ta’ dik id-Direttiva, jiġifieri li jiġi protett il-benesseri tal-annimali fil-farms.

Peress li r-Regolament (UE) Nru 10/2011 ikopri l-kwistjonijiet regolati mid-Direttivi 82/711/KEE u 85/572/KEE, dawk id-Direttivi huma mħassra għal raġunijiet ta’ ċertezza legali.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-kontribut tad-droni għat-tnaqqis tal-pestiċidi permezz ta’ applikazzjoni iktar immirata bħala parti minn agrikoltura ta’ preċiżjoni huwa konsistenti mal-objettiv tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li l-politiki kollha tal-UE jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-preżervazzjoni u r-restawr tal-kapital naturali tal-Ewropa 15 .

Il-Kummissjoni adottat Strateġija 2.0 tad-Droni f’Novembru 2022. Din tinnota li d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija jenħtieġ li ssaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni u tagħti s-setgħa lin-nies b’ġenerazzjoni ġdida ta’ teknoloġiji, u ma tħalli lil ħadd lura, f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Ekosistema vijabbli tad-droni se tikkontribwixxi għall-ingranaġġ tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija Ewropej biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Ewropa Diġitali, f’konformità sħiħa mal-istrateġija l-ġdida għat-tkabbir għall-Ewropa.  16  

L-Istrateġija 2.0 tad-Droni tistabbilixxi viżjoni ċara għall-2030 ta’ operazzjonijiet fuq skala kbira tad-droni awtomatizzati ħafna u konnessi b’mod diġitali, affordabbli, sikuri, siguri u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent f’diversi Stati Membri. Il-viżjoni għandha l-għan li l-industrija tad-droni tal-UE ssir vijabbli u aċċessibbli għaċ-ċittadini u għan-negozji tal-UE b’parteċipazzjoni attiva ta’ atturi ta’ kull daqs. L-ekosistema tad-droni se tipprovdi impjiegi, tippromwovi u tipproteġi l-għarfien teknoloġiku Ewropew u tippermetti opportunitajiet ta’ tkabbir għall-ekonomija tal-UE kollha kemm hi.  17 Emendi mmirati tad-Direttiva 2009/128/KE biex id-droni jkunu jistgħu jintużaw mingħajr il-ħtieġa ta’ applikazzjoni għal deroga individwali, jservu dawn l-għanijiet usa’ ta’ tkabbir ekonomiku.

L-emenda proposta tad-Direttiva 2009/128/KE hija wkoll konformi mal-ambizzjoni tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni u s-simplifikazzjoni biex jitħaffef b’mod radikali l-piż regolatorju għan-nies, għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet, tingħata spinta lill-prosperità u lir-reżiljenza u jiġu sfruttati l-opportunitajiet, l-innovazzjoni u t-tkabbir 18 .

Bl-eliminazzjoni ta’ rekwiżiti paralleli għaż-żamma tar-rekords, l-emenda tad-Direttiva 98/58 tipprevedi qafas iktar simplifikat u koerenti li jissimplifika l-konformità għall-bdiewa u jiżgura bażi legali iktar ċara għall-infurzar mill-awtoritajiet kompetenti. Dan huwa konformi mal-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni biex jitnaqqas il-piż amministrattiv kif ukoll mal-ambizzjoni tagħha li tiżgura konformità aħjar u infurzar effettiv tar-regoli tal-UE dwar il-benesseri tal-annimali.

Billi tħassar id-Direttivi 82/711/KEE u 85/572/KEE, li s-suġġett tagħhom bħalissa huwa regolat mir-Regolament (UE) Nru 10/2011, il-Kummissjoni tqis il-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar u tiggarantixxi ċertezza legali għall-operaturi fil-qasam tal-materjali tal-plastik li jiġu f’kuntatt mal-ikel.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

L-Artikolu 43(2), l-Artikolu 114 u l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, f’oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn l-objettivi tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri. Sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet li jinħolqu mill-piżijiet amministrattivi relatati ma’ proċedura ta’ applikazzjoni individwali għall-applikazzjoni mill-ajru tal-pestiċidi, id-Direttiva 2009/128/KE jeħtieġ li tiġi emendata, li tista’ ssir biss fil-livell tal-UE. Bl-istess mod, biex tiġi eliminata d-duplikazzjoni tar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords dwar il-mortalitajiet u l-użu ta’ mediċini veterinarji, id-Direttiva 98/58/KE trid tiġi emendata, li tista’ wkoll issir biss fil-livell tal-UE. Fl-aħħar nett, ir-revoka tad-Direttivi 82/711/KEE u 85/572/KEE biex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali tista’ tinkiseb biss fil-livell tal-UE. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa rrispettat.

•Proporzjonalità

L-inizjattiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta’ simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż, mingħajr ma titnaqqas il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

Il-proposta temenda d-Direttiva 2009/128/KE, id-Direttiva 98/58/KE biss sal-punt meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi deskritti hawn fuq.

Id-Direttivi 82/711/KEE u 85/572/KEE huma mħassra iżda s-suġġett tagħhom bħalissa huwa regolat mir-Regolament (UE) Nru 10/2011.

•Għażla tal-istrument

Il-proposta għal reviżjoni hija proposta leġiżlattiva, peress li d-Direttivi rilevanti li għandhom jiġu emendati/imħassra ġew adottati permezz ta’ proċedura ta’ kodeċiżjoni/ proċedura leġiżlattiva ordinarja. Peress li din il-proposta leġiżlattiva omnibus temenda żewġ direttivi u tħassar żewġ direttivi oħra, Direttiva hija l-iktar strument legali xieraq.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Din il-proposta hija akkumpanjata minn dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jinkludi ħarsa ġenerali dettaljata tal-impatti pożittivi tal-emendi proposti tad-Direttivi 2009/128/KE u 98/58/KE, abbażi tad-data u l-informazzjoni eżistenti miġbura matul is-sejħa għal evidenza u l-analiżijiet preċedenti. Din tinkludi l-użu ta’ evalwazzjoni ex post tad-Direttiva 2009/128/KE li twettqet bejn Mejju 2020 u Ġunju 2022 19 bħala parti minn evalwazzjoni kombinata u valutazzjoni tal-impatt għar-reviżjoni possibbli tagħha.

Ir-revoka tad-Direttivi 82/711/KEE u 85/572/KEE ma teħtieġ la valutazzjoni tal-impatt, u lanqas konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati peress li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi huma sostitwiti b’atti legali iktar reċenti.

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Wara l-kontroll tal-idoneità mill-Kummissjoni, konkluż fl-2022, il-partijiet ikkonċernati qajmu tħassib dwar il-piż amministrattiv ikkawżat mil-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar il-benesseri tal-annimali. Pereżempju, fil-konsultazzjoni pubblika li appoġġat il-kontroll tal-idoneità, 75 % tal-kumpaniji u tal-organizzazzjonijiet tan-negozju (495 minn 660) qiesu li r-regoli attwali dwar il-benesseri tal-annimali huma ta’ piż kbir wisq u/jew għaljin wisq għall-bdiewa. Fl-intervisti mal-partijiet ikkonċernati li twettqu wkoll b’appoġġ għall-kontroll tal-idoneità, organizzazzjoni tan-negozju waħda rreferiet speċifikament għall-problemi relatati maż-żamma tar-rekords fil-livell tal-farms f’dan ir-rigward 20 . Kif ġie nnotat hawn fuq, il-piż amministrattiv tad-derogi individwali ġie identifikat bħala l-iktar piż sinifikanti fl--evalwazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE li saret fl-2022 21 .

Dan ma huwiex applikabbli għar-revoka tad-Direttivi 82/711/KEE u 85/572/KEE għar-raġunijiet spjegati hawn fuq.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Saru suġġerimenti differenti mill-partijiet ikkonċernati għas-simplifikazzjoni dwar it-tneħħija ta’ piż amministrattiv eċċessiv li jirriżulta mill-projbizzjoni tal-bexx mill-ajru skont id-Direttiva 2009/128/KE, u rekwiżiti paralleli għaż-żamma tar-rekords tat-trattamenti mediċinali u l-mortalitajiet tal-annimali skont id-Direttiva 98/58/KE. Barra minn hekk, l-esperjenza bl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE u s-sejbiet tal-awditi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri u abbażi ta’ evalwazzjoni ex post tad-Direttiva 2009/128/KE mwettqa bejn Mejju 2020 u Ġunju 2022 22 kienu l-bażi ta’ informazzjoni għall-mod kif il-Kummissjoni tifhem dan is-suġġett.

Dan ma huwiex applikabbli għar-revoka tad-Direttivi 82/711/KEE u 85/572/KEE għar-raġunijiet spjegati hawn fuq.

•Valutazzjoni tal-impatt

Il-miżuri ta’ simplifikazzjoni proposti huma ta’ natura teknika ħafna. Ma hemm l-ebda alternattiva vijabbli biex jintlaħqu l-objettivi, u l-miżuri proposti la jbiddlu l-objettivi ewlenin tal-politika u lanqas ma jintroduċu obbligi ġodda sinifikanti. Għal dawn ir-raġunijiet, valutazzjoni tal-impatt sħiħa ma twassalx għal valur miżjud. Minflok, il-proposta hija akkumpanjata minn dokument ta’ ħidma tal-persunal analitiku. Id-dokument jispjega b’mod ċar il-miżuri proposti u jippreżenta l-evidenza sottostanti, l-analiżi u l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati, kif ukoll stima tal-iffrankar potenzjali tal-kostijiet.

Barra minn hekk, l-emenda proposta tad-Direttiva 2009/128/KE hija bbażata fuq informazzjoni minn valutazzjoni tal-impatt reċenti 23 mwettqa bejn Mejju 2020 u Ġunju 2022 mill-Kummissjoni fir-rigward tal-proposta għal regolament li issa ġiet irtirata dwar l-użu sostenibbli ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti 24 . 

Dan ma huwiex applikabbli għar-revoka tad-Direttivi 82/711/KEE u 85/572/KEE għar-raġunijiet spjegati hawn fuq.

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din il-proposta hija parti mill-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tħaffef il-piż regolatorju għan-nies, għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet fl-UE biex tagħti spinta lill-prosperità u r-reżiljenza tal-UE. Għalhekk, il-proposta għandha l-għan li tissimplifika d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-ikel u l-għalf, tnaqqas il-piżijiet u l-kostijiet mhux meħtieġa għan-negozji u għall-awtoritajiet, mingħajr ma timmina l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent.

•Drittijiet fundamentali

Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u taderixxi mal-valuri rikonoxxuti fiha. It-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji għandu jwassal għal kisbiet soċjetali f’termini ta’ ħolqien ta’ ġid, ta’ impjiegi u ta’ innovazzjoni. Fl-istess ħin, il-proposta mhux se timmina l-objettiv li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din l-inizjattiva ma timplika l-ebda kost addizzjonali għall-Kummissjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

L-emendi tad-Direttiva 98/58/KE ma jeħtiġux Dokumenti ta’ Spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni peress li jikkostitwixxu rinunzja ta’ obbligi għall-Istati Membri u ma joħolqux dispożizzjonijiet ġodda li għandhom jiġu trasposti fil-liġijiet nazzjonali.

Lanqas l-emendi tad-Direttiva 2009/128/KE ma jeħtieġu dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni peress li l-proposta tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta att delegat fil-futur.

It-tħassir tad-Direttivi 82/711/KEE u 85/572/KEE ma jeħtieġ l-ebda dokument ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni peress li d-dispożizzjonijiet tagħhom ġew issostitwiti bir-Regolament (UE) Nru 10/2011, li huwa direttament applikabbli mid-data tal-applikazzjoni tiegħu.

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

•Id-Direttiva 98/58/KE

Is-sidien jew l-indokraturi tal-annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja bħalissa huma meħtieġa jżommu rekords tat-trattamenti mediċinali mogħtija lill-annimali u tan-numru ta’ mortalitajiet f’konformità mal-punti 5 u 6 tal-Anness tad-Direttiva 98/58/KE. L-Artikolu 108 tar-Regolament (UE) Nru 2019/6 fih rekwiżiti iktar dettaljati għaż-żamma tar-rekords dwar l-użu ta’ prodotti mediċinali għas-sidien jew għall-indokraturi ta’ annimali li jipproduċu l-ikel. L-Artikoli 102(1)(d) u 186(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 2016/429 jeħtieġu li l-operaturi jżommu u jmantnu r-rekords li jkun fihom informazzjoni dwar il-mortalità tal-annimali fl-istabbilimenti tagħhom. L-obbligi imposti jenħtieġ li jiġu ssimplifikati biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords għall-bdiewa. Għalhekk, il-punti 5 u 6 tal-Anness tad-Direttiva 98/58/KE għandhom jitħassru.

•Id-Direttiva 2009/128/KE

Id-definizzjoni ta’ “bexx mill-ajru” fl-Artikolu 3, il-punt 5 tad-Direttiva 2009/128/KE hija aġġornata biex tinkludi referenza speċifika għal sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (droni), u definizzjoni ta’ sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord hija prevista fil-punt 5a l-ġdid tal-Artikolu 3.

L-Artikolu 9a l-ġdid jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jeżentaw ċerti tipi ta’ sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (droni) mill-projbizzjoni tal-bexx mill-ajru prevista fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/128/KE fejn valutazzjoni tkun uriet li r-riskji huma ugwali jew anqas meta mqabbla mar-riskji li jirriżultaw mill-użu ta’ tagħmir ta’ applikazzjoni bbażat fuq l-art għall-istess użu. Din l-eżenzjoni se ssir possibbli, ladarba l-Kummissjoni tkun adottat atti delegati li jidentifikaw it-tipi ta’ droni li jissodisfaw dan ir-rekwiżit. Il-Kummissjoni se tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati.

•Id-Direttivi 82/711/KEE u 85/572/KEE

Id-Direttivi 82/711/KEE u 85/572/KEE huma mħassra peress li r-Regolament (UE) Nru 10/2011 jirregola s-suġġett tagħhom mid-data tal-applikazzjoni tiegħu.

2025/0409 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE u d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-simplifikazzjoni u t-tisħiħ tar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-ikel u l-għalf, u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 82/711/KEE u 85/572/KEE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 114 u l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 tistabbilixxi l-qafas legali għall-użu sostenibbli tal-pestiċidi (prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti). L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/128/KE jipprevedi projbizzjoni tal-bexx mill-ajru ta’ pestiċidi minn inġenju tal-ajru. L-Artikolu 9(2) sa (6) tiegħu jippermetti derogi individwali minn dik il-projbizzjoni, f’ċerti kundizzjonijiet.

(2)Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/128/KE, l-esperjenza wriet li l-proċedura għal derogi individwali mill-projbizzjoni tal-bexx mill-ajru tal-pestiċidi tinvolvi piż amministrattiv konsiderevoli għall-utenti professjonali u tnaqqas il-pass tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jistgħu jippermettu għażliet iktar sikuri għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent u tillimitah. Ċerti tipi ta’ sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (komunement imsejħa droni) f’kundizzjonijiet partikolari huma kapaċi jimminimizzaw l-esponiment tal-operatur għall-użu tal-pestiċidi fuq il-post u jistgħu jippermettu lill-utenti professjonali japplikaw il-pestiċidi b’modi iktar immirati. Dawn is-sistemi tal-inġenji tal-arju mingħajr bdot abbord x’aktarx li jgħinu biex jitnaqqas l-użu ta’ pestiċidi, u konsegwentement jgħinu biex jitnaqqsu r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent meta mqabbla mal-użu ta’ tagħmir ta’ applikazzjoni bbażat fuq l-art. Għalhekk huwa xieraq li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeżentaw tali tipi ta’ sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord mill-projbizzjoni tal-bexx mill-ajru prevista fid-Direttiva 2009/128/KE f’ċerti kundizzjonijiet.

(3)Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, huwa xieraq li jkun meħtieġ li tali eżenzjoni tkun tista’ tapplika biss jekk il-pestiċidi jkunu awtorizzati espliċitament għall-użu mill-ajru minn sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord. Tali awtorizzazzjoni espliċita ta’ pestiċidi għall-użu mill-ajru minn sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord tiżgura li kwalunkwe riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent mill-esponiment għal tali pestiċidi jiġi vvalutat bir-reqqa bħala parti mill-proċess ta’ awtorizzazzjoni. Peress li l-awtorizzazzjonijiet tal-pestiċidi huma regolati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 , jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti mandat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) biex tiżviluppa dokument ta’ gwida dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi għall-applikazzjoni minn sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 sabiex tiżgura li jkun hemm fis-seħħ qafas robust ta’ salvagwardji.

(4)Il-qafas leġiżlattiv li jirregola t-tħaddim ta’ sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord jinkludi tali atti bħar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill 27 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/947 28 . Dan il-qafas leġiżlattiv ma jidentifikax it-tipi ta’ sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li jistgħu jkunu xierqa għall-użu għall-applikazzjoni mill-ajru tal-pestiċidi minn utenti professjonali. Għalhekk, flimkien mal-iżvilupp ta’ gwida speċifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi li jistgħu jintużaw għall-applikazzjoni minn sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, huwa meħtieġ li jiġu identifikati t-tipi ta’ sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li għandhom riskji iktar baxxi jew ugwali fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent meta mqabbla mar-riskji li jirriżultaw minn tagħmir ta’ applikazzjoni bbażat fuq l-art għall-istess użu.

(5)Sabiex jiġu identifikati t-tipi ta’ sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li jistgħu jintużaw għall-applikazzjoni tal-pestiċidi, is-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tas-supplimentar tad-Direttiva 2009/128/KE biex jiġu identifikati t-tipi ta’ sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li għandhom riskji iktar baxxi jew ugwali meta mqabbla mar-riskji li jirriżultaw minn tagħmir ta’ applikazzjoni bbażat fuq l-art għall-istess użu. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom jenħtieġ li sistematikament ikollhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ tali atti delegati.

(6)Minħabba l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-lakuni perċepiti fl-għarfien u fid-data li jifdal qabel ma jkunu jistgħu jiġu identifikati t-tipi ta’ sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li għandhom riskji iktar baxxi jew ugwali meta mqabbla mar-riskji li jirriżultaw minn tagħmir ta’ applikazzjoni bbażat fuq l-art għall-istess użu, huwa xieraq li l-Kummissjoni tingħata żmien biex tikkonsulta lill-EFSA u lill-Istati Membri fit-tħejjija ta’ att delegat li jidentifika dawk it-tipi ta’ sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li jistgħu jiġu eżentati mill-projbizzjoni tal-bexx mill-ajru. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 20a biex tidentifika tipi ta’ sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li għalihom jista’ jiġi stabbilit li r-riskji mill-esponiment għall-pestiċidi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent huma ugwali jew iktar baxxi minn dawk għall-użu ta’ tagħmir ta’ applikazzjoni bbażat fuq l-art għall-istess użu. L-adozzjoni ta’ dan l-att delegat jenħtieġ li tkun prekundizzjoni għall-possibbiltà li l-Istati Membri jeżentaw tali tipi ta’ sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord mill-projbizzjoni tal-bexx mill-ajru. Sakemm jiġu identifikati t-tipi ta’ sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li jistgħu jiġu eżentati u tittieħed id-deċiżjoni minn Stat Membru li dawk is-sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord identifikati jiġu eżentati mill-projbizzjoni fuq il-bexx mill-ajru, huwa xieraq li utent professjonali jibqa’ jintalab jippreżenta talbiet għall-approvazzjoni tal-bexx mill-ajru mis-sistemi kollha tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord.

(7)Id-Direttiva Nru 98/58/KE tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-protezzjoni ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja. Is-sidien jew l-indokraturi tal-annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja bħalissa huma meħtieġa jżommu rekords tat-trattamenti mediċinali mogħtija lill-annimali u tan-numru ta’ mortalitajiet f’konformità mal-punti 5 u 6 tal-Anness tad-Direttiva 98/58/KE. L-Artikolu 108 tar-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 fih rekwiżiti iktar dettaljati għaż-żamma tar-rekords dwar l-użu ta’ prodotti mediċinali għas-sidien jew għall-indokraturi ta’ annimali li jipproduċu l-ikel. Fl-istess ħin, l-Artikolu 102(1)(d) u l-Artikolu 186(1)(d) tar-Regolament Nru 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 30 jeħtieġu li l-operaturi jżommu u jmantnu r-rekords li jkun fihom informazzjoni dwar il-mortalità tal-annimali fl-istabbilimenti tagħhom. Għalhekk, jeżistu obbligi ta’ rapportar paralleli kemm għall-punt 5 kif ukoll għall-punt 6 tal-Anness tad-Direttiva 98/58/KE. L-obbligi imposti jenħtieġ li jiġu ssimplifikati biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords għall-bdiewa. Għalhekk, il-punti 5 u 6 tal-Anness tad-Direttiva 98/58/KE jenħtieġ li jitħassru.

(8)Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 jipprovdi l-qafas legali applikabbli għall-materjali u l-oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel. L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri speċifiċi għall-materjali u l-oġġetti elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Sakemm isseħħ l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ miżura speċifika dwar il-materjali tal-plastik li jiġu f’kuntatt mal-ikel, ir-Regolament Nru 1935/2004 ma ħassarx id-Direttivi tal-Kunsill 82/711/KEE 31 u 85/572/KEE 32 , li stabbilew ir-regoli meħtieġa għall-ittestjar tal-migrazzjoni tal-kostitwenti tal-materjali u l-oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-oġġetti tal-ikel, inkluża l-lista tas-simulanti li għandha tintuża għal dak il-għan għal kategoriji speċifiċi tal-ikel. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 33 kien ġie adottat bħala miżura speċifika għall-materjali u l-oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel. Peress li r-Regolament tal-Kummissjoni jkopri l-kwistjonijiet regolati mid-Direttivi 82/711/KEE u 85/572/KEE, huwa għalhekk xieraq li jitħassru d-Direttivi 82/711/KEE u 85/572/KEE għal raġunijiet ta’ ċertezza legali.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi tad-Direttiva 2009/128/KE

Id-Direttiva 2009/128/KE hija emendata kif ġej:

(1)l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.‘bexx mill-ajru’ tfisser l-applikazzjoni ta’ pestiċidi minn inġenju tal-ajru bi bdot abbord jew minn sistema tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord;”;

(b)jiddaħħal il-punt 5a li ġej:

“5a.‘sistema tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord’ tfisser kwalunkwe inġenju tal-ajru b’tagħmir għall-applikazzjoni mill-ajru tal-pestiċidi, li jopera b’mod awtonomu jew li jiġi ppilotat mill-bogħod mingħajr bdot abbord;”;

(2)l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu l-ġdid li ġej:

“Tista’ ssir deroga mill-projbizzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu biss f’konformità mal-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu jew mal-Artikolu 9a.”

(b)fil-paragrafu 2, l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu hija ssostitwita b’dan li ġej:

“2.B’deroga mill-paragrafu 1, il-bexx mill-ajru jista’ jkun permess f’każijiet speċjali kemm-il darba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:”;

(3)jiddaħħal l-Artikolu 9a il-ġdid li ġej:

“Artikolu 9a

Bexx mill-ajru tal-pestiċidi minn sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot

1.B’deroga ulterjuri mill-Artikolu 9(1), l-Istati Membri jistgħu, fil-każ ta’ utenti professjonali, jeżentaw mill-projbizzjoni stabbilita f’dak l-Artikolu, il-bexx mill-ajru ta’ pestiċidi minn sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord identifikati skont il-paragrafu 2.

Il-pestiċidi li għandhom jintużaw għall-bexx mill-ajru minn tali sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord għandhom jiġu awtorizzati b’mod espliċitu għal dak l-użu mill-Istat Membru skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 wara valutazzjoni speċifika li tindirizza r-riskji mill-bexx mill-ajru.

2.Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat sa [OP: jekk jogħġbok daħħal id-data = 4 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] f’konformità mal-Artikolu 20a li jissupplimenta din id-Direttiva biex jidentifika t-tipi ta’ sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li għandhom riskji iktar baxxi jew ugwali meta mqabbla mar-riskji li jirriżultaw minn tagħmir ta’ applikazzjoni bbażat fuq l-art għall-istess użu.”;

(4)l-Artikolu 20a huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 20a

Eżerċizzju tad-delega

1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(3), fl-Artikolu 8(7), fl-Artikolu 9a(2), fl-Artikolu 14(4) u fl-Artikolu 15(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ [OP: jekk jogħġbok daħħal id-data = ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn 9 xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ 5 snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 5(3), fl-Artikolu 8(7), fl-Artikolu 9a(2), fl-Artikolu 14(4) u fl-Artikolu 15(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( 6 ).

5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(3), l-Artikolu 8(7), l-Artikolu 9a(2), l-Artikolu 14(4) u l-Artikolu 15(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li ma humiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

Artikolu 2

Emenda tad-Direttiva 98/58/KE

Jitħassru l-punti 5 u 6 tal-Anness I tad-Direttiva 98/58/KE.

Artikolu 3

Tħassir tad-Direttivi 82/711/KEE u 85/572/KEE

1.Id-Direttiva 82/711/KE u d-Direttiva 85/572/KE huma mħassra b’effett minn [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

2.Ir-referenzi għad-Direttivi mħassra għandhom jittieħdu bħala referenzi għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011.

Artikolu 4

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva sa mhux iktar tard minn [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 5 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

2.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-Direttiva sa mhux iktar tard minn [OP: jekk jogħġbok daħħal id-data = sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.]. Meta l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

3.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Viżjoni għall-Agrikoltura u l-Ikel Insawru flimkien settur tal-biedja u tal-ikel attraenti tal-UE għall-ġenerazzjonijiet futuri, COM/2025/75, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52025DC0075 .

(2)    Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71–86, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/2009/128/oj ).
(3)    Id-droni jissejħu “sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord” f’din il-proposta.
(4)

   Study Supporting the Evaluation of Directive 2009/128/EC on the Sustainable Use of Pesticides and Impact Assessment of its possible revision: Final Evaluation Report , p. 78-79.

(5)    Punt fit-taqsima Affarijiet Oħra (AOB, any other business) għal-laqgħa tal-Kunsill “Agrikoltura u Sajd” fid-9 u fl-10 ta’ Diċembru 2024: Il-ħtieġa li tiġi stabbilita leġiżlazzjoni xierqa għall-użu tad-droni biex tikkontribwixxi għar-reżiljenza tas-sistemi agrikoli, https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-16521-2024-INIT/en/pdf
(6)     Il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu sostenibbli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2115 (2022/0196 (COD)).
(7)    Irtirar ta’ Proposti tal-Kummissjoni, ĠU C, C/2024/3117, 6.5.2024, http://data.europa.eu/eli/C/2024/3117/oj .
(8)    Ara pereżempju r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/947 tal-24 ta’ Mejju 2019 dwar ir-regoli   u l-proċeduri għat-tħaddim tas-sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord  (ĠU L 152, 11.6.2019, p. 45); Ir-Regolament Delegat tal- (UE) 2019/945 tat-12 ta’ Marzu 2019 dwar sistemi ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u dwar operaturi ta’ sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord minn pajjiżi terzi (ĠU L 152, 11.6.2019, p. 1).
(9)    Id-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja (ĠU L 221, 8.8.1998, p. 23–27, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/1998/58/oj ).
(10)     https://agriculture.ec.europa.eu/overview-vision-agriculture-food/vision-agriculture-and-food_en
(11)    Id-Direttiva tal-Kunsill 82/711/KEE tat-18 ta’ Ottubru 1982 li tistabbilixxi r-regoli bażiċi meħtieġa għall-ittestjar tal-migrazzjoni tal-kostitwenti ta’ materjali u oġġetti tal-plastik intenzjonati biex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti tal-ikel (ĠU L 297, 23.10.1982, p. 26–30, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/1982/711/oj ).
(12)    Id-Direttiva tal-Kunsill 85/572/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1985 li tistabbilixxi l-lista tas-simulanti sabiex jintużaw għat-testijiet tal-migrazzjoni tal-kostitwenti tal-materjali u l-oġġetti plastiċi maħsuba biex jidħlu f’kuntatt mal-oġġetti ta’ l-ikel, (ĠU L 372, 31.12.1985, p. 14–21, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/1985/572/oj ).
(13)    Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4–17, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2004/1935/oj ).
(14)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 10/2011 tal-14 ta’ Jannar 2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f’kuntatt mal-ikel Test b’rilevanza għaż-ŻEE, (ĠU L 12, 15.1.2011, p. 1–89, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2011/10/oj ).
(15)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” COM/2019/640 final, EUR-Lex - 52019DC0640 - MT - EUR-Lex (europa.eu) .
(16)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija 2.0 tad-Droni għal Ekosistema Intelliġenti u Sostenibbli tal-Inġenji tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord fl-Ewropa, COM(2022) 652 final.
(17)    Ibid.
(18)    Il-Kummissjoni Ewropea 2024-2029, Ewropa iktar sempliċi u iktar rapida : Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni u s-simplifikazzjoni.
(19)

   Ara: Study Supporting the Evaluation of Directive 2009/128/EC on the Sustainable Use of Pesticides and Impact Assessment of its possible revision: Final Evaluation Report .

(20)    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Fitness Check of the EU Animal Welfare Legislation (SWD(2022) 329 final), p. 119.
(21)

   Study Supporting the Evaluation of Directive 2009/128/EC on the Sustainable Use of Pesticides and Impact Assessment of its possible revision: Final Evaluation Report , p. 78-79.

(22)

   Study Supporting the Evaluation of Directive 2009/128/EC on the Sustainable Use of Pesticides and Impact Assessment of its possible revision: Final Evaluation Report .

(23)

   Study Supporting the Evaluation of Directive 2009/128/EC on the Sustainable Use of Pesticides and Impact Assessment of its possible revision: Final Impact Assessment Report .

(24)     Il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu sostenibbli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2115 (2022/0196 (COD)).
(25)    Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71–86, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/2009/128/oj ).
(26)    Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1107/oj ).
(27)    Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1139/oj ).
(28)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/947 tal-24 ta’ Mejju 2019 dwar ir-regoli u l-proċeduri għall-operazzjoni ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (ĠU L 152, 11.6.2019, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/947/oj ).
(29)    Ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE (ĠU L 4, 7.1.2019, p. 43, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2019/6/oj ).
(30)    Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: :  http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj ).
(31)    Id-Direttiva tal-Kunsill 82/711/KEE tat-18 ta’ Ottubru 1982 li tistabbilixxi r-regoli bażiċi meħtieġa għall-ittestjar tal-migrazzjoni tal-kostitwenti ta’ materjali u oġġetti tal-plastik intenzjonati biex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti tal-ikel (ĠU L 297, 23.10.1982, p. 26–30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1982/711/oj ).
(32)    Id-Direttiva tal-Kunsill 85/572/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1985 li tistabbilixxi l-lista tas-simulanti sabiex jintużaw għat-testijiet tal-migrazzjoni tal-kostitwenti tal-materjali u l-oġġetti plastiċi maħsuba biex jidħlu f’kuntatt mal-oġġetti ta’ l-ikel, (ĠU L 372, 31.12.1985, p. 14–21, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1985/572/oj ).
(33)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 10/2011 tal-14 ta’ Jannar 2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f’kuntatt mal-ikel Test b’rilevanza għaż-ŻEE, (ĠU L 12, 15.1.2011, p. 1–89, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/10/oj).