2008D0840 — MT — 09.07.2010 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Novembru 2008

dwar miżuri ta’ emerġenza għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tal-Anoplophora chinensis (Forster)

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6631)

(2008/840/KE)

(ĠU L 300, 11.11.2008, p.36)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tas-7 ta’ Lulju 2010

  L 174

46

9.7.2010




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Novembru 2008

dwar miżuri ta’ emerġenza għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tal-Anoplophora chinensis (Forster)

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6631)

(2008/840/KE)



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità ( 1 ), u b’mod partikolari t-tielet sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Fit-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness I għad-Direttiva 2000/29/KE, hemm elenkati l-Anoplophora malasiaca (Forster) u l-Anoplophora chinensis (Thomson). Studji riċenti sabu li dawk iż-żewġ denominazzjonijiet fil-fatt ikopru speċi waħda ta’ organiżmu perikoluż. Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni għalhekk huwa xieraq li tintuża d-denominazzjoni unika rreveduta u xjentifika tal-Anoplophora chinensis (Forster) biex dak li hemm elenkat f’dak l-Anness jiġi indikat bħala Anoplophora malasiaca (Forster) u Anoplophora chinensis (Thomson).

(2)

Skond id-Direttiva 2000/29/KE, meta Stat Membru jqis li hemm periklu ta’ introduzzjoni jew ta’ tixrid fit-territorju tiegħu ta’ organiżmu perikoluż li mhux elenkat fl-Anness I jew Anness II ta’ dik id-Direttiva, jista’ temporanjament jieħu kwalunkwe miżuri addizzjonali meħtieġa biex jipproteġi lilu nnifsu minn dak il-periklu.

(3)

B’riżultat tal-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster) fuq diversi pjanti li jospitaw organiżmi dannużi fir-reġjun tal-Lombardija, fit-23 ta’ Novembru 2007 l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra li, fid-9 ta’ Novembru 2007, hija kienet adottat miżuri addizzjonali biex tipprevjeni l-introduzzjoni u t-tixrid ulterjuri fit-territorju tagħha ta’ dak l-organiżmu speċifiku.

(4)

B’riżultat tas-sejbiet dwar l-Anoplophora chinensis (Forster) fuq diversi pjanti ospitanti fl-Olanda, fil-21 ta’ Jannar 2008 il-Kummissjoni u Stati Membri oħra ġew infurmati fuq il-miżuri meħuda biex jeqirdu dak l-organiżmu fl-Olanda.

(5)

Riċentement; l-Anoplophora chinensis (Forster) instab f’ħafna kunsinni ta’ pjanti għat-taħwil tal-Acer spp. li joriġina minn pajjiżi terzi. Bħalissa, ma hemm l-ebda rekwiżiti speċjali fir-rigward ta’ dan l-organiżmu perikoluż għall-pjanti tal-Acer spp. u lanqas għal pjanti oħra li huma fost l-iktar pjanti ospiti suxxettibbli, li joriġinaw minn pajjiżi terzi jew fil-Komunità.

(6)

Fl-2008, mill-Olanda ħarġet analiżi tar-riskju ta’ pesti fir-rigward tal-Anoplophora chinensis (Forster), li kkonkludiet li kien probabbli ħafna li l-organiżmu stabbilixxa ruħu fil-Komunità u li hemm potenzjal għoli ta’ danni ekonomiċi għal diversi pjanti ospitanti.

(7)

B’hekk jeħtieġ li jittieħdu miżuri ta’ emerġenza kontra l-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tal-Anoplophora chinensis (Forster). Il-miżuri għandhom japplikaw għal lista ta’ pjanti ta’ kwalunkwe oriġini, il-“pjanti speċifikati”, magħrufa bħala ospiti tal-Anoplophora chinensis (Forster) u li jippreżentaw l-ogħla riskju li jiġu infestati.

(8)

Għandhom jiġu ddefiniti miżuri għall-importazzjoni ta’ pjanti speċifikati fir-rigward tal-produzzjoni tagħhom f’pajjiżi terzi u spezzjonijiet mad-dħul fil-Komunità. Għandhom jiġu ddefiniti miżuri wkoll għall-produzzjoni, iċ-ċaqliq u l-kontroll ta’ pjanti speċifikati li joriġinaw f’oqsma fil-Komunità fejn hija kkonfermata l-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster).

(9)

Għandhom jiġu stabbiliti miżuri ddettaljati f’żoni fil-Komunità fejn hija kkonfermata l-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster), jigifieri ż-żoni infestati. F’dawk iż-żoni, għandhom japplikaw miżuri xierqa biex jinqered l-organiżmu u jsir monitoraġġ intensiv tal-preżenza tiegħu. Fiż-żoni madwar żoni bħal dawn, jiġifieri fiż-żoni ta’ lqugħ, għandu jsir monitoraġġ intensiv għall-preżenza tal-organiżmu. Fil-każ tal-ewwel lokalizzazzjoni tal-organiżmu f’żona fil-Komunità, id-daqs taż-żona ta’ lqugħ jista’ jitnaqqas biex jirrifletti aħjar r-riskju iktar limitat għat-tixrid.

(10)

Għandu jsir stħarriġ biex tiġi vverifikata l-preżenza jew l-assenza kontinwa tal-Anoplophora chinensis (Forster) fuq il-pjanti kollha fl-Istati Membri kollha.

(11)

Huwa xieraq li l-miżuri jiġu rreveduti sal-31 ta’ Mejju 2009 filwaqt li titqies id-disponibbiltà, wara staġun wieħed ta’ tkabbir, tar-riżultati tal-istħarriġiet u tal-kontrolli uffiċjali mill-Istati Membri ta’ pjanti speċifikati impurtati li qegħdin jiġu ttrasportati ġewwa l-Komunità fuq miżuri ta’ emergenża.

(12)

L-Istati Membri għandhom jadottaw, jekk jinħtieġ, il-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni.

(13)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-għan ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “pjanti speċifikati” tfisser pjanti għat-taħwil, minbarra żrieragħ, ta’ Acer spp., Aesculus hippocastanum, Alnus spp., Betula spp., Carpinus spp., Citrus spp., Corylus spp., Cotoneaster spp., Fagus spp., Lagerstroemia spp., Malus spp., Platanus spp., Populus spp., Prunus spp., Pyrus spp., Salix spp., u Ulmus spp.;

(b) “post tal-produzzjoni” tfisser il-post tal-produzzjoni kif imfisser fl-Istandard Internazzjonali għal Miżuri Fitosanitarji Nru 5 approvat mill-FAO ( 2 ).

▼M1

Artikolu 2

Importazzjoni tal-pjanti speċifikati minn pajjiżi terzi ħlief iċ-Ċina

Fir-rigward tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi fejn hu magħruf li l-Anoplophora chinensis (Forster) hija preżenti, minbarra ċ-Ċina, il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu introdotti biss fl-Unjoni jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti speċifiċi tal-importazzjoni kif imniżżla f'punt (1) tat-Taqsima I(A) tal-Anness I;

(b) jekk, bla ħsara għall-Artikolu 13a(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, mad-dħul ġewwa l-Unjoni dawn jiġu spezzjonati mill-korp uffiċjali responsabbli skont il-punt (2) tat-Taqsima I(A) tal-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni għall-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster), u ma jinstab l-ebda sinjal ta’ dak l-organiżmu.

Artikolu 2a

Importazzjoni tal-pjanti speċifikati miċ-Ċina

1.  Fir-rigward ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina, il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu introdotti biss fl-Unjoni jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti speċifiċi tal-importazzjoni kif imniżżla f'punt (1) tat-Taqsima I(B) tal-Anness I;

(b) jekk, bla ħsara għall-Artikolu 13a(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, mad-dħul ġewwa l-Unjoni dawn jiġu spezzjonati mill-korp uffiċjali responsabbli skont il-punt (2) tat-Taqsima I(B) tal-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni għall-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster), u ma jinstab l-ebda sinjal ta’ dak l-organiżmu;

(c) il-post ta’ produzzjoni ta’ dawk il-pjanti:

(i) ikollu numru ta’ reġistrazzjoni uniku assenjat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti taċ-Ċina,

(ii) ikun inkluż fl-iktar verżjoni riċenti tar-reġistru kkomunikat mill-Kummissjoni lill-Istati Membri skont il-paragrafu 3,

(iii) ma jkunx, fis-sentejn ta’ qabel, suġġett ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri tat-tneħħija mir-reġistru skont il-paragrafu 3, u

(iv) ma jkunx, fis-sentejn ta’ qabel, suġġett ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri kif hemm imsemmi fil-paragrafu 4 jew il-paragrafu 5.

2.  Madankollu, il-pjanti ta’ Acer spp. ma għandhomx ikunu introdotti fl-Unjoni sat-30 ta’ April 2012.

Mill-1 ta’ Mejju 2012, il-paragrafu 1 għandu japplika għall-pjanti ta’ Acer spp

3.  Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri r-reġistru ta’ postijiet ta’ produzzjoni fiċ-Ċina li l-organizzazzjoni nazzjonali tagħha għall-ħarsien tal-pjanti stabbiliet bħala konformi mal-punt (1)(b) tat-Taqsima I(B) tal-Anness I.

Fejn dik l-organizzazzjoni taġġorna r-reġistru minħabba t-tneħħija ta’ post ta’ produzzjoni jew minħabba li dik l-organizzazzjoni tkun sabet li l-post ta’ produzzjoni ma għadux konformi mal-punt (1)(b) tat-Taqsima I(B) tal-Anness I jew minħabba li l-Kummissjoni tkun infurmat liċ-Ċina bl-evidenza tal-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster) mal-wasla ta’ pjanti speċifikati minn wieħed minn dawk il-postijiet ta’ produzzjoni, u ċ-Ċina tagħmel il-verżjoni aġġornata tar-reġistru disponibbli għall-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-verżjoni aġġornata tar-reġistru lill-Istati Membri permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-internet.

Fejn dik l-organizzazzjoni taġġorna r-reġistru billi tinkludi post ta’ produzzjoni minħabba li dik l-organizzazzjoni tkun sabet li l-post ta’ produzzjoni hu konformi mal-punt (1)(b) tat-Taqsima I(B) tal-Anness I u ċ-Ċina tagħmel il-verżjoni aġġornata tar-reġistru disponibbli lill-Kummissjoni kif ukoll l-informazzjoni meħtieġa li tispjega dan, il-Kummissjoni għandha tikkomunika din il-verżjoni aġġornata u, fejn xieraq, dik l-informazzjoni ta’ spjegazzjoni lill-Istati Membri permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-internet.

Permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-internet, il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-reġistru u l-aġġornamenti tiegħu disponibbli għall-pubbliku.

4.  Meta matul spezzjoni fil-post ta’ produzzjoni rreġistrat, kif stipulat fil-punti (ii), (iii) u (iv) tal-punt (1)(b) tat-Taqsima I(B) tal-Anness I, l-organizzazzjoni Ċiniża għall-ħarsien tal-pjanti ssib evidenza tal-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster) u l-Kummissjoni tiġi nnotifikata b'dan miċ-Ċina, il-Kummissjoni għandha minnufih tikkomunika b'dan l-iżvilupp lill-Istati Membri permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-internet.

Permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-internet, il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

5.  Fejn il-Kummissjoni jkollha xhieda minn sorsi oħra minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 li l-post ta’ produzzjoni elenkat fir-reġistru ma għadux konformi mal-punt (1)(b) tat-Taqsima I(B) tal-Anness I jew li l-Anoplophora chinensis (Forster ) instab fuq il-pjanti speċifiċi impurtati minn tali post ta’ produzzjoni, din għandha tikkomunika l-informazzjoni dwar dak il-post ta’ produzzjoni lill-Istati Membri permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-internet.

Permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-internet, il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

▼B

Artikolu 3

Movimenti ta’ pjanti speċifikati ġewwa l-Komunità

Pjanti speċifikati li joriġinaw f’oqsma demarkati ġewwa l-Komunità stabbiliti skond l-Artikolu 5 jistgħu jiġu ttrasportati ġewwa l-Komunità biss jekk jilħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (1) tat-Taqsima II tal-Anness I.

Pjanti speċifikati impurtati skond l-Artikolu 2 mill-pajjiżi terzi fejn huwa magħruf li hemm preżenti l-Anoplophora chinensis (Forster), jistgħu jiġu ttrasportati fil-Komunità biss jekk jilħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Punt (2) tat-Taqsima II tal-Anness I.

Artikolu 4

Stħarriġiet

L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġiet uffiċjali kull sena għall-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster) jew għall-evidenza ta’ infestazzjonijiet minn dak l-organiżmu fuq il-pjanti ospitanti fit-territorji tagħhom.

Bla ħsara għall-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, ir-riżultati ta’ dawk l-istħarriġiet flimkien mal-lista u d-delimitazzjoni ta’ żoni demarkati msemmija fl-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra sat-30 ta’ April ta’ kull sena.

Artikolu 5

Żoni demarkati

Meta r-riżultati tal-istħarriġiet imsemmija fl-Artikolu 4 jikkonfermaw il-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster) ġewwa żona, jew b’xi mezzi oħra tinstab evidenza tal-preżenza ta’ dak l-organiżmu, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-oqsma demarkati, li għandhom jikkonsistu minn żona infestata u żona ta’ lqugħ, bi qbil mat-Taqsima 1 tal-Anness II.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri uffiċjali fiż-żoni demarkati kif stipulat fit-Taqsima 2 tal-Anness II.

Artikolu 6

Konformità

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni u, jekk huwa meħtieġ, jemendaw il-miżuri li kienu adottaw biex jipproteġu lilhom infushom kontra l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Anoplophora chinensis (Forster) b’tali mod li dawk il-miżuri jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih b’dawk il-miżuri.

Artikolu 7

Analiżi

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi rreveduta sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2009.

Artikolu 8

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

MIŻURI TA’ EMERĠENZA MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 2 U 3

▼M1

I.    Rekwiżiti speċifiċi dwar l-importazzjoni

A. –    Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ħlief iċ-Ċina

(1) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet elenkati fl-Anness III, il-Parti A(9, 16, 18) u l-Anness IV, il-Parti A(I)(14, 15, 17, 18, 19.2, 20, 22.1, 22.2, 23.1, 23.2, 32.1, 32.3, 33, 34, 36.1, 39, 40, 43, 44, 46) tad-Direttiva 2000/29/KE, il-pjanti speċifikati li joriġinaw minn pajjiżi terzi, apparti ċ-Ċina, u fejn hi magħrufa l-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster), għandhom ikunu akkumpanjati b’ċertifikat kif imniżżel fl-Artikolu 13(1) ta’ dik id-Direttiva li taħt it-taqsima “Dikjarazzjoni addizzjonali” jiddikjara:

(a) li l-pjanti ġew imkabbra tul ħajjithom kollha f'post ta’ produzzjoni li hu rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti fil-pajjiż tal-oriġini u li jinsabu f'żona ħielsa minn insetti stabbilita minn dik l-organizzazzjoni skont l-Istandards Internazzjonali rilevanti għall-Miżuri Fitosanitarji. L-isem taż-żona ħielsa mill-insetti għandha tissemma taħt it-taqsima “post ta” oriġini’; jew

(b) li l-pjanti jkunu tkabbru, waqt perijodu ta’ mill-inqas sentejn qabel l-esportazzjoni, f'post ta’ produzzjoni stabbilit bħala ħieles mill-Anoplophora chinensis (Forster) skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji:

(i) li jkun reġistrat u sorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti fil-pajjiż tal-oriġini, u

(ii) li kull sena jkun ġie suġġett għal tal-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali għal sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster) li jkunu saru fi żmien xieraq u ma jkunu nstabu l-ebda sinjali tal-organiżmu; kif ukoll

(iii) fejn il-pjanti jkunu tkabbru f’post:

— bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni tal-Anoplophora chinensis (Forster); jew

— bl-applikazzjoni ta’ trattamenti preventivi xierqa u mdawra b’żona ta’ lqugħ b'raġġ ta’ mill-inqas żewġ kilometri fejn isiru darba fis-sena u fi żmien xieraq l-istħarriġiet uffiċjali għall-preżenza jew għas-sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster). Fil-każ li jinstabu sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster), għandhom jittieħdu miżuri preventivi biex iż-żona ta’ lqugħ tinħeles mill-ġdid mill-insetti; u

(iv) fejn, immedjatament qabel l-esportazzjoni, il-kunsinni tal-pjanti jkunu suġġetti għal spezzjoni uffiċjali metikoluża għall-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster), b’mod partikolari fl-għeruq u z-zkuk tal-pjanti. Din l-ispezzjoni għandha tinkludi l-kampjun distruttiv fil-mira. Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti għall-inqas l-iskoperta ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni bil-livell ta’ fiduċja ta’ 99 %.

(2) Pjanti speċifikati impurtati skont il-punt (1) għandhom jiġu spezzjonati b’mod metikoluż fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE ( 3 ). Il-metodi ta’ spezzjoni applikati għandhom jiżguraw il-lokalizzazzjoni ta’ kwalunkwe sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster), b’mod partikolari fl-għeruq u z-zkuk tal-pjanti. Din l-ispezzjoni għandha tinkludi l-kampjun distruttiv fil-mira. Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti għall-inqas l-iskoperta ta’ livell ta’ 1% ta’ infestazzjoni bil-livell ta’ fiduċja ta’ 99 %.

B. –    Importazzjoni miċ-Ċina

(1) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet elenkati fl-Anness III, il-Parti A(9, 16, 18) u l-Anness IV, il-Parti A(I)(14, 15, 17, 18, 19.2, 20, 22.1, 22.2, 23.1, 23.2, 32.1, 32.3, 33, 34, 36.1, 39, 40, 43, 44, 46) tad-Direttiva 2000/29/KE, pjanti speċifikati li joriġinaw fiċ-Ċina għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) ta’ dik id-Direttiva li tiddikjara taħt it-Taqsima “Dikjarazzjoni Addizzjonali” li:

(a) l-pjanti ġew imkabbra tul ħajjithom kollha f'post ta’ produzzjoni li hu rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti fiċ-Ċina u li jinsabu f'żona ħielsa mill-insetti stabbilita minn dik l-organizzazzjoni skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji rilevanti. L-isem taż-żona ħielsa mill-insetti għandha tissemma taħt it-taqsima “post ta” oriġini’; jew

(b) l-pjanti jkunu tkabbru, waqt perijodu ta’ mill-inqas sentejn qabel l-esportazzjoni, f'post ta’ produzzjoni stabbilit bħala ħieles mill-Anoplophora chinensis (Forster) skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji:

(i) li jkunu reġistrat u sorveljati mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti; kif ukoll

(ii) li kull sena jkunu ġew suġġetti għal tal-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali għal sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster) li jsiru fi żmien xieraq u ma jkunu nstabu l-ebda sinjali tal-organiżmu; u

(iii) fejn il-pjanti jkunu tkabbru f’post:

— bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni tal-Anoplophora chinensis (Forster); jew

— bl-applikazzjoni ta’ trattamenti preventivi xierqa u mdawra b’żona ta’ lqugħ b' raġġ ta’ mill-inqas żewġ kilometri fejn isiru darba fis-sena u fi żmien xieraq l-istħarriġiet uffiċjali għall-preżenza jew is-sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster). Fil-każ li jinstabu sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster), għandhom jittieħdu miżuri preventivi biex iż-żona ta’ lqugħ tinħeles mill-ġdid mill-insetti; u

(iv) fejn, immedjatament qabel l-esportazzjoni, il-kunsinni tal-pjanti jkunu suġġetti għal spezzjoni uffiċjali metikoluża, inklużi l-kampjuni distruttivi fil-mira fuq kull lott, għall-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster), b’mod partikolari fl-għeruq u z-zkuk tal-pjanti.

Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti għall-inqas l-iskoperta ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni bil-livell ta’ fiduċja ta’ 99 %.

(c) in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-post ta’ produzzjoni.

(2) Pjanti speċifikati impurtati skont il-punt (1) għandhom jiġu spezzjonati b’mod metikoluż fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skont id-Direttiva 2004/103/KE. Il-metodi ta’ spezzjoni applikati, inklużi l-kampjuni distruttivi fil-mira fuq kull lott, għandhom jiżguraw il-lokalizzazzjoni ta’ kwalunkwe sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster), b’mod partikolari fl-għeruq u z-zkuk tal-pjanti. Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti għall-inqas l-iskoperta ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni bil-livell ta’ fiduċja ta’ 99 %.

Il-kampjunar distruttiv imsemmi fl-ewwel paragrafu għandu jsir fuq il-livell stabbilit fit-tabella li ġejja:



Numru ta’ pjanti fil-lott

Livell ta’ kampjunar distruttiv (numru ta’ pjanti li għandhom jinqatgħu)

1 – 4 500

10 % tad-daqs tal-lott

> 4 500

450

▼B

II.   Kundizzjonijiet għall-moviment

(1) Pjanti speċifikati li joriġinaw f’oqsma demarkati ġewwa l-Komunità jistgħu jiġu mċaqilqa ġewwa l-Komunità biss jekk ikunu akkumpanjati minn passaport imħejji u maħruġ skond id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE ( 4 ) u jkunu tkabbru għal perijodu ta’ mill-inqas sentejn qabel ma jiċċaqilqu għal post tal-produzzjoni:

(i) li jiġi rreġistrat skond id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/90/KEE ( 5 ) kif ukoll

(ii) li jkun ġie suġġett għal żewġ spezzjonijiet uffiċjali ta’ kull sena għal kwalunkwe sinjal tal-Anoplophora chinensis (Forster) li jsiru fi żminijiet xierqa u ma jkunu nstabu l-ebda sinjali tal-organiżmu; fejn jixraq, din l-ispezzjoni għandha tinkludi kampjunar distruttiv u

(iii) fejn il-pjanti jkunu tqiegħdu f’post:

— bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni tal-Anoplophora chinensis (Forster); jew

— bl-applikazzjoni ta’ trattamenti preventivi xierqa u mdawra b’żona ta’ lqugħ b’raġġ ta’ mill-inqas żewġ kilometri lil hinn mill-konfini taż-żona infestata fejn isiru darba fis-sena u fi żminijiet xierqa l-istħarriġiet uffiċjali għall-preżenza jew sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster). Fil-każ li jinstabu sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster) għandhom minnufih jittieħdu miżuri ta’ eradikazzjoni biex iż-żona ta’ lqugħ tinħeles mill-ġdid mill-pesti.

(2) Pjanti speċifikati importati minn pajjiżi terzi fejn hija magħrufa l-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster) skond it-Taqsima I jistgħu jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità biss jekk jiġu akkumpanjati mill-passaport tal-pjanti msemmi fil-punt (1).




ANNESS II

MIŻURI TA’ EMERĠENZA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 5

1.   Definizzjoni ta’ żoni demarkati

(a) Iż-żoni demarkati li jissemmew fl-Artikolu 5 għandhom jikkonsistu mill-partijiet li ġejjin:

(i) żona infestata fejn il-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster) ġiet ikkonfermata u li tinkludi l-pjanti kollha li juru sintomi kkawżati mill-Anoplophora chinensis (Forster), u, fejn jixraq, il-pjanti kollha li jagħmlu parti mill-istess lott fiż-żmien taż-żrigħ,

(ii) żona ta’ lqugħ li l-konfini tagħha jkun tal-anqas żewġ kilometri 'l bogħod minn dik taż-żona infestata.

(b) Id-delimitazzjoni eżatta taż-żoni msemmija fil-punt (a) għandha tkun ibbażata fuq prinċipji xjentifiċi sodi, il-bijoloġija tal-Anoplophora chinensis (Forster), il-livell ta’ infestazzjoni, id-distribuzzjoni partikolari tal-pjanti speċifikati fiż-żona u evidenza tal-istabbiliment tal-organiżmu perikoluż. Fil-każ tal-ewwel lokalizzazzjoni tal-organiżmu ġewwa żona, u wara stħarriġ ta’ delimitazzjoni, ir-raġġ taż-żona ta’ lqugħ tista’ titnaqqas għal mhux inqas minn kilometru lil hinn mill-konfini taż-żona infestata.

(c) Jekk il-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster) tiġi kkonfermata barra miż-żona infestata, id-delimitazzjonijiet taż-żoni demarkati għandhom jitbiddlu skond dan, jew għandhom jittieħdu miżuri immedjati biex iż-żona ta’ lqugħ tinħeles mill-pesti.

(d) Jekk, skond l-istħarriġiet annwali msemmija fil-punt 2(b), l-Anoplophora chinensis (Forster) ma jkunx ġie llokalizzat f’żona demarkata għal perijodu ta’ erba’ snin, din id-demarkazzjoni għandha titneħħa u l-miżuri msemmija f’punt 2 ta’ dan l-Anness ma għandhomx jibqgħu japplikaw.

2.   Miżuri f’żoni demarkati

Il-miżuri uffiċjali li jissemmew fl-Artikolu 5 li għandhom jittieħdu fiż-żoni demarkati għandhom jinkludu tal-anqas dan li ġej:

(a) fiż-żona infestata, miżuri xierqa bil-għan li jeqirdu l-Anoplophora chinensis (Forster), inkluż il-qtugħ u l-qerda tal-pjanti infestati u pjanti b’sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster), inklużi l-għeruq kull sena qabel it-30 ta’ April;

(b) fiż-żona infestata u fiż-żona ta’ lqugħ, il-monitoraġġ intensiv għall-preżenza tal- Anoplophora chinensis (Forster) permezz ta’ spezzjonijiet li jsiru ta’ kull sena fuq il-pjanti ospitanti tal-organiżmu fi żminijiet xierqa.



( 1 ) ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

( 2 ) Glossarju ta’ Termini Fitosanitarji – Standard ta’ Referenza ISPM Nru. 5 mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma.

( 3 ) ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16.

( 4 ) ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22.

( 5 ) ĠU L 344, 26.11.1992, p. 38.