|
1.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 403/1 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2020/1785
tas-16 ta’ Novembru 2020
li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji mill-2021 sal-2027
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkonsulta lill-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
|
(1) |
Is-sitwazzjoni ġeografika eċċezzjonali tal-Gżejjer Kanarji rigward is-sorsi tal-provvista ta’ ċerti prodotti tas-sajd li huma essenzjali għall-konsum domestiku tinvolvi spejjeż addizzjonali għal dan is-settur. Dan it-tfixkil naturali, kif rikonoxxut fl-Artikolu 349 tat-Trattat, li jirriżulta mill-insularità, il-bogħod u l-pożizzjoni ultraperifika tal-Gżejjer Kanarji jista’ jiġi indirizzat, fost l-oħrajn, billi jiġu sospiżi temporanjament id-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti inkwistjoni minn pajjiżi terzi fi ħdan il-kwoti tariffarji tal-Unjoni ta’ volum xieraq. |
|
(2) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1412/2013 (2) fetaħ u ppreveda l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020. |
|
(3) |
F’Lulju 2019, il-Kummissjoni ppreżentat eżami tal-impatt tal-miżuri lill-Kunsill, fejn ipprovdiet għażliet għall-perijodu wara l-31 ta’ Diċembru 2020. |
|
(4) |
L-eżami wera li r-rata tal-użu tal-kwoti 09.2997 u 09.2651 kienet sinifikanti. Taħt il-kwota 09.2651, il-kodiċi NM 0308 ma ntużax. |
|
(5) |
Kwoti tariffarji simili għal dawk miftuħa bir-Regolament (UE) Nru 1412/2013 għal ċerti prodotti tas-sajd huma ġġustifikati peress li jkopru l-ħtiġijiet tas-suq domestiku tal-Gżejjer Kanarji, filwaqt li jiżguraw li l-flussi tal-importazzjonijiet bla dazju fl-Unjoni jibqgħu prevedibbli u identifikabbli b’mod ċar. |
|
(6) |
Għalhekk, bl-għan li l-operaturi ekonomiċi jingħataw perspettiva fit-tul biex jilħqu livell ta’ attività li jistabbilizza l-ambjent ekonomiku u soċjali tal-Gżejjer Kanarji, jixraq li r-reġim tal-kwoti tariffarji awtonomi tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni għal ċerti prodotti elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament, jiġi estiż għal perijodu addizzjonali. |
|
(7) |
Sabiex jiġi evitat li tiġi pperikolata l-integrità u l-koerenza tas-suq intern, jenħtieġ li jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-prodotti tas-sajd li għalihom tingħata sospensjoni jkunu maħsuba biss għas-suq domestiku tal-Gżejjer Kanarji. |
|
(8) |
Jenħtieġ li jittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tinżamm infurmata regolarment bil-volum tal-importazzjonijiet inkwistjoni sabiex, jekk ikun meħtieġ, tkun tista’ tieħu passi biex tipprevjeni kwalunkwe moviment spekulattiv jew devjazzjoni tal-kummerċ. |
|
(9) |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni li jippermettu lill-Kummissjoni tirtira temporanjament is-sospensjoni fil-każ ta’ devjazzjoni tal-kummerċ. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Madankollu d-deċiżjoni aħħarija dwar jekk is-sospensjoni jenħtieġx li tinżamm jew tiġi rtirata definittivament, jenħtieġ li tittieħed mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 349 tat-Trattat waqt il-perijodu ta’ żmien li fih is-sospensjoni hija temporanjament irtirata mill-Kummissjoni. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżguraw il-kontinwità wara li jiskadi r-Regolament (UE) Nru 1412/2013. Għalhekk, jixraq li jiġu applikati l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027, id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni applikabbli għall-importazzjonijiet fil-Gżejjer Kanarji tal-prodotti tas-sajd elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament għandhom ikunu sospiżi kompletament għall-kwantitajiet indikati f’dak l-Anness.
2. Is-sospensjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata esklussivament għall-prodotti maħsuba għas-suq domestiku tal-Gżejjer Kanarji. Din għandha tapplika biss għall-prodotti tas-sajd li jinħattu minn bastiment jew inġenju tal-ajru qabel ma d-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet doganali fil-Gżejjer Kanarji.
Artikolu 2
Il-kwoti tariffarji msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu ġestiti f’konformità mal-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (4).
Artikolu 3
Sat-30 ta’ Ġunju 2026, l-awtoritajiet kompetenti Spanjoli għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 1. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-impatt ta’ dawk il-miżuri u, filwaqt li tqis is-sejbiet tagħha, għandha tippreżenta lill-Kunsill kwalunkwe proposta rilevanti għall-perijodu wara l-2027.
Artikolu 4
1. Meta l-Kummissjoni jkollha raġunijiet biex temmen li s-sospensjonjiet previsti f’dan ir-Regolament wasslu għal devjazzjoni tal-kummerċ ta’ prodott speċifiku, hija tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni, li jirtiraw is-sospensjoni temporanjament għal perijodu mhux itwal minn 12-il xahar. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(2).
Il-ħlas tad-dazji tal-importazzjoni għall-prodotti li għalihom is-sospensjoni tkun ġiet irtirata temporanjament, għandhom ikunu koperti b’garanzija, u r-rilaxx tal-prodotti kkonċernati għaċ-ċirkolazzjoni libera fil-Gżejjer Kanarji għandu jkun bil-kundizzjoni li tingħata din il-garanzija.
2. Fil-perijodu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni aħħarija f’konformità mal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar jekk iżommx jew jirtirax definittivament is-sospensjoni msemmija fil-paragrafu 1. Jekk is-sospensjoni tiġi rtirata definittivament, l-ammonti tad-dazji koperti b’garanziji għandhom jinġabru definittivament.
3. Jekk ma tiġi adottata l-ebda deċiżjoni definittiva fil-perijodu massimu ta’ 12-il xahar f’konformità mal-paragrafu 2, il-garanziji ta’ kopertura għandhom jiġu rilaxxati.
Artikolu 5
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, stabbilit permezz tal-Artikolu 285 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 6
Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw il-ġestjoni u l-kontroll xierqa tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 7
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Novembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) Opinjoni tad-29 ta’ Ottubru 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1412/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal importazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji mill-2014 sal-2020 (ĠU L 353, 28.12.2013, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
ANNESS
|
Nru tal-Ordni |
Kodiċi NM |
Deskrizzjoni |
Ammont annwali tal-kwota (tunnellati) |
Dazju fuq il-kwota |
|
09.2997 |
0303 |
Ħut iffriżat, ħlief fletti ta’ ħut u laħam ieħor tal-ħut tal-intestatura 0304 |
15 000 |
0 % |
|
|
0304 |
Fletti ta’ ħut u laħam ieħor tal-ħut (kapuljat jew mhuwiex), frisk, imkessaħ jew iffriżat |
0 % |
|
|
09.2651 |
0306 |
Krustaċji, kemm jekk fil-qoxra u kemm jekk le, ħajjin, friski, imkessħin, iffriżati, imnixxfin, immellħin jew fis-salmura; krustaċji affumikati, kemm jekk fil-qoxra u kemm jekk le, kemm jekk imsajrin qabel jew matul il-proċess ta’ affumikazzjoni; krustaċji, fil-qoxra, imsajrin bil-fwar jew mgħollijin fl-ilma, kemm jekk imkessħin u kemm jekk le, iffriżati, imnixxfin, immellħin jew fis-salmura; dqiq, frakass u gerbub ta’ krustaċji, tajbin għall-konsum mill-bniedem |
15 000 |
0 % |
|
|
0307 |
Molluski, kemm jekk fil-qoxra u kemm jekk le, ħajjin, friski, imkessħin, iffriżati, imnixxfin, immellħin jew fis-salmura; molluski affumikati, kemm jekk fil-qoxra u kemm jekk le, kemm jekk imsajrin qabel jew matul il-proċess ta’ affumikazzjoni; dqiq, frakass u gerbub ta’ molluski, tajbin għall-konsum mill-bniedem |
0 % |