KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
PITRUZZELLA
ippreżentati fit‑3 ta’ Ġunju 2021 ( 1 )
Kawżi minn C‑697/19 P sa C‑700/19 P
Sony Corporation Sony Electronics, Inc. (C‑697/19 P)
Sony Optiarc u Sony Optiarc America (C‑698/19 P)
Quanta Storage, Inc. (C‑699/19 P)
Toshiba Samsung Storage Technology Corp.,
Toshiba Samsung Storage Technology Korea Corp. (C‑700/19 P)
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Letturi ta’ disk drives ottiċi – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Ftehimiet ta’ kollużjoni relatati ma’ proċeduri ta’ sejħa għal offerti organizzati minn żewġ produtturi tal-kompjuters – Ksur uniku u kontinwu – Istanzi uniċi ta’ ksur li jikkostitwixxuh – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ksur tad-drittijiet tad-difiża – Kalkolu tal-ammont tal-multi – Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Ammont tal-Multi tal‑2006 – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament”
|
1. |
Dawn il-konklużjonijiet jirrigwardaw erba’ appelli proposti minn fornituri ta’ letturi ta’ disk drives ottiċi (Sony Corporation, Sony Electronics, Sony Optiarc; Sony Optiarc America; Quanta Storage, Toshiba Samsung, Storage Technology Corp. u Toshiba Samsung Storage Technology Korea Corp., iktar ’il quddiem l-“appellanti”) intiżi għall-annullament ta’ erba’ sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ( 2 ), li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi tagħhom kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal‑21 ta’ Ottubru 2015, C(2015) 7135 finali. 39639, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT. 39639 – Disk Drives Ottiċi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) ( 3 ). |
|
2. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja talbet espressament sabiex jiġu approfonditi żewġ kwistjonijiet ġuridiċi, komuni b’mod ġenerali għall-kawżi kollha u, għalhekk, dawn il-konklużjonijiet sejrin ikunu mmirati fuq dawn it-temi speċifiċi: 1) il-formula adottata mill-Kummissjoni għall-kritika, apparti ta’ ksur uniku u kontinwu, anki ta’ istanzi distinti ta’ ksur intiżi li jikkostitwixxu dan il-ksur uniku u kontinwu mingħajr ma tforni motivazzjonijiet indipendenti minn dawk żviluppati sabiex jikkaratterizzaw il-ksur uniku u kontinwu; 2) il-kwistjoni tal-kalkolu tas-sanzjoni f’każ ta’ bejgħ intraakkordju jew ta’ qsim tal-profitti. |
|
3. |
Hija opportunità għall-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, sabiex tiċċara r-rapport bejn ksur uniku u istanzi uniċi ta’ aġir b’riferiment speċifiku għall-obbligi ta’ motivazzjoni fis-sentenza finali u għad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet fil-proċedura u, fit-tieni lok, sabiex tiċċara l-limiti tad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni b’riferiment għall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità f’każ ta’ bejgħ intraakkordju jew ta’ qsim tal-profitti. |
|
4. |
Id-deskrizzjoni tal-fatti tal-kawża, komuni għall-erba’ appelli, sejra tkun sintetika u intiża esklużivament għall-analiżi tal-kwistjonijiet li ntlabt napprofondixxi ( 4 ). |
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
5. |
Fl‑14 ta’ Jannar 2009 il-Kummissjoni rċeviet mingħand Philips applikazzjoni għall-immunità skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell ( 5 ). Fid‑29 ta’ Jannar u fit‑2 ta’ Marzu 2009 din it-talba ġiet issupplimentata sabiex tinkludi, minbarra lil Philips, lil Lite‑On u l-joint venture tagħhom Philips & Lite‑On Digital Solutions Corporations. |
|
6. |
Fid‑29 ta’ Ġunju 2009 il-Kummissjoni indirizzat talbiet immirati għall-informazzjoni lill-impriżi li huma attivi fis-settur tal-letturi ta’ disk drives Ottiċi (iktar ’il quddiem il-“LDDO”). Fit‑30 ta’ Ġunju 2009 il-Kummissjoni tat l-immunità kundizzjonali lil Philips, lil Lite‑On u lil Philips & Lite-On Digital Solutions Corporation. Fl‑4 u fis‑6 ta’ Awwissu 2009, Hitachi‑LG Data Storage, Inc. u Hitachi‑LG Data Storage Korea, Inc. ressqu lill-Kummissjoni talba għat-tnaqqis tal-multi skont l-avviż. |
|
7. |
Fit‑18 ta’ Lulju 2012 il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem “DO”) lil tlettax‑il fornitur ta’ LDDO, fosthom Sony Corporation u Sony Electronics, Sony Optiarc u Sony Optiarc America, Quanta Storage, Toshiba Samsung Storage Technology Corp. u Toshiba Samsung Storage Technology Korea Corp. |
|
8. |
Il-Kummissjoni sostniet li dawn il-kumpanniji kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw f’kartell dwar il-LDDO mill‑5 ta’ Frar 2004 sad‑29 ta’ Ġunju 2009, konsistenti fil-koordinazzjoni tal-aġir tagħhom fir-rigward tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti organizzati minn żewġ produtturi tal-kompjuters, Dell u HP. |
|
9. |
Fil‑21 ta’ Ottubru 2015 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. |
|
10. |
Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonstatat li l-parteċipanti fil-kartell kienu kkoordinaw l-aġir kompetittiv tagħhom mill-inqas mit‑23 ta’ Ġunju 2004 sal‑25 ta’ Novembru 2008. Il-Kummissjoni ddikjarat li din il-koordinazzjoni kienet saret permezz ta’ network ta’ kuntatti bilaterali paralleli. Il-Kummissjoni ddikjarat li l-parteċipanti fil-kartell fittxew li jadattaw il-volumi tagħhom fis-suq u li jiżguraw li l-prezzijiet jibqgħu f’livelli ogħla minn dawk li kienu jkunu fihom fl-assenza ta’ dawn il-kuntatti bilaterali. |
|
11. |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċċarat li l-koordinazzjoni bejn il-parteċipanti fil-kartell kienet tirrigwarda l-kontijiet tal-klijenti ta’ Dell u ta’ HP, iż-żewġ parteċipanti prinċipali fis-suq globali tal-PCs. Skont il-Kummissjoni, apparti t-trattattivi bilaterali mal-fornituri tagħhom ta’ LDDO, Dell u HP applikaw proċeduri ta’ sejħa standardizzati, li saru almenu kull trimestru. Il-Kummissjoni kkonstatat li l-membri tal-kartell użaw in-network tagħhom ta’ kuntatti bilaterali sabiex jimmanipulaw dawn il-proċeduri ta’ sejħa, u hekk ostakolaw it-tentattivi tal-klijenti tagħhom sabiex jistimolaw il-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet. |
|
12. |
Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Ammont tal-Multi imposti bis-saħħa tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 6 ) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi”). |
|
13. |
Fl-ewwel lok, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni sostniet li, meħuda inkunsiderazzjoni d-differenzi notevoli fit-tul tal-parteċipazzjoni tal-fornituri u sabiex jiġi rifless aħjar l-impatt attwali tal-kartell, huwa xieraq li tintuża medja annwali kkalkolata fuq il-bażi tal-valur attwali tal-bejgħ magħmul mill-impriżi matul ix-xhur kalendarji konklużi tal-parteċipazzjoni rispettiva tagħhom fil-ksur. Il-Kummissjoni għalhekk spjegat li l-valur tal-bejgħ ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-bejgħ ta’ LDDO għan-notebooks u għad-desktops iffatturati lill-entitajiet HP u Dell li jinsabu fiż-ŻEE. |
|
14. |
Il-Kummissjoni qieset ukoll li, minħabba li l-aġir antikompetittiv fil-konfront ta’ HP inbeda iktar tard u sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-kartell, hija kellha tikkalkola l-valur relattiv tal-bejgħ separatament għal HP u għal Dell, u li kellha tapplika żewġ fatturi multiplikaturi bbażati fuq it-tul. |
|
15. |
Fir-rigward ta’ Sony Corporation, Sony Electronics, Sony Optiarc u Sony Optiarc America, peress li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kuntatti ma’ HP ma ġietx ikkonstatata, il-Kummissjoni żammithom responsabbli biss għall-koordinament tagħhom fil-konfront ta’ Dell. |
|
16. |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ddeċidiet li, peress li l-ftehimiet ta’ koordinament tal-prezzijiet kienu min-natura tagħhom stess fost il-ksur l-iktar serju tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, u peress li l-kartell kien jirrigwarda mill-inqas iż-ŻEE, il-perċentwali applikata għall-gravità f’dan il-każ kellha tkun ta’ 16 % għad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
17. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddikjarat li, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ, hija kienet iddeċidiet li żżid 16 % iktar għal skop ta’ dissważjoni. |
|
18. |
Il-Kummissjoni naqqset il-multa imposta fuq Sony Corporation, fuq Sony Electronics, fuq Sony Optiarc u fuq Sony Optiarc America bi 3 % sabiex tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ għarfien tagħhom dwar il-parti tal-ksur uniku u kontinwu relatat ma’ HP, sabiex tirrifletti b’mod xieraq u suffiċjenti n-natura inqas gravi tal-aġir tagħhom. |
|
19. |
Il-Kummissjoni qieset li, peress li Sony Corporation u Sony Electronics irrealizzaw dħul mill-bejgħ globali ta’ EUR 59252000000 fl-eżerċizzju li ppreċeda l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kien xieraq li jiġi applikat multiplikatur ta’ 1.2 għall-ammont bażiku. |
|
20. |
Finalment, peress li l-ammont bażiku xieraq tal-multa imposta fuq Toshiba Samsung Storage Technology u fuq Toshiba Samsung Storage Technology Korea laħaq il-massimu tal‑10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom, il-Kummissjoni kellha twettaq adattament ieħor fuq il-bażi tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. |
|
21. |
Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jirrigwarda l-kumpanniji parteċipanti fl-akkordju, jaqra kif ġej: “Artikolu 1 L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, matul il-perijodi indikati, fi ksur uniku u kontinwu li jinkludi istanzi differenti u separati ta’ ksur fis-settur tal-letturi tad-disk drives ottiċi fiż-ŻEE kollha, li kien jikkonsisti fi ftehimiet ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet: […]
[…] Artikolu 2 Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 għandhom jiġu imposti l-multi li ġejjin: […]
|
II. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati
|
22. |
Permezz ta’ rikorsi promoturi ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fid‑29 ta’ Diċembru 2015, fil‑31 ta’ Diċembru 2015 u fil‑5 ta’ Jannar 2016, l-appellanti ressqu erba’ rikorsi separati, irreġistrati bħala l-Kawżi T‑762/15, T‑763/19, T‑772/15, T‑8/16 intiżi, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fil-parti li tirrigwardahom u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta. |
|
23. |
Permezz tas-sentenzi appellati l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha tar-rikors imqajma mir-rikorrenti u, konsegwentement, ir-rikorsi fit-totalità tagħhom. |
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
|
24. |
Permezz tal-appelli tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha prinċipalment tannulla s-sentenza appellata u tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. L-appellanti jitolbu sussidjarjament, jekk l-istadju tal-proċeduri ma jippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, li jogħġobha tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u li tirriżerva l-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza u tal-appell. |
|
25. |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli tal-appellanti u tikkundannahom għall-ispejjeż. |
IV. Analiżi ( 7 )
|
26. |
Insostenn tal-appelli tagħhom, l-appellanti fil-Kawżi C‑697/19 P u C‑698/19 P isostnu erba’ aggravji, li għandhom kważi l-istess kontenut, relatati: mal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, mat-tul tal-ksur uniku u kontinwu, mad-definizzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu, mal-ammont tal-multa imposta. |
|
27. |
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti fil-Kawża C‑699/99 P issostni ħames aggravji relatati: mal-ksur mill-Qorti Ġenerali tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha jiġi sostnut li l-ksur uniku u kontinwu li l-appellanti huma kkritikati għalih huwa kkostitwit minn iktar istanzi separati ta’ ksur, maċ-ċirkustanza tad-distorsjoni ta’ ċerti elementi tal-prova, mat-tul tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur uniku u kontinwu, mal-allegat għarfien li ma ġiex ipprovat tal-appellanti dwar ksur uniku u kontinwu u mal-ammont tal-multa imposta. |
|
28. |
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti fil-Kawża C‑700/19 P isostnu erba’ aggravji relatati: mal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li jippreċiża li l-ksur uniku u kontinwu kkontestat huwa kkostitwit minn iktar istanzi separati ta’ ksur, mal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, mal-ksur tad-drittijiet tad-difiża u mal-kompetenza tal-Kummissjoni. |
|
29. |
B’mod preliminari, nindika li l-erba’ appelli jippreżentaw argumenti pjuttost simili f’ċerti aggravji ( 8 ). |
|
30. |
L-appellanti jaqsmu bejniethom, fil-fatt, l-ilmenti dwar id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li fih il-Kummissjoni kkonstatat ksur uniku u kontinwu biż-żieda tal-inċiż “kompost minn iktar istanzi separati ta’ ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fehma tal-appellanti, din il-“kwalifikazzjoni doppja” – ksur uniku u kontinwu u istanzi separati ta’ ksur – ma kinitx indikata b’mod ċar fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u ma kinitx motivata biżżejjed fid-deċiżjoni kkontestata. |
|
31. |
Uħud mill-appellanti jaqsmu bejniethom ukoll it-tema tal-kalkolu tas-sanzjoni b’riferiment partikolari għal allegat ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ugwaljanza fit-trattament. |
|
32. |
Konformement ma’ dak mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-analiżi tiegħi sejra tikkonċentra, minn naħa, fuq it-tema relatata mal-“kwalifikazzjoni doppja”, li kif rajna hija komuni għall-appellanti kollha, u fuq l-aggravji li jagħmlu riferiment għaliha (A), u, min-naħa l-oħra, sejjer napprofondixxi r-raba’ aggravju fil-Kawżi C‑697/19 P u C‑698/19 P rigward id-determinazzjoni tas-sanzjoni (B). |
A. Dwar il-kwalifikazzjoni doppja
1. Sommarju tal-argumenti tal-partijiet
– a) Fuq il-ksur tad-dritt tad-difiża
|
33. |
L-appellanti jsostnu li s-sentenzi appellati huma affettwati minn żbalji tad-dritt, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tagħhom billi akkużathom, għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata, li pparteċipaw f’iktar istanzi ta’ ksur. |
|
34. |
Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet stabbilixxiet, b’mod partikolari fil-punti 310, 317 u 318, l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ddeċidiet, għall-ewwel darba, li l-ksur uniku u kontinwu kien kompost minn diversi istanzi separati ta’ ksur. |
|
35. |
Din id-deċiżjoni għalhekk titbiegħed sostanzjalment mill-klassifikazzjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, konsegwentement, ma ngħatatx il-possibbiltà lill-appellanti, qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li jikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ kull kuntatt uniku bħala ksur separat u awtonomu. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali injorat is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012 fil-Kawża C‑441/11 P, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (EU:C:2012:778) u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża T‑68/09, Soliver vs Il‑Kummissjoni (EU:T:2014:867). |
|
36. |
Iktar minn hekk, il-kombinazzjonijiet differenti ta’ kuntatti antikompetittivi msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet setgħu jirriżultaw f’diversi istanzi possibbli ta’ ksur. Għalhekk, anki jekk jitqies li l-fatti, u l-provi relattivi, diġà ġew esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-kwalifikazzjoni ġuridika li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tagħti lil dawn il-fatti ma tinsabx fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Isegwi li l-appellanti ma setgħux jiddefendu ruħhom peress li ma fehmux il-kwalifikazzjoni adottata għal kull ksur possibbli. |
|
37. |
Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tfakkar, b’mod preliminari, li l-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn tirrigwarda l-ksur uniku u kontinwu u l-multa. L-argumenti mressqa mill-appellanti dwar il-parti tad-dispożittiv fejn jiġi sostnut, b’mod inċidentali, li l-ksur uniku u kontinwu jikkonsisti f’diversi istanzi separati ta’ ksur, huma għalhekk inammissibbli. |
|
38. |
Il-Kummissjoni ssostni, imbagħad, li l-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet l-ilmenti tal-appellanti relatati ma’ allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom. Fl-ewwel lok, l-appellanti jibbażaw l-argumenti tagħhom fuq preżunzjoni ta’ fatt żbaljata. Mis-sentenzi appellati jidher b’mod ċar li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet diġà kienet informathom dwar l-istanzi uniċi ta’ ksur. Id-dikjarazzjoni tal-appellanti li tgħid li l-Kummissjoni ma semgħathomx fil-mertu dwar l-istanzi uniċi ta’ ksur hija kontradetta mill-formulazzjoni ċara tal-premessi 353, 354 u 375 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat li wieħed jew iktar mill-elementi ta’ sensiela ta’ atti jew ta’ aġir kontinwu jistgħu minnhom innifishom jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
39. |
L-appellanti, tkompli l-Kummissjoni, instemgħu kemm dwar il-ksur uniku u kontinwu, kif ukoll dwar l-istanzi uniċi ta’ ksur li jikkomponuh, u għalhekk id-drittijiet tad-difiża tagħhom ma jistgħux jitqiesu li nkisru. Matul il-proċedura amministrattiva, ingħatat il-possibbiltà lill-appellanti li jifhmu li huma kienu ġew akkużati anki għal istanzi uniċi ta’ aġir li jikkostitwixxu l-ksur uniku u kontinwu. |
– b) Dwar il-ksur uniku u kontinwu neċessarjament kompost minn iktar istanzi separati ta’ ksur
|
40. |
L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, billi ddeċidiet li ksur uniku u kontinwu huwa neċessarjament kompost minn diversi istanzi separati ta’ ksur. |
|
41. |
Billi ddeċidiet li ksur uniku u kontinwu jikkonsisti neċessarjament minn istanzi separati ta’ ksur, il-Qorti Ġenerali waslet għal konklużjoni kuntrarja għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ( 9 ) u tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 10 ), li tikkunsidra biss il-possibbiltà, u mhux il-ħtieġa, li ksur uniku u kontinwu jkun ikkostitwit minn istanzi separati ta’ ksur. |
|
42. |
Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-appellanti żnaturaw il-kontenut tas-sentenzi appellati. Il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tqis li ksur uniku u kontinwu jippreżumi “serje ta’ istanzi ta’ aġir” li jistgħu, minnhom innifishom, jikkwalifikaw bħala istanzi ta’ ksur distinti. Il-Qorti Ġenerali żiedet li, f’din il-kawża, il-ksur uniku u kontinwu kien jikkonsisti effettivament f’istanzi separati ta’ ksur li l-appellanti nstemgħu dwarhom. |
– c) Dwar il-motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja
|
43. |
L-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata biżżejjed sa fejn tirrigwarda l-eżistenza ta’ diversi istanzi separati ta’ ksur. |
|
44. |
Il-motivazzjoni ma ppermettietx fehma korretta tad-deċiżjoni adottata, ma esponietx ir-raġunamenti relattivi u ppreżentat kontradizzjonijiet interni ( 11 ). |
|
45. |
Il-Kummissjoni ma spjegat, fid-deċiżjoni kkontestata, la n-natura u lanqas il-portata ta’ dawn l-istanzi separati ta’ ksur u lanqas il-kwalifikazzjoni tagħhom bħala akkordju jew prattika miftiehma skont l-Artikolu 101 TFUE. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx ir-raġunijiet u l-provi insostenn ta’ kull kwalifikazzjoni u lanqas indikat l-impriżi responsabbli għal kull istanza unika ta’ ksur. |
|
46. |
Il-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, issostni li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda. |
|
47. |
L-appellanti setgħu jifhmu r-raġunijiet għad-deċiżjoni u kellhom il-possibbiltà li jesponu l-argumenti tagħhom dwar kull wieħed mill-kuntatti antikompetittivi attribwiti lilhom. |
|
48. |
Ladarba tiġi kkonstatata l-preżenza tal-elementi ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, tkompli l-Kummissjoni, huwa irrilevanti jekk il-forma ta’ kollużjoni hijiex ikkwalifikata bħala akkordju jew bħala prattika miftiehma ( 12 ). Il-Qorti Ġenerali ġustament irrikonoxxiet, issostni wkoll il-Kummissjoni, li l-appellanti sostnew b’mod żbaljat li d-deċiżjoni kkontestata kellha tikkwalifika individwalment l-istanzi uniċi ta’ ksur bħala “akkordji” jew “prattiki miftiehma”. |
2. Evalwazzjoni
|
49. |
Il-kwistjoni ġuridika li sejjer nikkonċentra l-analiżi fuqha hija l-korrettezza jew le tal-parti tas-sentenza appellata li qieset bħala kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni l-formulazzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-kawżi inkwistjoni. |
|
50. |
B’mod partikolari, permezz tat-tielet aggravju fil-Kawżi C‑697/19 P u C‑698/19 P u l-ewwel aggravju fil-Kawżi C‑699/19 P u C‑700/19 P, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna teżamina jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argumenti tal-appellanti li jgħidu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom billi akkużathom, għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata, li pparteċipaw f’iktar istanzi separati ta’ ksur. |
|
51. |
Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni finali tagħha, wara li kkonstatat il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE minħabba l-parteċipazzjoni tal-partijiet involuti fi ksur uniku u kontinwu matul il-perijodi indikati, żiedet li dan il-ksur uniku u kontinwu huwa “kompost” minn diversi istanzi separati ta’ ksur. |
|
52. |
Il-Qorti Ġenerali, meta kkonfermat fl-ewwel istanza d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, sostniet fis-sentenza appellata li: “Il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu jippreżumi l-aġir kollu adottat minn partijiet differenti li jfittxu l-istess għan ekonomiku antikompetittiv” (punt 238). Li “[m]ill-kunċett stess ta’ ksur uniku u kontinwu jirriżulta għalhekk li dan jimplika mudell ta’ aġir. Ir-rikorrenti ma jistgħux għalhekk isostnu li l-Kummissjoni biddlet il-konklużjonijiet tagħha billi inkludiet, apparti ksur uniku u kontinwu, kuntatti bilaterali differenti, peress li huma fil-fatt dawn il-kuntatti bilaterali li jikkostitwixxu dan il-ksur uniku” (punt 239). U anki li “[m]a hemm għalhekk ebda inkoerenza fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Kummissjoni sostniet fiha li l-kuntatti jikkostitwixxu istanzi ta’ ksur individwali u, fl-istess ħin, jissodisfaw il-kriterji ta’ ksur uniku u kontinwu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 240) ( 13 ). |
|
53. |
Jidher għalhekk li l-Qorti Ġenerali ssostni t-teżi li skontha l-ksur uniku u kontinwu jippreżumi pluralità ta’ aġir illegali u għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni espressament ikkritikat lill-partijiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet biss għall-ksur uniku u kontinwu ma jipprekludihiex, fid-deċiżjoni finali, milli tikkonstata bħala illegali mill-perspettiva kompetittiva anki l-istanzi differenti ta’ aġir li jikkomponu l-ksur uniku u kontinwu. |
|
54. |
Minn dan jirriżulta, fil-fehma tal-partijiet, li l-Kummissjoni, bil-qbil tal-Qorti Ġenerali, ikkonstatat bħala illegalitajiet kompetittivi kemm il-ksur uniku u kontinwu kif ukoll l-istanzi uniċi ta’ aġir li seħħew bejn l-impriżi kompetittivi fil-perijodu indikat għall-ksur uniku. |
|
55. |
Inqis li huwa neċessarju, sabiex tiġi evalwata l-portata ta’ tali dikjarazzjonijiet ta’ prinċipju, fl-ewwel lok, li jiġi analizzat il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex wieħed jara jekk dak sostnut mill-Qorti Ġenerali, insostenn tal-korrettezza tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huwiex kompatibbli magħha: dan kemm mill-perspettiva tad-dritt tad-difiża tal-partijiet fil-proċedura u fis-sentenza, kif ukoll mill-perspettiva tal-idoneità tal-motivazzjoni tal-Kummissjoni u, finalment, tal-Qorti Ġenerali. |
|
56. |
Essenzjalment, il-kwistjonijiet li għandhom jiġu eżaminati jikkonċernaw: a) il-ħtieġa għall-Kummissjoni li ġuridikament tikkwalifika l-episodji uniċi kollużivi fil-każ ta’ ksur uniku u kontinwat; b) il-portata effettiva li għandha tiġi attribwita għall-espressjonijiet differenti użati (ksur, aġir, kuntatti, kondotti); c) il-livell ta’ tbegħid li d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni jista’ jkollha mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet; d) il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw mill-formulazzjoni użata mhux biss fuq il-livell tal-public enforcement iżda anki fuq dak tal-private enforcement. |
|
57. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att individwali, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew minn aġir kontinwu, anki fil-każ li wieħed minn dawn l-aspetti ta’ din is-serje ta’ atti jew aġir kontinwu, jew iktar, jistgħu fihom innifishom u individwalment, jikkostitwixxu ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, jekk azzjonijiet differenti jagħmlu parti minn “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom li tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, il-Kummissjoni għandha d-dritt timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu ( 14 ). |
|
58. |
Impriża li tkun ipparteċipat fi ksur uniku u kumpless minħabba f’aġir tagħha stess, li kien jaqa’ taħt kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li kienu intiżi sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-ksur kollu kemm hu tista’ wkoll tkun responsabbli għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur. Dan huwa l-każ meta jiġi stabbilit li din l-impriża kienet biħsiebha tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir illeċitu maħsub jew implimentat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju ( 15 ). |
|
59. |
Il-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur uniku u kontinwu ma teżiġix il-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi dan il-ksur u li lanqas ma huwa meħtieġ li l-impriżi kollha li jipparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu jkunu attivi fl-istess suq ( 16 ). |
|
60. |
Minn dak li ntqal jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jingħad li impriża pparteċipat fi ksur uniku tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, għandu jintwera: 1) li din l-impriża kellha l-intenzjoni li, permezz tal-aġir tagħha stess tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti kollha u 2) li hija kienet taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur previst jew implimentat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedih u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju ( 17 ). |
|
61. |
Il-kunċett ta’ “ksur uniku u kontinwu” jippreżumi, b’hekk, l-eżistenza ta’ “pjan ġenerali”, li minnu jagħmlu parti diversi atti, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, u dan indipendentement mill-fatt li wieħed jew iktar minn dawn l-atti jistgħu wkoll jikkostitwixxu, fihom innifishom u kkunsidrati individwalment, ksur tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
62. |
Huwa fil-fatt dan, fil-fehma tiegħi, il-punt kruċjali: il-ksur uniku u kontinwu jirrappreżenta aġir kontinwu kompost minn sensiela ta’ atti jew aġir (fil-każ ta’ akkordji bħal dawk suġġett ta’ din il-proċedura, kuntatti bejn impriżi differenti) iżda ma huwiex is-somma alġebrika ta’ pluralità ta’ istanzi ta’ aġir illegali bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
63. |
Ċertu aġir, atti jew kuntatti, li jseħħu fil-perijodu indikat għall-ksur uniku u kontinwu jistgħu ma jkunux fihom innifishom illegali mill-perspettiva kompetittiva jew jistgħu jirriżultaw, matul il-proċedura, bħala mhux ikkonstatati b’mod sħiħ fil-konsistenza materjali jew ġuridika tagħhom. |
|
64. |
X’inhi l-idea fil-bażi tal-introduzzjoni tat-teorija tal-ksur uniku u kontinwu? |
|
65. |
Id-duttrina tal-“ksur uniku u kontinwu” toriġina mill-kunċett mifrux ħafna fl-ordinamenti ġuridiċi fl-Istati Membri tal-Unjoni, relatat mal-attribuzzjoni tar-responsabbiltà għall-istanzi ta’ ksur imwettqa minn iktar minn awtur wieħed skont il-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur fl-intier tiegħu ( 18 ). |
|
66. |
Din taqdi r-rwol ta’ preżunzjoni legali li permezz tagħha l-Kummissjoni (jew awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni) tista’ tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur uniku tad-dritt tal-kompetizzjoni għal perijodu ddeterminat ta’ żmien u fil-konfront ta’ numru speċifiku ta’ impriżi, “mhux biss minn att iżolat iżda anki minn sensiela ta’ atti jew minn aġir kontinwu” ( 19 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
67. |
Mingħajr dubju, l-applikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tad-duttrina tal-“ksur uniku u kontinwu” tiffaċilita r-rwol tagħha bħala awtorità ta’ enforcement fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, fuq kollox fir-rigward tal-akkużi ta’ kollużjoni bejn iktar minn parti waħda. |
|
68. |
Ksur ikkostitwit minn mudell ta’ aġir “uniku u kontinwu” għal ċertu perijodu ta’ żmien isolvi sensiela ta’ kwistjonijiet prattiċi diffiċli li jistgħu jqumu fi kwalunkwe akkuża kumplessa ta’ kollużjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni u jnaqqas l-oneru tal-prova neċessarju sabiex tiġi ssodisfatta verifika ġurisdizzjonali li l-aġir kollużiv kien fis-seħħ għall-perijodu kollu tal-investigazzjoni ( 20 ). |
|
69. |
Kif osservat anki fid-duttrina, l-istituzzjoni tal-“ksur uniku u kontinwu tnaqqas b’mod sinjifikattiv l-oneru li l-Kummissjoni kieku jkollha tindirizza sabiex tistabbilixxi l-fatt tal-kollużjoni, b’mod partikolari meta kartell ikun dam għal perijodu twil, li matulu n-natura tal-kollużjoni tista’ tiġi mibdula bejn id-diversi partijiet jew f’mumenti differenti” ( 21 ) [traduzzjoni libera]. |
|
70. |
It-tħaffif probatorju tal-perijodi u tal-episodji speċifiċi, din hija r-ratio tal-prinċipju, għandu bħala kontrobilanċ il-ħtieġa li tintwera l-eżistenza tal-għan komuni u l-għarfien tal-azzjonijiet tal-impriżi l-oħra. |
|
71. |
Min-naħa l-oħra, fl-assenza tal-ipoteżi ta’ ksur uniku u kontinwu, l-oneru probatorju fuq l-istanzi uniċi ta’ aġir (bħal pereżempju l-kuntatti bejn impriżi kompetittivi) jerġa’ jsir partikolarment rigoruż. |
|
72. |
Huwa, għalhekk, ċertament possibbli u kompletament leġittimu li l-Kummissjoni, fil-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tikkwalifika istanzi differenti ta’ aġir bħala illegali minnhom innifishom u, fl-istess ħin, bħala li jifformaw parti minn strateġija unika kollużiva li għandha l-karatteristiċi deskritti iktar ’il fuq tal-ksur uniku u kontinwu. |
|
73. |
F’dan il-każ, madankollu, hija għandha oneru motivazzjonali u probatorju differenti fil-każ fejn tikkwalifika l-aġir tal-impriżi esklużivament bħala ksur uniku u kontinwu. |
|
74. |
Dan, fil-fatt, kif intwera, huwa dejjem kompost minn pluralità ta’ episodji jew kuntatti, li sabiex jitqiesu illegali b’mod unitarju mill-perspettiva tal-kompetizzjoni għandu jkollhom il-karatteristiċi indikati iktar ’il fuq. L-episodji jew kuntatti uniċi tal-aġir kollu ma jistabbilixxux minnhom innifishom il-kwalifikazzjoni ta’ illegalità kompetittiva. |
|
75. |
F’ċerti deċiżjonijiet il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li jekk impriża tkun involuta direttament f’wieħed jew iktar mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu, iżda ma jkunx ġie stabbilit li, permezz tal-aġir tagħha stess, din riedet tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li kienet taf bil-komponenti illegali kollha l-oħra previsti jew implimentati minn dawn il-parteċipanti fit-tfittxija li jintlaħqu dawn l-għanijiet komuni jew li raġonevolment setgħat tipprevedihom u li kienet lesta taċċetta r-riskju li joħolqu, il-Kummissjoni għandha tillimita ruħha li tattribwixxilha r-responsabbiltà biss għal dak l-aġir li kienet direttament ipparteċipat fih u fl-aġir previst jew implimentat mill-parteċipanti l-oħra fit-tfittxija sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet bħal dawk imfittxija minnha, u għalhekk li hemm il-prova li hija kienet taf jew setgħet raġonevolment ipprevediethom u li kienet lesta li taċċetta r-riskju għalihom ( 22 ). |
|
76. |
Madankollu, dan ma jwassalx għall-eżenzjoni ta’ din l-impriża mir-responsabbiltà tagħha għall-aġir li pparteċipat fih jew li setgħat effettivament tinżamm responsabbli għalih. Effettivament, il-fatt li impriża ma tipparteċipax fl-elementi kollha ta’ akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom hija kienet ipparteċipat ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur min-naħa tagħha, peress li hemm bżonn li dawn l-elementi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss matul l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, fejn xieraq, għad-determinazzjoni tal-multa ( 23 ). |
|
77. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ċċarat li “Madankollu, ma huwiex possibbli għalhekk li taqsam deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkwalifika akkordju globali [bħala] ksur uniku u kontinwu [ħlief] jekk, minn naħa, din l-impriża kienet f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tifhem li ġew ikkontestati wkoll kull aġir li jikkostitwixxi dan, u għalhekk li tiddefendi ruħha fuq dan il-punt, u jekk, min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni hijiex suffiċjentement ċara f’dan ir-rigward” ( 24 ). |
|
78. |
Il-ksur uniku u kontinwu, kif intwera, iħaffef il-piż motivazzjonali u probatorju tal-Kummissjoni li, meta tintwera l-eżistenza ta’ pjan ġenerali u ta’ għan antikompetittiv komuni, ma tkunx marbuta li tipprova l-illegalità ta’ kull istanza unika. |
|
79. |
Għal din ir-raġuni iżda, b’mod kuntrarju, il-Kummissjoni ma tistax leġittimament issostni li, fejn jiġi kkonstatat u pprovat ksur uniku u kontinwu, għandhom jitqiesu bħala kkonstatati u pprovati, bħala illegalitajiet kompetittivi, anki l-episodji jew il-kuntatti kollha uniċi li jikkomponuh. |
|
80. |
Dan peress li, b’dan il-mod, il-Kummissjoni tgawdi mill-benefiċċju inġust li jitħaffef il-piż motivazzjonali u probatorju tagħha minħabba l-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala uniku u kontinwu iżda, fl-istess ħin, fil-każ fejn il-premessi ġuridiċi għall-kwalifikazzjoni tal-aġir bħala ksur uniku u kontinwu jfallu l-verifika ġurisdizzjonali, id-deċiżjoni tkun tista’ tiġi “salvata” u tiġi mistħarrġa ġudizzjarjament minħabba l-illegalità tal-istanzi uniċi tal-aġir li jikkostitwixxu l-ksur uniku u kontinwu. |
|
81. |
Ma huwiex konvinċenti, għalhekk, l-argument tal-Kummissjoni li jsostni li dan l-aggravju huwa ineffettiv peress li huwa suġġett għall-konstatazzjoni tal-ineżistenza tal-ksur uniku u kontinwu. |
|
82. |
Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, l-argumenti mressqa fl-appell rigward il-konklużjoni sussidjarja tad-deċiżjoni, li jgħidu li l-ksur uniku u kontinwu kien jinkludi diversi ċirkustanzi ta’ ksur indipendenti, ma humiex ineffettivi. Kuntrarjament, għandhom impatt sinjifikattiv fuq il-proċedura u fuq il-konsegwenzi tad-deċiżjoni. |
|
83. |
Il-Kummissjoni tista’ tirrikorri għall-kwalifikazzjoni doppja, iżda sabiex dan ikun leġittimu għandha tispjegah sa mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-partijiet u ġġorr l-oneru motivazzjonali u probatorju relatat. |
|
84. |
Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 25 ), fil-fatt, minkejja li ġie ammess li bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali, jista’ jkun hemm differenzi motivati fil-fatt mill-kontradittorju prekontenzjuż u mill-approfondiment tal-kwistjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi matul l-investigazzjoni, il-kwalifikazzjoni tal-fatti u tal-aġir għandha tkun koerenti mill-bidu sat-tmiem tal-proċedura stess. |
|
85. |
Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tiegħu ( 26 ). Dan il-prinċipju jimponi li l-impriża kkonċernata tkun tħalliet, matul il-proċediment amministrattiv, tindika b’mod effettiv il-pożizzjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati, kif ukoll dwar id-dokumenti li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni sabiex issostni l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet inklużi fit-Trattat UE ( 27 ). |
|
86. |
L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li tintbagħat lill-partijiet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Skont ġurisprudenza stabbilita, din id-dikjarazzjoni għandha tindika, b’mod ċar, l-elementi essenzjali kollha li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni f’dan l-istadju tal-proċedura. |
|
87. |
Madankollu, din l-indikazzjoni tista’ ssir b’mod sommarju u d-deċiżjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li din id-dikjarazzjoni hija dokument preparatorju u l-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jkun fiha huma ta’ natura purament provviżorja ( 28 ). |
|
88. |
Huwa minnu li, kif issostni l-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati, il-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mid-definizzjoni tagħha, tista’ tkun biss provviżorja u deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni ma tistax tiġi annullata biss minħabba li l-konklużjonijiet definittivi meħuda minn dawn il-fatti ma jikkorrispondux preċiżament għal din il-kwalifikazzjoni provviżorja ( 29 ). Il-Kummissjoni għandha, fil-fatt, tkun tista’ tippreċiża din il-klassifikazzjoni fid-deċiżjoni finali tagħha, meħuda inkunsiderazzjoni l-elementi li jirriżultaw mill-proċediment amministrattiv, kemm sabiex tabbanduna l-oġġezzjonijiet li jintwera li huma infondati, jew sabiex tabbanduna lmenti li jintwera li huma fondati, jew sabiex tistruttura u tintegra kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt l-argumenti tagħha insostenn tal-ilmenti li hija tibbaża ruħha fuqhom, bil-kundizzjoni madankollu li hija tibbaża ruħha biss fuq fatti li dwarhom il-partijiet ikkonċernati kellhom okkażjoni li jieħdu pożizzjoni u li hija tkun ipprovdiet, matul il-proċedura amministrattiva, l-elementi neċessarji għad-difiża ( 30 ). |
|
89. |
Fejn, madankollu, matul l-investigazzjoni, jirriżultaw elementi li jistgħu jikkonvinċu lill-Kummissjoni għal bidla vera tat-thema decidendum, il-proċedura tippermetti tali bidla, anki sostanzjali, permezz ta’ strument li, fl-istess ħin, jiżgura anki d-dritt tad-difiża tal-partijiet: dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet integrattiva. |
|
90. |
F’din id-dikjarazzjoni l-Kummissjoni għandha analitikament teżamina l-kuntatti kollha bejn il-partijiet u tagħti motivazzjonijiet dwar il-kwalifikazzjoni ġuridika u n-natura illegali ta’ kull waħda minnhom. |
|
91. |
Dan jippermetti eżerċizzju sħiħ tad-dritt tad-difiża tal-partijiet u verifika ġurisdizzjonali sħiħa dwar kull istanza unika tal-aġir attribwita lill-partijiet, apparti naturalment il-ksur uniku u kontinwu. |
|
92. |
F’din il-kawża, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet esponiet fid-dettall il-fatti kkontestati. Madankollu, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tikkwalifika bħala ksur uniku u kontinwu l-kuntatti bilaterali kollha bejn il-parteċipanti fl-akkordju, billi għamlet riferiment għas-sempliċi possibbiltà li kull kuntatt uniku jiġi kkwalifikat bħala ksur separat, mingħajr ma daħlet f’dettalji ulterjuri. Fid-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni segwiet l-istess linja għall-motivazzjoni kollha tagħha ħlief meta kkonkludiet, fid-dispożittiv, bil-kwalifikazzjoni doppja. |
|
93. |
Ma tistax tiġi aċċettata l-fehma tal-Qorti Ġenerali, li tfakkar it-teżi tal-Kummissjoni, li tgħid li, il-partijiet kienu jafu bl-istanzi uniċi ta’ aġir ikkontestati u huma bbażaw ruħhom fuqhom, peress li l-ksur uniku u kontinwu huwa kompost minn sensiela ta’ fatti, ta’ kuntatti u ta’ episodji li kull wieħed minnhom ġie elenkat mill-Kummissjoni u huwa magħruf mill-partijiet. |
|
94. |
Dan l-argument ifixkel is-sempliċi eżistenza ta’ fatt jew ta’ kuntatt bejn il-partijiet, l-elenkar tiegħu u l-preżentazzjoni tiegħu lill-partijiet mal-kwalifikazzjoni ġuridika tiegħu. |
|
95. |
Huwa proprju fuq dan il-punt li, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali twasslet għal żball mill-argumenti tal-Kummissjoni. |
|
96. |
Prova ta’ dan huwa, pereżempju, il-punt 242 tas-sentenza T‑762/15, li fiha l-Qorti Ġenerali ssostni li “bħalma ssostni l-Kummissjoni, mingħajr ma hija kontradetta fuq dan il-punt mir-rikorrenti, ir-rikorrenti kkontestaw kull kuntatt separatament u fid-dettall fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u rnexxielhom jikkonvinċu lill-Kummissjoni sabiex ma żżommx l-akkużi tagħha fir-rigward ta’ ċerti kuntatti bilaterali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
97. |
Ma hemmx dubju li fil-livell fattwali l-Kummissjoni diġà fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għamlet riferiment għall-kuntatti uniċi kollha bejn il-kompetituri bħala elementi li jistgħu jiffurmaw il-qafas kollu tal-kollużjonijiet illegali u mingħajr dubju l-partijiet kellhom opportunità jiddefendu ruħhom dwar l-eżistenza u l-modalitajiet li bihom seħħew laqgħat jew kuntatti oħra. |
|
98. |
In-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni tul il-proċedura kollha, sad-deċiżjoni finali, li tispjega l-għażla tagħha li tikkwalifika legalment lil kull wieħed minn dawk il-kuntatti, ma ppermettiex lill-impriżi appellanti jeżerċitaw b’mod sħiħ id-dritt tad-difiża tagħhom. |
|
99. |
Huwa minnu li ma hijiex indispensabbli l-kwalifikazzjoni ta’ kull istanza ta’ aġir antikompetittiv bħala akkordju jew prattika miftiehma; huwa neċessarju madankollu li l-awtorità li teżerċita l-public enforcement tikkwalifika dak il-fatt stabbilit bħala antiġuridiku u illegali sabiex tippermetti lill-partijiet l-oħra jiddefendu ruħhom mhux biss rigward l-eżistenza jew le tiegħu u ċ-ċirkustanzi fattwali li jikkonċernawh, iżda anki fir-rigward tal-perspettivi ġuridiċi li fuq il-bażi tagħhom jitqies li dak il-fatt jista’ jiġi kkunsidrat bħala aġir imwettaq bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
100. |
Dan kollu sabiex jiġi osservat li d-dikjarazzjoni li skontha l-ksur uniku u kontinwu huwa s-somma ta’ iktar istanzi awtonomi ta’ ksur, kull waħda minnhom individwalment ikkonstatata awtomatikament minħabba li ġiet ikkonstatata l-eżistenza tal-ksur uniku u kontinwu, ma għandha ebda bażi loġika u lanqas ġuridika, u ebda bażi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
101. |
Jista’ jitqies li ż-żewġ partijiet tal-proċedura (l-enforcer u l-impriżi li lilhom ġiet attribwita l-ħtija) jista’ jkollhom interess fil-kwalifikazzjoni tal-istanzi rrepetuti ta’ aġir bħala ksur uniku u kontinwu: l-enforcer minħabba li, kif intwera, tali kwalifika tista’ tnaqqas il-livell probatorju fil-konfront tal-episodji uniċi li jikkostitwixxu l-ksur kontinwu; l-impriżi li lilhom ġiet attribwita l-ħtija minħabba li peress li s-sanzjoni tiġi imposta bil-kalkolu tal-perċentwali tad-dħul mill-bejgħ proporzjonalment għall-istanzi uniċi ta’ ksur, il-fatt li tiġi evitata l-oġġezzjoni għal pluralità ta’ istanzi separati ta’ aġir jista’ jkollha konvenjenza ekonomika tagħha. |
|
102. |
Madankollu, peress li, kif sostnut b’mod effettiv fid-duttrina, ma huwiex neċessarjament iktar favorevoli għall-persuna li lilha ġiet attribwita l-ħtija li tiġi attribwita b’istanzi separati ta’ ksur, u dan jiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ, “huwa ċert li l-preżunzjoni ta’ innoċenza għandha taqdi rwol fir-rigward tal-elementi ta’ fatt li fuq il-bażi tagħhom l-istanza unika ta’ ksur għandha tiġi pprovata. Dawn il-fatti huma jew ipprovati, jew le” ( 31 ) [traduzzjoni libera]. |
|
103. |
Għalhekk ma hemmx, “‘preżunzjoni ta’ istanzi separati ta’ ksur’ li tapplika f’każ ta’ dubju, fuq il-preżunzjoni li għall-impriża din is-sitwazzjoni hija neċessarjament ‘aħjar’. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni tikkonstata li seħħew istanzi separati ta’ ksur, l-appellanti li kienu jkunu f’pożizzjoni aħjar kieku l-ksur kien uniku jistgħu jikkontestaw din il-konstatazzjoni (kif seħħ ħafna drabi) u l-Kummissjoni jkollha anki tikkonvinċi lill-qorti li seħħew istanzi separati ta’ ksur, li juri li l-eżistenza ta’ istanzi separati ta’ ksur għandha tiġi vverifikata u mhux ‘preżunta’” ( 32 ) [traduzzjoni libera]. |
|
104. |
L-effetti ta’ kwalifikazzjoni doppja tardiva fid-deċiżjoni finali biss jistgħu jkunu diversi, apparti fuq il-livell tal-public enforcement, analizzat sa hawn, anki fuq dak tal-private enforcement. |
|
105. |
Il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li ma hijiex limitata għall-ksur uniku u kontinwu iżda hija estiża anki għall-istanzi uniċi ta’ aġir fil-perijodu inkwistjoni, jista’ jkollha impatt notevoli fir-rigward ta’ azzjonijiet possibbli ta’ kumpens għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali. |
|
106. |
Il-fatti tal-ksur uniku u kontinwu, fil-fatt, jippermettu lill-Kummissjoni tikkunsidra bħala pprovata l-illegalità tal-aġir tal-impriża għall-perijodu kollu li ġie żgurat anki jekk, ipotetikament, għal ċerti perijodi anki mhux qosra, ma hemmx prova effettiva ta’ kuntatti bejn il-partijiet jew uħud minnhom. Dan dejjem fuq il-preżunzjoni li jirriżultaw ipprovati l-kundizzjonijiet għalfejn ksur jista’ jitqies uniku u kontinwu: għan komuni u involviment tal-impriżi fl-aġir komplessiv ta’ ħaddieħor fit-termini msemmija iktar ’il fuq. |
|
107. |
Għalhekk, mill-perspettiva tat-tul tal-illegalità, il-ksur uniku u kontinwu jista’ jimponi fuq l-impriżi involuti r-riskju li jiġi attribwit lilhom aġir illegali mtawwal fiż-żmien f’livell ikbar minn dak li kien iseħħ li kieku ġew attribwiti istanzi uniċi ta’ aġir imbiegħda fiż-żmien u għalhekk b’soluzzjoni ta’ kontinwità bejn waħda u l-oħra. |
|
108. |
Madankollu, mill-perspettiva tal-intensità tal-konstatazzjoni tal-illegalità, u tal-oneru probatorju relatat, jista’ jiġi rraġunat bil-maqlub. Jiġifieri li l-impriżi involuti, jinsabu quddiem sitwazzjoni fejn, proprju għaliex ma ġewx ikkonstatati bħala illegali l-istanzi uniċi kollha ta’ aġir jew l-istanzi ta’ aġir li jikkomponu l-ksur uniku u kontinwu, l-azzjonijiet ġudizzjarji quddiem il-qrati nazzjonali intiżi għal kumpens għad-dannu li jirriżulta minn illegalitajiet kompetittivi ma jistgħux ikunu kompletament eżenti mill-prova tal-illegalità tal-kuntatti uniċi jew tal-istanzi ta’ aġir minħabba l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni. |
|
109. |
Dan għandu importanza prattika notevoli fuq kollox fid-dawl tal-fatt li l-firxa ta’ dawk li għandhom locus standi sabiex jitolbu l-allegati danni mingħand l-impriżi involuti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija varjata ħafna anki minħabba l-iktar ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li “kemm il-garanzija tal-effikaċja sħiħa u l-effett utli tal-Artikolu 101 TFUE kif ukoll il-protezzjoni effettiva kontra l-konsegwenzi dannużi ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jkunu serjament kompromessi jekk il-possibbiltà li jintalab kumpens għad-dannu kkawżat minn akkordju tkun limitata għall-fornituri u għax-xerrejja tas-suq ikkonċernat mill-akkordju” ( 33 ). |
|
110. |
F’kawżi simili għal din inkwistjoni, rigward l-istanzi ta’ aġir li jseħħu fi proċeduri ta’ sejħa għal offerti, kull sejħa unika jista’ jkollha persuni differenti involuti u numru notevoli ta’ persuni li, minħabba l-illegalità kompetittiva, jistgħu jitolbu d-danni għall-bidla fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq uniku. |
|
111. |
Minn dak kollu li ntqal dwar dan il-punt inqis li jista’ jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset bħala korretta skont id-dritt tal-Unjoni l-formulazzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni finali li skontha l-ksur uniku u kontinwu huwa kompost minn istanzi differenti u separati ta’ ksur. |
|
112. |
Għalhekk, huwa neċessarju li tiġi annullata s-sentenza appellata fil-parti fejn ċaħdet it-tieni u r-raba’ motiv imqajjem mill-appellanti fl-ewwel istanza, fuq il-bażi tal-kwalifikazzjoni doppja tal-akkordju. |
|
113. |
Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li tannulla deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ tiddeċiedi dwar it-tilwima meta l-kawża tkun fi stat li tiġi deċiża. |
|
114. |
Fil-fehma tiegħi, dan huwa l-każ f’din il-kawża, tal-inqas f’dak li jikkonċerna dan l-aggravju. |
|
115. |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi annullata in parte qua fil-parti fejn qieset li ksur uniku u kontinwu huwa kompost neċessarjament minn istanzi separati ta’ ksur. |
|
116. |
Id-dritt tad-difiża tal-partijiet fil-proċedura ġie, fil-fatt, parzjalment limitat u l-formulazzjoni adottata kellha u jista’ jkollha konsegwenzi rilevanti għad-detriment tal-impriżi involuti. |
|
117. |
Madankollu, dan l-iżball ta’ liġi, fil-fehma tiegħi, ma kellu ebda effett fuq l-andament ġenerali tas-sentenza appellata u fuq dak tad-deċiżjoni kkontestata. Bl-eliminazzjoni, fil-fatt, mid-dispożittiv tal-formulazzjoni tal-“kwalifikazzjoni doppja” jibqa’ kkonstatat b’mod sħiħ il-ksur uniku u kontinwu u l-kalkolu tas-sanzjoni twettaq, mid-dehra, fuq il-bażi tal-ksur uniku u kontinwu. |
|
118. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 34 ), l-ilqugħ in parte qua tal-aggravju rigward il-kwistjoni analizzata minni ma jimponix l-annullament tad-deċiżjoni sħiħa iżda biss tal-parti deskritta iktar ’il fuq. |
|
119. |
Fil-fatt, peress li l-għan ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE huwa li jiġi kkonstatat aġir wieħed jew iktar li jikkostitwixxu tali ksur, annullament parzjali ma jistax jibdel is-sustanza ta’ tali deċiżjoni. |
B. Fuq id-determinazzjoni tas-sanzjoni
1. L-argumenti tal-partijiet fil-qosor
|
120. |
Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti fil-Kawżi C‑697/19 P u C‑698/19 P isostnu li, meta kkonfermat l-ammont tal-multa imposta fuqhom fuq il-bażi tal-istess dħul użat għall-kalkolu tal-multa separata imposta rispettivament fuq Lite‑On u fuq Quanta, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità u naqset mill-obbligu li tipprovdi motivazzjoni. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet. |
|
121. |
Għall-faċilità tal-preżentazzjoni, sejjer nillimita ruħi li nirreferi għal dak irrapportat mill-appellanti b’riferiment għall-Kawża C‑697/19 P. |
a) Fuq l-ewwel parti tar-raba’ aggravju
|
122. |
Fl-ewwel parti, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament li f’dan il-każ speċifiku huwa bbażat fuq il-kriterju, previst mil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi, li skontu l-valur tal-bejgħ għandu jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ kull impriża involuta fil-ksur. |
|
123. |
Sony ssostni li, matul il-perijodu tal-ksur preżunt, Lite‑On ipproduċiet LDDO li sussegwentement inbiegħu bil-marka Sony. Fil-kuntest tal-akkordji ta’ qsim tad-dħul mill-bejgħ bejn l-appellanti u Lite‑On, l-appellanti għaddew lil Lite‑On id-dħul mill-bejgħ li jikkorrispondi għall-prodotti ppjanati u ffabbrikati minn Lite‑On. Madankollu, minflok ma dan il-bejgħ ġie attribwit lill-kumpannija li finalment irċeviet id-dħul mill-bejgħ, jiġifieri Lite‑On, fid-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ għall-għan tal-impożizzjoni tal-multa, id-deċiżjoni ttrattat dan id-dħul kemm bħala dħul mill-bejgħ ta’ Sony kif ukoll bħala dħul mill-bejgħ ta’ Lite‑On. Fi kliem ieħor, id-deċiżjoni għaddet l-istess dħul darbtejn. Għalhekk, il-Kummissjoni tbiegħdet mill-prattika stabbilita tagħha. |
|
124. |
Il-Kummissjoni tqis, preliminarjament, li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju hija inammissibbli, peress li l-appellanti jitolbu eżami mill-ġdid tad-domanda ppreżentata lill-Qorti Ġenerali fl-ewwel istanza mingħajr ma jidentifikaw ebda żball speċifiku fis-sentenza appellata u dan l-eżami mill-ġdid jaqa’ ’l barra mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 35 ). |
|
125. |
Fi kwalunkwe każ, din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Fl-ewwel lok, il-punt 13 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi jagħmel riferiment għall-bejgħ direttament jew indirettament marbut mal-ksur u mhux mal-bejgħ ikkonċernat mill-ksur. Dan ifisser li l-Kummissjoni ma għandha ebda obbligu li tistabbilixxi liema istanzi uniċi ta’ bejgħ ġew ikkonċernati minn ksur. Għalkemm, minn naħa, fil-fatt, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-importanza ekonomika ta’ ksur, min-naħa l-oħra dan l-aspett għandu jiġi bbilanċjat bil-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multa tippermetti applikazzjoni effettiva tas-sanzjoni f’konformità mal-prinċipju tal-legalità u tal-proporzjonalità. |
|
126. |
Fit-tieni lok, peress li l-aġir tal-appellanti ma huwiex sostanzjalment differenti minn dak tad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, il-kalkolu tal-multa imposta fuq l-appellanti meħud inkunsiderazzjoni l-bejgħ tagħhom ta’ LDDO lil Dell u, għalhekk, il-piż relattiv tal-parteċipazzjoni tagħhom, jikkonforma mal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament. |
|
127. |
Fit-tielet lok, l-argumenti tal-appellanti huma bbażati mhux daqstant fuq il-metodu tal-kalkolu tal-multa imposta fuqhom, iżda pjuttost fuq il-metodu tal-kalkolu tal-multa imposta fuq Lite‑On. Madankollu, l-idoneità tal-multa imposta fuq Lite‑On ma taqax taħt din il-proċedura u ma tistax isservi bħala bażi oġġettiva sabiex jiġi ġġustifikat tnaqqis tal-multa. Fir-raba’ lok, il-kollaborazzjoni tal-appellanti ma’ Lite‑On ma tnaqqasx il-piż relattiv tal-ksur tal-appellanti. Il-kalkolu meqjus korrett mill-appellanti jwassal għalhekk għal diskriminazzjoni arbitrarja fil-konfront tad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-ħames lok, rigward il-fatt li l-appellanti jinvokaw il-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali osservat ġustament li t-tqabbil tas-sitwazzjoni ta’ destinatarju ta’ deċiżjoni mas-sitwazzjoni ta’ impriżi oħra ma jistax ipoġġi indiskussjoni l-leġittimità tad-deċiżjoni kkontestata fejn din tikkonstata u tikkastiga ksur ikkonstatat ( 36 ). |
b) Fuq it-tieni parti tar-raba’ aggravju
|
128. |
Fit-tieni parti l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, billi injorat l-argument sostnut minnhom li t-teħid inkunsiderazzjoni doppju żied illegalment l-importanza ekonomika tal-ksur preżunt u, konsegwentement, il-multa imposta fuqhom. |
|
129. |
Il-Kummissjoni tqis li din il-parti hija infondata. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat li l-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata għall-għan tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa kien dak tal-bejgħ dirett tal-appellanti lil Dell. Fuq il-bażi tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 265-269 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettement li tieħu inkunsiderazzjoni l-valur ta’ dan il-bejgħ dirett sabiex tistabbilixxi l-valur tal-prodotti relatati mal-ksur. Finalment, skont is-sentenza appellata, l-metodu sostnut mill-appellanti jġib miegħu riskji ta’ evażjoni u differenza fit-trattament fir-rigward tad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni. |
c) Fuq it-tielet parti tar-raba’ aggravju
|
130. |
Fit-tielet parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument tal-appellanti li skontu l-Kummissjoni ma ġġustifikatx il-fatt li tbiegħdet mill-prattika stabbilita tagħha. |
|
131. |
Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali fl-ewwel istanza ġustament indikat li d-deċiżjoni kkontestata tindika l-motivi għalfejn l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti huwa kkalkolat konformement mal-punt 13 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi u li d-deċiżjoni tispjega anki għalfejn ma huwiex opportun li titbiegħed minn dan l-approċċ fil-konfront tar-rikorrenti. Għalhekk, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tapplika l-punt 13 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi b’mod konvenzjonali, ma huwiex neċessarju li hija tiġġustifika deroga ineżistenti għal dawn il-Linji Gwida. |
2. Evalwazzjoni
|
132. |
Sejjer nanalizza b’mod konġunt it-tliet partijiet tar-raba’ aggravju peress li l-kwistjoni ġuridika li l-Qorti tal-Ġustizzja talbitni napprofondixxi tirrigwarda allegat żball ta’ liġi li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali meta kkonfermat, bħala eżentata minn żbalji, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-parti fejn ikkalkolat darbtejn id-dħul ta’ Sony u ta’ Lite‑On, suġġetti ta’ ftehim ta’ sħubija. Għalhekk, isostnu l-partijiet appellanti, ġew miksura l-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità u l-Qorti Ġenerali naqset minn obbligi speċifiċi ta’ motivazzjoni. Il-Kummissjoni, fil-fatt, tbiegħdet mill-metodu indikat fil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi meħud inkunsiderazzjoni l-bejgħ bejn il-parteċipanti fil-kartell, b’enfasi għalhekk fuq l-importanza ekonomika tar-rwol imwettaq mill-appellanti fl-akkordju. |
|
133. |
Preliminarjament inqis li l-aggravji relatati mal-kalkolu tas-sanzjoni ma humiex, kif, minflok, issostni l-Kummissjoni, inammissibbli peress li, mill-kuntest tal-argumenti tal-appellanti, impliċitament iżda b’mod ċar, jirriżulta r-riferiment għall-punti 263 sa 276 tas-sentenza appellata. |
|
134. |
Issa jekk niffoka fuq il-punt li huwa s-suġġett tal-ilment tal-partijiet, l-allegat “teħid inkunsiderazzjoni doppju”, il-Kummissjoni, fuq il-parir tal-Qorti Ġenerali, segwiet il-metodu indikat fil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi, billi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa fuq il-bażi tal-bejgħ ta’ diski ottiċi ffatturati lil Dell (premessa 528 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
135. |
Minħabba l-kuntratt ta’ partnership konkluż mal-appellanti Sony, Lite‑On ma rreġistratx bejgħ dirett lil Dell. Konsegwentement, fir-rigward ta’ Lite‑On – u mhux l-appellanti – il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-valur tal-bejgħ ta’ Lite‑On lill-appellanti minflok fuq il-bejgħ tagħha (ineżistenti) lil Dell. |
|
136. |
Il-Qorti Ġenerali sostniet dwar dan il-punt li “[s]kont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti, fuq il-bażi tal-ftehimiet bejn Lite‑On u Sony, Lite‑On ippjanat u ffabbrikat prodotti ta’ LDDO li sussegwentement inbiegħu bil-marka Sony. Il-kuntratti u l-ordnijiet tal-klijenti ġew formalment konklużi ma’ Sony, u kienet Sony li tħallset mill-klijenti. Għalhekk, huwa diffiċli li jinftiehmu l-argumenti tar-rikorrenti li skonthom il-Kummissjoni għaddet darbtejn il-bejgħ imwettaq lil Dell, peress li kienet Sony li rċeviet id-dħul minn Dell. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont il-punt 13 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont li fuqu hija bbażata l-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni sejra tuża l-valur tal-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi mwettaq mill-impriża b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur” ( 37 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
137. |
U wkoll li “[f]id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-gravità tal-ksur u taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, iżda anki tal-kuntest li fih twettaq il-ksur u għandha tiżgura li l-azzjoni tagħha jkollha effett dissważiv, fuq kollox fil-każ ta’ tipi ta’ ksur partikolarment dannużi għat-tfittxija tal-għanijiet tal-Unjoni. Il-gravità tal-ksur għandha tiġi kkonstatata fuq il-bażi ta’ numru kbir ta’ fatturi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-effett dissważiv tal-multi, mingħajr lista vinkolanti u eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom neċessarjament jittieħdu inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà indikat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li f’kull każ tistabbilixxi liema bejgħ individwali kien ikkonċernat mill-kartell” ( 38 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
138. |
Bil-konklużjoni li “[f]il-kawża inkwistjoni, meta l-Kummissjoni eżaminat il-valur tal-bejgħ ta’ prodotti li kien jagħmel riferiment għalihom il-ksur direttament jew indirettament skont il-punt 13 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi, kien loġiku li jintuża l-bejgħ dirett mir-rikorrenti lil Dell bħala l-bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-multa. F’dan ir-rigward, il-metodu sostnut mir-rikorrenti, li jikkonsisti fit-tnaqqis mid-dħul ta’ Sony mingħand Dell, tad-dħul mgħoddi lil Lite‑On fuq il-bażi tal-akkordji fis-seħħ bejn Sony u Lite‑On matul il-perijodu ta’ riferiment, sabiex jiġi evitat ‘teħid inkunsiderazzjoni doppju’, minkejja s-spjegazzjoni tar-rikorrenti li skonthom ma humiex kapaċi jipprovdu ċifri preċiżi f’dan ir-rigward, jikkomprometti l-effettività tal-projbizzjoni ta’ akkordji, peress li mbagħad ikun suffiċjenti li l-impriżi jassoċjaw ruħhom ma’ parteċipant fl-akkordju sabiex inaqqsu l-ammont tal-multa tagħhom” ( 39 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
139. |
Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, b’differenza minn dak sostnut mir-rikorrenti fl-appell, ma tillimitax ruħha li tifformula osservazzjonijiet ta’ natura ġenerali fuq l-istabbiliment tal-ammont tal-multi ( 40 ), iżda tikkontesta fil-fatt u fid-dritt id-dikjarazzjonijiet proposti mill-partijiet diġà fl-ewwel istanza relatati mal-allegat “teħid inkunsiderazzjoni doppju”. |
|
140. |
Essenzjalment, fil-fehma tiegħi, għall-motivi li sejjer nindika, il-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod xieraq mill-perspettivi segwenti. |
|
141. |
Qabel kollox, il-Kummissjoni pprovdiet dikjarazzjoni ċara tal-metodoloġija li użat sabiex tikkalkola l-multi imposti fuq id-destinatarji u ma kisritx il-prinċipju tal-proporzjonalità. Hija, fil-fatt, applikat korrettement il-prinċipji li jirriżultaw mil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi u ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur u taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni teknika tagħha. |
|
142. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Hija, fil-fatt, ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex timponi s-sanzjonijiet fuq dawn l-appellanti, tal-valur tal-bejgħ imwettaq lil Dell u ma naqqsitx mid-dħul magħmul minn Sony dak mgħoddi lil Lite‑On. Dan kien l-uniku metodu korrett li kellu jiġi adottat peress li, minn naħa, ma ġewx ipprovduti ċifri preċiżi f’dan ir-rigward, u, min-naħa l-oħra, il-metodu propost mill-partijiet jikkomprometti l-effettività tad-deċiżjoni kemm mill-perspettiva tar-rapporti bejn l-impriżi parteċipanti fil-kartell kif ukoll minn dak tad-deterrenza neċessarja tas-sanzjoni. |
|
143. |
Fl-appell, il-partijiet jillimitaw ruħhom fuq dan il-punt sabiex isostnu mill-ġdid l-argumenti relatati mat-teħid inkunsiderazzjoni doppju mingħajr ma jressqu provi ġodda li jistgħu jippermettu apprezzament differenti mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
144. |
L-oriġini tal-argument tal-appellanti, kif osservat korrettement mill-Kummissjoni, ma jinsabx fil-mod li bih din tal-aħħar ikkalkolat l-ammont tal-multa imposta fuqhom, li huwa identiku għal dak applikat fuq il-maġġoranza tad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni, iżda fil-mod li bih il-Kummissjoni kkalkolat il-multa imposta fuq Lite‑On. |
|
145. |
Il-Qorti Ġenerali, kif intwera, eżaminat il-mod li bih il-Kummissjoni mmotivat id-determinazzjoni tal-kalkolu tal-multa u kkonstatat li din tal-aħħar kienet ibbażata, sal-grad rikjest mil-liġi, fuq informazzjoni inkluża fid-deċiżjoni kkontestata dwar is-setgħa ekonomika tal-appellanti. Permezz ta’ dan, il-Qorti Ġenerali eżerċitat il-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 u 263 TFUE b’mod konformi mar-rekwiżiti ta’ stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, billi eżaminat l-ilmenti kollha, ta’ liġi jew ta’ fatt, invokati mill-appellanti f’dan il-kuntest ( 41 ). |
|
146. |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li, għalkemm l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni, dan madankollu jillimita din id-diskrezzjoni billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi li, fil-prinċipju, għandhom jiġu segwiti minn din l-istituzzjoni. Għalhekk, minn naħa, l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq impriża huwa suġġett għal limitu massimu li jista’ jiġi kkwantifikat u li huwa assolut, b’tali mod li l-ammont massimu tal-multa li jista’ jiġi impost fuq impriża partikolari jista’ jiġi ddeterminat minn qabel. Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa limitat ukoll permezz tar-regoli ta’ etika li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha, b’mod partikolari fil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi ( 42 ). |
|
147. |
L-obbligu tal-motivazzjoni, li jippermetti li jiġi kkontrollat l-eżerċizzju tad-diskrezzjonalità, huwa rekwiżit essenzjali li jiġi ssodisfatt jekk il-Kummissjoni tindika fid-deċiżjoni tagħha l-elementi li ppermettewlha tevalwa l-gravità u t-tul tal-ksur. Dan ma jimponix iżda li l-Kummissjoni “għandha tindika fid-deċiżjoni tagħha ċ-ċifri relatati mal-metodu tal-kalkolu tal-multi” ( 43 ). Il-Kummissjoni, fil-fatt, fi kwalunkwe każ, “ma tistax, permezz ta’ invokazzjoni esklużiva u mekkanika ta’ formulazzjonijiet aritmetiċi, teskludi lilha nnifisha mis-setgħa diskrezzjonali tagħha” ( 44 ) u “għandha tevalwa, f’kull każ uniku u fid-dawl tal-kuntest tiegħu u anki tal-għanijiet imfittxija mis-sistema ta’ sanzjonijiet prevista minn dan ir-regolament, l-impatt imfittex fuq l-impriża kkonċernata, b’mod partikolari bit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dħul mill-bejgħ li jirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika effettiva tagħha fil-perijodu li fih twettqet” ( 45 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
148. |
Skont il-punt 13 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi, “Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, iġġenerat mill-impriża, b’konnessjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)]. Normalment, il-Kummissjoni ser tuża l-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur”. |
|
149. |
Kif indikat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-punt 13 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi huwa intiż sabiex jiġi adottat bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ din l-impriża fih. Għalkemm il-kunċett ta’ valur tal-bejgħ imsemmi f’dan il-punt 13 ma jistax, ċertament, jiġi estiż sabiex jinkludi l-bejgħ magħmul mill-impriża inkwistjoni li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju kkontestat, ikun madankollu kuntrarju għall-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni jekk dan il-kunċett kellu jinftiehem bħala li jkopri biss id-dħul mill-bejgħ magħmul bil-bejgħ biss li fir-rigward tiegħu huwa stabbilit li dan kien realment intiż mill-akkordju ( 46 ). |
|
150. |
Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ magħmul bejn entitajiet li jappartjenu lill-istess impriża neċessarjament ifisser li jiġu ffavoriti b’mod inġustifikabbli l-impriżi integrati vertikalment, u jippermettilhom jaħarbu minn sanzjoni proporzjonata għad-daqs tagħhom fis-suq għall-prodotti suġġett tal-ksur. Isegwi li, għall-għanijiet tad-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ riżultanti mill-bejgħ tal-prodotti suġġett tal-ksur, l-impriżi vertikalment integrati jinsabu f’pożizzjoni paragunabbli ma’ dik tal-produtturi mhux vertikalment integrati. Dawn iż-żewġ tipi ta’ impriżi għalhekk għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod. L-esklużjoni tal-bejgħ intern tad-dħul mill-bejgħ rilevanti tfisser li jiġi ffavorit l-ewwel tip li jnaqqas il-piż relattiv tagħhom fil-ksur għad-detriment tat-tieni tip, fuq il-bażi ta’ kriterju distint mill-għan imfittex fid-determinazzjoni ta’ dan id-dħul mill-bejgħ, li huwa dak li tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ kull waħda mill-impriżi li jipparteċipaw fih ( 47 ). |
|
151. |
Bl-applikazzjoni tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-bejgħ kollu fil-kartell, id-definizzjoni wiesgħa ta’ “valur tal-bejgħ” tista’ tippermetti lill-Kummissjoni tapplikaha anki f’każijiet bħal dak inkwistjoni, meħud għalhekk bħala riferiment għall-valur tal-bejgħ il-bejgħ kollu li għalihom direttament jew indirettament jagħmel riferiment il-ksur. F’każ oppost, ċerti parteċipanti fil-kartell ikunu jistgħu jaħarbu artifiċjalment mill-multa billi jingħaqdu ma’ parteċipant ieħor. |
|
152. |
F’dan ir-rigward, fil-punt 271 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-fehma tiegħi korrettement, li l-użu tal-metodu indikat mill-appellanti jikkomprometti l-effettività tal-projbizzjoni ta’ akkordji, peress li mbagħad ikun suffiċjenti li l-impriżi jassoċjaw ruħhom ma’ parteċipant fl-akkordju sabiex inaqqsu l-ammont tal-multa tagħhom. |
|
153. |
Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-għan imfittex mir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, l-interpretazzjoni proposta mill-appellanti tfisser li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi li għandhom jiġu imposti fil-każijiet li jirrigwardaw akkordji, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tistabbilixxi f’kull każ liema huwa l-bejgħ individwali suġġett tal-akkordju. Dan l-obbligu, kif korrettement indikat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 268 tas-sentenza appellata, qatt ma ġie impost mill-qrati tal-Unjoni. |
|
154. |
Konformement imbagħad mal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, il-multa imposta fuq l-appellanti ġiet ikkalkolata bl-istess mod bħall-parteċipanti l-oħra kollha fl-akkordju li rreġistraw bejgħ dirett lil Dell u/jew lil HP. L-użu tal-bejgħ tal-impriża lil klijenti tal-prodott inkwistjoni huwa metodu konvenzjonali għall-evalwazzjoni tal-importanza ekonomika tal-aġir ta’ destinatarju u dan il-metodu dejjem kien irrikonoxxut bħala konformi għall-prinċipji tad-dritt Ewropew. |
|
155. |
Kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 272 tas-sentenza, fir-rigward tal-kuntatti li jirrigwardaw lil Dell, l-aġir tal-appellanti ma kienx sostanzjalment differenti minn dak tad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni. Konsegwentement, il-piż relatat tal-parteċipazzjoni tagħhom huwa debitament irrikonoxxut b’kunsiderazzjoni tal-bejgħ tagħhom ta’ diski ottiċi lil Dell. Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, ikkonkludiet ġustament li kien loġiku li l-Kummissjoni tibbaża l-multa imposta fuq l-appellanti fuq il-valur tal-bejgħ tagħhom lil Dell fiż-ŻEE (punt 270 tas-sentenza appellata). Approċċ bħal dan jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament ma’ parteċipanti oħra. |
|
156. |
Il-fatt li l-appellanti kkollaboraw ma’ Lite‑On fil-produzzjoni, fl-iżvilupp u fil-bejgħ ta’ letturi ta’ diski ottiċi għal Dell ma jnaqqasx il-piż relattiv tal-appellanti fil-ksur. Minkejja l-kuntratt ta’ sħubija, l-appellanti huma responsabbli għall-aġir tagħhom u d-deċiżjoni tikkunsidrahom responsabbli għall-ksur tagħhom, indipendentement minn dak ta’ Lite‑On. It-tnaqqis tal-multa imposta fuq l-appellanti għas-sempliċi motiv li rritornaw lil Lite‑On parti mid-dħul iġġenerat mill-bejgħ ta’ unitajiet ta’ diski ottiċi lil Dell ikun ifisser diskriminazzjoni arbitrarja fil-konfront ta’ destinatarji oħra tad-deċiżjoni, bi ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament (u mhux minħabba fih, kif isostnu l-appellanti). |
|
157. |
Fir-rigward tal-argument tal-appellanti, li skonthom il-Kummissjoni, f’ċerti preċedenti, użat metodi ta’ kalkolu intiżi li jevitaw kwalunkwe riskju ta’ teħid inkunsiderazzjoni doppju tal-bejgħ mill-parteċipanti fil-kartell inkwistjoni, huwa biżżejjed li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni għaliex il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa ta’ evalwazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi, u ma hijiex marbuta mill-evalwazzjoni li tkun għamlet preċedentement ( 48 ). |
|
158. |
Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet korrettament, fil-punt 275 tas-sentenza appellata, li s-sempliċi fatt li r-rikorrenti kienu invokaw deċiżjoni preċedenti huwa minnu nnifsu ineffettiv, meħud inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tevalwa l-każ bl-istess mod. |
|
159. |
Anki fuq il-bażi tal-preċedenti ċċitati mill-appellanti tirriżulta rikostruzzjoni tal-Kummissjoni li hija ggwidata minn evalwazzjoni ġenerali u minn ekwità sostanzjali tad-deċiżjoni. |
|
160. |
Il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fl-impożizzjoni tas-sanzjoni huwa, fil-fatt, “rilevanti fuq kollox bejn l-impriżi involuti fl-istess kartell. It-tqabbil ma’ każijiet oħra huwa permess biss f’każijiet eċċezzjonali” ( 49 ) [traduzzjoni libera]. |
|
161. |
Min-naħa l-oħra, nirrepeti li d-dispożizzjonijiet inklużi fil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi, b’mod partikolari fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ, joffru parametru li għandu madankollu jiġi inkorporat fil-każ konkret u adattat fiċ-ċirkustanzi speċifiċi. |
|
162. |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha quddiemha kartell ikkonstatat bejn persuni li għandhom saħħa kbira ħafna fis-suq u, b’mod partikolari, dawn l-appellanti Sony u Sony Optiarc, bi dħul mill-bejgħ rilevanti enormi. |
|
163. |
Apparti dan, waħda miż-żewġ persuni li kkonkludew il-ftehim ta’ parteċipazzjoni fil-profitti, Lite‑On, ġiet eskluża minn kull konsegwenza sanzjonatorja minħabba l-klemenza. Għalhekk hija inkwistjoni kawża pjuttost partikolari u, għalhekk, fil-loġika tad-deterrenza neċessarja tas-sanzjoni, jeħtieġ li jiġu evalwati l-elementi speċifiċi kollha. |
|
164. |
Kif jidher mill-proċess, Lite‑On ma biegħet ebda prodott direttament lil Dell minħabba l-akkordju preċedenti ma’ Sony. Il-bejgħ intiż għal Dell twettaq kollu minn Sony u għalhekk ittieħed kollu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni bħala marbut mal-ksur. |
|
165. |
Fid-determinazzjoni tas-sanzjoni, il-pożizzjoni ta’ Lite‑On, li t-talba għal klemenza u l-kollaborazzjoni suċċessiva tagħha tqiesu bħala effettivi u sinċieri mill-Kummissjoni, lanqas ma tista’ tiġi eżaminata peress li l-Kummissjoni eskludietha integralment mill-impożizzjoni tal-multi. |
|
166. |
Fi kwalunkwe każ, Sony kienet ġeneralment responsabbli għall-bejgħ fil-kuntest tal-ftehim ta’ kooperazzjoni, filwaqt li Lite‑On kienet responsabbli mill-kwalità u mill-kwistjonijiet ta’ inġinerija u kienet tirkupra mill-applikanti parti mid-dħul iġġenerat mill-bejgħ ta’ LDDO. Peress li kważi d-dħul kollu ta’ Lite‑On mill-bejgħ ta’ LDDO lil Dell ġie ġġenerat b’dan il-mod, Lite‑On għamlet ftit bejgħ dirett lil Dell. Kieku l-Kummissjoni bbażat il-multa ta’ Lite‑On esklużivament fuq il-bejgħ intiż għall-entitajiet ta’ Dell fiż-ŻEE, kif għamlet kważi għad-destinatarji l-oħra kollha fid-deċiżjoni (inklużi l-appellanti), dan kien ifisser multa traskurabbli għal Lite‑On. |
|
167. |
Minħabba l-involviment dirett ta’ Lite‑On fil-kollużjoni ma’ fornituri oħra ta’ LDDO u minħabba li pparteċipat bis-sħiħ fil-kartell, minkejja l-fatt li finalment ġiet konċessa lilha l-immunità mill-multi, dan ir-riżultat ma kienx jirrifletti b’mod xieraq il-gravità tal-involviment ta’ Lite‑On fil-ksur u ma kienx ikollu l-effett ta’ deterrent mitlub. Għalhekk, il-Kummissjoni inkludiet fl-approssimazzjoni tal-valur annwali tal-bejgħ ta’ Lite‑On il-bejgħ lil Sony għan-notebooks u għad-desktops ta’ Dell magħmul matul il-perijodu tal-ksur stabbilit għal Lite‑On (premessa 529 tad-deċiżjoni). |
|
168. |
Minn naħa, għalhekk, il-modalità possibbli ta’ kalkolu tas-sanzjoni ta’ Lite‑On ma tistax tintuża bħala parametru minħabba li ma hijiex effettivament imposta; min-naħa l-oħra, iż-żieda possibbli tal-ammont kumplessiv li fuqu hija kkalkolata s-sanzjoni ġiet meqjusa mill-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni teknika tagħha, bħala indispensabbli sabiex tiġi ppreżervata d-deterrenza neċessarja tas-sanzjoni ta’ persuni bi dħul mill-bejgħ rilevanti partikolarment għoli. Jitfakkar, dwar dan il-punt, li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat ( 50 ). |
|
169. |
Ma jiniex għalkollox konvint, għalhekk, minħabba l-pekuljarità taċ-ċirkustanzi, li huwa minnu dak sostnut mill-appellanti li fil-fatt seħħ teħid inkunsiderazzjoni doppju (illegali). |
|
170. |
Huwa, minflok, verosimili dak sostnut mill-Kummissjoni, hekk kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali, fuq kollox jekk moqri fid-dawl tal-prinċipji li jirregolaw il-modalitajiet tal-kalkolu tas-sanzjoni tal-Kummissjoni. |
|
171. |
Il-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi, kif intwera, ma jgħidu xejn dwar is-sitwazzjoni speċifika u jeħtieġ, għalhekk, li jiġu applikati l-prinċipji espressi fihom kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
172. |
Il-prinċipji li għandhom jiġu bbilanċjati huma: minn naħa, il-proporzjonalità u l-ugwaljanza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, l-effettività u d-deterrenza tas-sanzjoni. |
|
173. |
Fid-determinazzjoni tal-livell xieraq ta’ multi li għandhom jiġu imposti, il-Kummissjoni għandha tiżgura, bit-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, li l-azzjoni tagħha jkollha l-effett deterrenti neċessarju. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-valur tal-bejgħ ta’ prodotti jew servizzi fir-rigward tal-ksur bħala l-bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, kif ukoll għat-tul u għall-gravità tal-ksur. Madankollu, filwaqt li r-riferiment għal dawn il-fatturi jagħti indikazzjoni tajba tal-importanza ekonomika tal-ksur fl-intier tiegħu, u tal-piż relattiv ta’ kull impriża, ma għandux jinftiehem bħala l-bażi ta’ metodu ta’ kalkolu awtomatiku u aritmetiku. |
|
174. |
Il-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi jservu sabiex jagħtu kriterji oġġettivi lill-partijiet u lill-qorti sabiex tiġi evalwata l-korrettezza tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni iżda dawn stess jinkludu limitazzjonijiet u esklużjonijiet li jirrinforzaw id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni. Huwa biżżejjed li jitfakkar, b’mod partikolari, il-punt 37 tal-Linji Gwida li jgħid li “[g]ħalkemm dawn il-linji gwida jesponu l-metodoloġija ġenerali għall-iffissar tal-multi, il-karatteristiċi partikolari ta’ każ partikolari jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari jistgħu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni ma timxix ma’ din il-metodoloġija jew mal-limiti stabbiliti fil-punt 21” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
175. |
Għal dawn ir-raġunijiet, fil-fehma tiegħi, fis-sentenzi appellati, b’riferiment għall-modalitajiet tal-kalkolu tas-sanzjonijiet, ma hemm l-ebda żball evidenti ta’ liġi la mill-perspettiva tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u lanqas minn dik tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
176. |
Il-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod xieraq kull punt suġġett ta’ lment u wriet li l-Kummissjoni għamlet użu tad-diskrezzjoni fdata lilha fir-rigward tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
177. |
Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, meta hija tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, għal raġunijiet ta’ ekwità, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’dik tagħha li tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dwar l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi determinati minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni. Huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont tal-multa ( 51 ). |
|
178. |
Dwar dan il-punt għandu jitfakkar li l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa previst fl-Artikoli 261 TFUE u 31 tar-Regolament Nru 1/2003 ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja. Bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-Qorti tal-Unjoni għandha tqajjem ex officio, huwa għalhekk ir-rikorrent li għandu jqajjem il-motivi kontra d-deċiżjoni kkontestata u li jippreżenta l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi ( 52 ). |
|
179. |
Peress li l-motivazzjonijiet dwar il-modalitajiet tal-kalkolu tas-sanzjoni offruti mill-Kummissjoni u kkonfermati mill-Qorti Ġenerali huma bbażati fuq argumenti ġuridiċi marbuta mal-prinċipji tal-kwistjoni tad-determinazzjoni tas-sanzjoni li jidhru konsistenti mal-linji gwida tal-Qorti tal-Ġustizzja espressi iktar ’il fuq, filwaqt li l-argumenti tal-partijiet appellanti, fir-repetizzjoni tal-ilmenti diġà sostnuti fl-ewwel istanza, ma joffru ebda element ġdid ta’ evalwazzjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċettax l-aggravju rigward il-kwistjoni ġuridika indirizzata sa hawn. |
V. Konklużjoni
|
180. |
Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’, fil-limiti ppreċiżati iktar ’il fuq, it-tielet aggravju fil-Kawżi C‑697/19 P u C‑698/19 P u l-ewwel aggravju fil-Kawżi C‑699/19 P u C‑700/19 P, u li tiċħad, bħala infondat, ir-raba’ aggravju fil-Kawżi C‑697/19 P u C‑698/19 P. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.
( 2 ) Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Lulju 2019, Sony u Sony Electronics vs Il‑Kummissjoni (T‑762/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:515) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) u Sony Optiarc u Sony Optiarc America vs Il‑Kummissjoni (T‑763/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:517) u Quanta Storage vs Il‑Kummissjoni (T‑772/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:519) u Toshiba Samsung Storage Technology u Toshiba Samsung Storage Technology Korea vs Il‑Kummissjoni (T‑8/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:522) (iktar ’il quddiem is-“sentenzi appellati”).
( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2015) 7135 tal‑21 ta’ Ottubru 2015, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Każ AT. 39639 – Disk Drives Ottiċi) ĠU 2015, C 484, p. 22.
( 4 ) Għal deskrizzjoni ddettaljata nagħmel riferiment għas-sentenzi appellati u, b’mod partikolari, għall-punti minn 1 sa 37 tas-sentenzi T‑762/15 u T‑763/15, u għall-punti minn 1 sa 32 tas-sentenzi T‑772/15 u T‑8/16.
( 5 ) ĠU 2006, C 298, p. 17.
( 6 ) ĠU 2006, C 210, p. 2.
( 7 ) L-enfasi kollha użata fit-test hija tiegħi.
( 8 ) Fit-tielet aggravju tal-Kawżi C‑697/19 P u C‑698/19 u fl-ewwel aggravju tal-Kawżi C‑699/19 P u C‑700/19 P
( 9 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2014, Soliver vs Il‑Kummissjoni (T‑68/09, EU:T:2014:867).
( 10 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch Belgium vs Il‑Kummissjoni (C‑642/13 P, EU:C:2017:58, punt 54).
( 11 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Singapore Airlines u Singapore Airlines Cargo vs Il‑Kummissjoni (T‑43/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:989).
( 12 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2006, ASNEF‑EQUIFAX u Administración del Estado (C‑238/05, EU:C:2006:734, punti 30 sa 32).
( 13 ) “Kwalunkwe aspett tal-aġir fil-konfront ta’ kwalunkwe klijent ikkonċernat (Dell jew HP) jew kwalunkwe grupp (jew iktar gruppi) ta’ kuntatti bilaterali għandhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u jikkostitwixxu għalhekk ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 352 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni).
( 14 ) F’dan is-sens, anki jekk b’riferiment għall-Artikolu 81(1) KE fis-seħħ preċedentement, ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce (C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416), punt 156.
( 15 ) F’dan is-sens, anki jekk b’riferiment għall-Artikolu 81(1) KE fis-seħħ preċedentement, ara s-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778), punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 16 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Silver Plastics u Johannes Reifenhäuser vs Il‑Kummissjoni (C‑702/19 P, EU:C:2020:857), punti 81 u 82. Ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il‑Kummissjoni (C‑644/13 P, EU:C:2017:59), punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 17 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il‑Kummissjoni (C‑601/18 P, EU:C:2020:751), punt 130. Ara, f’dan is-sens, anki s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773), punt 172 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 18 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356), punt 84.
( 19 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356), punt 81.
( 20 ) F’dan is-sens, ara fid-duttrina Alexiadis, P., Swanson, D.G. u Guerrero-Perez, A., “Raising the EU evidentiary bar for the “single and continuous infringement” doctrine”, Concurrences, 2016, p. 3.
( 21 ) Siragusa, M. u Rizza, C. (edituri), EU Competition law. Volume III. Cartels & Collusive Behaviour. Restrictive Agreements and Practices Between Competitors, 2012, punt 1.7. Ara wkoll, Simonsson, I., Legitimacy in EU Cartel Control, Hart Publishing, Modern Studies in European Law, 2010, punt 135.
( 22 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778), punt 44.
( 23 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778), punt 45.
( 24 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778), punt 46.
( 25 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il‑Kummissjoni (C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801), punti 42 sa 44.
( 26 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni (C‑534/07 P, EU:C:2009:505), punt 26 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata.
( 27 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6), punt 66 u l-ġurisprudenza iċċitata.
( 28 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6), punt 67 u l-ġurisprudenza iċċitata.
( 29 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il‑Kummissjoni (C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801), punti 42 u 43.
( 30 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il‑Kummissjoni (C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801), punt 44.
( 31 ) Castillo de la Torre, F. u Gippini Fournier, E., Evidence, proof and judicial review in EU competition law, 2017, p. 92.
( 32 ) Castillo de la Torre, F. u Gippini Fournier, E., Evidence, proof and judicial review in EU competition law, 2017, p. 92.
( 33 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Otis et (C‑435/18, EU:C:2019:1069), punt 27.
( 34 ) Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Ottubru 2019, Repower vs EUIPO (C‑281/18 P, EU:C:2019:916), punt 38; sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni (C‑407/08 P, EU:C:2010:389), punt 28.
( 35 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni (C‑352/98 P, EU:C:2000:361), punti 34 u 35.
( 36 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, ABB vs Il‑Kummissjoni (C‑593/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1027), punti 80 sa 86.
( 37 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2019, Sony u Sony Electronics vs Il-Kummissjoni (T‑762/15, EU:T:2019:515), punti 263 sa 266.
( 38 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2019, Sony u Sony Electronics vs Il‑Kummissjoni (T‑762/15, EU:T:2019:515), punti 266 sa 268.
( 39 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2019, Sony u Sony Electronics vs Il‑Kummissjoni (T‑762/15, EU:T:2019:515), punti 270 sa 271.
( 40 ) Punt 79, appell C‑697/19 P.
( 41 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062), punt 214.
( 42 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522), punt 58.
( 43 ) Skont is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens vs Il‑Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866), punt 394 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 44 ) Skont is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens vs Il‑Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866), punt 395 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 45 ) Ara, reċentement, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (C‑591/16 P, EU:C:2021:243), punt 185 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata.
( 46 ) Ara, reċentement, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (C‑591/16 P, EU:C:2021:243), punt 187 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata.
( 47 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Kühne + Nagel International et vs Il‑Kummissjoni (C‑261/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:56), punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 48 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni (C‑510/06 P, EU:C:2009:166), punt 82.
( 49 ) Ara, fid-duttrina, Galokho, S., “Les atteintes au principe d’égalité dans le cadre du calcul des amendes en droit européen des ententes”, Revue internationale de droit économique, p. 186; Bernardeau, L., u Christienne, J.‑Ph., Les amendes en droit de la concurrence. Pratique décisionnelle et contrôle juridictionnel du droit de l’Union, collection Europe(s), Bruxelles, Larcier, 2013, p. 1267. Fil-ġurisprudenza, dwar id-dikjarazzjoni li skontha d-deċiżjonijiet fuq każijiet oħra huma fil-prinċipju indikattivi biss tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, it-tqabbil ma’ deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni jista’ jkun rilevanti għall-prinċipju tal-ugwaljanza biss jekk jintwera li l-informazzjoni speċifika tal-każijiet inkwistjoni hija strettament paragunabbli; ara s‑sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Heineken Nederland u Heineken vs Il‑Kummissjoni (C‑452/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:829), punt 108.
( 50 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512), punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata.
( 51 ) Ara, reċentement, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (C‑591/16 P, EU:C:2021:243), punti 197 sa 198 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata.
( 52 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717), punt 75.