Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea (Verżjoni konsolidata) - It-Tielet parti - Politika tal-Komunita' - TITOLU VI - Regoli Komuni fuq il-Kompetizzjoni fuq it-Tassazzjoni u l-Approssimazzjoni tal-Liġijiet . - Kapitolu 1 - Regoli li jirregolaw il-Kompetizzjoni - Sezzjoni 2 - Għajnuna mill-Istati . - Artikolu 87
Official Journal C 321 E , 29/12/2006 P. 0076 - 0077
Official Journal C 325 , 24/12/2002 P. 0067 - Consolidated version
Official Journal C 340 , 10/11/1997 P. 0211 - Consolidated version
Official Journal C 224 , 31/08/1992 P. 0030 - Consolidated version
(EEC Treaty - no official publication available)
Artikolu 87 1. Bla ħsara ta' kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni. 2. It-tipi ta’ għajnuna li ġejja tkun kompatibbli mas-suq komuni: a) għajnuna ta’ karattru soċjali mogħtija lill-konsumaturi individwali, basta dik l-għajnuna tiġi mogħtija mingħajr diskriminazzjoni bażata fuq l-oriġini tal-prodotti konċernati; b) kull għajnuna mogħtija biex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji; ċ) l-għajnuna mogħtija lill-ekonomiji ta’ ċerti reġjuni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja milquta bid-diviżjoni tal-Ġermanja, safejn dik l-għajnuna tkun meħtieġa sabiex tikkompensa għall-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati b’dik id-diviżjoni. 3. It-tipi ta’ għajnuna li ġejja tista' tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni: a) għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjun fejn il-livell ta' l-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impjieg; b) għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew, jew biex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru; ċ) għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni; d) għajnuna biex tiġi promossa l-kultura u l-preservazzjoni tal-patrimonju meta din l-għajnuna ma tolqotx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fil-komunità sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. e) dawk il-kategoriji oħra ta’ għajnuna li jistgħu jiġu speċifikati b’deċiżjoni tal-Kunsill, b’votazzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni. --------------------------------------------------