IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.2.2024
COM(2024) 78 final
2024/0042(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea waqt il-231 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tal-Emenda prevista għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna:
(i) il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni waqt il-231 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) għall-adozzjoni prevista tal-Emenda 19 għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru,
(ii) il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni wara li l-ICAO ħabbret l-adozzjoni tal-Emenda 19 għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali f’Ittri rispettivi lill-Istati, li jistiednu lill-Istati kontraenti tagħha biex jinnotifikaw kwalunkwe differenzi jew il-konformità mal-miżuri adottati.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru. Il-Konvenzjoni ta’ Chicago daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947 u stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.
L-Istati Membri kollha tal-UE huma Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.
2.2.L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti. L-għanijiet u l-objettivi tal-Organizzazzjoni huma li tiżviluppa l-prinċipji u t-tekniki tan-navigazzjoni internazzjonali bl-ajru u li trawwem l-ippjanar u l-iżvilupp tat-trasport internazzjonali bl-ajru.
Il-Kunsill tal-ICAO hu korp permanenti tal-ICAO bi 36 Stat kontraenti membru lkoll eletti mill-Assemblea tal-ICAO għal perjodu ta’ tliet snin. Tul il-perjodu 2022-2025, hemm sitt Stati Membri tal-UE rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.
Il-funzjonijiet obbligatorji tal-Kunsill tal-ICAO, elenkati fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, jinkludu l-adozzjoni ta’ standards u prattiki rakkomandati (SARPs) internazzjonali, imfassla bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kull wieħed minn dawn l-Annessi jew kull emenda għal xi Anness għandhom isiru effettivi fi żmien tliet xhur minn meta jiġu ppreżentati lill-Istati kontraenti tal-ICAO, jew fi tmiem dak il-perjodu itwal li l-Kunsill tal-ICAO jista’ jippreskrivi, sakemm fil-frattemp ma jkunx hemm maġġoranza ta’ Stati kontraenti tal-ICAO li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom.
Wara l-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri, l-Istati tal-ICAO iridu jikkonformaw ma’ dawk il-miżuri, jew jinnotifikaw id-diżapprovazzjoni tagħhom jew xi differenzi minn dawn il-miżuri qabel ma jidħlu fis-seħħ u jsiru vinkolanti legalment.
Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kull Stat li jqisha mhix prattika għalih li jikkonforma għalkollox ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn, jew li jikkonforma għalkollox ir-regolamenti jew il-prattiki tiegħu ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn, jew li jidhirlu li hemm bżonn l-adozzjoni ta’ regolamenti jew prattiki differenti f’xi aspett partikolari minn dawk stabbiliti fi standard internazzjonali, għandu jinnotifika minnufih lill-ICAO dwar id-differenzi bejn il-prattika tiegħu u dik stabbilita fl-istandard internazzjonali.
2.3.L-atti previsti tal-ICAO u r-relazzjoni tagħhom mar-regoli eżistenti tal-Unjoni
Waqt il-231 sessjoni tiegħu jew waqt xi sessjoni konsegwenti, il-Kunsill tal-ICAO mistenni jikkunsidra u jadotta:
–L-Emenda 19 għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru kif imsemmi fl-Ittra lill-Istati AN 6/1.2-22/85 li toħroġ mid-deliberazzjonijiet tas-sitt laqgħa tal-Bord tal-Investigazzjoni tal-Aċċidenti (AIGP/6). Din hi relatata mal-investigazzjonijiet li jinvolvu inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, ir-rilaxx ta’ informazzjoni investigattiva, l-użu tas-Sistema Ajrunawtika Globali għall-Periklu u s-Sikurezza (GADSS), it-tnaqqis tal-perjodu tal-konsultazzjoni għar-rapport finali, u l-obbligu tal-pubblikazzjoni elettronika.
–L-Emenda ta’ hawn fuq għandha l-potenzjal li tinfluwenza d-dritt tal-UE kif spjegat aktar fid-dettall hawn taħt.
L-Emenda prevista tkopri l-oqsma li ġejjin kif ġej:
–fir-rigward tal-investigazzjonijiet li jinvolvu l-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord: issir distinzjoni bejn l-inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ u l-inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPA), l-Anness 13 se jiċċara għal liema tipi ta’ okkorrenzi tal-RPA hemm l-obbligu li jiġu investigati. Barra minn hekk, l-Emenda tipproponi li fl-Anness 13 jiġu ċċarati l-elementi ewlenin tal-okkorrenzi tal-RPA li għalihom l-investigatur inkarigat jenħtieġ li jkollu aċċess waqt l-investigazzjonijiet.
–fir-rigward tal-gwida lill-awtoritajiet investigattivi: l-Emenda tipproponi li jiġi kkunsidrat ir-rilaxx ta’ informazzjoni kmieni fl-investigazzjonijiet tal-aċċidenti u tal-inċidenti li jiġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku, kif xieraq, u aktar tard b’mod aktar formali joħroġ rapport preliminari bil-miktub.
–fir-rigward tad-disponibbiltà għall-investigazzjoni ta’ reġistrazzjonijiet li joriġinaw mir-reġistraturi fissi mwaħħla fuq l-inġenji tal-ajru: l-Emenda tobbliga li dawn ir-reġistrazzjonijiet isiru disponibbli mingħajr dewmien u tiżgura li dawk ma jiġux żvelati mingħajr il-kunsens tal-Istat li jkun qed iwettaq l-investigazzjoni.
–fir-rigward tal-perjodu tal-konsultazzjoni għall-abbozzi tar-rapporti finali: l-Emenda tipproponi li l-perjodu tal-konsultazzjoni attwali jiqsar għal tletin jum bil-possibbiltà li jiġġedded għal sittin jum.
–Fl-aħħar nett, l-Emenda tipproponi li jiżdied l-għarfien dwar il-librerija elettronika tar-rapporti finali u ddaħħal il-preferenza li r-rapporti finali jiġu ppreżentati lill-ICAO b’format elettroniku.
Hu previst li l-Emenda ssir applikabbli mit-28 ta’ Novembru 2024, ħlief għad-dispożizzjonijiet dwar l-investigazzjonijiet li jinvolvu l-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, li huma previsti biex jibdew japplikaw mis-26 ta’ Novembru 2026.
Ħafna mill-emendi proposti jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 996/2010, iżda jaf ikollhom bżonn xi aġġustamenti fil-livell tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 996/2010. B’mod partikolari, il-proċeduri operatorji tal-Awtoritajiet tal-UE għall-Investigazzjoni tas-Sikurezza (SIAs) jaf ikollhom bżonn jiġu ssupplimentati/emendati kif xieraq. Il-qafas leġiżlattiv attwali tal-UE, ir-Regolament (UE) Nru 996/2010, fl-Artikolu 16(4) tiegħu jispeċifika li l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha timxi skont l-istandards u l-prattiki rakkomandati internazzjonali, li tiżgura l-konformità mal-Anness 13.
Il-valutazzjoni ta’ hawn fuq tħejjiet abbażi ta’ kontribut li wasal mingħand in-Network Ewropew tal-Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ċivili (ENCASIA). In-network hu stabbilit bl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 u hu magħmul mill-kapijiet tal-Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza f’kull wieħed mill-Istati Membri u/jew, fil-każ ta’ awtorità multimodali, mill-kap tal-fergħa tal-avjazzjoni tagħha, jew mir-rappreżentanti tagħhom. L-ENCASIA għandu l-obbligu, fost l-oħrajn, li jħejji suġġerimenti u jagħti pariri lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar kull aspett tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki u regoli tal-Unjoni relatati mal-investigazzjonijiet tas-sikurezza u l-prevenzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti.
3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni
3.1.L-Emendi proposti u r-relazzjoni tagħhom mar-regoli eżistenti tal-Unjoni
L-Emenda 19 għall-Anness 13
L-Emenda proposta kif imsemmija fl-Ittra lill-Istati AN 6/1.2-22/85 tkopri d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 u tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni.
Is-suġġett tal-Emendi previsti hu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE.
L-Emenda proposta tikkontribwixxi għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni billi jiżgura livell għoli ta’ effiċjenza, ħeffa u kwalità fl-investigazzjonijiet tas-sikurezza fis-settur tal-avjazzjoni ċivili, li l-uniku objettiv tagħhom hu l-prevenzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti futuri mingħajr ma jixħtu tort jew responsabbiltà. L-Unjoni tagħraf il-ħtieġa li jitjiebu l-investigazzjonijiet tal-aċċidenti u tal-inċidenti, inkluż il-pubblikazzjoni tar-rapporti tagħha billi jiddaħħlu xi bidliet fl-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru.
Il-bidliet proposti għandhom objettiv doppju: Min-naħa, li jassisti lill-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-Istati Membri fl-investigazzjonijiet tagħhom billi jidentifika t-tipi ta’ inċidenti tal-RPA li jridu jiġu investigati, u billi jiżgura li d-data mir-reġistraturi fissi installati fuq l-inġenji tal-ajru tkun disponibbli mingħajr dewmien, soġġetta għall-permess tal-Istat investigattiv. Barra minn hekk, l-Emenda tagħraf iż-żieda fl-aspettattivi tal-pubbliku u tal-midja, u għalhekk il-ħtieġa li tingħata informazzjoni aktar kmieni waqt l-investigazzjonijiet tal-aċċidenti u tal-inċidenti li jattiraw attenzjoni pubblika akbar, kif ukoll li r-rapporti finali jingħaddew b’format elettroniku. Fl-aħħar nett, l-użu ta’ teknoloġiji ġodda jenħtieġ li jgħin biex jiqsar il-perjodu tal-konsultazzjoni, u b’hekk titħaffef il-pubblikazzjoni tar-rapport finali u tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza li (possibbilment) ikun fih, b’benefiċċju konsegwenzjali għas-sikurezza tal-avjazzjoni.
Il-qafas leġiżlattiv attwali tal-UE, ir-Regolament (UE) Nru 996/2010, fl-Artikolu 16(4) tiegħu jispeċifika li l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha timxi skont l-istandards internazzjonali u l-prattiki rakkomandati, li jiżguraw il-konformità mal-Anness 13. Ma hemm l-ebda ħtieġa perċepita li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 jew li jiġi adottat xi att leġiżlattiv ġdid. L-implimentazzjoni korretta tal-Emenda 19 proposta għall-Anness 13 tista’ tinkiseb billi jiġu adattati l-proċeduri operatorji attwali tal-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza.
Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE u tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) bħala membri u osservaturi tal-ENCASIA WG 7 responsabbli għall-koordinazzjoni tal-fehmiet tas-SIAs fir-rigward tal-Ittri lill-Istati tal-ICAO relatati mal-investigazzjonijiet tas-sikurezza, ikkontribwew għall-iżvilupp tal-proposta relatata mal-Emenda 19.
Il-pożizzjoni proposta li trid tittieħed f’isem l-Unjoni tkun imbagħad li din l-Emenda tiġi appoġġata.
Għalhekk, il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni, diment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta l-Emenda 19 proposta għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru mingħajr bidliet sostanzjali, jenħtieġ li tkun li ma tiġix notifikata diżapprovazzjoni iżda li jkun hemm konformità mal-miżuri adottati bi tweġiba għall-Ittra rispettiva lill-Istati tal-ICAO. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mill-Istandards tal-ICAO li jkun għadhom kif ġew adottati wara data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk l-Istandards, l-Istati Membri jenħtieġ li jinnotifikaw lill-ICAO dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni rigward id-differenzi minn dawk l-Istandards partikolari, abbażi tad-dokument preparatorju ippreżentat fiż-żmien preskritt mill-Kummissjoni lill-Kunsill għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni, li jistabbilixxi d-differenzi dettaljati għaż-żmien meħtieġ biex titlesta l-implimentazzjoni.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni tkunx membru tal-korp jew parti għall-ftehim.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw lill-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-korp leġiżlattiv tal-Unjoni”. Kif spjegat hawn fuq, l-Emenda proposta taqa’ fid-dritt tal-Unjoni (jiġifieri r-Regolament (UE) Nru 996/2010)
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kunsill tal-ICAO hu korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”).
F’konformità mal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati internazzjonali, imfassla bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Dawn huma atti li għandhom effetti legali. Fil-fatt, ladarba jiġu adottati u jsiru effettivi, l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati adottati mill-ICAO huma vinkolanti għall-Istati Kontraenti kollha tal-ICAO skont l-Artikolu 90(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. li jipprevedi li: “L-adozzjoni mill-Kunsill tal-Annessi deskritti fl-Artikolu 54, is-subparagrafu I), għandha teħtieġ il-vot ta’ żewġ terzi tal-Kunsill waqt laqgħa msejħa għal dak l-għan u għandha mbagħad tiġi sottomessa mill-Kunsill lil kull Stat kontraenti. Kwalunkwe tali Anness jew kwalunkwe emenda għal Anness għandhom isiru effettivi fi żmien tliet xhur minn meta tiġi ppreżentata lill-Istati Kontraenti, jew fl-aħħar ta’ tali perjodu itwal li l-Kunsill jista’ jippreskrivi, sakemm sadanittant ma jkunx hemm maġġoranza ta’ Stati Kontraenti li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom mal-Kunsill”. Kif spjegat hawn fuq, l-Emenda prevista għall-Anness 13 tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Jiġifieri, l-Emenda toħloq il-bżonn ta’ adattament tal-proċeduri operaturi attwali tal-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza regolati bir-Regolament (UE) Nru 996/2010. .
L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għall-pożizzjoni tad-Deċiżjoni proposta fir-rigward ta’ dawk in-notifiki hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwaru trid tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att adottat huma relatati mal-politika komuni tat-trasport.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta hi l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2024/0042 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea waqt il-231 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tal-Emenda prevista għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni”) li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).
(2)L-Istati Membri huma Stati Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. Hemm sitt Stati Membri rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.
(3)Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati (“SARPs”) internazzjonali, u jfassalhom bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
(4)Il-Kunsill tal-ICAO, waqt il-231 sessjoni tiegħu, għandu jadotta l-Emenda 19 għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
(5)L-Emenda 19 għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru tal-Konvenzjoni ta’ Chicago għandha l-għan ewlieni li ttejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni billi tiżgura livell għoli ta’ effiċjenza, ħeffa u kwalità tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza fis-settur tal-avjazzjoni ċivili.
(6)Il-bidliet proposti għandhom l-għan li jilħqu dawn l-objettivi billi jassistu lill-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-Istati Membri waqt l-investigazzjonijiet tagħhom dwar l-Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod (RPAS), u jagħmlu l-informazzjoni u d-data mir-reġistraturi installati fuq l-inġenji tal-ajru disponibbli mingħajr dewmien. L-Emenda tagħraf ukoll l-aspettattivi tal-pubbliku u tal-midja li jkunu infurmati, u għalhekk tinkludi dispożizzjonijiet biex tingħata informazzjoni fattwali fil-ħin matul l-investigazzjonijiet tas-sikurezza. Barra minn hekk, l-użu ta’ teknoloġiji moderni jista’ jgħin biex jiqsar il-perjodu tal-konsultazzjoni u b’hekk titħaffef il-pubblikazzjoni tar-rapport finali. Fl-aħħar nett, it-trażmissjoni tar-rapporti finali b’format elettroniku se tgħin biex dawn jittellgħu fil-bażi tad-data ċentrali tal-ICAO.
(7) In-Network Ewropew tal-Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ċivili (ENCASIA) stabbilit bl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010, li wieħed mid-dmirijiet tiegħu hu li jagħti pariri lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar l-aspetti kollha tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni tal-politiki u r-regoli tal-Unjoni relatati mal-investigazzjonijiet tas-sikurezza u mal-prevenzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti, ikkontribwixxa għall-iżvilupp tal-proposta relatata mal-Emenda 19.
(8)Jixraq tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO peress li l-Emenda 19 għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru tal-Konvenzjoni ta’ Chicago se tkun vinkolanti f’konformità mad-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 90(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv id-dritt tal-UE, b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 996/2010.
(9)Il-pożizzjoni tal-Unjoni waqt il-231 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO jew waqt sessjoni konsegwenti b’rabta mal-adozzjoni tal-Emenda 19 prevista għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jenħtieġ li tkun li tappoġġa u tikkonforma ma’ dawn l-Emendi fl-intier tagħhom.
(10)Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kull Stat li jqisha mhix prattika għalih li jikkonforma għalkollox ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn, jew li jikkonforma għalkollox ir-regolamenti jew il-prattiki tiegħu ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn, jew li jidhirlu li hemm bżonn l-adozzjoni ta’ regolamenti jew prattiki differenti f’xi aspett partikolari minn dawk stabbiliti fi standard internazzjonali, jenħtieġ li jinnotifika minnufih lill-ICAO dwar id-differenzi bejn il-prattika tiegħu u dik stabbilita fl-istandard internazzjonali.
(11)Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kull wieħed minn dawn l-Annessi jew kull emenda għal xi Anness għandhom isiru effettivi fi żmien tliet xhur minn meta jiġu ppreżentati lill-Istati kontraenti tal-ICAO, jew fi tmiem dak il-perjodu itwal li l-Kunsill tal-ICAO jista’ jippreskrivi, sakemm fil-frattemp ma jkunx hemm maġġoranza ta’ Stati kontraenti tal-ICAO li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom.
(12)Il-pożizzjoni tal-Unjoni wara l-adozzjoni tal-Emenda 19 għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru tal-Konvenzjoni ta’ Chicago mill-Kunsill tal-ICAO, li jrid iħabbar is-Segretarju Ġenerali tal-ICAO bil-proċedura tal-Ittra lill-Istati tal-ICAO, jenħtieġ li tkun li ma tirreġistrax diżapprovazzjoni u li tikkonforma mal-Emendi. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mis-SARPs li jkun għadhom kemm ġew adottati wara data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk is-SARPs, jenħtieġ li l-ICAO tiġi notifikata b’differenza minn dawk is-SARPs partikolari. Il-pożizzjoni tal-Unjoni rigward differenza bħal dik jenħtieġ li tkun ibbażata fuq dokument bil-miktub ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Kunsill għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni.
(13)Din il-pożizzjoni jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
(1)Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni waqt il-231 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO jew waqt sessjoni konsegwenti għandha tkun li tappoġġa l-Emenda proposta għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru tal-Konvenzjoni ta’ Chicago fl-intier tagħha.
(2)Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni, diment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta l-Emenda proposta għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru tal-Konvenzjoni ta’ Chicago imsemmija fil-paragrafu 1 mingħajr bidliet sostanzjali, għandha tkun li ma tiġix irreġistrata diżapprovazzjoni u li jkun hemm konformità mal-miżuri adottati bi tweġiba għall-Ittra rispettiva tal-ICAO lill-Istati. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mis-SARPs li jkun għadhom kemm ġew adottati wara data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk is-SARPs, l-ICAO għandha tiġi notifikata b’differenza minn dawk is-SARPs partikolari, f’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
Jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun differenti mill-istandards fl-Anness 13 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kummissjoni għandha, fiż-żmien preskritt u mill-inqas xahrejn qabel skadenza stabbilita mill-ICAO għan-notifika tad-differenzi, tippreżenta dokument preparatorju lill-Kunsill, għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni, li jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar id-differenzi dettaljati li jkunu se jiġu notifikati lill-ICAO f’isem l-Unjoni mill-Istati Membri.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President