|
17.6.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 162/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/930
tal-10 ta’ Marzu 2022
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika t-tariffi relatati mas-superviżjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 38n(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Minħabba d-dimensjoni transfruntiera tat-trattament tad-data tas-suq, il-kwalità tad-data u l-ħtieġa li jinkisbu ekonomiji ta’ skala, u biex jiġi evitat l-impatt negattiv tad-diverġenzi potenzjali kemm fuq il-kwalità tad-data kif ukoll fuq il-kompitu tal-fornituri ta’ rapportar tad-data, ir-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) ittrasferixxa s-setgħat ta’ awtorizzazzjoni u ta’ superviżjoni fir-rigward tal-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data (“DRSPs”) fl-Unjoni lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”). |
|
(2) |
Huwa importanti li jiġu speċifikati t-tariffi li l-ESMA tista’ timponi fir-rigward tal-applikazzjoni, l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data. |
|
(3) |
It-tariffi imposti fuq id-DRSPs huma mmirati lejn l-irkupru sħiħ tal-kostijiet li jkunu saru mill-ESMA fir-rigward tal-awtorizzazzjoni u tas-superviżjoni tad-DRSPs. L-attivitajiet superviżorji jinkludu l-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-korp maniġerjali, is-superviżjoni tal-konformità mid-DRSPs mar-rekwiżiti organizzazzjonali, l-eżerċitar tas-setgħat li tintalab informazzjoni, it-twettiq ta’ investigazzjonijiet u ta’ spezzjonijiet fuq il-post u l-impożizzjoni ta’ miżuri superviżorji. L-ESMA tivvaluta l-baġit tagħha fuq bażi annwali. |
|
(4) |
It-tariffi imposti għall-attivitajiet tal-ESMA relatati mad-DRSPs jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livell sabiex tiġi evitata akkumulazzjoni sinifikanti ta’ defiċit jew ta’ surplus. Meta jkun hemm surplus jew defiċit sinifikanti rikorrenti, il-livell tat-tariffi jenħtieġ li jiġi rivedut. |
|
(5) |
DRSP jenħtieġ li jressaq l-applikazzjoni tiegħu quddiem l-ESMA sabiex jiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-kriterji tad-deroga. Matul l-ewwel fażi tal-applikazzjoni, l-ESMA jenħtieġ li tiddetermina jekk DRSP ikunx eliġibbli għal deroga mis-superviżjoni mill-ESMA. Jekk il-kriterji għad-deroga japplikaw, l-ESMA jenħtieġ li tgħaddi l-applikazzjoni lill-awtorità nazzjonali kompetenti. F’dan il-każ jenħtieġ li ma tiġi imposta l-ebda tariffa mill-ESMA. It-tariffi fissi relatati mal-awtorizzazzjoni mill-ESMA jenħtieġ li jinqasmu bejn tariffa għall-applikazzjoni, li jenħtieġ li tkun relatata mal-valutazzjoni tal-kompletezza ta’ applikazzjoni u tariffa għall-awtorizzazzjoni. Il-proċess ta’ awtorizzazzjoni jenħtieġ li jitlesta fi żmien sitt xhur. |
|
(6) |
L-ESMA għandha tivvaluta jekk id-DRSPs li diġà jkunu awtorizzati fil-livell nazzjonali mill-1 ta’ Jannar 2022 jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-superviżjoni mill-ESMA u għandha tinforma lid-DRSPs rispettivi. Id-DRSPs li diġà jkunu awtorizzati fil-livell nazzjonali jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal awtorizzazzjoni mill-ġdid mill-ESMA. Dawn id-DRSPs diġà jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli għad-DRSPs u jenħtieġ li ma jiġux imposti għal duplikazzjoni tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni mill-ESMA. |
|
(7) |
It-tariffi annwali imposti mill-ESMA jenħtieġ li jkopru l-attivitajiet kollha relatati mad-DRSPs. L-ESMA jenħtieġ li tivvaluta kull sena l-baġit superviżorju tagħha relatat ma’ kull tip ta’ DRSP u timponi tariffa lil kull DRSP individwali li tkun proporzjonata għad-dħul tiegħu meta mqabbla mad-dħul totali tad-DRSPs kollha tal-istess tip. Id-dħul relatat ma’ attivitajiet anċillari direttament għas-servizzi ewlenin tad-DRSPs jenħtieġ li jiġi inkluż fil-kalkolu tal-fatturat applikabbli safejn dan x’aktarx li jkollu impatt fuq is-superviżjoni mill-ESMA tad-DRSP u ma jkunx diġà kopert minn attivitajiet ta’ superviżjoni separati. Tariffa minima għall-Arranġamenti ta’ Pubblikazzjoni Approvati (APAs) u Mekkaniżmi ta’ Rappurtar Approvati (ARMs) tkopri l-kostijiet fissi relatati ma’ talbiet għal informazzjoni, monitoraġġ kontinwu u, investigazzjonijiet. It-tariffa annwali tapplika għal kull sena kalendarja. |
|
(8) |
L-ESMA tista’ tiddelega kompiti superviżorji lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, f’liema każ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jenħtieġ li jiġu rimborżati mill-ESMA għall-kostijiet imġarrba tagħhom. |
|
(9) |
Peress li huwa diffiċli li tinġabar informazzjoni dwar is-superviżjoni bbażata fuq il-kost għas-superviżjoni fl-2022, huwa essenzjali li tiġi prevista dispożizzjoni tranżizzjonali b’metodu ta’ kalkolu għal tariffa fissa li tapplika matul l-ewwel sena ta’ superviżjoni mill-ESMA u li tkun ibbażata fuq data oġġettiva u li tkun tista’ tinkiseb faċilment. Sabiex jiġi ssodisfat il-prinċipju tal-proporzjonalità, jenħtieġ li ssir distinzjoni bejn id-DRSPs billi jintuża l-għadd ta’ tranżazzjonijiet bħala indikatur għar-rilevanza tad-DRSP individwali fir-rigward tad-DRSPs kollha. Il-kalkolu biex tiġi ddeterminata t-tariffa superviżorja għal kull DRSP għall-2022 jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar it-tranżazzjonijiet ippubblikati jew irrapportati mill-APAs u mill-ARMs matul l-ewwel nofs tal-2021 u jenħtieġ li jiddistingwi bejn DRSPs akbar u iżgħar. |
|
(10) |
Il-kontijiet awditjati għad-DRSPs se jkunu meħtieġa biss wara li l-ESMA tkun ħadet f’idejha s-superviżjoni tad-DRSP. Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi prevista dispożizzjoni tranżizzjonali biex taġġusta l-metodu tal-kalkolu tad-dħul għall-2023, li skontu l-pagament tat-tariffa superviżorja annwali għall-2023 l-ewwel darba jkun ibbażat fuq informazzjoni dwar kontijiet mhux awditjati mill-ewwel sitt xhur tal-2022. Fit-tieni stadju, jenħtieġ li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmu ta’ korrezzjoni biex it-tariffa tkun ibbażata fuq kontijiet awditjati tas-sena kollha tal-2022. |
|
(11) |
Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-qafas superviżorju l-ġdid għad-DRSPs, kif introdott fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/2175, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjoni
Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, “fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data”, jew “DRSP”, tfisser arranġament ta’ pubblikazzjoni approvat jew mekkaniżmu ta’ rapportar approvat kif definit fl-Artikolu 2(1)(34) u fl-Artikolu 2(1)(36) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.
Artikolu 2
Tariffi fuq l-applikazzjoni u l-awtorizzazzjoni
Meta DRSP japplika għal awtorizzazzjoni biex jipprovdi servizzi ta’ rapportar tad-data, dan għandu jħallas:
|
(a) |
għall-APAs u l-ARMs tariffa tal-applikazzjoni ta’ EUR 20 000 għall-ewwel applikazzjoni u EUR 10 000 għal kull applikazzjoni sussegwenti għall-awtorizzazzjoni ta’ servizzi addizzjonali ta’ rapportar tad-data f’każ li l-applikant ma jkollux deroga f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/466 dwar il-kriterji tad-deroga (3); |
|
(b) |
għall-APAs u l-ARMs tariffa ta’ awtorizzazzjoni ta’ EUR 80 000 għall-ewwel awtorizzazzjoni u EUR 40 000 kull darba wara l-awtorizzazzjoni ta’ servizzi addizzjonali ta’ rapportar tad-data, f’każ li l-applikant ma jkollux deroga f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2022/466. |
Artikolu 3
Tariffi superviżorji annwali
1. DRSP li jkun soġġett għas-superviżjoni mill-ESMA għandu jiġi impost tariffa superviżorja annwali.
2. It-tariffa superviżorja annwali totali u t-tariffa superviżorja annwali għal DRSP partikolari għandhom jiġu kkalkolati kif ġej:
|
(a) |
it-tariffa superviżorja annwali totali għal sena partikolari (n) għandha tkun l-istima tan-nefqa relatata mas-superviżjoni tal-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 kif inkluż fil-baġit tal-ESMA għal dik is-sena; |
|
(b) |
tariffa superviżorja annwali ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data għal sena partikolari (n) għandha tkun it-tariffa superviżorja annwali totali ddeterminata skont il-punt (a) diviża bejn il-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data awtorizzati fis-sena (n), fi proporzjon mal-fatturat applikabbli tagħhom ikkalkolat skont l-Artikolu 4. |
3. APA jew ARM awtorizzat mill-ESMA ma għandu fl-ebda każ iħallas tariffa superviżorja annwali ta’ inqas minn EUR 30 000.
F’każ li entità tkun soġġetta għal tariffi superviżorji minimi għal aktar minn servizz wieħed ta’ rapportar tad-data, din għandha tħallas it-tariffa superviżorja minima għal kull servizz ipprovdut.
4. B’deroga mill-paragrafi 2 u 3, it-tariffa tal-ewwel sena għandha tiġi kkalkolata billi titnaqqas it-tariffa fuq l-awtorizzazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) b’fattur li jkun ugwali għall-jiem bejn l-awtorizzazzjoni u t-tmiem tas-sena diviż bl-għadd totali ta’ jiem f’dik is-sena. Għalhekk, din għandha tiġi kkalkolata kif ġej:
tariffa tal-ewwel sena ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data = Min (Tariffa fuq l-awtorizzazzjoni, Tariffa fuq l-awtorizzazzjoni * Koeffiċjent)
Meta DRSP ikun awtorizzat matul ix-xahar ta’ Diċembru, dan ma għandux iħallas it-tariffa superviżorja tal-ewwel sena.
5. B’deroga mill-paragrafu 2 u 3, meta r-rivalutazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/466 tirriżulta fid-deroga tas-superviżjoni mill-ESMA ta’ DRSP, it-tariffa superviżorja annwali għas-sena li fiha tapplika d-deroga għandha tiġi kkalkolata biss għall-ħames xhur f’dik is-sena li matulhom l-ESMA tibqa’ s-superviżur tad-DRSP f’konformità mal-Artikolu 1(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/466.
Artikolu 4
Fatturat applikabbli
1. Id-DRSPs għandhom iżommu kontijiet awditjati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament li jiddistingwu bejn mill-inqas dawn li ġejjin:
|
(a) |
dħul iġġenerat minn servizzi tal-ARMs; |
|
(b) |
dħul iġġenerat minn servizzi tal-APAs; |
|
(c) |
dħul iġġenerat minn servizzi anċillari għal attivitajiet tal-ARMs; |
|
(d) |
dħul iġġenerat minn servizzi anċillari għal attivitajiet tal-APAs. |
2. Il-fatturat applikabbli ta’ DRSP għal sena partikolari (n) għandu jkun is-somma ta’:
|
(a) |
id-dħul tagħha ġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-forniment ta’ servizzi tal-ARMs jew tal-APAs abbażi tal-kontijiet awditjati tas-sena (n-2), jew, jekk dawn ikunu għadhom ma humiex disponibbli tas-sena ta’ qabel dik (n-3) u |
|
(b) |
id-dħul applikabbli tagħha minn servizzi anċillari abbażi ta’ kontijiet awditjati tas-sena (n-2), jew, jekk dawn ikunu għadhom ma humiex disponibbli tas-sena ta’ qabel dik (n-3), diviż bis-somma ta’: |
|
(c) |
id-dħul totali tal-ARMs jew tal-APAs awtorizzati kollha ġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-forniment ta’ servizzi tal-ARMs jew tal-APAs abbażi tal-kont awditjat matul is-sena (n-2), jew, jekk ikunu għadhom ma humiex disponibbli tas-sena ta’ qabel dik (n-3) u |
|
(d) |
id-dħul totali applikabbli minn servizzi anċillari tal-ARMs jew tal-APAs kollha abbażi ta’ kontijiet awditjati matul is-sena (n-2), jew, jekk dawn ikunu għadhom ma humiex disponibbli tas-sena ta’ qabel dik (n-3). |
3. Meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data ma jkunx opera matul is-sena sħiħa (n-2), il-fatturat applikabbli tiegħu għandu jiġi stmat skont il-formula stabbilita fil-paragrafu 2 billi jiġu estrapolati għall-fornitur tas-servizzi ta’ rapportar tad-data l-valuri kkalkolati għall-għadd ta’ xhur li matulhom il-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data opera fis-sena (n-2) għas-sena kollha (n-2).
4. Id-DRSPs għandhom jipprovdu lill-ESMA, fuq bażi annwali, b’kontijiet awditjati kif imsemmi fil-paragrafu 1. Id-dokumenti għandhom jitressqu lill-ESMA b’mezzi elettroniċi mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru ta’ kull sena (n-1). Fil-każ ta’ DRSP awtorizzat wara t-30 ta’ Settembru, dan għandu jipprovdi ċ-ċifri immedjatament mal-awtorizzazzjoni u sa tmiem is-sena tal-awtorizzazzjoni.
Artikolu 5
Modalitajiet ġenerali ta’ pagament
1. It-tariffi kollha għandhom jitħallsu f’euro. Dawn għandhom jitħallsu kif speċifikat fl-Artikoli 6 u 7.
2. Kwalunkwe pagament tard għandu jġarrab l-imgħax ta’ inadempjenza stabbilit fl-Artikolu 99 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).
Artikolu 6
Pagament tat-tariffi fuq l-applikazzjoni u l-awtorizzazzjoni
1. It-tariffi għall-applikazzjoni, l-awtorizzazzjoni jew l-estensjoni tal-awtorizzazzjoni għandhom ikunu dovuti fiż-żmien li japplika d-DRSP u għandhom jitħallsu kollha fi żmien 30 jum mid-data tal-ħruġ tal-fattura tal-ESMA.
2. Meta DRSP jiddeċiedi li jirtira l-applikazzjoni tiegħu għall-awtorizzazzjoni qabel l-ESMA tadotta d-deċiżjoni motivata tagħha li tawtorizza jew li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni, it-tariffi fuq l-applikazzjoni jew l-awtorizzazzjoni ma għandhomx jiġu rimborżati.
Artikolu 7
Pagament tat-tariffi superviżorji annwali
1. It-tariffa superviżorja annwali msemmija fl-Artikolu 3 għandha tkun dovuta fil-bidu ta’ kull sena kalendarja u titħallas kollha lill-ESMA fl-ewwel tliet xhur ta’ dik is-sena. L-ESMA għandha tressaq fattura li tispeċifika l-ammont sħiħ tat-tariffa superviżorja mhux aktar tard minn tletin jum qabel id-data tal-aħħar pagament. It-tariffi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-aħħar informazzjoni disponibbli għat-tariffi annwali.
2. Meta DRSP jiddeċiedi li jirtira l-awtorizzazzjoni tiegħu, it-tariffa superviżorja annwali ma għandhiex tiġi rimborżata.
Artikolu 8
Rimborż tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti
1. Fil-każ ta’ delega tal-kompiti mill-ESMA lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-awtorità nazzjonali kompetenti ma għandhiex tirkupra l-kostijiet imġarrba waqt it-twettiq tal-kompiti superviżorji delegati mill-ESMA direttament mid-DRSP.
2. L-ESMA għandha tirrimborża awtorità kompetenti għall-kostijiet proprji li jkunu ġġarrbu bħala riżultat tat-twettiq ta’ ħidma skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega tal-kompiti skont l-Artikolu 38o tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.
3. L-ESMA għandha tiżgura li l-kostijiet li għandhom jiġu rimborżati lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
dawn jenħtieġ li jiġu miftiehma minn qabel bejn l-ESMA u l-NCA; |
|
(b) |
dawn jenħtieġ li jkunu proporzjonati għall-fatturat tad-DRSP rilevanti; u |
|
(c) |
dawn jenħtieġ li ma jkunux akbar mill-ammont totali ta’ tariffi superviżorji mħallsa mid-DRSP rilevanti. |
4. Kwalunkwe delega tal-kompiti mill-ESMA lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandha tiġi ddeterminata fuq bażi indipendenti, tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin u ma għandhiex ikollha impatt fuq l-ammont ta’ tariffi imposti fuq DRSP partikolari.
Artikolu 9
Dispożizzjoni tranżizzjonali għall-2022
1. Għall-finijiet tal-kalkolu tat-tariffa superviżorja annwali applikabbli għad-DRSPs taħt is-superviżjoni tal-ESMA għas-sena 2022, l-ESMA għandha tiġbor tariffa fissa, ibbażata fuq il-kalkoli li ġejjin:
|
(a) |
EUR 350 000 għall-APAs li ppubblikaw tranżazzjonijiet li ammontaw għal aktar minn 10 % tal-għadd totali ta’ tranżazzjonijiet ippubblikati tal-APAs awtorizzati kollha għal strumenti ta’ ekwità jew mhux ta’ ekwità, fl-ewwel sitt xhur tal-2021, kif irrappurtat mill-awtorità kompetenti kkonċernata; |
|
(b) |
EUR 50 000 għall-APAs li ppubblikaw tranżazzjonijiet li ammontaw għal aktar minn 10 % tal-għadd totali ta’ tranżazzjonijiet ippubblikati tal-APAs awtorizzati kollha għal strumenti ta’ ekwità jew mhux ta’ ekwità, fl-ewwel sitt xhur tal-2021, kif irrappurtat mill-awtorità kompetenti kkonċernata; |
|
(c) |
EUR 650 000 għall-ARMs li ppreżentaw rapporti ta’ tranżazzjoni lill-awtorità kompetenti rilevanti li ammontaw għal aktar minn 10 % tal-għadd totali ta’ rapporti dwar it-tranżazzjonijiet ippreżentati lill-awtoritajiet kompetenti mill-ARMs awtorizzati kollha fl-ewwel sitt xhur tal-2021, kif irrapportat mill-awtorità kompetenti kkonċernata; |
|
(d) |
EUR 50 000 għall-ARMs li ppreżentaw rapporti ta’ tranżazzjoni lill-awtorità kompetenti rilevanti li ammontaw għal aktar minn 10 % tal-għadd totali ta’ rapporti dwar it-tranżazzjonijiet ippreżentati lill-awtoritajiet kompetenti mill-ARMs awtorizzati kollha fl-ewwel sitt xhur tal-2021, kif irrapportat mill-awtorità kompetenti kkonċernata; |
2. L-ESMA għandha tipprovdi lill-APAs u l-ARMs ikkonċernati b’fattura li tispeċifika l-ammont sħiħ tat-tariffi għall-2022 malajr kemm jista’ jkun prattikament possibbli wara li dan ir-Regolament ikun beda japplika, u mhux aktar tard minn tletin jum qabel id-data tal-aħħar pagament.
Artikolu 10
Dispożizzjoni tranżizzjonali għall-2023
1. Id-DRSPs taħt superviżjoni mill-ESMA mill-1 ta’ Jannar 2023 għandhom jiġu debitati tariffa superviżorja annwali għall-2023 ikkalkulata skont l-Artikolu 3. Madankollu, għall-finijiet tal-Artikolu 4(2), il-fatturat applikabbli tad-DRSPs għandu jiġi kkalkulat skont il-paragrafu 2.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fatturat applikabbli ta’ DRSP għandu jkun is-somma ta’:
|
(a) |
id-dħul tad-DRSP iġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-forniment ta’ servizzi tal-ARM jew tal-APA fl-ewwel sitt xhur tal-2022 u |
|
(b) |
id-dħul tad-DRSP iġġenerat minn servizzi anċillari għall-attivitajiet tal-ARM jew tal-APA fl-ewwel sitt xhur tal-2022, diviża bis-somma ta’: |
|
(c) |
id-dħul totali tal-ARMs jew tal-APAs awtorizzati kollha ġġenerati mill-funzjonijiet ewlenin tal-forniment ta’ servizzi tal-ARM jew tal-APA fl-ewwel sitt xhur tal-2022 u |
|
(d) |
id-dħul totali ġġenerat minn servizzi anċillari għall-attivitajiet tal-ARM jew tal-APA tal-ARMs jew tal-APAs kollha fl-ewwel sitt xhur tal-2022. |
Sat-30 ta’ Settembru 2022, id-DRSPs għandhom jinfurmaw lill-ESMA dwar l-ammont ta’ dħul iġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-forniment ta’ servizzi tal-ARM jew tal-APA fl-ewwel sitt xhur tal-2022 u dwar l-ammont tad-dħul minn servizzi anċillari għall-attivitajiet tal-ARM jew tal-APA fl-ewwel sitt xhur tal-2022.
3. Hekk kif il-kontijiet awditjati għas-sena 2022 isiru disponibbli, id-DRSPs imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jirrapportaw minnufih dawk il-kontijiet awditjati lill-ESMA f’konformità mal-Artikolu 4(1).
4. L-ESMA għandha tikkalkula jekk hemmx xi differenza bejn it-tariffa superviżorja annwali għall-2023 imħallsa mid-DRSP f’konformità mal-paragrafu 2 u t-tariffa superviżorja annwali dovuta għall-2023 ikkalkulata abbażi tal-kontijiet awditjati riċevuti f’konformità mal-paragrafu 3.
5. L-ESMA għandha tipprovdi lid-DRSPs l-ewwel fattura li tispeċifika l-ammont tat-tariffa superviżorja għall-2023 kif imsemmi fil-paragrafu 2 mhux aktar tard minn tletin jum qabel id-data tal-aħħar pagament.
Meta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tkun disponibbli għad-DRSPs kollha, l-ESMA għandha tipprovdi lid-DRSPs it-tieni fattura li tispeċifika l-ammont finali tat-tariffa superviżorja għall-2023 abbażi tal-kalkolu msemmi fil-paragrafu 4. L-ESMA għandha tipprovdi lid-DRSPs dik il-fattura sa mhux aktar tard minn tletin jum qabel id-data tal-aħħar pagament.
Artikolu 11
Dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ u japplika fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.
(2) Ir-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea); ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol); ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq); ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji; ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; u r-Regolament (UE) 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi (ĠU L 334, 27.12.2019, p. 1).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/466 tas-17 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika l-kriterji għad-deroga tal-prinċipju li l-arranġamenti approvati ta’ pubblikazzjoni u l-mekkaniżmi approvati tar-rapportar huma taħt is-superviżjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ĠU L 96, 24.3.2022, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).