|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2190 |
29.9.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/2190
tat-28 ta’ Settembru 2026
li temenda l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fil-25 ta’ Novembru 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK (1) dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah). |
|
(2) |
Fit-30 ta’ April 2025, fil-kuntest tar-Rieżami Strateġiku kkoordinat tal-EU BAM Rafah u tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS), il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) qabel li jenħtieġ li l-mandati taż-żewġ missjonijiet jiġu estiżi sat-30 ta’ Ġunju 2027. |
|
(3) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Marzu 2026, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid, fost affarijiet oħra, l-impenn tal-Unjoni Ewropea għad-dritt internazzjonali u paċi komprensiva, ġusta u dejjiema bbażata fuq is-soluzzjoni ta’ żewġ stati. L-Unjoni tenniet ir-rieda tagħha li taħdem fuq l-implimentazzjoni tal-Pjan Komprensiv biex Jintemm il-Konflitt f’Gaża f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2803, waqt li appellat għall-implimentazzjoni sħiħa mill-partijiet kollha tal-waqfien mill-ġlied u tad-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tal-UNSCR 2803, f’konformità mal-UNSCRs rilevanti u l-prinċipji politiċi u legali internazzjonali. |
|
(4) |
Fid-29 ta’ Ġunju 2026, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2026/1467 (2), li estendiet l-EU BAM Rafah bi tliet xhur sat-30 ta’ Settembru 2026. |
|
(5) |
B’kont meħud tal-informazzjoni pprovduta minn Iżrael u mill-Awtorità Palestinjana, l-EU BAM Rafah għandha tiġi estiża b’disa’ xhur. |
|
(6) |
Għalhekk jenħtieġ li l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK tiġi emendata skont dan. |
|
(7) |
L-EU BAM Rafah ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK hija emendata kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 13(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej: “L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EU BAM Rafah għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027 għandu jkun ta’ EUR 10 282 125,00.” ; |
|
(2) |
fl-Artikolu 16, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “Għandha tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2027.”. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Ottubru 2026.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
M. HEYDON
(1) L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/889/PESK tal-25 ta’ Novembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) (ĠU L 327, 14.12.2005, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2005/889/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/1467 tad-29 ta’ Ġunju 2026 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) (ĠU L, 2026/1467, 30.6.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1467/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2190/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)