7.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 260/22


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-linji gwida tal-politika tal-Istati Membri għall-impjiegi

(2015/C 260/05)

Relatur

Mauro D'ATTIS (IT/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta' Brindisi

Dokument ta' referenza

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Linji gwida tal-politika tal-Istati Membri għall-impjiegi

COM(2015) 98 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

Proposta għal deċiżjoni

Punt 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, l-Unjoni Ewropea żviluppat u implimentat strumenti ta' koordinazzjoni tal-politika għall-politika fiskali u politiki makrostrutturali. Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien strumenti differenti f'qafas ġenerali għal sorveljanza ekonomika u baġitarja multilaterali integrata. Permezz ta' simplifikazzjoni u tisħiħ tas-Semestru Ewropew kif jistipula l-Istħarriġ Annwali 2015 tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir, se jkompli jitjieb l-operat tiegħu.

Skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, l-Unjoni Ewropea żviluppat u implimentat strumenti ta' koordinazzjoni tal-politika għall-politika fiskali u politiki makrostrutturali. Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien strumenti differenti f'qafas ġenerali għal sorveljanza multilaterali integrata tal-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjieg u dawk soċjali . Permezz ta' simplifikazzjoni u tisħiħ tas-Semestru Ewropew kif jistipula l-Istħarriġ Annwali 2015 tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir, se jkompli jitjieb l-operat tiegħu.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 2

Proposta għal deċiżjoni

Punt (5) – żid punt ġdid

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

L-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tiġi implimentata fi sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma indispensabbli, fid-dawl tal-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom fl-oqsma koperti minn dawn il-linji gwida u b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta' riforma, b'mod partikolari għas-servizzi soċjali u l-istrateġiji ta' integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-komunikazzjoni ġenerali dwar l-istrateġija tkun taf tisfrutta r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali meta jitqies li l-livell lokali u reġjonali huwa l-eqreb taċ-ċittadini.

Raġuni

Affermazzjoni tar-rwol politiku li jassumu l-awtoritajiet lokali u reġjonali f'ħafna Stati Membri fl-implimentazzjoni tal-politiki previsti mill-Istrateġija Ewropa 2020 (1).

Emenda 3

Proposta għal deċiżjoni

Punt 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika wriet u enfasizzat dgħjufijiet importanti fl-ekonomija tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Il-kriżi ħarġet fid-dieher ukoll l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji tal-Istati Membri u s-swieq tal-impjiegi. Issa fi żmienna għandna l-isfida l-kbira li l-Unjoni toħloq tkabbir u impjiegi sodi, sostenibbli u inklużivi. Għal dan il-għan hemm bżonn azzjoni politika kkoordinata u ambizzjuża, kemm fil-livell tal-UE u kif ukoll fil-livell nazzjonali, li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u l-governanza ekonomika tal-Unjoni. Billi jwaħħdu miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, dawn l-azzjonijiet għandhom jagħtu spinta lill-investiment, iġeddu l-impenn għal riformi strutturali u jħaddmu rresponsabbiltà fiskali.

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika wriet u enfasizzat dgħjufijiet importanti fl-ekonomija tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Il-kriżi ħarġet fid-dieher ukoll l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji tal-Istati Membri u s-swieq tal-impjiegi. Issa fi żmienna għandna l-isfida l-kbira li l-Unjoni toħloq tkabbir u impjiegi sodi, sostenibbli u inklużivi. Għal dan il-għan hemm bżonn azzjoni politika kkoordinata u ambizzjuża, kemm fil-livell tal-UE u kif ukoll fil-livell nazzjonali, li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u l-governanza ekonomika tal-Unjoni. Billi jwaħħdu miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, dawn l-azzjonijiet għandhom jagħtu spinta lill-investiment pubbliku u privat , iġeddu l-impenn għal riformi strutturali u jħaddmu rresponsabbiltà fiskali.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 4

Proposta għal deċizjoni

Punt 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jindirizzaw ukoll l-impatt soċjali tal-kriżi u jimmiraw li jsawru soċjetà ta' koeżjoni fejn iċ-ċittadini jkollhom is-setgħa li jantiċipaw u jamministraw il-bidla, u li jkunu jistgħu jieħdu sehem b'mod attiv fis-soċjetà u l-ekonomija. Irid ikun żgurat aċċess u opportunitajiet għal kulħadd filwaqt li jonqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-aktar billi jkun żgurat funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u s-sistemi tas-sigurtà soċjali u jitneħħew l-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-ġid tat-tkabbir ekonomiku jitqassam fost iċ-ċittadini kollha u r-reġjuni kollha.

L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jindirizzaw ukoll l-impatt soċjali tal-kriżi u jimmiraw li jsawru soċjetà ta' koeżjoni fejn iċ-ċittadini jkollhom is-setgħa li jantiċipaw u jamministraw il-bidla, u li jkunu jistgħu jieħdu sehem b'mod attiv fis-soċjetà u l-ekonomija. Irid ikun żgurat aċċess u opportunitajiet għal kulħadd filwaqt li jonqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-aktar billi jkun żgurat funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u s-sistemi tas-sigurtà soċjali u jitneħħew l-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-mobilità tal-forza tax-xogħol . L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-ġid tat-tkabbir ekonomiku jitqassam fost iċ-ċittadini kollha u r-reġjuni kollha.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 5

Proposta għal deċiżjoni

Punt (8)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Azzjoni konformi mal-linji gwida tkun kontribut importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020. Il-linji gwida huma ġabra integrata ta' politiki Ewropej u nazzjonali li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jimplimentaw ħalli r-riformi strutturali kkoordinati jħallu effetti kollaterali pożittivi, issir taħlita tajba tal-politiki ekonomiċi ġenerali, u biex il-politiki Ewropej jagħtu kontribut aktar konsistenti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020.

Azzjoni konformi mal-linji gwida tkun kontribut importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020. Il-linji gwida huma ġabra integrata ta' politiki Ewropej u nazzjonali li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jimplimentaw ħalli r-riformi strutturali kkoordinati jħallu effetti kollaterali pożittivi li jqisu l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi partikolari tar-reġjuni differenti , issir taħlita tajba tal-politiki ekonomiċi ġenerali, u biex il-politiki Ewropej jagħtu kontribut aktar konsistenti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 , li għandha tiġi implimentata fi sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali .

Raġuni

L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma indispensabbli, minħabba l-ħiliet u l-kompetenzi u skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta' riforma, kif ukoll l-attività globali ta' komunikazzjoni dwar l-Istrateġija Ewropa 2020 (2).

Emenda 6

Proposta għal deċiżjoni

Punt 8 – Żid punt ġdid

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom joffru qafas adatt għal użu aktar effettiv u effiċjenti tal-istrumenti tal-UE biex jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom fl-implimentazzjoni tal-politiki ta' inklużjoni soċjali u ekonomika sabiex jiġu garantiti forom ta' protezzjoni soċjali adegwati li jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u joffru soluzzjoni għall-problema serja tal-qgħad, b'mod partikolari l-qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ, permezz tas-servizzi soċjali u s-servizzi għax-xogħol.

Raġuni

Huma l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jimplimentaw b'mod konkret il-politiki ta' inklużjoni soċjali u ekonomika, permezz tas-servizzi soċjali u s-servizzi għax-xogħol. Il-linji gwida għall-politika dwar l-impjieg għandhom jipprovdu qafas adatt u strumenti finanzjarji saħansitra aktar adatti biex jgħinuhom iwettqu dawn ir-responsabbiltajiet minkejja dak li diġà sar, pereżempju bir-riserva ta' 20 % tal-FSE għall-inklużjoni soċjali (3).

Emenda 7

Proposta għal deċiżjoni

Punt 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Għalkemm dawn il-linji gwida huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, dawn għandhom jitwettqu bi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, biex jitqarrbu l-parlamenti, u kif ukoll mas-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

Għalkemm dawn il-linji gwida huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, dawn għandhom jitwettqu bi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, biex jitqarrbu l-parlamenti, u kif ukoll mas-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Fid-dawl tal-kompetenza u l-kapaċitajiet tagħhom fl-oqsma koperti minn dawn il-linji gwida u b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-linji gwida, b'mod partikolari fir-rigward tas-servizzi soċjali u l-istrateġiji ta' integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 8

Anness – Linji gwida integrati għall-proposta għal deċiżjoni

Linja gwida 5(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-ħolqien tal-impjiegi, inaqqsu l-ostakli lin-negozji biex iħaddmu, jippromwovu l-intraprenditorija, u b'mod partikolari għandhom jappoġġjaw il-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi żgħar ħalli tiżdied ir-rata tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jippromwovu wkoll b'mod attiv l-ekonomija soċjali u jrawmu l-innovazzjoni soċjali.

L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-ħolqien tal-impjiegi, inaqqsu l-ostakli lin-negozji biex iħaddmu, jippromwovu l-intraprenditorija, u b'mod partikolari għandhom jappoġġjaw il-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi żgħar ħalli tiżdied ir-rata tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jippromwovu wkoll b'mod attiv l-ekonomija soċjali u jrawmu l-innovazzjoni soċjali.

B'kunsiderazzjoni tal-għadd kbir ta' strumenti attivi fis-suq tax-xogħol, l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni anke biex jappoġġjaw l-impjieg ta' min jaħdem għal rasu, b'mod partikolari l-intraprenditorija awtonoma, minħabba l-impatt ewlieni fil-livell lokali għat-tkabbir ekonomiku, u jappoġġjaw l-istart-ups taż-żgħażagħ, il-mikrointrapriżi u l-proġetti innovattivi u ambizzjużi tar-riskju medju jew kbir mingħajr ma jkollhom piż burokratiku kbir li jxekkel il-ħolqien tagħhom.

Raġuni

M'għandux jintesa li l-intraprenditorija awtonoma għandha impatt qawwi fil-livell lokali għat-tkabbir ekonomiku u għalhekk ma tistax tiġi eskluża mill-politiki għall-impjieg.

Emenda 9

Anness – Linji gwida integrati għall-proposta għal deċiżjoni

Linja gwida 6(1) – żid punt ġdid

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-produttività u l-impjegabbiltà permezz ta' provvista adegwata ta' għarfien u ħiliet rilevanti. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-investimenti meħtieġa fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u għandhom itejbu l-effikaċja u l-effiċjenza tagħhom ħalli jiżdied il-livell tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, u b’hekk din tkun tista' tantiċipa aħjar u tissodisfa l-ħtiġijiet tant flessibbli tas-swieq tax-xogħol dinamiċi f'ekonomija li qed issir dejjem aktar diġitali. L-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-aċċess għal tagħlim ta' kwalità fost l-adulti kollha u jimplimentaw strateġiji għal xjuħija attiva ħalli tiżdied il-ħajja tax-xogħol.

L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-produttività u l-impjegabbiltà permezz ta' provvista adegwata ta' għarfien u ħiliet rilevanti. L-Istati Membri , flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali rispettivi tagħhom u fi djalogu mas-settur privat, jistgħu jlaqqgħu aħjar il-ħiliet tax-xogħol disponibbli mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-investimenti meħtieġa fis-sistemi tal-edukazzjoni , i t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja għandhom itejbu l-effikaċja u l-effiċjenza tagħhom ħalli jiżdied il-livell tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, u b’hekk din tkun tista' tantiċipa aħjar u tissodisfa l-ħtiġijiet tant flessibbli tas-swieq tax-xogħol dinamiċi f'ekonomija li qed issir dejjem aktar diġitali. L-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-aċċess għal tagħlim ta' kwalità fost l-adulti kollha u jimplimentaw strateġiji għal xjuħija attiva ħalli tiżdied il-ħajja tax-xogħol.

F'dan il-qafas, għandu jsir kull sforz biex tiġi kkonsolidata t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u blu billi d-domanda għax-xogħol titqabbel mal-kwalifiki, billi jiġu antiċipati u ġestiti l-bidliet fil-bżonnijiet f'termini ta' kapital uman, billi t-taxxi jiġu spostati għal kontribuzzjonijiet oħra. Dan jista' jgħin, b’mod partikolari, it-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, li llum laħaq rata medja ta' qgħad ta' aktar minn 22 % fl-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin, għandu jiġi megħjun l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali, minħabba l-potenzjal ta' dan is-settur fil-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, l-iktar f'dak li għandu x'jaqsam mat-talbiet li jsiru fil-livell tar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali tal-Ewropa.

Raġuni

Abbażi tal-pożizzjoni li ħa l-KtR fl-Opinjoni tiegħu dwar Il-Qafas ta' Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tat-tibdil u r-ristrutturar (COR-2014-01319), jenfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-settur privat fit-tqabbil tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. L-emenda tenfasizza wkoll l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja u l-bżonn li ssir enfasi fuq l-ekonomija ekoloġika (4)  (5) u fuq l-ekonomija soċjali, li t-tnejn urew potenzjal konsiderevoli għat-tkabbir fl-impjiegi u jorbtu sew mad-dimensjoni territorjali tal-ekonomija (6).

Emenda 10

Anness – Linji gwida integrati għall-proposta għal deċiżjoni

Linja gwida 6(4)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Għandhom jonqsu l-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol l-aktar għan-nisa, l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabbiltà u l-migranti legali. Fis-suq tax-xogħol għandhom ikunu żgurati l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż b'paga ugwali, u l-aċċess għal servizzi ta' edukazzjoni u kura ta' kwalità fil-bidu tat-tfulija.

Għandhom jonqsu l-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol l-aktar għan-nisa, l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabbiltà u l-migranti legali. Fis-suq tax-xogħol għandhom ikunu żgurati l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż b'paga ugwali, u l-aċċess għal servizzi ta' edukazzjoni u kura ta' kwalità fil-bidu tat-tfulija kif ukoll għal kura fit-tul . Il-forom atipiċi tal-impjieg għandhom jiġu appoġġjati wkoll permezz ta' qafas regolatorju konkret.

Raġuni

In-nisa spiss jieħdu ħsieb mhux tfal biss iżda persuni anzjani jew b'diżabilità. Filwaqt li jiġu indirizzati l-politiki dwar ix-xogħol, ma jistgħux jiġu traskurati l-appoġġi neċesarji għal tipi ta' impjieg atipiċi.

Emenda 11

Anness – Linji gwida integrati għall-proposta għal deċiżjoni

Linja gwida 6(5)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jużaw il-Fond Soċjali Ewropew u fondi oħrajn ta' appoġġ li għandha l-Unjoni biex itejbu l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-amministrazzjoni pubblika.

L-Istati Membri għandhom jużaw il-Fond Soċjali Ewropew u fondi oħrajn ta' appoġġ li għandha l-Unjoni biex itejbu l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-amministrazzjoni pubblika , f'konformità sħiħa mar-reġoli riveduti li jirregolaw dawn il-fondi . B'mod partikolari, il-Fond Soċjali Ewropew għandu jkun aktar orjentat lejn ir-riżultati, li jistgħu jitkejlu aħjar (l-impjieg, l-inklużjoni soċjali, il-koeżjoni), b'inqas piżijiet amministrattivi partikolari u li fl-istess ħin ikunu soġġetti għal kontrolli ikbar tal-impatt u tar-riżultati. Barra minn hekk, il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u l-pjattaformi ta’ investimenti tiegħu jintuża biex jagħti spinta lill-iżvilupp ta' proġetti ambizzjużi li għandhom impatt qawwi fil-livell reġjonali, u jiggarantixxi proġetti ta' intraprenditorija lokali, iħeġġeġ impriżi żgħar u ta' daqs medju, start-ups innovattivi u proġetti ta' riskju kbir, waqt li jiżgura l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u li l-ħaddiema jiksbu l-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni tal-Unjoni lejn mudell ta' tkabbir sostenibbli.

Raġuni

Fir-rispett sħiħ tan-normi li jirregolaw il-fondi tal-UE, huwa ċar li l-Fond Soċjali Ewropew għandu jiġi sfruttat bis-sħiħ mill-Istati Membri, iżda dan għandu jkun iktar iffukat fuq ir-riżultat, b'tali mod li jkun jista' jitkejjel aħjar u jittaffew il-piżijiet amministrattivi partikolari imposti fuqu, forsi billi jiżdiedu l-kontrolli.

Emenda 12

Anness – Linji gwida integrati għall-proposta għal deċiżjoni

Linja gwida 6(5) – żid punt ġdid

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Spinta lill-investiment hija prijorità biex jiġu żgurati t-tkabbir ekonomiku, l-impjieg u l-koeżjoni soċjali fit-tul. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet iridu jikkontribwixxu l-finanzi pubbliċi kif ukoll ir-riżorsi finanzjarji privati. L-importanza tas-settur pubbliku għandha tiġi rikonoxxuta għall-kontribut tagħha biex jitħeġġeġ it-tkabbir ekonomiku.

Raġuni

L-investiment irid jiġi inċentivizzat u sostnut. Għalhekk, l-eżami tal-infiq u r-riorganizzazzjoni tal-infiq pubbliku għandhom jitfasslu biex jiġi żgurat dan l-għan. Ir-regoli tal-Unjoni Ewropea għandhom id-dmir li jqisu tali investiment bħala parti mill-futur minflok sempliċi dejn għall-finanzi pubbliċi.

Emenda 13

Anness – Linji gwida integrati għall-proposta għal deċiżjoni

Linja gwida 7(2)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Filwaqt li jibqgħu konformi mal-prattiki nazzjonali, meta jkunu qed ifasslu u jwettqu riformi u politiki rilevanti, l-Istati Membri għandhom jinvolvu mill-qrib lill-parlamenti nazzjonali u lis-sħab soċjali, u għandhom jappoġġaw it-titjib tal-funzjonament u l-effettività tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali.

Filwaqt li jibqgħu konformi mal-prattiki nazzjonali, meta jkunu qed ifasslu u jwettqu riformi u politiki rilevanti, l-Istati Membri għandhom jinvolvu mill-qrib lill-parlamenti nazzjonali u, fejn xieraq, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll lis-sħab soċjali, u għandhom jappoġġaw it-titjib tal-funzjonament u l-effettività tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 14

Anness – Linji gwida integrati għall-proposta għal deċiżjoni

Linja gwida 7(4) – żid punt ġdid

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Għandha tkun żgurata l-mobbiltà tal-ħaddiema ħalli jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ ta' suq tax-xogħol Ewropew, u fost l-oħrajn dan jista' jsir billi jissaħħu t-trasferibbiltà tal-pensjonijiet u r-rikonoxximent tal-kwalifiki. Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom jilqgħu għall-abbuż tar-regoli eżistenti.

Għandha tkun żgurata l-mobbiltà tal-ħaddiema , bħala dritt fundamentali, waqt li tibqa' għażla ħielsa, ħalli jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ ta' suq tax-xogħol Ewropew, u fost l-oħrajn dan jista' jsir billi jissaħħu t-trasferibbiltà tal-pensjonijiet u tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali, u r-rikonoxximent tal-kwalifiki. Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom jilqgħu għall-abbuż tar-regoli eżistenti.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ukoll li l-investiment soċjali globali u fit-tul tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali, li jinsabu f'pożizzjoni ideali biex jifhmu l-ispeċifiċitajiet tat-territorji u l-komunitajiet tagħhom, jista' jindirizza l-kriżi b'mod aktar sostenibbli billi jtaffi t-tnaqqis eċċessiv fit-territorji ta' kwalifiki ogħla li jistgħu jistimulaw it-tkabbir.

Il-ħolqien fil-livell lokali u reġjonali ta' strumenti bil-mira li jnaqqsu l-eżodu qawwi ta' ħaddiema kkwalifikati jista' wkoll jikkontribwixxi għat-tkabbir tal-ekonomija u l-impjieg fil-livell lokali.

Raġuni

Id-dritt għall-moviment liberu huwa wieħed mill-iżjed kisbiet importanti tal-UE, u huwa fundamentali li dan id-dritt jitħares u li l-applikazzjoni tiegħu tiġi ffaċilitata permezz tal-promozzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema (7). Madankollu, ta' min jinnota li l-investiment soċjali globali u fit-tul tar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, li jinsabu f'pożizzjoni ideali biex jifhmu l-ispeċifiċitajiet tat-territorji u l-komunitajiet tagħhom, jista' jindirizza l-kriżi b'mod aktar sostenibbli billi jtaffi t-tnaqqis eċċessiv ta' kwalifiki ogħla fit-territorji (8).

Emenda 15

Anness – Linji gwida integrati għall-proposta għal deċiżjoni

Linja gwida 8(1) – żid punt ġdid

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jimmodernizzaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali tagħhom ħalli jagħtu protezzjoni effettiva, effiċjenti u adegwata f'kull skaluna tal-ħajja taċ-ċittadini, filwaqt li jkunu jiżguraw il-ġustizzja u jindirizzaw l-inugwaljanzi. Hemm bżonn politiki soċjali simplifikati u aktar immirati li jkunu kumplimentati b'kura tat-tfal u edukazzjoni ta' kwalità għall-but ta’ kulħadd, taħriġ u għajnuna fl-impjiegi, appoġġ għall-akkomodazzjoni u kura tas-saħħa aċċessibbli, hemm bżonn aċċess għal servizzi bażiċi bħal kont bankarju u internet u azzjoni biex ikun evitat it-tluq bikri mill-iskola u tingħeleb l-esklużjoni soċjali.

L-Istati Membri għandhom jimmodernizzaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali tagħhom ħalli jagħtu protezzjoni effettiva, effiċjenti u adegwata f'kull skaluna tal-ħajja taċ-ċittadini, filwaqt li jkunu jiżguraw il-ġustizzja u jindirizzaw l-inugwaljanzi. Hemm bżonn politiki soċjali simplifikati u aktar immirati li jkunu kumplimentati b'kura tat-tfal u edukazzjoni ta' kwalità għall-but ta’ kulħadd, taħriġ u għajnuna fl-impjiegi, appoġġ għall-akkomodazzjoni u kura tas-saħħa aċċessibbli , inkluża l-kura fit-tul , hemm bżonn aċċess għal servizzi bażiċi bħal kont bankarju u internet u azzjoni biex ikun evitat it-tluq bikri mill-iskola u tingħeleb l-esklużjoni soċjali.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 16

Anness – Linji gwida integrati għall-proposta għal deċiżjoni

Linja gwida 8(2)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Għal dak il-għan għandhom jintużaw bosta strumenti varji iżda b'mod komplementari, fosthom servizzi ta’ għajnuna u attivazzjoni tax-xogħol u appoġġ għad- dħul li jkunu maħsuba skont il-ħtiġijiet individwali. Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali għandhom jitfasslu b'tali mod li kull persuna intitolata għalihom issibha faċli tużahom, b'tali mod li jkunu jappoġġaw l-investiment fil-kapital uman, u jkunu jgħinu biex ikun evitat il-faqar , biex dan jonqos u biex iċ-ċittadini jitħarsu minnu .

Għal dak il-għan għandhom jintużaw bosta strumenti varji iżda b'mod komplementari, ibbażati fuq strateġiji ta' inklużjoni attivi li jgħaqqdu dħul minimu xieraq, swieq tax-xogħol inklużivi u servizzi ta' kwalità għolja mfassla fuq il-ħtiġijiet individwali. Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali għandhom jitfasslu b'tali mod li kull persuna intitolata għalihom issibha faċli tużahom, b'tali mod li jkunu jappoġġaw l-investiment fil-kapital uman, u jkunu jgħinu biex ikunu evitati l-faqar u l-esklużjoni soċjali, biex dawn jonqsu u biex iċ-ċittadini jitħarsu minnhom .

Raġuni

Evidenti.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti preliminari

1.

josserva li, għalkemm il-linji gwida dwar l-impjieg huma mmirati lejn l-Istati Membri, l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tiġi implimentata fi sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma indispensabbli, fid-dawl tal-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom fl-oqsma koperti minn dawn il-linji gwida u b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta' riforma, kif ukoll għall-komunikazzjoni globali dwar l-Istrateġija (9);

2.

jenfasizza li huma wkoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jimplimentaw b'mod konkret il-politiki ta' inklużjoni soċjali u ekonomika, permezz tas-servizzi soċjali u s-servizzi għax-xogħol; għalhekk jeħtieġ li l-linji gwida għall-politika tax-xogħol joffru qafas adatt u strumenti ta' finanzjament adatti biex jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jwettqu dawn ir-responsabbiltajiet (10);

3.

jirrakkomanda li jitqies b'mod speċjali l-fatt li l-livell lokali u reġjonali huwa l-eqreb taċ-ċittadini u b'hekk għall-persuni li qed ifittxu impjieg u l-impjegaturi (11).

Kummenti ġenerali

4.

jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni tal-Kummissjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi 2010 biex jitqiesu l-konsegwenzi tal-kriżi u biex jiġu offruti indikazzjonijiet operazzjonali konkreti fil-qafas tal-prijoritajiet tal-aġenda l-ġdida;

5.

ifakkar lill-Kummissjoni li l-investiment pubbliku mwettaq mill-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu rwol ewlieni biex jitrawwem it-tkabbir ekonomiku u għalhekk irid jinstab post adatt fil-qafas tal-politika l-ġdida ta' investiment tal-Unjoni Ewropea deskritta fil-Pjan Juncker. Għalhekk, iqis li l-bidliet fin-nefqa tal-investiment pubbliku, li jiffavorixxu n-nefqa li twassal għall-benefiċċji maż-żmien u li jallokaw ir-riżorsi tal-Pjan Juncker mhux biss għax-xogħlijiet il-kbar iżda anke għall-interventi territorjali kbar li jipprevedu l-involviment dirett tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

6.

jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tintrabatx li żżomm il-linji gwida dwar l-impjiegi l-istess għas-snin li ġejjin, bil-kontra tal-indikazzjonijiet preċedenti. B'hekk tkun tisa' ssir ir-reviżjoni meħtieġa tal-linji gwida, b'kunsiderazzjoni tar-riżultati tar-reviżjoni ta' nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020, skedata għat-tieni nofs tal-2015;

7.

f'dan il-kuntest, jikkonferma li t-tliet pilastri dwar it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, deskritti fl-Istrateġija Ewropa 2020 huma adegwati, u jikkonferma wkoll l-importanza tal-indikaturi ewlenin magħżula. Il-Kumitat, madankollu, jitlob li l-Istrateġija Ewropa 2020 tinkludi “dimensjoni territorjali”, biex b'hekk jiġu stabbiliti l-miri fil-livell territorjali. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew għandhom jippromovu approċċ imsejjes fuq proċess ta' ppjanar li jħallat l-approċċi “minn isfel għal fuq” u “minn fuq għal isfel”, li jkun konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà filwaqt li jinvolvi lil-livelli rilevanti kollha ta' gvern, inklużi l-awtoritajiet sottonazzjonali (12);

8.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex il-Fond Soċjali Ewropew jiġi orjentat aktar lejn ir-riżultati li jistgħu jitkejlu aħjar (l-impjieg, l-inklużjoni soċjali, il-koeżjoni), b'inqas piżijiet amministrattivi partikolari u, fl-istess ħin, soġġett għal aktar kontrolli. F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ifasslu programmi b'konformità mal-linji gwida ewlenin tal-Unjoni Ewropea;

9.

jenfasizza li l-linji gwida għall-impjiegi ma jagħmlu l-ebda referenza għall-potenzjal ta' impjiegi ekoloġiċi u blu fil-ġlieda kontra l-qgħad fl-Ewropa. Għalhekk, il-Kumitat itenni l-appoġġ tiegħu għall-Komunikazzjoni ppubblikata s-sena li għaddiet mill-Kummissjoni Ewropea għal Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi u għall-Politika Marittima Integrata li jenfasizzaw (13), li jenfasizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet inerenti fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u blu, b'mod partikolari l-ħtieġa li jkun hemm tqabbil bejn id-domanda tax-xogħol u l-ħiliet, filwaqt li jiġu antiċipati u ġestiti l-bidliet fil-bżonnijiet f'termini ta' kapital uman;

10.

jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti rabtiet bejn il-politiki tal-impjiegi u tal-edukazzjoni. It-tisħiħ tal-kompetittività ekonomika tar-reġjuni tista' tinkiseb biss permezz tal-għarfien, u l-ħaddiema kwalifikati huma l-bażi ta' żvilupp ekonomiku. Għalhekk, għandha tingħata prijorità lill-qasam tal-kwalifiki professjonali – it-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid u l-edukazzjoni vokazzjonali – u, għal dan l-għan, jeħtieġ li jiġu stabbiliti rabtiet bejn il-politiki tal-impjiegi u tal-edukazzjoni;

11.

jenfasizza l-importanza li jitqabblu l-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u f'dan ir-rigward jenfasizza r-rwol li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu fit-tbassir tal-ħiliet meħtieġa u t-tqabbil tagħhom mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol permezz ta' miżuri, partikolarment fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ. Għal iktar informazzjoni dwar it-tqabbil tal-ħiliet mal-ħtiġijiet, il-KtR jirreferi għall-Opinjoni dwar Qafas ta' Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tat-tibdil u r-ristrutturar (COR-2014-01319); jisħaq li l-kwistjoni tal-ħiliet hija partikolarment rilevanti għaż-żgħażagħ, li għadhom qed jiffaċċjaw rata għolja ħafna ta' qgħad ta' iżjed minn 22 %, u għandhom jitħejjew aħjar għall-impjiegi tal-ġejjieni b'mod ġenerali, u għal impjiegi ekoloġiċi b'mod partikolari (14);

12.

jilqa' bi pjaċir ir-referenza għall-ekonomija soċjali fil-Linja Gwida 5, u jenfasizza l-potenzjal ta' dan is-settur fil-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalita fir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa (15); f'dan il-kuntest, l-appoġġ għat-tielet settur u għall-volontarjat huwa għan speċifiku tal-politiki tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

13.

jiddispjaċih li fil-Linji Gwida għall-Impjiegi aġġornati attwali, id-dimensjoni tal-ġeneru hija inqas evidenti milli f'dawk preċedenti, jenfasizza li l-kriżi affettwat lin-nisa b'mod differenti mill-irġiel, u jisħaq li biex jiġu rikonoxxuti l-inugwaljanzi bejn is-sessi jeħtieġ li jiġu adottati miżuri ta' politika iktar immirati u aktar effettivi;

14.

jisħaq li l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni anke biex jappoġġjaw l-impjieg indipendenti, b'mod partikolari l-intraprenditorija awtonoma, minħabba l-impatt ewlieni fil-livell lokali għat-tkabbir ekonomiku;

15.

jitlob li tittieħed azzjoni biex tittejjeb l-ekonomija diġitali, billi jitnaqqas id-distakk diġitali, sabiex jiżdied il-potenzjal għat-tkabbir, u jenfasizza l-importanza tal-politiki li jistgħu jiġu żviluppati fil-livell lokali;

16.

jilqa' b'sodisfazzjon li fir-rigward tal-mobilità tas-suq tax-xogħol, għall-maġġoranza vasta taċ-ċittadini tal-UE, id-dritt għall-moviment liberu huwa wieħed mill-iżjed kisbiet importanti tal-UE, u huwa tal-fehma li huwa fundamentali li dan id-dritt jitħares u li l-applikazzjoni tiegħu tiġi ffaċilitata permezz tal-promozzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema (16). Madankollu, għandu jiġi nnutat ukoll li l-investiment soċjali globali u fit-tul fir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, li jinsabu f'pożizzjoni ideali biex jifhmu l-ispeċifiċitajiet tat-territorji u l-komunitajiet tagħhom, jista' jindirizza l-kriżi b'mod aktar sostenibbli billi jtaffi t-tnaqqis eċċessiv fit-territorji tal-kwalifiki ogħla li jistgħu jistimulaw it-tkabbir (17).

Brussell, it-3 ta' Ġunju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-tema Għal strumenti aktar adatti għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020: il-linji gwida integrati għall-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tal-Istati Membri u tal-Unjoni (CdR 175/2010 fin).

(2)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(3)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(4)  COM(2014) 446.

(5)  Opinjoni dwar Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs u Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi.

(6)  Riżoluzzjoni tal-KtR dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea 2015 (COR-2015-00074).

(7)  Opinjoni tal-KtR dwar Il-mobilità tal-forza tax-xogħol u t-tisħiħ tal-EURES (CdR 2014-1315).

(8)  Opinjoni tal-KtR dwar Il-pakkett ta' investiment soċjali tal-UE (CdR1999-2013).

(9)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(10)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(11)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 7.

(12)  Athens declaration on the mid-term review of Ewrope 2020. (Id-dikjarazzjoni ta' Ateni tal-KtR dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-term tal-Ewropa 2020 - mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 4.

(14)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 5.

(15)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 6.

(16)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 7.

(17)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 8.