32000R2357



Official Journal L 272 , 25/10/2000 P. 0015 - 0015


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2357/2000;

ta’ l-24 ta’ Ottubru 2000

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 174/1999 li jipprovdi regoli dettaljati speċjali għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 fir-rigward ta’ liċenzji ta’ esportazzjoni u rifużjonijiet ta’ esportazzjoni fil-każ ta’ ħalib u prodotti tal-ħalib

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1255/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-ħalib u prodotti tal-ħalib [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1670/2000 [2], u b’mod partikolari Artikolu 31 (14) tiegħu

Billi:

(1) Taħt Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kummissijoni (KEE) Nru 1291/2000 [3], li għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2000, għandha tieqaf il-possibbiltà ta’ użu ta’ liċenzji ta’ esportazzjoni bl-iffissar bil-quddiem tar-rifużjoni għall-provisti lill-forzi armati kif msemmi f’Artikolu 36(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kummissijoni (KE) Nru 800/1999 [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1557/2000 [5]. Minħabba s-sinjifikat ekonomiku ta’ dawk il-provisti fis-settur tal-ħalib, għandha tingħata deroga minn Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000 biex terġgħa titwaqqaf mingħajr dewmien il-possibbiltà ta’ l-iffissar tar-rifużjoni għal dawk il-provisti ta’ prodotti tal-ħalib bil-quddiem.

(2) Billi l-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament jaqblu ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni dwar il-Ħalib u l-Prodotti tal-Ħalib,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

F’Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissijoni (KEE) Nru 174/1999 [6], il-paragrafu li ġej qiegħed jiżdied wara l-ewwel paragrafu:

"Iżda, b’deroga mill-ewwel paragrafu, liċenzja ta’ esportazzjoni bl-iffissar bil-quddiem tarrifużjoni tista’ tintuża biex tingħata rifużjoni għall-esportazzjonijiet ta’ prodotti tal-ħalib kif msemmi f’Artikolu 36(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li jiġi wara dak tal-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-24 ta’ Ottubru 2000.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 160, tas-26.6.99, p. 48.

[2] ĠU L 193, tad-29.7.2000, p. 10.

[3] ĠU L 152, ta’ l-24.6.2000, p. 1.

[4] ĠU L 102, tas-17.4.1999, p. 11.

[5] ĠU L 179, tat-18.7.2000, p. 6.

[6] ĠU L 20, tas-27.1.1999, p. 8.

--------------------------------------------------