|
30.5.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 139/2 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/906
tad-29 ta' Mejju 2017
li jimplimenta l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 tal-10 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fl-10 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 224/2014. |
|
(2) |
Fit-12 ta' Jannar 2017, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, stabbilit permezz tar-Riżoluzzjoni 2127 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, aġġorna l-informazzjoni dwar għaxar persuni u żewġ entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi. |
|
(3) |
Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 224/2014 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 224/2014 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Mejju 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
C. CARDONA
ANNESS
L-entrati li jikkonċernaw il-persuni u l-entitajiet elenkati hawn taħt huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:
“A. Persuni
1. François Yangouvonda BOZIZÉ (psewdonimu: a) Bozize Yangouvonda)
Data tat-twelid: 14 ta' Ottubru 1946.
Post tat-twelid: Mouila, il-Gabon.
Ċittadinanza: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.
Indirizz: L-Uganda.
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 9 ta' Mejju 2014.
Informazzjoni oħra:
Ommu jisimha Martine Kofio. Link elettroniku għall-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5802796
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Bozize ġie elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 36 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li “ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA”.
Informazzjoni addizzjonali
Bil-kollaborazzjoni tas-sostenituri tiegħu, Bozize ħeġġeġ l-attakk tal-5 ta' Diċembru 2013 fuq Bangui. Minn dakinhar, kompla jipprova jmexxi operazzjonijiet ta' destabilizzazzjoni sabiex jinżammu t-tensjonijiet fil-kapitali tar-RĊA. Ġie rappurtat li Bozize ħoloq il-grupp tal-milizzja anti-Balaka qabel ma ħarab mir-RĊA fl-24 ta' Marzu 2013. F'komunikat, Bozize ħeġġeġ lill-milizzja tiegħu biex tkompli bl-atroċitajiet kontra r-reġim attwali u l-Iżlamisti. Ġie rappurtat li Bozize pprovda appoġġ finanzjarju u materjali lill-ġellieda tal-milizzja li qed jaħdmu biex jiddestabilizzaw it-transizzjoni attwali u biex Bozize jerġa' jkun fil-poter. Il-parti l-kbira tal-anti-Balaka huma mill-Forzi Armati Ċentru-Afrikani li tferrxu fil-kampanja wara l-kolp ta' stat u sussegwentement ġew organizzati mill-ġdid minn Bozize. Bozize u s-sostenituri tiegħu jikkontrollaw aktar minn nofs l-unitajiet anti-Balaka.
Il-forzi leali lejn Bozize kienu armati b'azzarini tal-assalt, artillerija tal-murtali u rocket-launchers u qed jieħdu sehem dejjem aktar f'attakki ta' tpattija kontra l-popolazzjoni Musulmana tar-RĊA. Is-sitwazzjoni fir-RĊA ddeterjorat b'mod rapidu wara l-attakk tal-5 ta' Diċembru 2013 f'Bangui mill-forzi anti-Balaka meta nqatlu aktar minn 700 persuna.
2. Nourredine ADAM (psewdonimu: a) Nureldine Adam; b) Nourreldine Adam; c) Nourreddine Adam; d) Mahamat Nouradine Adam)
Deżinjazzjoni: a) Direttur Ġenerali tal-“Kumitat Straordinarju għad-Difiża tal-Kisbiet Demokratiċi”; b) Ministru għas-Sigurtà; c) Ġeneral.
Data tat-twelid: a) 1970 b) 1969 c) 1971 d) 1 ta' Jannar 1970.
Post tat-twelid: Ndele, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.
Ċittadinanza: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana. Nru tal-passaport: D00001184
Indirizz: Birao, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 9 ta' Mejju 2014
Informazzjoni oħra:
Link elettroniku għall-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5802798
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Nourredine ġie elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 36 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li “ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA”.
Informazzjoni addizzjonali
Noureddine hu wieħed mill-mexxejja oriġinali tas-Seleka. Ġie identifikat kemm bħala Ġeneral kif ukoll bħala l-President ta' wieħed mill-gruppi ribelli armati tas-Seleka, il-PJCC Ċentrali, grupp formalment magħruf bħala l-Convention of Patriots for Justice and Peace u li l-akronimu tiegħu hu magħruf ukoll bħala CPJP. Bħala kap preċedenti tal-grupp “Fundamental” li nqata' mill-Convention of Patriots for Justice and Peace (CPJP/F), kien il-koordinatur militari tal-eks-Séléka waqt l-attakki fir-ribelljoni preċedenti fir-Repubblika Ċentru-Afrikana bejn il-bidu ta' Diċembru 2012 u Marzu 2013. Mingħajr l-għajnuna u r-relazzjoni mill-qrib ta' Noureddine mal-Forzi Speċjali taċ-Chad, x'aktarx li s-Seleka ma kienx jirnexxielhom jaħtfu l-poter mill-eks-President tar-RĊA Francois Bozize.
Sa mill-ħatra, bħala president interim, ta' Catherine Samba-Panza fl-20 ta' Jannar 2014, huwa kien wieħed mill-awturi ewlenin tal-irtirar tattiku tal-eks-Séléka f'Sibut bil-għan li jiġi implimentat il-pjan tiegħu li joħloq fortizza Musulmana fit-Tramuntana tal-pajjiż. Huwa kien ħeġġeġ biċ-ċar lill-forzi tiegħu biex jirreżistu l-ordnijiet tal-gvern transitorju u tal-mexxejja militari tal-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ għar-Repubblika Ċentru-Afrikana taħt tmexxija Afrikana (MISCA). Noureddine jidderieġi attivament lill-eks-Seleka, il-forzi li kienu tas-Seleka li ntqal li ġew xolti minn Djotodia f'Settembru 2013, u jidderieġi operazzjonijiet kontra distretti Kristjani u jkompli jipprovdi appoġġ u direzzjoni sinifikanti lill-eks-Seleka li jaħdmu fir-RĊA.
Nourredine kien elenkat ukoll fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 37(b) tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala “involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, skont il-każ”.
Wara li s-Séléka ħadet il-kontroll ta' Bangui fl-24 ta' Marzu 2013, Nourredine Adam inħatar Ministru tas-Sigurtà, imbagħad Direttur Ġenerali tal-“Kumitat Straordinarju għad-Difiża tal-Kisbiet Demokratiċi” (Comité extraordinaire de défense des acquis démocratiques — CEDAD, servizz ta' intelligence tar-RĊA li ma għadux jeżisti). Nourredine Adam uża s-CEDAD bħala l-pulizija politika personali tiegħu, li permezz tagħha wettaq bosta arresti arbitrarji, atti ta' tortura u eżekuzzjonijiet sommarji. Barra minn dan, Noureddine kien wieħed mill-figuri ċentrali wara l-operazzjoni mdemmija f'Boy Rabe. F'Awwissu 2013, il-forzi tas-Seleka attakkaw Boy Rabe, distrett tar-RĊA meqjus bħala fortizza tas-sostenituri ta' Francois Bozize u l-grupp etniku tiegħu. Bl-iskuża li jfittxu armi moħbija, ġie rrappurtat li t-truppi tas-Seleka qatlu għexieren ta' ċittadini ċivili u nfexxew jisirqu kull ma sabu. Meta dawn l-attakki nfirxu għal żoni oħra, eluf ta' residenti invadew l-ajruport internazzjonali, li kien meqjus bħala post sigur minħabba l-preżenza ta' truppi Franċiżi, u okkupaw ir-runway tiegħu.
Nourredine kien ukoll elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 37(d) tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li “ipprovda appoġġ lil gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament illegali ta' riżorsi naturali”.
Lejn il-bidu tal-2013, Nourredine Adam qeda rwol importanti fin-netwerks ta' finanzjament tal-eks-Séléka. Ivvjaġġa fl-Arabja Sawdija, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda biex jiġbor fondi għar-ribelljoni preċedenti. Ħadem ukoll bħala faċilitatur għal ċirku Chadjan ta' traffikanti ta' djamanti li jopera bejn ir-Repubblika Ċentru-Afrikana u ċ-Chad.
4. Alfred YEKATOM (psewdonimu: a) Alfred Yekatom Saragba b) Aifred Ekatom c) Alfred Saragba d) Colonel Rombhot e) Colonel Rambo f) Colonel Rambot g) Colonel Rombot h) Colonel Romboh)
Deżinjazzjoni: Kap Kapural tal-Forzi Armati Ċentru-Afrikani (FACA)
Data tat-twelid: 23 ta' Ġunju 1976
Post tat-twelid: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana
Ċittadinanza: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana
Indirizz: a) Mbaiki, Provinċja ta' Lobaye, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (Tel. +236 72 15 47 07/+236 75 09 43 41) b) Bimbo, Provinċja ta' Ombella-Mpoko, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (post preċedenti)
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 20 ta' Awwissu 2015
Informazzjoni oħra:
Ikkontrolla u kien il-kmandant ta' grupp kbir ta' membri rġiel tal-milizzja armata. Isem il-missier (missier adottiv) huwa Ekatom Saragba (spellut ukoll Yekatom Saragba). Ħu Yves Saragba, Kmandant tal-milizzji anti-Balaka f'Batalimo, provinċja ta' Lobaye, u eks-suldat tal-FACA. Deskrizzjoni fiżika: kulur tal-għajnejn: iswed; kulur tax-xagħar: fartas; karnaġġjon: iswed; tul: 170 ċm; piż 100kg. Ritratt huwa disponibbli biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Link elettroniku għall-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5891143
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Alfred Yekatom ġie elenkat fl-20 ta' Awwissu 2015 skont il-paragrafu 11 tar-Riżoluzzjoni 2196 (2015) bħala li “ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA, inkluż atti li jheddu jew jiksru l-ftehimiet transitorji, jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta' transizzjoni politika, inkluża t-transizzjoni għal elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jinstigaw il-vjolenza”.
Informazzjoni addizzjonali:
Alfred Yekatom, magħruf ukoll bħala Colonel Rombhot, huwa mexxej tal-milizzja ta' fazzjon tal-moviment tal-milizzji anti-Balaka, magħruf bħala “anti-Balaka from the South”. Huwa kien jokkupa l-kariga ta' Kap Kapural fil-Forces Armées Centrafricaines (FACA — forzi armati tar-Repubblika Ċentru-Afrikana).
Yekatom kien involut fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, inkluż atti li jheddu l-ftehimiet transitorji, u li jheddu l-proċess ta' transizzjoni politika. Yekatom kien jikkontrolla u kien il-kmandant ta' grupp kbir ta' membri rġiel tal-milizzja armata bi preżenza fil-viċinat ta' PK9 f'Bangui, u fil-bliet ta' Bimbo (Provinċja Ombella-Mpoko) Cekia, Pissa, u Mbaïki (il-kapitali tal-Provinċja Lobaye), u kien stabbilixxa l-kwartieri ġenerali tiegħu f'konċessjoni forestali f'Batalimo.
Yekatom kellu kontroll dirett ta' tużżana punti ta' kontroll magħmulin minn medja ta' għaxar membri rġiel tal-milizzja armata lebsin l-uniformi tal-armata u jġorru l-armi, inkluż azzarini tal-assalt militari, mill-pont prinċipali bejn Bimbo u Bangui sa Mbaïki (Provinċja ta' Lobaye) u minn Pissa sa Batalimo (ħdejn il-fruntiera mar-Repubblika tal-Kongo), fejn kien jiġbor taxxi mhux awtorizzati minn vetturi u muturi privati, vannijiet tal-passiġġieri u trakkijiet li jesportaw riżorsi tal-foresti lejn il-Kamerun u ċ-Chad, iżda wkoll minn dgħajjes li jbaħħru fuq ix-xmara Oubangui. Yekatom ġie osservat jiġbor personalment parti minn dawn it-taxxi mhux awtorizzati. Yekatom u l-milizzja tiegħu wkoll ġew allegatament irrapurtati li qatlu ċivili.
5. Habib SOUSSOU (psewdonimu: Soussou Abib)
Deżinjazzjoni: a) Koordinatur ta' milizzji anti-Balaka għall-Provinċja ta' Lobaye b) Kapural tal-Forzi Armati Ċentru-Afrikani (FACA)
Data tat-twelid: 13 ta' Marzu 1980
Post tat-twelid: Boda, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana
Ċittadinanza: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana
Indirizz: Boda, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (Tel. + 236 72198628)
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 20 ta' Awwissu 2015
Informazzjoni oħra:
Maħtur bħala kmandant taż-żona (COMZONE) ta' Boda fil-11 ta' April 2014 u fit-28 ta' Ġunju 2014, għall-Provinċja kollha ta' Lobaye. Taħt il-kmand tiegħu, baqgħu jseħħu qtil immirat, ġlied u attakki kontra l-organizzazzjonijiet umanitarji u l-ħaddiema umanitarji. Deskrizzjoni fiżika: kulur tal-għajnejn: kannella; kulur tax-xagħar: iswed; tul: 160 ċm; piż: 60 kg. Ritratt huwa disponibbli biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Link elettroniku għall-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5891199
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Habib Soussou ġie elenkat fl-20 ta' Awwissu 2015 skont il-paragrafi 11 u 12 (b) u (e) tar-Riżoluzzjoni 2196 (2015) bħala “li ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA, inkluż atti li jheddu jew jiksru l-ftehimiet transitorji, jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta' transizzjoni politika, inkluża t-transizzjoni għal elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jinstigaw il-vjolenza”; “involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet umani jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li tikkostitwixxi abbużi jew ksur tad-drittijiet umani, fir-RĊA, inkluż atti li jinvolvu vjolenza sesswali, fil-mira taċ-ċivili, attakki abbażi ta' etnika jew reliġjon, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u ħtif u spustament furzat” u; “li jostakola l-għoti ta' assistenza umanitarja lir-RĊA, jew l-aċċess għal, jew id-distribuzzjoni ta' assistenza umanitarja fir-RĊA”.
Informazzjoni addizzjonali:
Habib Soussou ġie maħtur bħala kmandant taż-żona tal-milizzji anti-Balaka (COMZONE) ta' Boda fil-11 ta' April 2014, u huwa sostna li huwa kien għalhekk responsabbli għas-sitwazzjoni ta' sigurtà fis-sous-préfecture. Fit-28 ta' Ġunju 2014, il-koordinatur ġenerali ta' milizzji anti-Balaka, Patrice Edouard Ngaïssona ħatar lil Habib Soussou bħala koordinatur provinċjali għall-belt ta' Boda mill-11 ta' April 2014 u mit-28 ta' Ġunju 2014 għall-provinċja kollha ta' Lobaye. Qtil immirat, ġlied u attakki minn milizzji anti-Balaka f'Boda kontra l-organizzazzjonijiet umanitarji u ħaddiema umanitarji li seħħew fuq bażi ta' kull ġimgħa f'oqsma li għalihom Soussou huwa l-kmandant jew il-koordinatur tal-milizzji anti-Balaka. Soussous u l-forzi tal-milizzji anti-Balaka f'dawn iż-żoni laqtu u heddew ukoll li jolqtu persuni ċivili.
6. Oumar YOUNOUS ABDOULAY (psewdonimu: (a) Oumar Younous; (b) Omar Younous; (c) Oumar Sodiam; (d) Oumar Younous M'Betibangui).
Deżinjazzjoni: Eks-ġeneral tas-Séléka.
Data tat-twelid: 2 ta' April 1970.
Ċittadinanza: Is-Sudan, Passaport diplomatiku tar-RĊA bin-numru D 00000898, maħruġ fil-11 ta' April 2013, (validu sal-10 ta' April 2018).
Indirizz: (a) Bria, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (Tel. +236 75507560); (b) Birao, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana; (c) Tullus, in-nofsinhar ta' Darfur, Sudan (post preċedenti).
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 20 ta' Awwissu 2015
Informazzjoni oħra:
huwa traffikant tad-djamanti u ġeneral bi tliet stilel tas-Séléka u persuna ta' fiduċja tal-eks-president interim tar-RĊA, Michel Djotodia. Deskrizzjoni fiżika: kulur tax-xagħar: iswed; tul: 180cm; jagħmel parti mill-grupp etniku ta' Fulani. Ritratt disponibbli għall-inklużjoni fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Rappurtat mejjet fil-11 ta' Ottubru 2015. Link elettroniku għall-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5903116
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Oumar Younous ġie elenkat fl-20 ta' Awwissu 2015 skont mal-paragrafi 11 u 12(d) tar-Riżoluzzjoni 2196 (2015) bħala “li ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA, inkluż atti li jheddu jew jiksru l-ftehimiet transitorji, jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta' transizzjoni politika, inkluża t-transizzjoni għal elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jinstigaw il-vjolenza”; u “li jipprovdu appoġġ lil gruppi armati jew lil netwerks kriminali permezz tal-isfruttar jew il-kummerċ illeċitu tar-riżorsi naturali, inkluż id-djamanti, id-deheb, u l-annimali selvaġġi u l-prodotti mill-annimali selvaġġi fir-RĊA”.
Informazzjoni addizzjonali:
Oumar Younous, bħala Ġeneral tal-eks-Séléka u kuntrabandist tad-djamanti, ta appoġġ lil grupp armat permezz tal-isfruttament illeċitu u l-kummerċ tar-riżorsi naturali, inkluż id-djamanti, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.
F'Ottubru 2008, Oumar Younous, eks-xufier għall-istabbiliment tax-xiri ta' djamanti Sodiam, ingħaqad mal-grupp tar-ribelli Mouvement des Libérateurs Centrafricains pour la Justice (MLCJ). F'Diċembru 2013, Oumar Younous ġie identifikat bħala ġeneral bi tliet stilel tas-Séléka u persuna ta' fiduċja tal-president interim, Michel Djotodia.
Younous huwa involut fil-kummerċ tad-djamanti minn Bria u Sam Ouandja lejn is-Sudan. Sorsi rrappurtaw li Oumar Younous kien involut fil-ġbir ta' pakketti tad-djamanti moħbija fi Bria, u kien jieħodhom is-Sudan biex jinbiegħu.
7. Haroun GAYE (psewdonimu: (a) Haroun Geye; (b) Aroun Gaye; (c) Aroun Geye).
Deżinjazzjoni: Relatur tal-koordinazzjoni politika tal-Front Populaire pour la Renaissance de Centrafrique (FPRC).
Data tat-twelid: (a) 30 ta' Jannar 1968; (b) 30 ta' Jannar 1969.
Nru tal-passaport: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana numru O 00065772 (Ittra O segwita bi 3 żerijiet), jiskadi fit-30 ta' Diċembru 2019.
Indirizz: Bangui, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 17 ta' Diċembru 2015.
Informazzjoni oħra:
Gaye huwa mexxej tal-Front Populaire pour la Renaissance de Centrafrique (FPRC) (mhux elenkat), grupp armat emarġinat tal-eks-Seleka f'Bangui. Huwa wkoll mexxej tal-hekk imsejjaħ “Kumitat għad-Difiża” tal-PK5 f'Bangui (magħruf bħala PK5 Resistance jew ‘Texas’) (mhux elenkati), li jikseb flus mir-residenti u jhedded u juża l-vjolenza fiżika. Fit-2 ta' Novembru 2014 Gaye ġie maħtur minn Nourredine Adam (CFi.002) bħala relatur tal-koordinazzjoni politika tal-FPRC. Fid-9 ta' Mejju 2014, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit bir-Riżoluzzjoni 2127 (2013) dwar ir-RĊA inkluda lil Adam fuq il-lista tas-sanzjonijiet tiegħu. Ritratt huwa disponibbli biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Link elettroniku għall-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5915753
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Haroun Gaye ġie elenkat fis-17 ta' Diċembru 2015 skont il-paragrafi 11 u 12(b) u (f) tar-Riżoluzzjoni 2196 (2015) bħala “li ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA”; “li kien involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet umani jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet umani, fir-RĊA, inkluż atti li jinvolvu vjolenza sesswali, attakki fuq il-popolazzjoni ċivili, attakki ta' natura etnika jew reliġjuża, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u l-ħtif u ċ-ċaqliq sfurzat”; u “li kien involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorjar, jew it-twettiq ta' attakki kontra l-missjonijiet tan-NU jew tal-preżenzi tas-sigurtà internazzjonali, inkluż il-Minusca, il-missjonijiet tal-Unjoni u l-operazzjonijiet Franċiżi li jappoġġawhom”.
Informazzjoni addizzjonali:
HAROUN GAYE ilu, mill-bidu tal-2014, wieħed mill-mexxejja ta' grupp armat li jopera fil-viċinat tal-PK5 f'Bangui. Ir-rappreżentanti tas-Soċjetà Ċivili fil-viċinat tal-PK5 jiddikjaraw li Gaye u l-grupp armat tiegħu qed jalimentaw il-konflitt f'Bangui, u dan jopponi r-rikonċiljazzjoni u jipprevjeni ċ-ċaqliq tal-popolazzjoni lejn it-tielet distrett ta' Bangui u l-ħruġ minnu. Fil-11 ta' Mejju 2015, Gaye u 300 dimostrant imblukkaw l-aċċess għall-Kunsill Transizzjonali Nazzjonali biex ifixklu l-aħħar jum tal-Forum ta' Bangui. GAYE ġie rrappurtat li kkollabora mal-uffiċjali tal-moviment anti-Balaka biex jikkoordina t-tfixkil.
Fis-26 ta' Ġunju 2015, Gaye u kontinġent żgħir qrib tiegħu xekklu l-ftuħ tal-eżerċizzju ta' inkoraġġiment tar-reġistrazzjoni tal-votanti fil-viċinat tal-PK5 f'Bangui, u dan wassal biex jingħalaq l-eżerċizzju ta' inkoraġġiment tar-reġistrazzjoni.
Il-Minusca għamlet tentattiv biex tarresta lil Gaye fit-2 ta' Awwissu 2015, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 32(f)(i) tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2217 (2015). Gaye, li allegatament ġie informat bit-tentattiv ta' arrest minn qabel, kien lest għalihom flimkien mal-partitarji armati b'armi tqal. Il-forzi ta' Gaye fetħu n-nar fuq it-Task Force Konġunta tal-Minusca. Fi ġlieda bl-armi tan-nar li damet għaddejja seba' sigħat, l-irġiel ta' Gaye għamlu użu minn armi tan-nar, dawk bi propulsjoni permezz ta' rokit u hand grenades kontra t-truppi tal-Minusca u qatlu membru wieħed tal-persunal għaż-żamma tal-paċi u darbu tmien persuni. Gaye kien involut fl-inkoraġġiment ta' protesti u taqbidiet vjolenti lejn l-aħħar ta' Settembru 2015 f'dak li jidher li kien attentat ta' kolp ta' stat biex iwaqqa' l-Gvern Transizzjonali. L-attentat ta' kolp ta' stat x'aktarx kien immexxi mill-partitarji tal-eks-President Bozize f'alleanza ta' konvenjenza ma' Gaye u mexxejja oħra tal-FPRC. Jidher li Gaye kellu l-għan li joħloq ċiklu ta' attakki ta' ritaljazzjoni li kienu ser ikunu ta' theddida għall-elezzjonijiet li jmiss. Gaye kien responsabbli għall-koordinazzjoni mal-elementi emarġinati tal-moviment anti-Balaka.
Fl-1 ta' Ottubru 2015, saret laqgħa fil-viċinat tal-PK5 bejn Eugène Barret Ngaïkosset, membru ta' grupp emarġinat tal-moviment anti-Balaka u Gaye, bil-għan li jippjanaw attakk konġunt fuq Bangui nhar is-Sibt, 3 ta' Ottubru. Il-grupp ta' Gaye ma ħallewx lill-persuni li kienu jinsabu ġewwa d-distrett tal-PK5 jitilqu minnu, sabiex tissaħħaħ l-identità komunali tal-popolazzjoni Musulmana bil-għan li jiżdiedu t-tensjonijiet interetniċi u tiġi evitata r-rikonċiljazzjoni. Fis-26 ta' Ottubru 2015, Gaye u l-grupp tiegħu interrompew laqgħa bejn l-Arċisqof ta' Bangui u l-Imam tal-Moskea Ċentrali ta' Bangui, u heddew lid-delegazzjoni li kellha tirtira mill-Moskea Ċentrali u taħrab mid-distrett tal-PK5.
8. Eugène BARRET NGAÏKOSSET (psewdonimu: (a) Eugene Ngaikosset; (b) Eugene Ngaikoisset; (c) Eugene Ngakosset; (d) Eugene Barret Ngaikosse; (e) Eugene Ngaikouesset; (f) ‘The Butcher of Paoua’; (g) Ngakosset)
Deżinjazzjoni: (a) eks-Kaptan, Gwardja Presidenzjali tar-RĊA; (b) eks-Kaptan, Forzi Navali tar-RĊA.
Numru ta' identifikazzjoni nazzjonali: Numru ta' identifikazzjoni militari tal-forzi armati tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (FACA) 911-10-77.
Indirizz: (a) Bangui, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 17 ta' Diċembru 2015.
Informazzjoni oħra:
Il-Kaptan Eugène Barret Ngaïkosset huwa eks-membru tal-gwardja presidenzjali tal-eks-President François Bozizé u huwa assoċjat mal-moviment anti-Balaka. Huwa ħarab mill-ħabs fis-17 ta' Mejju 2015 wara l-estradizzjoni tiegħu minn Brazzaville u ħoloq il-fazzjoni proprja tiegħu tal-moviment anti-Balaka bl-inklużjoni ta' eks-ġellieda tal-FACA.
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Eugène Barret Ngaïkosset ġie elenkat fis-17 ta' Diċembru 2015 skont il-paragrafi 11 u 12(b) u (f) tar-Riżoluzzjoni 2196 (2015) bħala li “ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA”; “kien involut fl-ippjanar, it-tmexxija jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-RĊA, inkluż atti li jinvolvu vjolenza sesswali, immirar ta' persuni ċivili, attakki abbażi ta' etniċità jew reliġjon, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u sekwestru u spostament furzat”; u “li kien involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorjar, jew it-twettiq ta' attakki kontra l-missjonijiet tan-NU jew tal-preżenzi tas-sigurtà internazzjonali, inkluż il-Minusca, il-missjonijiet tal-Unjoni u l-operazzjonijiet Franċiżi li jappoġġawhom”.
Informazzjoni addizzjonali:
Ngaïkosset huwa wieħed mill-persuni ewlenin responsabbli għat-twettiq tal-vjolenza li faqqgħet f'Bangui lejn l-aħħar ta' Settembru 2015. Ngaïkosset u membri oħrajn tal-moviment anti-Balaka ħadmu flimkien mal-membri emarġinati tal-eks-Séléka fi sforz biex jiddestabbilizzaw il-Gvern Transizzjonali tar-RĊA. Fil-lejl ta' bejn is-27 u t-28 ta' Settembru 2015, Ngaïkosset u persuni oħra għamlu tentattiv ta' attakk bla suċċess fuq il-kamp tal-ġendarmerija “Izamo” sabiex jisirqu armi u munizzjon. Fit-28 ta' Settembru, il-grupp iċċirkonda l-uffiċċji tar-radju nazzjonali tar-RĊA.
Fl-1 ta' Ottubru 2015, saret laqgħa fil-viċinat tal-PK5 bejn Ngaïkosset u Haroun Gaye, mexxej tal-Front Populaire pour la Renaissance de Centrafrique (FPRC), bil-għan li jippjanaw attakk konġunt fuq Bangui nhar is-Sibt 3 ta' Ottubru.
Fit-8 ta' Ottubru 2015, il-Ministru għall-Ġustizzja tar-RĊA ħabbar pjanijiet sabiex jinvestiga lil Ngaïkosset u individwi oħra għar-rwoli tagħhom fil-vjolenza f'Bangui f'Settembru 2015. Ngaïkosset u l-oħrajn issemmew li kienu involuti f'“imġiba flagranti li tikkostitwixxi ksur tas-sigurtà interna tal-istat, konfoffa, inċitament għal gwerra ċivili, diżubbidjenza ċivili, mibegħda u kompliċità”. L-awtoritajiet legali tar-RĊA ngħataw struzzjoni biex jiftħu investigazzjoni biex ifittxu u jarrestaw lill-awturi u l-kompliċi tagħhom.
Fil-11 ta' Ottubru 2015, Ngaïkosset huwa maħsub li talab lill-milizzja anti-Balaka taħt il-kmand tiegħu biex twettaq sekwestri ta' persuni, b'enfasi partikolari fuq ċittadini Franċiżi, iżda wkoll personaġġi politiċi tar-RĊA u uffiċjali tan-NU, bil-għan li tisforza lill-President Transizzjonali, is-Sinjura Catherine Samba-Panza biex titlaq.
9. Joseph KONY (Psewdonimu: a) Kony b) Joseph Rao Kony c) Josef Kony d) Le Messie sanglant)
Deżinjazzjoni: Kmandant tal-Lord's Resistance Army
Data tat-twelid: a) 1959 b) 1960 c) 1961 d) 1963 e) 18 Sett. 1964 f) 1965 g) (Aww. 1961) h) (Lul. 1961) i) 1 Jan. 1961 j) (Apr. 1963)
Post tat-twelid: a) Villaġġ Palaro, Parroċċa Palaro, Kontea Omoro, Distrett Gulu, Uganda b) Odek, Omoro, Gulu, Uganda c) Atyak, Uganda
Ċittadinanza: Passaport Ugandiż
Indirizz: a) Vakaga, Repubblika Ċentru-Afrikana b) Haute-Kotto, Repubblika Ċentru-Afrikana c) Basse-Kotto, Repubblika Ċentru-Afrikana d) Haut-Mbomou, Repubblika Ċentru-Afrikana e) Mbomou, Repubblika Ċentru-Afrikana f) Haut-Uolo, Repubblika Demokratika tal-Kongo g) Bas-Uolo, Repubblika Demokratika tal-Kongo h) (Indirizz iddikjarat: Kafia Kingi (territorju fuq il-fruntiera bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel li l-istatus finali tiegħu għad irid jiġi determinat). F'Jannar 2015, 500 element tal-Lord's Resistance Army ġew allegatament imkeċċija mis-Sudan.)
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 7 ta' Marzu 2016.
Informazzjoni oħra:
Kony huwa l-fundatur u l-mexxej tal-Lord's Resistance Army (LRA) (CFe.002). Taħt it-tmexxija tiegħu, l-LRA kienet involuta fis-sekwestru, il-qtil u l-mutilazzjoni ta' eluf ta' ċivili fl-Afrika Ċentrali. L-LRA hija responsabbli għall-ħtif, l-ispostament, it-twettiq ta' vjolenza sesswali kontra, u l-qtil ta' mijiet ta' individwi fir-RĊA, u serqet u qerdet proprjetà ċivili. Isem il-missier huwa Luizi Obol. Isem l-omm huwa Nora Obol. Link elettroniku għall-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5932340
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Joseph Kony ġie elenkat fis-7 ta' Marzu 2016 skont il-paragrafi 12 u 13 (b), (c), u (d) tar-Riżoluzzjoni 2262 (2016) bħala li “ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA”; “li kien involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet umani jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet umani, fir-RĊA, inkluż atti li jinvolvu vjolenza sesswali, attakki fuq il-popolazzjoni ċivili, attakki ta' natura etnika jew reliġjuża, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u l-ħtif u ċ-ċaqliq sfurzat”; “li jirrekluta jew juża tfal f'konflitti armati fir-RĊA, bi ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli”; u “li pprovda appoġġ lil gruppi armati jew lil netwerks kriminali permezz tal-isfruttar jew il-kummerċ illeċitu tar-riżorsi naturali, inkluż id-djamanti, id-deheb, l-annimali selvaġġi u l-prodotti mill-annimali selvaġġi fi jew mir-RĊA”.
Informazzjoni addizzjonali:
Kony waqqaf il-Lord's Resistance Army (LRA) u ġie deskritt bħala l-fundatur, il-mexxej reliġjuż, il-president, u l-kap kmandant tal-grupp. L-LRA feġġet fin-naħa ta' fuq tal-Uganda fit-tmeninijiet, u kienet involuta fis-sekwestru, il-qtil u l-mutilazzjoni ta' eluf ta' ċivili fl-Afrika Ċentrali. Taħt pressjoni militari dejjem tiżdied, Kony ordna lil-LRA biex tirtira mill-Uganda fl-2005 u l-2006. Minn dak iż-żmien, l-LRA qed topera fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), ir-RĊA, is-Sudan t'Isfel u allegatament is-Sudan.
Kony, bħala l-mexxej tal-LRA, ifassal u jimplimenta l-istrateġija tal-LRA, inkluż ordnijiet permanenti biex jiġu attakkati u ttrattati b'mod vjolenti l-popolazzjonijiet ċivili. Minn Diċembru 2013, l-LRA taħt it-tmexxija ta' Joseph Kony ħatfet, spostat, wettqet vjolenza sesswali kontra, u qatlet mijiet ta' individwi fir-RĊA, u serqet u qerdet proprjetà ċivili. Ikkonċentrata fil-Lvant tar-RĊA u allegatament f'Kafia Kingi, territorju fuq il-fruntiera bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel li l-istatus finali tiegħu għad irid jiġi deċiż iżda kkontrollat mill-militar tas-Sudan, l-LRA tattakka villaġġi biex tisraq l-ikel u l-provvisti. Il-ġellieda jwettqu imbuskati biex jattakkaw lill-forzi tas-sigurtà u jisirqu t-tagħmir tagħhom meta dawn jirrispondu għall-attakki tal-LRA, u l-ġellieda tal-LRA jimmiraw u jisirqu wkoll villaġġi li m'għandhomx preżenza militari. L-LRA intensifikat ukoll l-attakki fuq siti ta' minjieri tad-deheb u d-djamanti.
Kony huwa soġġett għal mandat ta' arrest maħruġ mill-Qorti Kriminali Internazzjonali. Il-Qorti Kriminali Internazzjonali akkużatu b'tnax-il akkuża ta' reati kontra l-umanità inkluż qtil, skjavitù, skjavitù sesswali, stupru, atti inumani li jikkawżaw korriment serju u tbatija, u wieħed u għoxrin akkuża ta' delitti tal-gwerra, inkluż il-qtil, it-trattament krudil ta' persuni ċivili, l-attakk dirett b'mod intenzjonali kontra popolazzjoni ċivili, is-sakkeġġ, l-inċitament għall-istupru u l-ingaġġar, permezz tas-sekwestru, ta' tfal taħt il-ħmistax-il sena.
Kony ħareġ ordnijiet permanenti biex ġellieda ribelli jisirqu d-djamanti u d-deheb minn minaturi artiġjanali fil-Lvant tar-Repubblika Ċentru-Afrikana. Allegatament, uħud mill-minerali mbagħad jiġu ttrasportati mill-grupp ta' Kony lejn is-Sudan, jew jiġu nnegozjati ma' ċittadini lokali u membri ta' dik li kienet is-Séléka.
Kony ta wkoll struzzjonijiet lill-ġellieda tiegħu biex jikkaċċaw illegalment iljunfanti fil-Park Nazzjonali ta' Garamba fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, minn fejn allegatament jiġu ttrasportati n-nejbiet tal-iljunfanti mil-Lvant tar-Repubblika Ċentru-Afrikana lejn is-Sudan, fejn uffiċjali għolja tal-LRA allegatament ibigħu u jinnegozjaw ma' negozjanti Sudaniżi u uffiċjali lokali. Il-kummerċ tal-avorju jirrappreżenta sors ta' dħul sinifikanti għall-grupp ta' Kony. F'Jannar 2015, 500 element tal-Lord's Resistance Army ġew allegatament imkeċċija mis-Sudan.
10. Ali KONY (Psewdonimu: a) Ali Lalobo b) Ali Mohammad Labolo c) Ali Mohammed d) Ali Mohammed Lalobo e) Ali Mohammed Kony f) Ali Mohammed Labola g) Ali Mohammed Salongo h) Ali Bashir Lalobo i) Ali Lalobo Bashir j) Otim Kapere k) “Bashir” l) “Caesar” m) “One-P” n) “1-P”
Deżinjazzjoni: Viċi, Lord's Resistance Army
Data tat-twelid: a) 1994 b) 1993 c) 1995 d) 1992
Indirizz: Kafia Kingi (territorju fuq il-fruntiera bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel li l-istatus finali tiegħu għad irid jiġi determinat).
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 23 ta' Awwissu 2016.
Informazzjoni oħra:
Ali Kony huwa viċi fil-Lord's Resistance Army (LRA), entità ddeżinjata, u iben il-mexxej tal-LRA Joseph Kony, individwu ddeżinjat. Ali kien inkorporat fil-ġerarkija ta' tmexxija tal-LRA fl-2010. Huwa jagħmel parti mill-grupp ta' uffiċjali għolja tal-LRA li huma bbażati ma' Joseph Kony. Link elettroniku għall-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5971056
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Ali Kony ġie elenkat fit-23 ta' Awwissu 2016 skont il-paragrafi 12 u 13 (d) u (g) tar-Riżoluzzjoni 2262 (2016) bħala li “ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA”; “li jipprovdi appoġġ lil gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament jew il-kummerċ illeċitu tar-riżorsi naturali, inkluż id-djamanti, id-deheb, l-annimali selvaġġi u l-prodotti mill-annimali selvaġġi fi jew mir-RĊA”; “li hu mexxej ta' entità ddeżinjata mill-Kumitat skont il-paragrafi 36 jew 37 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) jew ir-Riżoluzzjoni 2262 (2016) jew li pprovda appoġġ għal, jew aġixxa għal jew f'isem jew taħt id-direzzjoni ta', individwu jew entità ddeżinjata mill-Kumitat skont il-paragrafi 36 jew 37 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) jew ir-Riżoluzzjoni 2262 (2016), jew entità li tkun il-proprjetà ta' jew ikkontrollata minn individwu jew entità ddeżinjata”.
Ali Kony huwa meqjus bħala suċċessur potenzjali ta' Joseph Kony bħala l-mexxej tal-LRA. Ali huwa dejjem aktar involut fl-ippjanar operazzjonali tal-LRA u huwa meqjus bħala l-aċċess għal Joseph Kony. Ali huwa wkoll uffiċjal tal-intelligence tal-LRA u għandu sa 10 uffiċjali taħtu.
Ali u ħuh Salim Kony kienu t-tnejn responsabbli għall-infurzar tad-dixxiplina fi ħdan l-LRA. Iż-żewġt aħwa huma magħrufa li huma parti miċ-ċirku intern ta' tmexxija ta' Joseph Kony, responsabbli mit-twettiq tal-ordnijiet ta' Kony. It-tnejn li huma ħadu deċiżjonijiet dixxiplinarji li jikkastigaw jew joqtlu membri tal-LRA li ma obdewx ir-regoli tal-LRA. Fuq ordnijiet ta' Joseph Kony, Salim u Ali huma involuti fit-traffikar tal-avorju mill-Park Nazzjonali ta' Garamba fit-Tramuntana tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), li jgħaddi mir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA) għar-reġjun ikkontestat ta' Kafia Kingi għall-bejgħ jew kummerċ ma' negozjanti lokali.
Ali Kony huwa responsabbli biex jinnegozja l-prezzijiet tal-avorju u t-tpartit tal-avorju man-negozjanti. Ali jiltaqa' darba jew darbtejn fix-xahar ma' negozjanti biex jinnegozja l-prezz tal-avorju tal-LRA f'dollari Amerikani jew liri Sudaniżi, jew biex ipartat ma' armi, munizzjon, u ikel. Joseph Kony ordna lil Ali biex juża l-akbar nejbiet tal-iljunfanti għax-xiri ta' mini kontra l-persuni biex jiċċirkondaw il-kamp ta' Kony. F'Lulju 2014, Ali Kony mexxa l-operazzjoni għall-ġarr ta' 52 biċċa tal-avorju biex waslu għand Joseph Kony u finalment inbiegħu.
F'April 2015, Salim telaq minn Kafia Kingi biex iġib kunsinna ta' nejbiet tal-iljunfanti. F'Mejju, Salim ħa sehem fil-ġarr ta' 20 biċċa tal-avorju mir-RDK għal Kafia Kingi. F'dak l-istess żmien, Ali ltaqa' man-negozjanti biex jixtri provvisti u jippjana laqgħa fil-futur biex iwettaq aktar tranżazzjonijiet u jiftiehem dwar il-kondizzjonijiet ta' xiri f'isem l-LRA għal dak li kien stmat li kien l-avorju li Salim kien qed jeskorta.
11. Salim KONY (Psewdonimu: a) Salim Saleh Kony b) Salim Saleh c) Salim Ogaro d) Okolu Salim e) Salim Saleh Obol Ogaro f) Simon Salim Obol)
Deżinjazzjoni: Viċi, Lord's Resistance Army
Data tat-twelid: a) 1992 b) 1991 c) 1993
Indirizz: a) Kafia Kingi, (territorju fuq il-fruntiera bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel li l-istatus finali tiegħu għad irid jiġi determinat) b) ir-Repubblika Ċentru-Afrikana
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 23 ta' Awwissu 2016
Informazzjoni oħra:
Salim Kony huwa viċi fl-Lord's Resistance Army (LRA), entità ddeżinjata, u iben il-mexxej tal-LRA Joseph Kony, individwu ddeżinjat. Salim kien inkorporat fil-ġerarkija ta' tmexxija tal-LRA fl-2010. Huwa jagħmel parti mill-grupp ta' uffiċjali għolja tal-LRA li huma bbażati ma' Joseph Kony. Link elettroniku għall-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5971058
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Salim Kony ġie elenkat fit-23 ta' Awwissu 2016 skont il-paragrafi 12 u 13 (d) u (g) tar-Riżoluzzjoni 2262 (2016) bħala li “ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA”; “li jipprovdi appoġġ lil gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament jew il-kummerċ illeċitu tar-riżorsi naturali, inkluż id-djamanti, id-deheb, l-annimali selvaġġi u l-prodotti mill-annimali selvaġġi fi jew mir-RĊA”; “li hu mexxej ta' entità ddeżinjata mill-Kumitat skont il-paragrafi 36 jew 37 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) jew ir-Riżoluzzjoni 2262 (2016)jew li pprovda appoġġ għal, jew aġixxa għal jew f'isem jew taħt id-direzzjoni ta', individwu jew entità ddeżinjata mill-Kumitat skont il-paragrafi 36 jew 37 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) jew ir-Riżoluzzjoni 2262 (2016), jew entità li tkun il-proprjetà ta' jew ikkontrollata minn individwu jew entità ddeżinjata”.
Salim Kony huwa l-Kap Kmandant tal-“kwartieri ġenerali” tal-LRA u b'mod konġunt ippjana attakki tal-LRA u miżuri difensivi ma' Joseph Kony sa minn età bikrija. Preċedentement, Salim mexxa grupp li jipprovdi s-sigurtà għal Joseph Kony. Aktar reċentement, Joseph Kony inkariga lil Salim bil-ġestjoni tan-netwerks finanzjarji u loġistiċi tal-LRA.
Salim u ħuh Ali Kony kienu t-tnejn responsabbli għall-infurzar tad-dixxiplina fi ħdan l-LRA. Iż-żewġt aħwa huma magħrufa li huma membri taċ-ċirku intern ta' tmexxija ta' Joseph Kony, li huma responsabbli mit-twettiq tal-ordnijiet ta' Joseph Kony. It-tnejn li huma ħadu deċiżjonijiet dixxiplinarji li jikkastigaw jew joqtlu membri tal-LRA li ma obdewx ir-regoli tal-LRA. Salim huwa rrapportat li qatel membri tal-LRA li kellhom l-intenzjoni jiddiżertaw, u rrapporta l-attivitajiet tal-grupp u tal-membri lil Joseph Kony.
Fuq ordnijiet ta' Joseph Kony, Salim u Ali huma involuti fit-traffikar tal-avorju mill-Park Nazzjonali ta' Garamba fit-Tramuntana tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), li jgħaddi mir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA) għar-reġjun ikkontestat ta' Kafia Kingi għall-bejgħ jew kummerċ ma' negozjanti lokali.
Salim spiss jibgħat fil-fruntiera tal-RĊA madwar tużżana ġellieda biex jiltaqgħu u jeskortaw gruppi oħra tal-LRA li jġorru l-avorju lejn it-Tramuntana minn Garamba. F'April 2015, Salim telaq minn Kafia Kingi biex iġib kunsinna ta' nejbiet tal-iljunfanti. F'Mejju, Salim ħa sehem fil-ġarr ta' għoxrin biċċa tal-avorju mir-RDK għal Kafia Kingi.
Preċedentement, f'Ġunju 2014, Salim qasam lejn ir-RDK ma' grupp ta' ġellieda tal-LRA biex jikkaċċaw illegalment iljunfanti f'Garamba. Joseph Kony kien inkariga wkoll lil Salim bl-iskortar ta' żewġ kmandanti tal-LRA lejn Garamba biex isibu avorju li ġie moħbi hemmhekk snin qabel. F'Lulju 2014, Salim iltaqa' mat-tieni grupp tal-LRA biex jittrasportaw l-avorju, b'kollox 52 biċċa, lejn Kafia Kingi. Salim kien responsabbli għal rendikont dwar l-avorju lil Joseph Kony u biex jgħaddi informazzjoni dwar tranżazzjonijiet tal-avorju lil gruppi tal-LRA.
B. Entitajiet
1. BUREAU D'ACHAT DE DIAMANT EN CENTRAFRIQUE/KARDIAM (Psewdonimu: a) BADICA/KRDIAM b) KARDIAM)
Indirizz: a) BP 333 Bangui, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (Tel. + 32 3 2310521, Fax. +32 3 2331839, posta elettronika: kardiam.bvba@skynet.be, sit web: www.groupeabdoulkarim.com) b) Antwerp, il-Belġju
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 20 ta' Awwissu 2015
Informazzjoni oħra:
Immexxi minn Abdoul-Karim Dan-Azoumi, mit-12 ta' Diċembru 1986 u minn Aboubakar Mahamat, mill-1 ta' Jannar 2005. Il-fergħat jinkludu MINAiR, u SOFIA TP (Douala, il-Kamerun). Link elettroniku għall-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/une/5891200
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Il-Bureau d'achat de Diamant en Centrafrique/KARDIAM ġie elenkat fl-20 ta' Awwissu 2015 skont il-paragrafu 12(d) tar-Riżoluzzjoni 2196 (2015) bħala li “pprovda appoġġ lil gruppi armati jew lil netwerks kriminali permezz tal-isfruttar illegali u l-kummerċ ta' riżorsi naturali bħad-djamanti, id-deheb, kif ukoll l-annimali selvaġġi u l-prodotti tagħhom, fir-RĊA”.
Informazzjoni addizzjonali:
BADICA/KARDIAM ipprovda appoġġ lil gruppi armati fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, jiġifieri dawk li kienu tas-Séléka u tal-milizzji anti-Balaka, permezz tal-isfruttar illeċitu u l-kummerċ tar-riżorsi naturali, inkluż id-djamanti u d-deheb.
Il-Bureau d'Achat de Diamant en Centrafrique (BADICA) fl-2014 kompla jixtri djamanti minn Bria u Sam-Ouandja (Provinċja ta' Haute Kotto) fil-Lvant tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, fejn il-forzi preċedenti tas-Séléka jimponu taxxi fuq inġenji tal-ajru li jittrasportaw djamanti u jirċievu ħlas għas-sigurtà minn kollezzjonisti tad-djamanti. Ħafna mill-kollezzjonisti fornituri ta' BADICA fi Bria u Sam-Ouandja huma assoċjati mill-qrib ma' eks-kmandanti tas-Séléka.
F'Mejju 2014, l-awtoritajiet Belġjani żammew żewġ pakketti tad-djamanti mibgħuta lir-rappreżentanza ta' BADICA f'Antwerp, li hija rreġistrata uffiċjalment fil-Belġju bħala KARDIAM. Esperti tad-djamanti kkonkludew li d-djamanti miżmuma wisq probabbli kienu ta' oriġini Ċentru-Afrikana, u li kellhom karatteristiċi tipikament ta' Sam-Ouandja u Bria, kif ukoll Nola (Provinċja ta' Sangha Mbaéré), fil-Lbiċ tal-pajjiż.
In-negozjanti li kienu jixtru djamanti traffikati illegalment mir-Repubblika Ċentru-Afrikana lejn swieq barranin, inkluż mill-parti tal-Punent tal-pajjiż, operaw fil-Kamerun f'isem BADICA.
F'Mejju 2014, BADICA esporta wkoll deheb minn Yaloké (Ombella-Mpoko), fejn il-minjieri tad-deheb artiġjanali waqgħu taħt il-kontroll tas-Séléka sal-bidu ta' Frar 2014, meta l-gruppi anti-Balaka ħaduhom f'idejhom.
2. LORD'S RESISTANCE ARMY (Psewdonimu: a) LRA b) Lord's Resistance Movement (LRM) c) Lord's Resistance Movement/Army (LRM/A)
Indirizz: a) Vakaga, Repubblika Ċentru-Afrikana b) Haute-Kotto, Repubblika Ċentru-Afrikana c) Basse-Kotto, Repubblika Ċentru-Afrikana d) Haut-Mbomou, Repubblika Ċentru-Afrikana e) Mbomou, Repubblika Ċentru-Afrikana f) HautUolo, Repubblika Demokratika tal-Kongo g) Bas-Uolo, Repubblika Demokratika tal-Kongo h) (Indirizz iddikjarat: Kafia Kingi (territorju fuq il-fruntiera bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel li l-istatus finali tiegħu għad irid jiġi determinat). F'Jannar 2015, 500 element tal-Lord's Resistance Army ġew allegatament imkeċċija mis-Sudan.)
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 7 ta' Marzu 2016.
Informazzjoni oħra:
Feġġet fin-naħa ta' fuq tal-Uganda fit-tmeninijiet. Kienet involuta fis-sekwestru, il-qtil u l-mutilazzjoni ta' eluf ta' ċivili fl-Afrika Ċentrali, inkluż mijiet fir-Repubblika Ċentru-Afrikana. Il-mexxej huwa Joseph Kony. Link elettroniku għall-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/une/5932344
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Il-Lord's Resistance Army ġiet elenkata fis-7 ta' Marzu 2016 skont il-paragrafi 12 u 13 (b), (c), u (d) tar-Riżoluzzjoni 2262 (2016) bħala li “ħadet sehem fi jew ipprovdiet appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA”; “li kienet involuta fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet umani jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet umani, fir-RĊA, inkluż atti li jinvolvu vjolenza sesswali, attakki fuq il-popolazzjoni ċivili, attakki ta' natura etnika jew reliġjuża, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u l-ħtif u ċ-ċaqliq sfurzat”; “li tirrekluta jew tuża tfal f'konflitti armati fir-RĊA, bi ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli”; u “li pprovda appoġġ lil gruppi armati jew lil netwerks kriminali permezz tal-isfruttar jew il-kummerċ illeċitu tar-riżorsi naturali, inkluż id-djamanti, id-deheb, l-annimali selvaġġi u l-prodotti mill-annimali selvaġġi fi jew mir-RĊA”.
Informazzjoni addizzjonali:
L-LRA feġġet fin-naħa ta' fuq tal-Uganda fit-tmeninijiet, u kienet involuta fis-sekwestru, il-qtil u l-mutilazzjoni ta' eluf ta' ċivili fl-Afrika Ċentrali. Taħt pressjoni militari dejjem tiżdied, Joseph Kony, il-mexxej tal-LRA, ordna lil-LRA biex tirtira mill-Uganda fl-2005 u l-2006. Minn dak iż-żmien, l-LRA qed topera fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), ir-RĊA, is-Sudan t'Isfel u allegatament is-Sudan.
Minn Diċembru 2013, l-LRA ħatfet, spostat, wettqet vjolenza sesswali kontra, u qatlet mijiet ta' individwi fir-RĊA, u serqet u qerdet proprjetà ċivili. Ikkonċentrata fil-Lvant tar-RĊA u allegatament f'Kafia Kingi, territorju fuq il-fruntiera bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel li l-istatus finali tiegħu għad irid jiġi deċiż iżda kkontrollat mill-militar tas-Sudan, l-LRA tattakka villaġġi biex tisraq l-ikel u l-provvisti. Il-ġellieda jwettqu imbuskati biex jattakkaw lill-forzi tas-sigurtà u jisirqu t-tagħmir tagħhom meta dawn jirrispondu għall-attakki tal-LRA, u l-ġellieda tal-LRA jimmiraw u jisirqu wkoll villaġġi li m'għandhomx preżenza militari. L-LRA intensifikat ukoll l-attakki fuq siti ta' minjieri tad-deheb u d-djamanti.
Iċ-ċelel tal-LRA ta' spiss ikollhom magħhom priġunieri li huma mġiegħla jaħdmu bħala porters, kokijiet, u skjavi sesswali. L-LRA hija involuta fi vjolenza sessista inkluż stupri ta' nisa u bniet.
F'Diċembru 2013, l-LRA ssekwestrat għexieren ta' persuni f'Haute-Kotto. L-LRA allegatament kienet involuta fis-sekwestru ta' mijiet ta' ċivili fir-RĊA mill-bidu tal-2014 'l hawn.
Il-ġellieda tal-LRA attakkaw Obo, fil-Prefettura ta' Haut-Mbomou fil-Lvant tar-RĊA, f'diversi okkażjonijiet fil-bidu tal-2014.
L-LRA kompliet twettaq attakki f'Obo u postijiet oħra fix-Xlokk tar-RĊA bejn Mejju u Lulju 2014, inkluż attakki u sekwestri apparentement koordinati fil-Prefettura ta' Mbomou fil-bidu ta' Ġunju.
Sa mill-inqas l-2014, l-LRA kienet involuta fil-kaċċa illegali tal-iljunfanti u t-traffikar tal-iljunfanti għall-ġenerazzjoni tad-dħul. L-LRA allegatament tittraffika l-avorju mill-Park Nazzjonali ta' Garamba fit-Tramuntana tar-RDK lejn Darfur, biex tinnegozjah għal armi u provvisti. L-LRA allegatament tittrasporta n-nejbiet ta' iljunfanti kkaċċati illegament mir-RĊA għal Darfurfis-Sudan biex jinbiegħu. Barra minn hekk, kmieni fl-2014, Kony kien allegatament ordna lill-ġellieda tal-LRA jisirqu d-djamanti u d-deheb minn minaturi fil-Lvant tar-RĊA għat-trasportazzjoni lejn is-Sudan. Minn Jannar 2015, 500 element tal-Lord's Resistance Army ġew allegatament imkeċċija mis-Sudan.
Fil-bidu ta' Frar 2015, il-ġellieda tal-LRA armati b'armi b'saħħithom issekwestraw ċivili f'Kpangbayanga, Haut-Mbomou, u serqu prodotti tal-ikel.
F'April 20, 2015 , attakk mill-LRA u s-sekwestru ta' tfal minn Ndambissoua, fix-Xlokk tar-RĊA wasslu l-biċċa l-kbira tar-residenti tal-villaġġ biex jaħarbu. U fil-bidu ta' Lulju 2015, l-LRA attakkat diversi villaġġi fix-Xlokk tal-Prefettura ta' Haute-Kotto; l-attakki kienu jinvolvu serq, vjolenza kontra persuni ċivili, ħruq ta' djar, u ħtif.
Minn Jannar 2016 'l hawn, attakki attribwiti lil-LRA mmultiplikaw f'Mbomou Haut-Mbomou u Haute-Kotto li affettwaw b'mod partikolari ż-żoni tal-minjieri f'Haute-Kotto. Dawn l-attakki kienu jinvolvu s-serq, il-vjolenza kontra persuni ċivili, il-qerda ta' proprjetà u s-sekwestri. Dawn wasslu għal spostamenti tal-popolazzjoni, inkluż madwar 700 persuna li fittxew rifuġju fi Bria.”