European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1891

18.9.2025

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1891

tas-17 ta’ Settembru 2025

li jemenda r-Regolament (UE) 2023/915 fir-rigward tal-livelli massimi tal-arseniku inorganiku fil-ħut u frott tal-baħar ieħor

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 (2) jiffissa l-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel, fosthom l-arseniku inorganiku f’għadd ta’ oġġetti tal-ikel.

(2)

L-arseniku huwa metallojd li jinsab kullimkien f’konċentrazzjonijiet żgħar fil-blat, fil-ħamrija u fl-ilma naturali ta’ taħt l-art. L-attività antropoġenika kkontribwiet biex jiżdiedu l-livelli tal-arseniku fl-ambjent permezz tal-emissjonijiet industrijali (it-tħaffir fil-minjieri, it-tidwib ta’ metalli mhux ferrużi, u l-ħruq tal-fjuwils fossili) kif ukoll bl-użu tal-arseniku bħala ingredjent fil-fertilizzanti, fil-preservattivi tal-injam, fl-insettiċidi jew fl-erbiċidi. Għalkemm huwa possibbli l-esponiment permezz tal-ġilda u l-inalazzjoni, ir-rotot prinċipali tal-esponiment għall-arseniku huma l-ikel u l-ilma tax-xorb.

(3)

Fit-12 ta’ Ottubru 2009, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni dwar l-arseniku fl-ikel (3) li fiha kkonkludiet li l-arseniku inorganiku jista’ jikkawża kanċers tal-pulmun, tal-bużżieqa tal-awrina, u tal-ġilda, u leżjonijiet fil-ġilda, u identifikat firxa ta’ firxa ta’ valuri “limitu ta’ kunfidenza baxxa tad-doża punt ta’ riferiment” (BMDL01) bejn 0,3 u 8 μg/kg b.w. kuljum. Minħabba li l-esponimenti djetetiċi stmati għall-arseniku inorganiku għal min jikkonsma livell medju u għoli fl-Ewropa huma fil-firxa tal-valuri BMDL01 identifikati, ma jistax jiġi eskluż ir-riskju għal ċerti konsumaturi. Għalhekk, permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1006 (4), ġew stabbiliti livelli massimi għall-arseniku inorganiku f’diversi ikel terrestri.

(4)

Fir-rapport xjentifiku tagħha tal-2021 (5), l-Awtorità vvalutat l-esponiment dijetetiku kroniku tal-popolazzjoni Ewropea għall-arseniku inorganiku, filwaqt li qieset l-aktar data ta’ okkorrenza reċenti għall-arseniku inorganiku fl-ikel u, minbarra li kkonfermat ir-rilevanza tal-ikel terrestri għall-esponiment ikkonkludiet ukoll li fil-popolazzjoni adulta gruppi tal-ikel bħall-“ħut u frott tal-baħar ieħor” kienu fost is-sorsi apparenti ta’ esponiment għall-arseniku inorganiku f’ċerti pajjiżi.

(5)

Abbażi tad-data tal-okkorrenza l-aktar reċenti, u sakemm isiru konsultazzjonijiet dwar il-livelli massimi potenzjali għall-arseniku fil-ħut u fi frott tal-baħar ieħor, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/465 (6) baxxa l-livell massimu għall-arseniku inorganiku fir-ross abjad u stabbilixxa l-livelli massimi għal ċertu ikel terrestri.

(6)

Fit-28 ta’ Novembru 2023, l-Awtorità adottat l-opinjoni xjentifika tagħha dwar aġġornament tal-valutazzjoni tar-riskju dwar l-arseniku inorganiku fl-ikel. (7) Ikkonkludiet li l-istudji epidemjoloġiċi juru li l-konsum kroniku tal-arseniku inorganiku permezz tad-dieta u/jew tal-ilma tax-xorb huwa assoċjat ma’ riskju akbar ta’ diversi eżiti avversi inklużi l-kanċers tal-pulmun, tal-bużżieqa tal-awrina, u tal-ġilda. L-Awtorità użat il-BMDL05 ta’ 0,06 μg /kg b.w. kuljum u applikat metodu bbażat fuq il-marġini ta’ esponiment (MOE, margin of exposure). Hija stmat li fl-adulti l-MOEs huma baxxi (firxa ta’ bejn 2 u 0,4 għall-konsumaturi medji u ta’ bejn 0,9 u 0,2 fil-95 perċentil tal-esponiment) u kkonkludiet li, għalhekk, l-esponiment attwali għall-arseniku inorganiku jqajjem tħassib dwar is-saħħa minkejja l-inċertezzi.

(7)

Sabiex ikompli jitnaqqas l-esponiment tal-popolazzjoni għall-arseniku inorganiku, huwa għalhekk xieraq li jiġu stabbiliti livelli massimi għall-ħut u għal frott tal-baħar ieħor, li jikkontribwixxu għal dak l-esponiment.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/915 jiġi emendat kif xieraq.

(9)

Filwaqt li jitqies il-fatt li ċerti oġġetti tal-ikel koperti minn dan ir-Regolament għandhom ħajja twila fuq l-ixkaffa u sabiex tiġi evitata l-ħela tal-ikel, jenħtieġ li l-ħut u frott tal-baħar ieħor li tqiegħdu fis-suq legalment qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jitħallew jibqgħu fis-suq sad-data tad-durabbiltà minima tagħhom jew sad-data sa meta għandhom jintużaw.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel, u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2023/915 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 10(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-ikel imqiegħed legalment fis-suq qabel id-dati msemmija fil-punti minn (a) sa (q) jista’ jibqa’ fis-suq sad-data tad-durabbiltà minima tiegħu jew sad-data sa meta għandu jintuża:”;

(b)

jiżdied il-punt li ġej:

“(q)

It-8 ta’ Ottubru 2025 fir-rigward tal-livelli massimi għall-arseniku inorganiku stabbiliti fil-punti 3.4.5, 3.4.6, 3.4.7 u 3.4.8 tal-Anness I”;

(2)

L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1993/315/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 tal-25 ta’ April 2023 dwar il-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-ikel u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 (ĠU L 119, 5.5.2023, p. 103, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/915/oj).

(3)  EFSA Panel on Contaminants in the Food Chain (CONTAM); Opinjoni xjentifika dwar l-arseniku fl-ikel. EFSA Journal 2009; 7(10):1351, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2009.1351.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1006 tal-25 ta’ Ġunju 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta’ arseniku inorganiku fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 161, 26.6.2015, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1006/oj).

(5)  Scientific report of EFSA on the chronic dietary exposure to inorganic arsenic, EFSA Journal 2021; 19(1): 6380, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2021.6380.

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/465 tal-3 ta’ Marzu 2023 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi tal-arseniku f’ċerti oġġetti tal-ikel (ĠU L 68, 6.3.2023, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/465/oj).

(7)  Scientific opinion on an update of the risk assessment on inorganic arsenic in food, EFSA Journal. 2024;22:e8488, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2024.8488.


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/915, fit-taqsima 3 (Metalli u elementi oħrajn), is-subsezzjoni 3.4 (Arseniku) hija emendata kif ġej:

(1)

it-tieni ringiela hija sostitwita b’dan li ġej:

 

 

“Arseniku inorganiku (somma ta’ As(III) u As(V))

Il-livell massimu għall-arseniku inorganiku japplika għall-prodotti elenkati fil-punti minn 3.4.1 sa 3.4.8.”

(2)

l-entrata 3.4.5 u t-tabella ta’ fuqha huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.4.5

Laħam tal-muskoli tal-ħut li ġej:

 

Il-livell massimu japplika għall-piż niedi.

Meta l-ħut huwa maħsub biex jittiekel sħiħ, il-livell massimu japplika għall-ħuta sħiħa.

Fil-każ ta’ ikel imnixxef, dilwit, ipproċessat, u/jew kompost, japplika l-Artikolu 3(1) u (2).

3.4.5.1

Speċijiet oħrajn għajr dawk elenkati taħt 3.4.5.2

0,10

 

3.4.5.2

Il-petriċa kbira, il-petriċa, u ż-żondu (l-ispeċi Lophius; Kathetostoma giganteum), il-pixxiċatt (l-ispeċi Pleuronectiformes), il-merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus), l-aringa (l-ispeċi Clupea), ir-raja (l-ispeċi Rajidae) u l-kelb il-baħar (l-ispeċijiet kollha).

0,50

 

3.4.6

Il-krustaċji

 

Il-livell massimu japplika għall-piż niedi.

Il-livell massimu japplika għal-laħam tal-muskoli mill-appendiċi u mill-addome, li jfisser li ċ-ċefalotoraċi tal-krustaċji hija eskluża. Fil-każ tal-granċijiet u l-krustaċji simili għall-granċijiet (Brachyura u Anomura), il-livell massimu japplika għal-laħam tal-muskoli mill-appendiċijiet.

Fil-każ ta’ ikel imnixxef, dilwit, ipproċessat, u/jew kompost, japplika l-Artikolu 3(1) u (2).

3.4.6.1

Il-granċijiet u l-krustaċji simili għall-granċijiet (Brachyura u Anomura), il-gambli (l-ispeċijiet kollha).

0,10

 

3.4.6.2

Il-krustaċji għajr dawk elenkati taħt 3.4.6.1 u 3.4.6.3.

0,20

 

3.4.6.3

L-awwista żgħira (Nephrops norvegicus) u l-awwista (l-ispeċi Jasus)

1,5

 

3.4.7

Il-molluski bivalvi

 

Il-livell massimu japplika għall-piż niedi.

Fil-każ tal-Pecten maximus, il-livell massimu japplika biss għall-muskolu adduttur u għall-gonadi.

Fil-każ ta’ ikel imnixxef, dilwit, ipproċessat, u/jew kompost, japplika l-Artikolu 3(1) u (2).

3.4.7.1

L-arzell

0,10

 

3.4.7.2

Il-molluski bivalvi li mhux elenkati taħt 3.4.7.1

0,50

 

3.4.8

Iċ-ċefalopodi

0,050

Il-livell massimu japplika għall-piż niedi.

Il-livell massimu japplika għall-annimal mingħajr vixxri.

Fil-każ ta’ ikel imnixxef, dilwit, ipproċessat, u/jew kompost, japplika l-Artikolu 3(1) u (2).

 

 

L-arseniku totali

Il-livell massimu għall-arseniku totali japplika għall-prodotti elenkati fil-punt 3.4.9.

3.4.9

Melħ

0,50 ”

 


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1891/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)