Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla)
10 ta’ Settembru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Intestaturi 0302 u 0511 – Kunċett ta’ ‘ħut li mhuwiex adatt għall-konsum mill-bniedem minħabba n-natura jew l-istat ta’ preżentazzjoni tiegħu’ – Portata – Ħut u waqgħat ta’ ħut”
Fil-Kawża C‑406/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vestre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Punent, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ April 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Mejju 2025, fil-proċedura
Skatteministeriet
vs
FF Skagen A/S,
IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla),
komposta minn M. Condinanzi, President tal-Awla, N. Jääskinen u A. Kornezov (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Biondi,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal FF Skagen A/S, minn S. Andersen u L. Kjær, avukati,
– għall-Gvern Daniż, minn C. A.-S. Maertens, bħala aġent, assistita minn B. Søes Petersen, avukat,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Demeneix u M.-L. Ehlers Defontaine, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-nota 1(c) tal-Kapitolu 3 tat-Tieni Parti tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat‑23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NM”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-iSkatteministeriet (il-Ministeru tat-Taxxa, id-Danimarka) u FF Skagen A/S, kumpannija rregolata mid-dritt Daniż, dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ ħut u waqgħat ta’ ħut li din il-kumpannija timporta.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) ġiet imfassla mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (ODD), imwaqqfa permezz tal-Konvenzjoni dwar il-Ħolqien tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, konkluża Brussell fil‑15 ta’ Diċembru 1950. Is-SA ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1503, p. 4, Nru 25910 (1988)), u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas‑7 ta’ April 1987 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”).
4 L-ODD approvat, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-Noti ta’ Spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA, stabbilit bl-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni.
5 Skont l-Artikolu 3(1)(a) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti tintrabat li n-Nomenklaturi Tariffarji u l-istatistika tagħha jkunu konformi mas-SA, l-ewwel, billi tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tas-SA, mingħajr żieda jew modifika, kif ukoll il-kodiċijiet numeriċi konnessi magħhom, it-tieni, billi tapplika kemm ir-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA, kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi mingħajr ma tibdel il-portata tagħhom, u, it-tielet, billi ssegwi l-ordni numeriku tas-SA.
Id-dritt tal-Unjoni
In-NM
6 Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) u (3) tar-Regolament Nru 2658/87, in-NM tirregola l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, in-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, peress li huma biss is-seba’ u t-tmien ċifri li jifformaw subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.
7 Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fit-Taqsima A tat-Titolu I tal-Ewwel Parti tan-NM, jipprovdu:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
1. It-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subkapitoli qed jingħataw biss għal finijiet ta’ ħeffa tar-referenza; għal finijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skont it-termini tal-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jesiġux mod ieħor, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin:
[...]
6. Għal finijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subintestaturi ta’ intestatura għandha tiġi stabbilita skont it-termini ta’ dawk is-subintestaturi u kwalunkwe noti tas-subintestatua relatati u, mutatis mutandis skont ir-regoli ta’ hawn fuq, bil-kundizzjoni li s-subintestaturi fl-istess livell biss ikunu komparabbli. Għall-finijiet ta’ din ir-regola, it-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitolu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”
8 It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji”, tinkludi t-Taqsima I, intitolata “Annimali ħajjin u prodotti magħmula mill-annimali”, li fiha jinsab il-Kapitolu 3, intitolat “Ħut u krustaċji, molluski u invertebrati akkwatiċi oħrajn”, kif ukoll Kapitolu 5, intitolat “Prodotti oħra li joriġinaw mill-annimali, mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra” [Traduzzjoni mhux uffiċjali].
9 Dan il-Kapitolu 3 jinkludi n-nota 1 li tipprovdi:
“Dan il-kapitolu ma jkoprix:
[...]
c) ħut (inkluż fwied, bajd u sperma tal-ħut) jew krustaċji, molluski jew invertebrati akkwatiċi oħrajn, mejtin u mhux tajbin jew mhux adatti għall-konsum mill-bniedem minħabba l-ispeċi jew il-kundizzjoni tagħhom (il-Kapitolu 5); id-dqiq, il-frakass jew il-pellets tal-ħut jew tal-krustaċji, il-molluski jew invertebrati akkwatiċi oħrajn, mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem (l-intestatura 2301);
[...]”
10 It-tabella tad-dazji tal-Kapitolu 3 tat-Tieni Parti tan-NM fiha l-intestaturi li ġejjin:
|
“Kodiċi NM |
Deskrizzjoni tal-oġġetti |
Rata tad-dazju konvenzjonali (%) |
Unità Supplimentari |
|
1 |
2 |
3 |
4 |
|
[...] |
|
|
|
|
0302 |
Ħut, frisk jew imkessaħ, ħlief il-fletti tal-ħut u laħam ieħor tal-ħut tal-intestatura 0304: |
|
|
|
[...]” |
|
|
|
11 Il-Kapitolu 5 tat-Tieni Parti tan-NM jinkludi n-nota 1 li tistabbilixxi:
“Dan il-kapitolu ma jkoprix:
a) prodotti tajbin għall-ikel (għajr l-imsaren, il-bżieżaq tal-awrina u l-istonkijiet tal-annimali, sħaħ jew partijiet tagħhom, u d-demm tal-annimali, likwidu jew imnixxef);
[...]”
12 It-tabella tad-dazji ta’ dan il-Kapitolu 5 tinkludi l-intestaturi li ġejjin:
|
“Kodiċi NM |
Deskrizzjoni tal-oġġetti |
Rata tad-dazju konvenzjonali (%) |
Unità Supplimentari |
|
1 |
2 |
3 |
4 |
|
[...] |
|
|
|
|
0511 |
Prodotti ġejjin mill-annimali li mhumiex speċifikati jew inklużi band’ oħra; l-annimali mejtin tal-Kapitolu 1 jew 3, mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem: |
|
|
|
[...] |
|
|
|
|
0511 - 91 |
– – Prodotti tal-ħut jew tal-krustaċji, tal-molluski u ta’ invertebrati akkwatiċi oħrajn; annimali mejtin tal-Kapitolu 3: |
|
|
|
0511 - 91 10 |
– – Skart tal-ħut |
Eżenti |
– |
|
0511 - 91 90 |
– – – oħrajn |
Eżenti |
– |
|
[...]” |
|
|
|
Regolament (KEE) Nru 178/2002
13 L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9, u fil‑ĠU 2016, L 227, p. 5), jipprovdi:
“1. L-ikel m’għandux jitqiegħed fuq is-suq jekk ma jkunx tajjeb.
2. L-ikel għandu jitqies li ma jkunx tajjeb jekk ikun meqjus li:
a) jkun ta’ħsara għas-saħħa;
b) ma jkunx tajjeb għall-konsum uman.
[...]
5. Biex jiġi stabbilit jekk l-ikel ikunx tajjeb għall-konsum uman, għandu jingħata kont ta’ jekk l-ikel ikunx aċċettabbli jew le għall-konsum uman skond l-użu maħsub tiegħu, minħabba raġunijiet ta’ kontaminazzjoni, sew b’materjal estraneju jew mod ieħor, jew minħabba putrifikazzjoni, deterjorament jew tħassir.”
Regolament (KEE) Nru 852/2004
14 L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 34, p. 319, u rettifika fil-ĠU 2004, L 226, p. 3), jipprovdi:
“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-operaturi tan-negozju tal-ikel dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel [...]”
15 L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:
“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Reolament:
(a) ‘iġjene tal-ikel’, minn hawn il-quddiem imsejħa ‘iġjene’ tfisser il-miżuri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-kontroll tal-perikoli u sabiex jassiguraw il-bontà għall-konsum uman ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel billi jkun meqjus l-użu ntiż tagħhom;
[...]
(f) ‘kontaminazzjoni’ tfisser il-preżenza jew l-introduzzjoni ta’ periklu;
[...]”
16 Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament:
“L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel għandhom jassiguraw li matul l-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni ta’ l-ikel taħt il-kontroll tagħhom ikunu jissodidfaw il-ħtiġiet ta’ l-iġjene kif stabbiliti f’dan ir-Regolament.”
Regolament (KEE) Nru 853/2004
17 L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14, rettifika fil-ĠU 2019, L 282, p. 35), jipprovdi:
“Dan ir-Regolment jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar l-iġjene fl-ikel ta’ oriġini mill-annimali għall-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel. Dawn ir-regoli jissupplimentaw dawk stabbiliti b’[Regolament nru 852/2004]. Għandhom japplikaw għall-prodotti ta’ oriġini mill-annimali proċessati jew le.”
18 Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 853/2004:
“L-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-annessi II u III.”
19 L-Anness III ta’ dan ir-regolament jinkludi t-Taqsima VIII, intitolata “Prodotti tas-sajd”, li tinkludi, b’mod partikolari, rekwiżiti għall-bastimenti, rekwiżiti li għandhom jiġu osservati matul u wara l-iżbark tal-prodotti tas-sajd, rekwiżiti applikabbli għall-istabbilimenti, inklużi bastimenti, li fihom dawn il-prodotti jiġu ttrattati, standards sanitarji applikabbli għall-imsemmija prodotti kif ukoll rekwiżiti dwar il-ħażna ta’ prodotti tas-sajd mhux ipproċessati mneħħija mill-friża u ta’ prodotti tas-sajd friski li magħhom ġew miżjuda addittivi tal-ikel konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
20 Din it-taqsima tinkludi diversi rekwiżiti dwar it-temperatura tal-prodotti tas-sajd. Fost dawn ir-rekwiżiti, il-punt I (B) (1) tal-Kapitolu I ta’ din it-taqsima, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Kapitolu VII tagħha, jipprovdi li l-bastimenti ddisinjati u mgħammra sabiex jiżguraw il-preżervazzjoni tal-prodotti tas-sajd friski għal iktar minn 24 siegħa għandhom ikunu mgħammra b’apparat għall-ħażna ta’ prodotti tas-sajd f’temperatura li toqrob lejn dik tas-silġ li jdub. Il-punt I (B) (3) ta’ dan il-Kapitolu I jipprovdi, b’mod partikolari, li, meta prodotti tas-sajd jitkessħu fl-ilma tal-baħar nadif imkessaħ, l-istivi, it-tankijiet jew il-kontejners tal-bastimenti għandhom jiżguraw temperatura omoġenja u għandhom jippermettu li tintlaħaq rata ta’ refriġerazzjoni b’tali mod li t-temperatura tat-taħlita ta’ ħut u ta’ ilma tal-baħar nadif ma taqbiżx it‑3 °C sitt sigħat wara t-tagħbija u lanqas 0 °C wara sittax-il siegħa. Skont il-punt 1(b)(ii) tal-Kapitolu II ta’ dik it-Taqsima, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Kapitolu VII tagħha, l-operaturi tan-negozju tal-ikel responsabbli għall-ħatt u l-iżbark, b’mod partikolari, tal-prodotti tas-sajd friski u tal-prodotti tas-sajd mhux ipproċessati li jkunu tħallew iffriżati għandhom jevitaw, fil-mument tal-ħatt u tal-iżbark, kull kontaminazzjoni ta’ dawn il-prodotti, billi jqegħduhom mingħajr dewmien f’ambjent protett, f’temperatura li toqrob lejn dik tas-silġ li jdub. Mill-punt 1 tal-Kapitolu VII u mill-punt 1(a) tal-Kapitolu VIII tal-istess taqsima jirriżulta li, waqt il-ħażna u t-trasport tal-imsemmija prodotti, l-operaturi tas-settur tal-ikel li jwettqu dawn l-operazzjonijiet għandhom jiżguraw ruħhom li l-istess prodotti jinżammu f’temperatura li toqrob lejn dik tas-silġ li jdub.
21 Il-punt C tal-Kapitolu V tat-Taqsima VIII tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004 jipprovdi, b’mod partikolari, li l-prodotti tas-sajd mhux ipproċessati ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq jekk testijiet kimiċi juru li l-limiti tan-nitroġenu volatili bażiku totali (TVB-N) inqabżu.
Regolament (KE) Nru 854/2004
22 Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġiniw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 75), l-Istati Membri kellhom jiżguraw li l-kontrolli uffiċjali fuq il-prodotti tas-sajd jitwettqu konformement mal-Anness III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prodotti tas-sajd”.
23 Il-punt 4 tal-Kapitolu III ta’ dan l-anness kien jipprovdi li l-prodotti tas-sajd għandhom jiġu ddikjarati mhux adatti għall-konsum mill-bniedem jekk l-awtoritajiet kompetenti jqisu li dawn jistgħu jikkostitwixxu riskju għas-saħħa pubblika jew tal-annimali, jew huma, għal kull raġuni oħra, mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem.
Regolament Nru 2074/2005
24 Il-punt 1 tal-Kapitolu I tat-Taqsima II tal-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 tal‑5 ta’ Diċembru 2005 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għal ċerti prodotti taħt ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali taħt ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 (ĠU 2008, L 306M, p. 419), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1022/2008 tas‑17 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2008, L 277, p. 18) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2074/2005”), jipprovdi:
“Prodotti tas-sajd mhux ipproċessati għandhom jitqiesu bħala mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem meta l-valutazzjoni organoleptika tkun qajmet dubji dwar kemm dawn huma friski u l-verifiki kimiċi juru li l-limiti ta’ TVB-N li ġejjin inqabżu:
a) 25 mg ta’ nitroġenu/100 g ta’ laħam għall-ispeċi msemmija fil-punt 1 tal-Kapitolu II;
b) 30 mg ta’ nitroġenu/100g ta’ laħam għall-ispeċi msemmija fil-punt 2 tal-Kapitolu II
c) 35 mg ta’ nitroġenu/100g ta’ laħam għall-ispeċi msemmija fil-punt 3 tal-Kapitolu II.
[...]”
25 Il-Kapitolu II tat-Taqsima II tal-Anness II ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:
“1. Sebastes spp., Helicolenus dactylopterus, Sebastichthys capensis.
2. L-ispeċi li tappartjeni għall-familja Pleuronectidae (bl-eċċezzjoni tal-ħalibatt: Hippoglossus spp.).
3. Salmo salar, l-ispeċi li tappartjeni għall-familja Merlucciidae, l-ispeċi li tappartjeni għall-familja Gadidae.”
Regolament Nru 1333/2008
26 Fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi ta’ l-ikel (ĠU 2008, L 354, p. 16), huwa applikabbli kemm fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-emendi magħmula permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/647 tal‑24 ta’ April 2015 (ĠU 2015, L 107, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1333/2008”), kif ukoll fil-verżjoni preċedenti tiegħu. Madankollu, id-dispożizzjonijiet rilevanti għal din il-kawża ma kinux is-suġġett ta’ emendi sostanzjali, b’tali mod li għandhom jiġu ċċitati dawk li jirriżultaw minn dawn l-emendi.
27 L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1333/2008 jipprovdi:
“L-ebda persuna ma għandha tqiegħed fis-suq addittiv ta’ l-ikel jew kwalunkwe ikel li fih huwa preżenti tali addittiv ta’ l-ikel jekk l-użu ta’ l-addittiv ta’ l-ikel ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament.”
28 Skont l-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament:
“L-addittivi ta’ l-ikel m’għandhomx jintużaw fl-ikel mhux ipproċessat, ħlief fejn tali użu jkun speċifikament previst fl-Anness II.”
29 Il-punt 2 tal-Parti A tal-Anness II tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali fuq l-addittivi tal-ikel elenkati u l-kundizzjonijiet tal-użu”, huwa fformulat kif ġej:
“1. Is-sustanzi elenkati fil-Parti B biss, [...], jistgħu jintużaw bħala addittivi tal-ikel, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-Parti E.
2. L-addittivi jistgħu jintużaw biss fl-ikel u skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-Parti E ta’ dan l-Anness.
3. Fil-Parti E ta’ dan l-Anness, l-ikel hu elenkat fuq il-bażi tal-kategoriji tal-ikel stipulati fil-Parti D ta’ dan l-Anness u l-addittivi huma raggruppati fuq il-bażi tad-definizzjonijiet stipulati fil-Parti C ta’ dan l-Anness.
[...]”
30 L-aċidu aċetiku huwa elenkat fil-Parti B ta’ dan l-Anness. Il-ħut u l-prodotti tas-sajd mhux ipproċessati kif ukoll il-ħut u l-prodotti tas-sajd ipproċessati, inklużi l-molluski u l-krustaċji, huma stabbiliti fil-Parti D tal-imsemmi Anness. Fil-Parti E tal-istess anness, l-aċidu aċetiku ma jinsabx fost l-addittivi msemmija għal dawn il-kategoriji ta’ prodotti tal-ikel.
Regolament (KE) Nru 1069/2009
31 L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali u derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU 2009, L 300, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 92, p. 32), jipprovdi:
“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Reolament:
1. ‘prodotti sekondarji mill-annimali’ tfisser iġsma jew partijiet ta’ annimali, jew prodotti li ġejjin mill-annimali, li mhumiex maħsuba għall-konsum mill-bniedem, inklużi ooċiti, embrijuni u semen;
[...]”
32 Skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament:
“Il-prodotti sekondarji mill-annimali għandhom jiġu kkategorizzati f’kategoriji speċifiċi li jirriflettu l-livell ta’ riskju għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali li ġej minn dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali, skont il-listi stabbiliti fl-Artikoli 8, 9 u 10.”
33 L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament jipprovdi:
“Il-materjal tal-Kategorija 3 għandu jkun fih dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali li ġejjin:
a) karkassi u partijiet minn annimali maqtula jew, fil-każ ta’ kaċċa, iġsma jew partijiet minn annimali maqtula, u li huma xierqa għall-konsum mill-bniedem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, iżda mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem għal raġunijiet kummerċjali;
[...]”
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
34 FF Skagen importat prinċipalment min-Norveġja ħut u waqgħat ta’ ħut li hija użat fil-produzzjoni ta’ ħut mitħun, ta’ żejt tal-ħuta u ta’ prodotti oħra intiżi għall-għalf tal-annimali.
35 Fl‑10 ta’ Novembru 2016, it-Toldstyrelsen (l-Aġenzija tad-Dwana, id-Danimarka) wettqet spezzjoni tal-importazzjonijiet ta’ ħut sħiħ tal-ispeċi ta’ merluzz blu, kapelin, sallura tar-ramel, silverside, pouting u sawrell, iddikjarati minn FF Skagen bħala li jaqgħu taħt il-Kapitolu 5 tat-Tieni Parti tan-NM.
36 Fil-kuntest ta’ din l-ispezzjoni, l-Aġenzija tad-Dwana talbet lill-istitut ta’ analiżi Force Technology (id-Danimarka) janalizza kampjuni ta’ xi wħud minn dan il-ħut u jindika jekk kienx adatt għall-konsum mill-bniedem jew le, sabiex jivverifika l-klassifikazzjoni tariffarja tiegħu.
37 Abbażi ta’ evalwazzjoni viżiva u sensorjali ta’ dawn il-kampjuni, dan l-istitut qies li l-qabdiet li jagħmlu parti minn tlieta mill-erba’ kampjuni analizzati kienu speċifiċi għall-konsum mill-bniedem, filwaqt li dawk li jagħmlu parti mir-raba’ kampjun ma kinux, b’mod partikolari minħabba riħa ferm spjaċevoli.
38 L-imsemmi istitut iddeskriva l-kampjuni li huwa kkunsidra bħala li huma adatti għall-konsum bħala sħaħ, mhux imnaddfa u mhux dekapitati. Barra minn hekk, huwa kklassifika wħud minn dawn il-kampjuni bħala eteroġeni, billi ppreċiża, b’mod partikolari, li ċertu ħut kellu l-arja li jkun fi stat tajjeb, filwaqt li oħrajn kienu ġew maqtugħa, kellhom il-ġilda li tinfirex u li kienu neqsin mill-għajnejn, ir-ras jew id-denb.
39 Mill-kuntratti ta’ xiri konklużi minn FF Skagen u li jirrigwardaw il-qabdiet analizzati u kkunsidrati bħala adatti għall-konsum mill-bniedem jirriżulta li l-ħut kien jinżamm abbord bastimenti matul perijodu li jista’ jitla’ sa tmient ijiem, ikkalkolati bejn l-ewwel qabda u l-iżbark, peress li din il-preservazzjoni saret permezz taż-żieda ta’ aċidu aċetiku jew ta’ “aċidu”, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra. Barra minn hekk, il-valur medju ta’ dawn il-qabdiet ta’ TVB-N, ikkalkolat abbażi ta’ teħid ta’ kampjuni multiplu ta’ qabdiet individwali, kien ta’ bejn 14 u 30 mg/100 g. Wieħed mill-għaxar kampjuni użati sabiex jiġi ddeterminat il-valur medju ta’ TVB-N ta’ waħda mill-qabdiet kellhom livell ta’ 40 mg/100 g, filwaqt li d-disa’ kampjuni l-oħra tal-istess qabda kellhom livelli li jinsabu bejn 27 u 33 mg/100 g.
40 Minbarra l-qabdiet li jagħmlu parti mit-tliet kampjuni kkunsidrati bħala adatti għall-konsum mill-bniedem mill-istitut ta’ analiżi, FF Skagen kienet importat, matul il-perijodu suġġett għall-ispezzjoni, qabdiet oħra, li l-valur medju tagħhom ta’ TVB-N, imkejjel minnha kien inqas minn 35 jew 60 mg/100 g, skont l-ispeċi ta’ ħut ikkonċernat. Madankollu, dan il-valur kien ivarja, kampjun uniku b’livell massimu ta’ 82 mg/100 g. Dawn il-qabdiet tal-aħħar inżammu abbord bastimenti matul perijodu li seta’ jitla’ sa tnax-il jum, ikkalkolati bejn l-ewwel qabda u l-iżbark, permezz ta’ taħlita ta’ ilma ħelu jew ta’ baħar imkessaħ u ta’ aċidu aċetiku jew ta’ tip mhux speċifikat. It-temperatura tal-ilma li fiha nżammu l-imsemmija qabdiet kienet tvarja minn lott għall-ieħor u kienet tilħaq it-8.6 °C fil-mument tal-iżbark. B’risposta għal talba ta’ FF Skagen, l-awtoritajiet tal-ikel Daniżi ddikjaraw li, fil-fehma tagħhom, l-użu tal-aċidu aċetiku bħala preservattiv għall-qabdiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien għamilhom mhux adatti għall-konsum mill-bniedem, u dan indipendentement mil-livell tagħhom ta’ TVB-N.
41 Fid‑19 ta’ Frar 2018, l-awtoritajiet doganali Daniżi ddeċidew li l-ħut sħiħ u l-waqgħat ta’ ħut importati minn FF Skagen matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2015 u t‑30 ta’ Novembru 2017 kellhom jiġu kklassifikati taħt il-Kapitolu 3 tat-tieni parti tan-NM meta l-valur medju ta’ TVB-N ta’ kull lott, imkejjel minn din il-kumpannija, kien inqas minn 35 mg/100 g għall-ispeċi li jappartjenu lill-familja ta’ Gadidea, inklużi l-waqgħat ta’ ħut, u għal 60 mg/100 g għall-ispeċi l-oħra kollha.
42 L-imsemmija kumpannija ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ dawn l-awtoritajiet quddiem il-Landsskatteretten (il-Kummissjoni Fiskali Nazzjonali, id-Danimarka).
43 Fis‑6 ta’ Awwissu 2020, din l-awtorità qieset li, minħabba l-ħażna tagħhom fl-ilma miżjud bl-aċidu aċetiku qabel l-isdoganament tagħhom, il-ħut sħiħ u l-waqgħat ta’ ħut importat ma kinux adatti għall-konsum mill-bniedem minħabba l-istat tagħhom waqt l-isdoganament. Għal din ir-raġuni, hija eskludiethom mill-klassifikazzjoni fil-Kapitolu 3 tat-Tieni parti tan-NM skont in-nota 1(c) ta’ dan il-kapitolu. Skont l-imsemmija awtorità, il-ħut kellu għalhekk jiġi kklassifikat fil-Kapitolu 5 tat-Tieni parti tan-NM, taħt is-subintestatura 0511 91 90, skont ir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fit-Taqsima A tat-Titolu I tal-Ewwel Parti tan-NM.
44 Il-Ministeru tat-Taxxa ppreżenta, quddiem il-Vestre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Punent, id-Danimarka), li hija l-qorti tar-rinviju, rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Fiskali Nazzjonali, billi sostna li l-ħut u l-waqgħat ta’ ħut inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 0302 tan-NM.
45 Din il-qorti tqis li jeżisti dubju dwar il-kwistjoni jekk din il-merkanzija taqax taħt il-Kapitolu 3 tat-Tieni Parti tan-NM jew taħt il-Kapitolu 5 ta’ din il-parti.
46 F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-qabdiet kollha inkwistjoni fil-kawża li tressqet quddiemha nxtraw abbażi ta’ kuntratti konklużi bl-għan li jintużaw fil-produzzjoni industrijali tad-dqiq u taż-żejt tal-ħuta u mhux għall-konsum mill-bniedem. Bl-iffirmar ta’ tali kuntratti, FF Skagen intrabtet li tuża l-ħut għall-finijiet li għalihom kien inxtara.
47 Skont il-qorti tar-rinviju, iż-żieda ta’ aċidu għandha l-għan li tnaqqas l-iżvilupp ta’ TVB-N fil-ħut. Il-livell ta’ TVB-N jindika l-livell ta’ deterjorament tal-ħut, filwaqt li huwa ppreċiżat li iktar ma jkun għoli, iktar il-ħut ikun iddeterjorat. Il-valuri limitu tat-TVB-N jirriżultaw mill-punt 1 tal-Kapitolu I tat-Taqsima II tal-Anness II tar-Regolament Nru 2074/2005. Din il-qorti tosserva wkoll li r-Regolament Nru 178/2002 ma jawtorizzax il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd mhux ipproċessati intiżi għall-konsum mill-bniedem jekk jiżdiedu magħhom aċidu aċetiku jew aċidu ieħor. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 853/2004 jipprevedi tkessiħ tal-ħut immedjatament wara l-iżbark f’temperatura qrib il-punt tat-tidwib tas-silġ.
48 Fir-rigward tal-waqgħat tal-ħut iffriżat importati minn FF Skagen, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li wieħed mil-lottijiet ikkonċernati huwa akkumpanjat minn dokument kummerċjali standard għat-trasport ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti pproċessati mhux intiżi għall-konsum mill-bniedem, stabbilit skont ir-Regolament Nru 1069/2009. Dan id-dokument indika li l-waqgħat inkwistjoni kienu ċċertifikati għall-għalf tal-annimali u li dawn kienu prodotti sekondarji li jaqgħu taħt is-subintestatura 0511 91 10, intitolata “Skart tal-ħut”, tan-NM. Fl-imsemmi dokument, dawn il-waqgħat ġew ikklassifikati bħala materjal ta’ “kategorija 3a”, li jinkludi “karkassi u partijiet ta’ annimali maqtula [...] li huma adatti għall-konsum mill-bniedem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, iżda li, għal raġunijiet kummerċjali, mhumiex intiżi għal tali konsum”, fis-sens tal-Artikolu 10(a) ta’ dan ir-regolament. Wara l-qabda tal-ħut u matul it-trasport, l-imsemmija waqgħat ġew ittrattati skont ir-regoli previsti fl-imsemmi regolament u mhux skont dawk previsti fir-Regolament Nru 852/2004.
49 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vestre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Punent) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) In-nota 1(c) tal-Kapitolu 3 [tat-Tieni Parti tan-NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li [dan i]l-Kapitolu 3 ma japplikax għal prodotti bħal dawk li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali?
2) Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tikkjarifika jekk iċ-ċirkustanzi segwenti humiex rilevanti għar-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari:
a) iż-żieda ta’ aċidu aċetiku jew ta’ kwalunkwe aċidu ieħor fil-prodotti, inkluż aċidu aċetiku, li skont l-informazzjoni tal-manifattur, ma huwiex awtorizzat għall-konsum mill-bniedem.
b) il-valur medju TVB-N tal-prodotti jeċċedi il-valuri limiti 25-35 skont ir-Regolament [Nru 2074/2005] .
c) il-prodotti jinħażnu bl-ingrossa, fejn partijiet mill-ħut ikollhom livell ta’ TVB-N ogħla mil-livell awtorizzat skont ir-Regolament [Nru 2074/2005].
d) il-prodotti ma jkunux ġew ittrattati konformement mal-leġiżlazzjoni dwar l-iġjene tal-ikel, inkluż is-segwenti:
i. Regolament [Nru 178/2002];
ii. Regolament [Nru 852/2004];
iii. Regolament [Nru 853/2004];
iv. Regolament [Nru 854/2004];
v. Regolament [Nru 1333/2008];
vi. Regolament [Nru 1069/2009];
e) skont id-dokumenti kummerċjali, il-prodotti ttieħdu mill-bastiment tal-qbid, ġew offruti għall-bejgħ u ġew mibjugħa esklużivament għall-produzzjoni industrijali tal-għalf tal-annimali u mhux għall-konsum mill-bniedem.
f) skont l-awtoritajiet tal-ikel Daniżi, minħabba ż-żieda ta’ aċidu aċetiku, il-prodotti ma humiex adatti għall-konsum mill-bniedem, irrispettivament mill-valur TVB-N tagħhom.
g) il-prodotti jiġu importati fl-Unjoni Ewropea bħala prodotti sekondarji skont ir-Regolament (KE) [Nru 1069/2009]. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tikkjarifika liema dokumentazzjoni hija meħtieġa sabiex prodott jitqies bħala prodott sekondarju fis-sens tar-Regolament [Nru 1069/2009].”
50 Fuq proposta tal-President, wara li nstemgħu l-Viċi President u l-Avukat Ġenerali Ewlieni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tirreġistra din it-talba għal deċiżjoni preliminari fir-reġistru tagħha. Fil-fatt, din it-talba ma taqax esklużivament taħt suġġett speċifiku msemmi fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Fuq id-domandi preliminari
51 Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħt l-intestatura 0302, intitolata “Ħut frisk jew imkessaħ, minbarra fletti tal-ħut u laħam ieħor tal-ħut tal-intestatura 0304”, jew taħt l-intestatura 0511, intitolata “Prodotti li joriġinaw mill-annimali, mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra; annimali mejta tal-Kapitoli 1 jew 3 li mhumiex adatti għall-konsum mill-bniedem”:
– ħut sħiħ, li nżamm abbord bastimenti tal-qbid għal perijodu twil permezz taż-żieda ta’ aċidu aċetiku jew ta’ aċidu ieħor f’temperatura varjabbli li tista’ taqbeż il-limiti previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel, li għandhom livelli differenti ta’ TVB-N, xi wħud li jaqbżu l-limiti previsti minn din il-leġiżlazzjoni, li nħażnu bl-ingrossa, li ma ġewx ittrattati skont ir-regoli li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija leġiżlazzjoni, u li d-dokumenti kummerċjali li jakkumpanjawhom jindikaw li nqabdu u nbiegħu għall-produzzjoni tal-għalf għall-annimali, kif ukoll
– il-waqgħat ta’ ħut li ma ġewx ittrattati skont ir-regoli li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-istess leġiżlazzjoni u li d-dokumenti kummerċjali li jakkumpanjawhom jindikaw li huma prodotti sekondarji tal-annimali adatti għall-konsum mill-bniedem iżda li, għal raġunijiet kummerċjali, mhumiex maħsuba għal dan il-konsum, u li ġew prodotti u mibjugħa għall-produzzjoni tal-għalf għall-annimali.
52 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qrati nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom dawn ikunu jistgħu jikklassifikaw b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni taħt in-NM iktar milli li twettaq din il-klassifikazzjoni hija stess. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħha, tal-merkanzija inkwistjoni tirriżulta minn konstatazzjoni purament fattwali li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħmel fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Keesing Deutschland, C‑375/24, EU:C:2025:624, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
53 Dan premess, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mar-regola ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija hija ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din in-nomenklatura (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Keesing Deutschland, C‑375/24, EU:C:2025:624, punt 38).
54 Fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha titfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi proprji u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u min-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Keesing Deutschland, C‑375/24, EU:C:2025:624, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 L-użu intiż tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, peress li l-inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, PR Pet, C‑24/22, EU:C:2023:507, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, id-destinazzjoni tal-prodott hija kriterju rilevanti biss jekk il-klassifikazzjoni ma tistax issir fuq il-bażi biss tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Aramex Nederland, C‑145/16, EU:C:2017:130, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
56 F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt it-Taqsima I tat-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Annimali ħajjin u prodotti magħmula minn annimali”.
57 Din it-taqsima hija maqsuma f’ħames kapitoli, fosthom il-Kapitolu 3, intitolat “Ħut u krustaċji, molluski u invertebrati akkwatiċi oħra”, jinkludi l-intestatura 0302, intitolata “Ħut frisk jew imkessaħ, minbarra fletti tal-ħut u laħam tal-ħut ieħor tal-intestatura 0304”, u l-Kapitolu 5, intitolat “Prodotti oħra li joriġinaw mill-annimali, mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra”, jinkludi l-intestatura 0511, intitolata “Prodotti li joriġinaw mill-annimali, mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra; annimali mejta tal-Kapitoli 1 jew 3 li mhumiex adatti għall-konsum mill-bniedem”. Mill-kliem ta’ dan l-aħħar titolu jirriżulta, b’mod ċar, li dan il-Kapitolu 5 jikkonċerna prodotti li ma jikkorrispondu għall-ebda deskrizzjoni li tinsab fl-erba’ kapitoli l-oħra ta’ din it-taqsima. Barra minn hekk, in-nota 1(a) tal-imsemmi Kapitolu 5 tistabbilixxi li dan ma jinkludix prodotti adatti għall-ikel ħlief l-imsaren, il-bżieżaq tal-awrina u l-istonki ta’ annimali, u d-demm ta’ annimali. (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Pärlitigu, C‑56/08, EU:C:2009:467, punt 25).
58 F’dan il-każ, in-nota 1(c) tal-Kapitolu 3 tat-Tieni Parti tat-Taqsima 1 tan-NM tipprovdi li dan il-kapitolu ma jinkludix ħut li mhuwiex adattat għall-konsum mill-bniedem, minħabba l-ispeċi tiegħu jew minħabba l-kundizzjoni tiegħu. Għaldaqstant, mill-kliem ta’ din in-nota jirriżulta li l-kriterju deċiżiv sabiex jiġi stabbilit jekk ħuta taqax taħt l-imsemmi Kapitolu 3, jinsab fil-fatt jekk din hijiex adatta jew le għall-konsum mill-bniedem. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni determinanti hija jekk, fil-mument tal-iżdoganar tagħha, il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx tajba għall-konsum mill-bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Pärlitigu, C‑56/08, EU:C:2009:467, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
59 Sabiex jiġi stabbilit jekk prodott huwiex tajjeb jew mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem, fis-sens tal-imsemmija nota, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha relatati mal-karatteristiċi tiegħu u mal-proprjetajiet oġġettivi inerenti għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2016, Oniors Bio, C‑233/15, EU:C:2016:305, punti 42 u 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
60 Għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok li, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal diversi elementi relatati mal-mod kif il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet ittrattata qabel l-iżdoganar tagħha, bħaż-żieda ta’ aċidu aċetiku jew ta’ aċidu ieħor, il-ħażna bl-ingrossa tagħha u trattament li ma josservax ir-regoli ta’ iġjene tal-ikel, livell għoli ta’ TVB-N, temperatura għolja u tul ta’ żmien twil ta’ preservazzjoni tagħha, filwaqt li tistaqsi, essenzjalment, dwar l-eżistenza ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta mill-kontaminazzjoni jew mid-dekompożizzjoni possibbli ta’ din il-merkanzija, u b’hekk tirrendiha mhux adatta għall-konsum mill-bniedem.
61 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tali elementi jirrigwardaw il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi inerenti għall-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali u huma għalhekk ta’ natura li jiddeterminaw jekk humiex adatti għall-konsum mill-bniedem jew le.
62 Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li l-fatt li, minħabba l-karatteristiċi tal-proċess ta’ manifattura tiegħu, il-preżenza, fi prodott, ta’ sustanzi noċivi għas-saħħa tal-bniedem ma tistax tiġi eskluża jikkostitwixxi element rilevanti, li jista’ jiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ tali prodott bħala mhux tal-ikel, fid-dawl tal-karatteristiċi tiegħu u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2016, Oniors Bio, C‑233/15, EU:C:2016:305, punti 43 u 48).
63 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-informazzjoni pprovduta mill-manifattur tal-prodott inkwistjoni hija, bħala prinċipju, ta’ natura li tistabbilixxi l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2016, Oniors Bio, C‑233/15, EU:C:2016:305, punti 44, 47 u 50).
64 Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li fenomenu ta’ dekompożizzjoni jew deterjorament tal-materjali tal-annimali jagħti lok għal tossini li jirrendu dawn il-materjali, bħala prinċipju, mhux adatti għall-konsum mill-bniedem u jipproduċu wkoll riskju, b’mod partikolari, għas-saħħa tal-bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Toropet, C‑836/19, EU:C:2021:668, punt 60).
65 Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-qabdiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex “mhux adatti għall-konsum mill-bniedem”, huwiex permess li tittieħed inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-prodotti tal-ikel u tal-iġjene tal-ikel.
66 F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, kif tfakkar fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk kellha l-okkażjoni tippreċiża, fir-rigward tar-rilevanza, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija, tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ “prodott tal-ikel perikoluż”, prevista fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 178/2002, li l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija fid-data tal-iżdoganar tagħha taqa’ fuq l-awtoritajiet doganali nazzjonali li japplikaw, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2016, Oniors Bio, C‑233/15, EU:C:2016:305, punt 52).
67 Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-prodotti tal-ikel u tal-iġjene tal-ikel ma tistax, waħedha, tkun determinanti għall-klassifikazzjoni ta’ merkanzija f’intestatura partikolari tan-NM, iżda tikkostitwixxi, xorta waħda, element fost oħrajn li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2015, Oliver Medical, C‑547/13, EU:C:2015:139, punt 53; tat‑28 ta’ April 2016, Oniors Bio, C‑233/15, EU:C:2016:305, punt 56, u tal‑15 ta’ Diċembru 2016, LEK, C‑700/15, EU:C:2016:959, punt 36).
68 Għalhekk, f’dan il-każ, l-ewwel nett, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt, imsemmi fid-deċiżjoni tar-rinviju, b’mod partikolari, fil-punti (a) u (f) tat-tieni domanda, li l-aċidu aċetiku jew aċidu ieħor li, skont l-informazzjoni tal-manifattur ta’ dawn l-aċidi, ma huwiex awtorizzat għall-konsum mill-bniedem, ġie miżjud mal-qabdiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma ħut mhux ipproċessat, u filwaqt li mill-qari flimkien tal-Artikoli 5 u 15 tar-Regolament Nru 1333/2008 kif ukoll tal-Anness II tiegħu jirriżulta li dan ir-regolament ma jippermettix il-kummerċjalizzazzjoni, bħala prodotti tal-ikel, ta’ ħut u prodotti tas-sajd mhux ipproċessati li fihom tali addittivi.
69 L-istess japplika għall-fatt, invokat mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-punt (f) tat-tieni domanda, li l-awtoritajiet tal-ikel Daniżi kkunsidraw li ż-żieda ta’ aċidu aċetiku mal-qbid inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet rendithom “mhux adatti għall-konsum mill-bniedem”. Fil-fatt, mill-punt 4 tal-Kapitolu III tal-Anness III tar-Regolament Nru 854/2004 jirriżulta li l-prodotti tas-sajd għandhom jiġu ddikjarati mhux adatti għall-konsum mill-bniedem jekk l-awtoritajiet kompetenti jqisu li dawn jistgħu jikkostitwixxu riskju għas-saħħa pubblika jew tal-annimali, jew huma, għal kull raġuni oħra, mhux adatti għall-konsum mill-bniedem.
70 It-tieni nett, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt, indikat fil-punt (b) tat-tieni domanda, li l-valur medju ta’ TVB-N ta’ wħud mill-qabdiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jaqbeż il-valuri limitu previsti fil-punt 1 tal-Kapitolu I tat-Taqsima II tal-Anness II tar-Regolament Nru 2074/2005.
71 F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-prodotti tas-sajd mhux ipproċessati jitqiesu li ma humiex adatti għall-konsum mill-bniedem, fis-sens tar-Regolament Nru 853/2004, meta l-evalwazzjoni organolettika tqajjem dubju dwar il-freskezza tagħhom u meta l-kontroll kimiku juri li l-limiti previsti fil-qasam tat-TVB-N jinqabżu. Il-punt 1(a) sa (c) tal-Kapitolu I tat-Taqsima II tal-Anness II tar-Regolament Nru 2074/2005 jipprovdi limiti għal TVB-N ta’ 25, 30 u 35 mg ta’ nitroġenu/100 g ta’ laħam rispettivament, skont l-ispeċi tal-ħut imsemmija fil-Kapitolu II tat-Taqsima II tal-Anness II ta’ dan ir-regolament.
72 Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-preżenza, fost il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ ħut li l-livell ta’ TVB-N tiegħu kien jaqbeż dawn il-limiti ġiet ikkonstatata, li jissuġġerixxi stat ta’ dekompożizzjoni avvanzat u għalhekk riskju għas-saħħa tal-bniedem fil-każ ta’ konsum.
73 It-tielet nett, il-fatt, imsemmi fil-punt (c) tat-tieni domanda, li l-ħut inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkluż il-ħut individwali li l-livell ta’ TVB-N tiegħu kien jaqbeż il-limiti previsti fil-punt 1 tal-Kapitolu I tat-Taqsima II tal-Anness II tar-Regolament Nru 2074/2005, kien inħażen bl-ingrossa, jikkostitwixxi wkoll element rilevanti li jista’ jindika l-eżistenza ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem, jiġifieri dak ta’ kontaminazzjoni mikrobijoloġika jew ta’ kontaminazzjoni oħra tal-ħut kollu, b’mod partikolari, mill-ħut fi stat ta’ dekompożizzjoni avvanzata.
74 Ir-raba’ nett, huwa rilevanti wkoll il-fatt, imsemmi b’mod partikolari fil-punt (d) tat-tieni domanda, li l-ipproċessar tal-ħut u tal-waqgħat tal-ħut inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-iġjene tal-ikel, sa fejn din tirrigwarda preċiżament il-perikoli li l-prodotti tal-ikel jistgħu jippreżentaw għas-saħħa.
75 B’mod partikolari, mill-qari flimkien tal-Artikolu 1(1), tal-Artikolu 2(1)(a) u tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 852/2004 jirriżulta li dan jistabbilixxi r-regoli ġenerali fil-qasam tal-“iġjene” tal-prodotti tal-ikel, jiġifieri l-miżuri u l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiġu kkontrollati l-perikoli u sabiex tiġi ggarantita n-natura xierqa għall-konsum mill-bniedem ta’ prodott tal-ikel fid-dawl tal-użu previst, li l-operaturi fis-settur tal-ikel għandhom josservaw fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(1)(f) u minn diversi dispożizzjonijiet tal-annessi ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan jirrigwarda, b’mod partikolari, il-protezzjoni kontra l-“kontaminazzjoni” tal-prodotti tal-ikel, jiġifieri l-preżenza jew l-introduzzjoni ta’ perikolu.
76 Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 853/2004 jirriżulta li dan jistabbilixxi, għall-operaturi fis-settur tal-ikel, regoli speċifiċi applikabbli għall-prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali li jikkomplementaw dawk stabbiliti mir-Regolament Nru 852/2004 u li huma applikabbli għall-prodotti ta’ oriġini mill-annimali pproċessati jew mhux ipproċessati. Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 853/2004, l-operaturi fis-settur tal-ikel għandhom jikkonformaw ruħhom, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Anness III ta’ dan ir-regolament.
77 It-Taqsima VIII, intitolata “Prodotti tas-sajd”, ta’ dan l-Anness III tinkludi, b’mod partikolari, rekwiżiti applikabbli għall-bastimenti, rekwiżiti li għandhom jiġu osservati matul u wara l-iżbark ta’ dawn il-prodotti, rekwiżiti applikabbli għall-istabbilimenti, inklużi bastimenti, li jittrattaw l-imsemmija prodotti, standards sanitarji applikabbli għall-istess prodotti kif ukoll rekwiżiti dwar il-ħażna tagħhom. Din it-Taqsima VIII tinkludi wkoll diversi rekwiżiti relatati mat-temperatura tal-prodotti tas-sajd, fosthom dawk previsti fil-punti I(B)1 u I(B)3 tal-Kapitolu I tagħha, fil-punt 1(b)(ii) tal-Kapitolu II tagħha kif ukoll fil-punt 1 tal-Kapitolu VII tagħha u fil-punt 1(a) tal-Kapitolu VIII tagħha, li huma intiżi, essenzjalment, li jiżguraw, b’mod partikolari, li l-prodotti tas-sajd friski u l-prodotti tas-sajd mhux ipproċessati li jinħallu jiġu miżmuma, waqt il-ħażna u t-trasport, inkluż waqt il-ħatt u l-iżbark, f’temperatura qrib dik tas-silġ li jdub.
78 Barra minn hekk, il-punt C tal-Kapitolu V tat-Taqsima VIII tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004 jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jaqbżu l-limiti ta’ livelli ta’ TVB-N previsti mir-Regolament Nru 2074/2005.
79 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-iġjene tal-prodotti tal-ikel jista’ jkollu effett fuq il-punt dwar jekk prodott jippreżentax, b’mod partikolari minħabba possibbli kontaminazzjoni jew minħabba l-istat ta’ dekompożizzjoni tiegħu, riskju għas-saħħa tal-bniedem u, għaldaqstant, ma huwiex adatt għall-konsum mill-bniedem.
80 F’dak li jirrigwarda, il-ħames nett, ir-rilevanza ta’ dokumenti kummerċjali bħall-kuntratti ta’ xiri tal-qabdiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imsemmija fil-punt (e) tat-tieni domanda, li jindikaw li dawn il-qabdiet kienu intiżi għall-produzzjoni industrijali ta’ għalf tal-annimali u mhux għall-konsum mill-bniedem, għandu jiġi kkunsidrat li tali dokumenti jistgħu jikkostitwixxu elementi rilevanti relatati mal-karatteristiċi u mal-proprjetajiet oġġettivi inerenti għall-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom fl-intestatura xierqa tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2016, Oniors Bio, C‑233/15, EU:C:2016:305, punt 57).
81 Fir-rigward, is-sitt nett, tal-fatt li l-waqgħat ta’ ħut inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew importati fl-Unjoni bħala prodotti sekondarji tal-annimali li jaqgħu taħt il-kategorija 3, konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 3, mal-Artikolu 7(1) u mal-Artikolu 10(a) tar-Regolament Nru 1069/2009, li għalih isir riferiment fil-paragrafu (d)(vi) tat-tieni domanda, għandu jitfakkar li jaqgħu taħt din il-kategorija l-materjal li ġie kkunsidrat mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala “ta’ riskju baxx” għas-saħħa pubblika u tal-annimali, b’mod partikolari, il-karkassi u l-partijiet ta’ annimali maqtula li huma “adatti għall-konsum mill-bniedem”, iżda li ma humiex intiżi għal tali konsum għal raġunijiet kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Toropet, C‑836/19, EU:C:2021:668, punti 41 u 47).
82 Il-fatt li dawn il-waqgħat ta’ ħut jaqgħu taħt l-imsemmija kategorija, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tal-każ, jista’ għalhekk jindika li dawn il-prodotti ma humiex adatti għall-konsum mill-bniedem minħabba l-istat ta’ preżentazzjoni tagħhom, fis-sens tan-Nota 1(c) tal-Kapitolu 3 tat-Taqsima I tat-Tieni Parti tan-NM, u għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-imsemmija prodotti fl-intestatura xierqa tan-NM.
83 Abbażi tal-elementi kollha li jikkonċernaw il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jippreċedu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk għandux jitqies li din il-merkanzija ma hijiex adatta għall-konsum mill-bniedem, b’tali mod li, skont in-Nota 1(c) tal-Kapitolu 3 tat-Taqsima I tat-Tieni Parti tan-NM, hija ma taqax taħt dan il-Kapitolu 3, u għandha, konsegwentement, tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 0511, intitolata “Prodotti li joriġinaw mill-annimali, mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra; annimali mejta tal-Kapitoli 1 jew 3 li mhumiex adatti għall-konsum mill-bniedem”, tan-NM.
84 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħt l-intestatura 0511, intitolata “Prodotti li joriġinaw mill-annimali, mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra; annimali mejta tal-Kapitoli 1 jew 3 li mhumiex adatti għall-konsum mill-bniedem”:
– ħut sħiħ, li nżamm abbord bastimenti tal-qbid għal perijodu twil permezz taż-żieda ta’ aċidu aċetiku jew ta’ aċidu ieħor f’temperatura varjabbli li tista’ taqbeż il-limiti previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel, li għandhom livelli differenti ta’ TVB-N, xi wħud li jaqbżu l-limiti previsti minn din il-leġiżlazzjoni, li nħażnu bl-ingrossa, li ma ġewx ittrattati skont ir-regoli li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija leġiżlazzjoni, u li d-dokumenti kummerċjali li jakkumpanjawhom jindikaw li nqabdu u nbiegħu għall-produzzjoni tal-għalf għall-annimali, kif ukoll
– il-waqgħat ta’ ħut li ma ġewx ittrattati skont ir-regoli li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-istess leġiżlazzjoni u li d-dokumenti kummerċjali li jakkumpanjawhom jindikaw li huma prodotti sekondarji tal-annimali adatti għall-konsum mill-bniedem iżda li, għal raġunijiet kummerċjali, mhumiex maħsuba għal dan il-konsum, u li ġew prodotti u mibjugħa għall-produzzjoni tal-għalf għall-annimali.
Dwar l-ispejjeż
85 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat‑23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali,
għandha tiġi interpretata fis-sens li:
jaqgħu taħt l-intestatura 0511, intitolata “Prodotti ġejjin mill-annimali li mhumiex speċifikati jew inklużi banda oħra; l-annimali mejtin tal-Kapitolu 1 jew 3, mhux adatti għall-konsum mill-bniedem”:
– ħut sħiħ, li nżamm abbord bastimenti tal-qbid għal perijodu twil permezz taż-żieda ta’ aċidu aċetiku jew ta’ aċidu ieħor f’temperatura varjabbli li tista’ taqbeż il-limiti previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel, li għandhom livelli differenti ta’ nitroġenu volatili bażiku totali, xi wħud li jaqbżu l-limiti previsti minn din il-leġiżlazzjoni, li nħażnu bl-ingrossa, li ma ġewx ittrattati skont ir-regoli li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija leġiżlazzjoni, u li d-dokumenti kummerċjali li jakkumpanjawhom jindikaw li nqabdu u nbiegħu għall-produzzjoni ta’ għalf għall-annimali, kif ukoll
– il-waqgħat ta’ ħut li ma ġewx ittrattati skont ir-regoli li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-istess leġiżlazzjoni u li d-dokumenti kummerċjali li jakkumpanjawhom jindikaw li huma prodotti sekondarji tal-annimali adatti għall-konsum mill-bniedem iżda li, għal raġunijiet kummerċjali, mhumiex maħsuba għal dan il-konsum, u li ġew prodotti u mibjugħa għall-produzzjoni ta’ għalf għall-annimali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.