Official Journal L 022 , 27/01/2000 P. 0016 - 0024
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 174/2000 ta' l-24 ta' Jannar 2000 li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3433/91 safejn jimponi dazju kontra r-rimi definittiv fuq importazzjonijiet ta' lajters tal-but biż-żnied, tal-gass li ma jimtlewx li joriġinaw mill-Ġappun IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkonsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 fuq il-protezzjoni kontra importazzjonijiet bi prezzijiet ta' rimi minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea [1], u partikolarment l-Artikolu 11(6) tiegħu, Wara li kkonsidra l-proposta mogħtija mill-Kummissjoni, Billi: A. PROĊEDURA 1. Miżuri oħra fis-seħħ (1) Bir-Regolamenti (KEE) Nru 3433/91 [2], minn hawn il'quddiem imsejjaħ bħala "ir-Regolament tad-dazju definittiv", il-Kunsill impona dazju definittiv kontra r-rimi fuq importazzjonijiet ta' lajters tal-but biż-żnied, tal-gass li ma jimtlewx li joriġinaw mill-Ġappuni, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajlandja. Fir-rigward tal-Ġappunn, ir-rata tad-dazju kienet iffissata bħala 35,7 %. (2) Ir-Regolament tad-dazju definittiv kien emendat fir-rigward taċ-Ċina fl-1995 bir-Regolament (KE) Nru 1006/95 [3]. F'dak li jirrigwardja t-Tajlandja, kien inbidel bir-Regolament (KE) Nru 423/97 f'Marzu ta' l-1997 [4]. 2. Bidu ta' rieżami (3) F'Mejju ta' l-1996 il-Kummisjoni ippubblikat avviż ta' l-iskadenza imminenti tal-miżuri fis-seħħ dwar il-Ġappun u r-Repubblika tal-Korea [5]. Wara din il-pubblikazzjoni, il-Kummissjoni irċeviet talba għal rieżami bis-saħħa ta' l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, minn hawn il'quddiem imsejjaħ "ir-Regolament Bażiku", fir-rigward ta' importazzjonijiet ta' lajters tal-but biż-żnied, tal-gass li ma jimtlewx li joriġinaw mill-Ġappun, li saret mill-Federazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Lajters f'isem il-BIC S.A. u Flamagas S.A. Sussegwentement din it-talba irċeviet l-appoġġ ta' l-iSwedish Match S.A. BIC S.A., Flamagas S.A. Swedish Match S.A. jirrapreżentaw kważi t-totalità tal-produzzjoni tal-Komunità tal-prodott konċernat. (4) It-talba kellha biżżejjed evidenza prima facie li l-iskadenza tal-miżuri x'aktarx kienet tirriżulta f'rikorrenza ta' importazzjonijiet bi prezzijiet ta' rimi li jikkawżaw ħsara. Evidenza tal-preżenza ta' kapaċità sotto-utilizzata fil-Ġappun kif ukoll evidenza li importazzjonijiet mill-Ġappun ikollhom effett immedjat li jwaqqgħu l-prezzijiet tal-produtturi tal-Komunità sostniet il-probabbilità ta' dak li ġie allegat. Kien allegat ukoll li din is-sitwazzjoni tħarrax il-vulnerabbilità kontinwa ta' l-industrija tal-Komunità. (5) Għalhekk, il-Kummissjoni ħabbret ir-rieżami tar-Regolament tad-dazju definittiv fir-rigward tal-Ġappun [6]. Dan ir-rieżami nfetaħ skond l-Artikoli 11(2) u 11(3) tar-Regolament Bażiku, billi rieżami proviżorju deher xieraq ukoll. Fir-rigward tal-Korea, il-miżura skadiet [7]. 3. Investigazzjoni (6) Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment l-uniku produttur tal-pajjiż esportatur magħruf li kien konċernat, il-Korporazzjoni Tokai, l-importatur relatat tagħha fil-Komunità, Tokai Seiki GmbH, ir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur u dawk li ressqu l-ilmenti. (7) Il-partijiet direttament ikkonċernati ngħataw l-opportunità li juru l-veduti tagħhom bil-miktub u jinstemgħu. Wieħed minn dawk li għamlu l-ilment talab u instema'. (8) Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji dettaljati mill-produtturi tal-Komunità li ilmentaw, lis-sussidjarji tagħhom, lill-esportatur Ġappuniż u lill-importatur relatat ġewwa l-Komunità. (9) Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li ħasset meħtieġa għall-iskop ta' l-investigazzjoni u wettqet verifiki fil-postijiet tal-kumpanniji li ġejjin: Produtturi tal-Komunità u s-sussidjarji tagħhom - BIC S.A. (the BIC group), Clichy, Franza, - BIC BJ 75, Redon, Franza, - BIC Deutschland GmbH & Co., Ettlingen, il-Ġermanja, - BIRO BIC Ltd, Londra, UK, - Laforest BIC S.A., Tarragona Spanja, - Swedish Match Lighters B.V., Assen, l-Olanda, - Swedish Match Lighters (inkluż Cricket SA), Rillieux-la-Pape, Franza, - Arnold André GmbH & Co., KG, Bünde, il-Ġermanja, - Flamagas S.A., Barcelona u Llinas del Valle, Spanja. Produttur fil-pajjiż ta' l-oriġini - Tokai Corporation Japan, Tokjo, il-Ġappun. (10) Għall-iskop tad-determinazzjoni tar-rimi, il-ħsara u l-interess tal-Komunità, l-iskop ġeografiku ta' l-investigazzjoni kienet il-Komunità tal-15. (11) L-investigazzzjoni tar-rimi kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 1996 sat-30 ta' Settembru 1996 (minn hawn il' quddiem imsejjaħ bħala l-"perjodu ta' investigazzjoni"). L-eżami tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1992 sa l-aħħar tal-perjodu ta' investigazzjoni. (12) L-investigazzjoni qabżet il-perjodu normali taż-żmien provdut fl-Artikolu 11(5) tar-Regolament Bażiku. Dan kien minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kkonsidrat li d-data miġbura u eżaminata inizjalment ma kenitx suffiċjenti biex tintuża bħala bażi għal dazju ġdid kontra r-rimi u li, biex ikun hemm stima eżatta li jerġa' jkun hemm għal darba oħra rimi dannuż, kellha ssir żjara ta' verifika lill-esportatur fi stadju avvanzat ta' l-investigazzjoni. Barra dan, l-investigazzjoni kienet estiża konsiderevolment miż-żewġ proposti inizjali tal-Kummisjsoni biex jinżamm id-dazju kontra r-rimi li qajjem deliberazzjonijiet fit-tul fil-Kunsill. B. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT L-ISTESS 1. Il-Prodotti ikkonċernati (13) Il-prodotti meqjusa huma lajters tal-but biż-żnied, tal-gass li ma jimtlewx (il'quddiem iimsejħa bħala lajters taż-żnied li tużahom u tarmihom (disposable)) li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 96131000. Talba biex jiddaħħlu lajters oħra (14) Għandu jiġi mffakkar f'dan ir-rigward li hemm disposable lajters oħra fis-suq (imsejħin lajters elettroniċi jew piezo) li m'humiex suġġetti għall-miżuri kontra r-rimi. Xahrejn wara l-ftuħ ta' l-investigazzjoni għar-rieżami, Swedish Match S.A. għamlet talba biex testendi l-iskop ta' din l-investigazzjon għal-lajters elettroniċi (jew piezo) bl-argument li lajters tal-but biż-żnied, tal-gass li ma jimtlewx u lajters elettroniċi tal-gass li ma jimtlewx (il'quddiem imsejħa lajters elettroniċi) jifformaw kategorija waħdanija ta' prodott. (15) Fir-rigward ta' din it-talba, għandu jiġi mfakkar li l-proċediment - miftuħ f'April ta' l-1990 - jikkonċerna lajters biż-żnied tal-but, tal-gass li ma jimtlewx u li diġa kien hemm valutazzjoni (ara partikolarment ir-Regolament (KEE) Nru 3433/91 li jikkonferma s-sejbiet proviżorji preskritti fil-preambolu, 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1386/91 (ĠU L 133, tat-28.5.1991, p. 20)) li l-karatterisitiċi tekniċi (bażiċi) ta' lajters elettroniċi kienu pjuttost differenti minn dawk ta' lajters taż-żnied disposable li bħalissa huma suġġetti għad-dazji kontra r-rimi. It-talba ma kellhiex xi evidenza li turi li din il-konklużjoni ma kienetx aktar xierqa. B'mod partikolari, ma wrietx xi tibdil fil-karatterisitiċi tekniċi (bażiċi), bħas-sistema ta' l-ignition ta' kull tip ta' lajter, li seta' jinvalida is-sejbiet tar-regolament tad-dazju definittiv. (16) Billi l-evidenza li kienet ppreżentata ma kinitx biżżejjed biex tiġġustifika l-inklużjoni ta' lajters elettroniċi fl-investigazzjoni, u t-talba saret tard minn parti li kienet appoġġat it-talba għall-investigazzjoni mingħajr riserva, it-talba għall-estenzjoni ta' l-iskop ta' l-investigazzjoni tar-rieżami ma setgħetx tintlaqa'. Qisien u mudelli differenti (17) Fl-aħħar, għandu jkun innutat li l-prodott ikkonsidrat huwa mmanifatturat f'qisien u daqsijiet differenti. Dawn il-lajters taż-żnied disposable kollha għandhom il-karatterisitiċi tekniċi bażiċi l-istess u l-istess applikazzjoni bażika, u jaqdu l-istess funzjoni. Bħal fl-investigazzjonijiet ta' qabel, il-medda sħiħa ta' mudelli ta' lajters taż-żnied disposable kienet, għalhekk, meqjusa li tifforma kategorija waħdanija tal-prodott. 2. Prodott l-istess (18) Fir-rigward tal-lajters taż-żnied disposable prodotti u mibjugħa domestikament fil-Ġappun, l-investigazzjoni wriet li dawn il-prodotti kienu f'dawn l-aspetti kollha identiċi għal, jew jixbħu mill-qrib, dawk esportati lejn il-Komunità minn dan il-pajjiż. (19) L-investigazzjoni stabbiliet ukoll li lajters taż-żnied disposable importati minn dan il-pajjiż, fuq naħa, u dawk prodotti mill-industrija tal-Komunità u mibjugħa fis-suq tal-Komunità, fuq l-oħra, għandhom karatteristiċi tekniċi bażiċi u huma maħsuba għall-istess użu. Il-lajters taż-żnied disposable prodotti u mibjugħa mill-industrija tal-Komunità għandhom għalhekk jitqiesu bħala l-istess prodotti bħal dawk importati minn dak il-pajjiż. (20) Għaldaqstant, kien konkluż li l-lajters taż-żnied disposable prodotti u mibjugħa ġewwa l-Komunità, kif ukoll dawk prodotti u mibjugħa fil-Ġappun għandhom jitqiesu bħala l-istess prodotti, fit-tifsira ta' l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Bażiku, bħal dawk esportati lejn il-Komunità mill-Ġappun. Ċ. IR-RIMI 1. Valur normali (21) Bħal fl-investigazzjoni oriġinali, il-Korporazzjoni Tokai kienet l-uniku produttur/esportatur Ġappuniż. Matul il-perjodu ta' investigazzjoni biegħet 20 mudell differenti ta' dan il-prodott fis-suq domestiku. Żewġ mudelli biss minn dawn kienu esportati lejn il-Komunità. (22) Instab li l-bejgħ globali domestiku ta' dan il-prodott ta' dan l-esportatur matul il-perjodu ta' l-investigazzjoni kienu rappreżentattivi billi l-volum totali ta' dan il-bejgħ kien jaqbeż il-limitu ta' 5 % tal-bejgħ ta' esportazzjoni provdut fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Bażiku. Il-bejgħ domestiku ta' kull wieħed miż-żewġ mudelli tal-prodott esportat lejn il-Komunità kien rappreżentattiv ukoll għaliex ħares l-istess kriterju ta' 5 %. (23) Skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Bażiku, il-Kummissjoni kellha tiddetermina wkoll jekk il-bejgħ domestku ta' kull mudell kienx sar waqt il-kummerċ tas-soltu billi jitqabbel il-proporzjon ta' bejgħ bi qligħ mal-bejgħ totali. L-investigazzjoni wriet li l-bejgħ domestiku kollu magħmul matul il-perjodu ta' investigazzjoni kien bi qligħ. Għalhekk, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz medju mwieżen tan-negozji domestiċi kollha ta' dawn iż-żewġ mudelli. 2. Prezzijiet ta' esportazzjoni (24) It-totalità tal-bejgħ ta' l-esportazzjoni magħmul mill-esportatur ikkonċernat matul il-perjodu ta' investigazzjoni sar lill-kumpannija relatata fil-Komunità. Il-prezzijiet ta' l-esportazzjoni kienu għalhekk mibnija, skond l-Artikolu 2(9) tar-Regolament Bażiku, fuq il-bażi ta' prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel xerrej indipendenti aġġustati biex iqisu l-ispejjeż kollha li saru bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mil-ġdid inkluż dazji tad-dwana u kontra r-rimi u marġini ta' qligħ ta' 5 %. Dan ta' l-aħħar kien stabbilit fuq il-bażi ta' marġini ta' qligħ ikkonsidrat raġonevoli f'dan is-settur tan-negozju għall-importaturi mhux relatati. (25) Meta l-allokazzjonijiet tan-neqfa għall-amministrazzjoni ġenerali ta' l-importatur u l-ispejjeż tal-bejgħ kienu meħtieġa fil-kostruzzjoni tal-prezzijiet ta' l-esportazzjoni, dawn saru fuq il-bażi tat-turnover. 3. Paragun u marġini tar-rimi (26) Skond l-Artikoli 2(10) u 2(11) tar-Regolament Bażiku, il-valur medju normali mwieżen għal kull mudell kien ipparagunat mal-prezz imwieżen ta' l-esportazzjoni għal kull mudell, fil-livell tal-prezz tal-fabbrika u fl-istess livell tal-kummerċ. Għall-iskop ta' paragun ġust, ingħataw aġġustamenti għal dawk id-differenzi li affettwaw il-paragunabbilità tal-prezz li għalih ngħatat evidenza sodisfaċenti. Għalhekk, saru aġġustamenti fir-rigward ta' l-assigurazzjoni tat-trasport, l-assigurazzjoni, il-kreditu u l-ippakkeġġjar. (27) Il-paragun tal-valur normali u l-prezzijiet ta' l-esportazzjoni wrew l-eżistenza tar-rimi. Il-marġini tar-rimi espress bħala perċentwal tal-valur CIF fil-fruntiera tal-Komunità ta' importazzjonijiet instab li kien 208,1 %. D. L-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ (28) F'din l-investigazzjoni, Tokai Seiki GmbH, produttur ta' dan il-prodott fil-Komunità u l-uniku importatur li kkopera fil-Komunità, ma kienx inkluż fid-definizzjoni ta' l-industrija tal-Komunità skond l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Bażiku billi kien l-uniku esportatur ta' dan il-prodott u sussidjarju 100 % tal-Korporazzjoni Tokai tal-Ġappun. (29) Mingħajr ma titqies il-produzzjoni ta' Tokai Seiki GmbH's it-tliet produtturi tal-Komunità li kkoperaw f'din l-investigazzjoni (inklużi s-sussidjarji tagħhom) jirrappreżentaw kważi t-totalità tal-produzzjoni tal-Komunità ta' lajters taż-żnied disposable. Għaldaqstant, dawn it-tliet produtturi tal-Komunità li kkoperaw jikkostitwixxu l-industrija tal-Komunità fit-tifsira ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Bażiku. E. IL-ĦSARA 1. Ir-Rimarka preliminari (30) Fil-Preambolu 15 tar-Regolament tad-dazju definittiv kien konkluż li "l-importazzjonijiet akkumulati mormija mill-Ġappun, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajlandja kienu ikkawżaw dannu materjali għall-industrija tal-Komunità.". Billi sadanittant il-miżura dwar ir-Repubblika tal-Korea skadiet u l-miżuri dwar ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajlandja kienu emendati ulterjorment għal reviżjonijiet proviżorji kif intqal fil-preambolu 2 ta' dan ir-Regolament, l-impatt attwali ta' importazzjonijiet li joriġinaw fil-Ġappun, kif ukoll l-impatt possibbli mill-angolu ta' rikorrenza, kellhom jiġu eżaminati għalihom. 2. Il-Konsum fil-Komunità (31) Biex ikun ikkalkolat il-konsum totali apparenti ta' lajters taż-żnied disposable fil-Komunità, ingħadd il-bejgħ tal-produtturi tal-Komunità ma' l-importazzjonijiet totali li joriġinaw f'pajjiżi terzi, kif iddikjarat skond il-kodiċi NM ex96131000. Sar aġġustament fir-rigward ta' importazzjonijiet li joriġinaw fiċ-Ċina għas-snin 1994 u l-1995 (ara l-preambolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 423/97). Fuq din il-bażi l-konsum annwali apparenti fil-Komunità żdied b'27 %, minn 617,7 miljun unità fl-1992 sa 785,4 miljun unità fl-1996. 3. Il-Fatturi dwar l-importazzjonijiet li joriġinaw fil-Ġappun Volum u sehem mis-suq (32) Mill-1992 għall-perjodu ta' investigazzjoni, l-importazzjonijiet mill-Ġappun waqgħu għal-livelli mill-aktar baxxi f'termini assoluti. Il-figuri ta' importazzjonijiet indikati kienu ta' 100 fl-1992, 150 fl-1993, 33 fl-1994 u 83 fl-1995, waqt li l-bejgħ ta' dawn l-importazzjonijiet matul il-perjodu ta' investigazzjoni irrapreżentaw biss 6,1 %. Is-sehem tas-suq ta' l-importazzjonijiet mill-Ġappun naqas minn 0,5 % fl-1992 u l-1993 sa 0,06 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Il-miżura kontra r-rimi taħt konsiderazzjoni għalhekk effettivament illimitat l-impatt tar-rimi ta' importazzjonijiet ta' lajters taż-żnied disposable li oriġinaw mill-Ġappun. (33) F'dan il-kuntest, iżda, għandu jkun innutat li parti konsiderevoli ta' importazzjonijiet globali kienu mormija. B'mod partikolari, importazzjonijiet mill-Messiku, il-Filippini u t-Tajlandja għandhom jissemmew f'dan ir-rigward, kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 423/97. It-Twaqqiħ tal-prezzijiet (34) Il-Kummissjoni kkalkulat kemm il-prezzijiet mitluba mill-esportatur fis-suq tal-Komunità waqqa' il-prezz mitlub mill-produtturi tal-Komunità. Billi l-bejgħ kollu magħmul mill-esportatur sar lill-importatur relatat, dan il-paragun sar fil-livell tal-bejgħ lill-ewwel klijent indipendenti, u fuq il-bażi ta' l-importatur relatat u l-prezzijiet imwieżna medji tal-produtturi tal-Komunità ħielsa mit-tnaqqis u t-taxxi. Il-prezz mitlub mill-importatur ma kienx aġġustat għad-dazji kontra r-rimi mħallsa. (35) Il-paragun sar fil-livell tal-prezzijiet lill-bejjiegħa bl-ingrossa (b'hekk ġie eskluż bejgħ lil ta' l-imnut u tas-settur tar-riklami). Barra dan, il-paragun tal-prezz sar għal-lajters għarwiena (inkluż, iżda, il-lajters li l-esportatur ippreżenta bħala "miksija") billi l-esportatur ma esportax xi lajters stampati jew b'għata matul il-perjodu ta' investigazzjoni. (36) Bħal fl-investigazzjoni oriġinali u skond l-Artikolu 11(9) tar-Regolament Bażiku, il-kalkolu tal-prezz imwaqqa' sar għal-lajters b'kontenut tal-gass simili (ara l-preambolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 3433/91). (37) Fuq din il-bażi nstab li l-prezz medju tal-prodotti importati waqqgħu l-prezz medju mwieżen tal-produtturi tal-Komunità b'22,9 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Dan għandu jitqabbel mat-twaqqigħ fil-prezz medju ta' 11,5 % misjub fl-investigazzjoni oriġinali. Għandu għalhekk ikun konkluż li l-livell ta' twaqqigħ tal-prezz ta' l-esportatur żdied, minkejja l-effett il'fuq tad-dazju kontra r-rimi ta' 35,7 % li messu jkollu fuq il-prezz mitlub mill-importatur relatat. 4. Is-Sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità Il-Produzzjoni (38) Mill-1992 sal-1996 il-produzzjoni ta' l-industrija tal-Komunità żdiedet b'28 %. Il-Kapaċità u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità (39) Ir-rata tal-kapaċità ta' utilizzazzjoni żdiedet minn 66 % fl-1992 sa 73 % fl-1994, u waqgħet għal 71 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Din il-waqgħa inzertat, iżda, ma' żieda fil-kapaċità. Għalkemm żieda fil-kapaċità ta' kważi 25 % kienet rappurtata, iż-żidiet fil-kapaċità huma aktarx riċenti, sa mill-1992 sa 1994 il-kapaċità ma żdidetx b'rata materjali. Il-Volum tal-bejgħ (40) Il-bejgħ f'unitajiet fis-suq tal-Komunità mill-industrija tal-Komunità żdied bi 33 % mill-1993 sal-perjodu ta' investigazzjoni. Is-Sehem mis-suq (41) F'suq li qed jikber, is-sehem tas-suq ta' l-industrija tal-Komunità waqa' pjuttost konsistentement minn 66,1 % fl-1992 sa 46,8 % fl-1995, u wara żdied kemmxejn għall-53,6 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Dan is-sehem fis-suq għadu kemmxejn anqas mis-sehem tas-suq ta' l-1990 ta' 57,3 % (ara l-preambolu 48 tar-Regolament (KE) Nru 423/97) imma juri li l-industrija tal-Komunità qed tibda tirkupra mill-effetti ta' l-importazzjonijiet bi prezzijiet ta' rimi. L-Evoluzzjoni tal-prezzijiet u l-valur totali tal-bejgħ (42) Kien stabbilit li l-prezzijiet imwieżna tal-bejgħ medji ta' l-industrija tal-Komunità waqgħu bi kważi 8 % mill-1992 tal-perjodu ta' investigazzjoni. L-iżvilupp favorevoli tal-volum tal-bejgħ ma kienx għalhekk rifless bis-sħiħ f'termini ta' turnover: il-valur tal-bejgħ fis-suq tal-Komunità żdied biss bi 23 %. (43) Is-suq tal-lajters huwa magħruf li huwa sensittiv ħafna għall-prezz. Dan ifisser li affaċċjata b'importazzjonijiet bi prezz baxx ta' rimi, l-industrija tal-Komunità hija kostretta li tbaxxi l-prezzijiet tagħha biex iżżomm is-sehem tas-suq, il-livell ta' produzzjoni u l-kapaċità ta' utilizzazzjoni, jew tlesti biex titlef is-sehem fis-suq jekk tipprova żżomm il-prezzijiet tagħha. Il-Qligħ (44) Wara diversi snin ta' telf, id-dħul mill-bejgħ ta' l-industrija tal-Komunità sar ftit aktar pożittiv fl-1991 u mar lura xi ftit fl-1992 (ara l-preambolu 555 tar-Regolament (KE) Nru 423/97). (45) Għal din l-investigazzjoni l-1992 ttieħdet bħala l-bażi għall-paragun. Wara deterjorament fl-1993, ir-riżultati finanzjarji ta' l-industrija tal-Komunità tjiebu progressivament: imqabbla ma' l-1992, ir-rati tal-qligħ iżjed minn irduppjaw fl-1994 u iżjed minn ittirpplikaw fil-perjodu ta' investigazzjoni. (46) Madankollu, id-data forniti mill-industrija tal-Komunità li għal dan il-għan ma kienx jinkludi wieħed minn dawk li ilmentaw peress li ma tax risposta ammissibbli fuq il-qligħ, juru li mill-1992 il-prestazzjoni finanzjarja globali tagħha baqgħet taħt il-mira ta' qligħ raġonevoli għal din l-industrija fir-Regolament tad-dazju definittiv (ara l-preambolu 17 ta' dak ir-Regolament). Fil-fatt, il-profitti fl-1992 u 1993 kienu minimi u, għalkemm fis-snin ta' wara kien innutat titjib, il-profitti kienu anqas minn nofs il-livell mhux ta' ħsara stabbiti. L-Istokkijiet (47) L-industrija tal-Komunità ma ħażnitx xi stokkijiet sinifikanti. Hija prattika komuni f'dan is-settur li titwaqqaf il-produzzjoni jekk l-istokkijiet isiru kbar wisq minħabba r-riskji ta' sigurtà li jkunu stokkjati lajters li jkollhom il-gass għall-perjodu twil ta' żmien. Barra dan, billi saru sforzi ta' razzjonalizzazzjoni l-istokkijiet globali fl-aħħar tal-perjodu ta' investigazzjoni kienu madwar tletin fil-mija iżgħar minn dawk fl-aħħar ta' l-1992. L-Impjiegi (48) Mill-1992 sal-perjodu ta' investigazzjoni, l-impjiegi fl-industrija tal-Komunità kienu stabbiliti mill-1992 sa l-1994 u żdiedu b'madwar 17 % mill-1995. Waqt li dan jista' jingħad li huwa sinjal ta' rkupru, għandu jkun innutat li l-figura ta' impjiegi għall-1992 kienet fl-anqas livell u waqgħet b'3 % mill-1989 (ara l-preambolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1006/95). Kien innotat li porzjon konsiderevoli ta' l-espansjoni kien tal-bejgħ u s-settur amministrattiv aktar milli tal-produzzjoni. L-Esportazzjonijiet (49) L-industrija tal-Komunità marret tajjeb fis-swieq ta' l-esportazzjoni. Il-bejgħ f'unitajiet żdied b'mod sod mill-1992 sal-perjodu ta' investigazzjoni. Matul dan il-perjodu il-bejgħ fl-esportazzjonijiet, li jirrappreżenta madwar 60 % tal-produzzjoni globali ta' l-industrija tal-Komunità, żdied għal 69 %. 5. Konklużjoni (50) Is-sitwazzjoni fl-industrija tal-Komunità tjiebet fis-snin riċenti minħabba ż-żieda tal-bejgħ tagħhom kemm fis-suq tal-Komunità u ta' pajjiż terzi. Dan l-iżvilupp ħabat ma' l-imposizzjoni ta' diversi dazji kontra r-rimi. (51) Iż-żieda fil-bejgħ fis-suq tal-Komunità huwa aktarx dovut kemm għat-tkabbir fil-konsum u, ftit anqas, għall-effetti fejjieda tal-miżuri kontra r-rimi meħuda mill-Komunità. (52) Ix-xejra l'isfel tas-sehem tas-suq ta' l-industrija tal-Komunità treġġgħet lura mill-1995, imma sehemha, mis-suq ta' 53,6 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni għadu iżgħar minn dak ta' l-1992. (53) Iż-żieda fil-konsum apparenti u l-fatt li l-miżuri kontra r-rimi kienu imposti b'mod normali kien ikollhom effett il'fuq fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità. Madankollu, il-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità nstab li naqsu bi 8 %. (54) Il-bejgħ mill-industrija tal-Komunità wrew li kienu ta' aktar qligħ matul il-perjodu ta' investigazzjoni milli, per eżempju fl-1992. Iżda l-prezzijiet mitluba mill-esportatur fis-suq tal-Komunità waqqa' l-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità wara l-applikazzjoni tad-dazju kontra r-rimi u l-qligħ kien għadu ferm aktar baxx mil-livell mhux dannuż stabbilit fir-Regolament tad-dazju definittiv. (55) Fid-dawl ta' hawn fuq, jitqies li l-industrija tal-Komunità qed tkompli ssofri, l-aktar fil-kwistjoni tal-qligħ u t-tkabbir mis-sehem tas-suq. Billi s-sehem tas-suq ta' l-importazzjonijiet ta' lajters taż-żnied li joriġinaw fil-Ġappun kien żgħir ħafna, ma kienx possibbli li tkun stabbilita rabta każwali bejn l-importazzjonijiet Ġappuniżi bi prezzijiet ta' rimi u dan id-dannu. Id-dannu kkawżat minn dawn l-importazzjonijiet huwa għalhekk ikkonsidrat traskurabbli jew, f'kull każ, mhux materjali. F. IL-PROBABBILITÀ LI JERĠA' JKUN HEMM RIMI DANNUŻ 1. L-Introduzzjoni (56) L-industrija tal-Komunità talbet li r-Regolament tad-dazju definittiv ikun rivedut bl-argument li kien hemm probabbilità li jerġa' jkun hemm rimi dannuż. Biex ikun hemm determinazzjoni fuq dan il-punt, kienu ikkonsidrati numru ta' fatturi, partikolarment l-aġir tal-grupp ta' l-esportatur, id-disponibbilità ta' kapaċità mhux użata fl-impjant ta' l-esportatur fil-Ġappun, l-eżistenza ta' ftehim fuq il-prezz fir-rigward ta' l-esportazzjonijiet minn kumpannija li tappartjeni għall-grupp ta' l-esportatur u l-prezz li l-esportatur jista' jitlob jekk id-dazju jitħalla jiskadi. Barra l-eżami tal-posizzjoni ta' l-industrija tal-Komunità, kienu eżaminati l-impatti li l-esportazzjonijiet mill-Ġappun x'aktarx ikollhom fuq l-industrija tal-Komunità jekk jerġgħu jibdew, l-eżistenza tal-prattiċi tar-rimi u l-evoluzzjoni tas-sehem ta' l-importazzjonijiet globali fis-suq tal-Komunità. 2. L-Aġir tal-grupp ta' l-esportatur (57) Fis-snin riċenti, kwantitajiet żgħar biss ta' lajters taż-żnied disposable kienu importati mill-Ġappun u mibjugħa fis-suq tal-Komunità, speċjalment meta mqabbla ma' importazzjonijiet minn diversi pajjiżi terzi oħra (primarjament iċ-Ċina, il-Messiku, il-Filippini u t-Tajlandja) li l-prezzijiet tagħhom huma fil-livelli tar-rimi. Iżda, il-livell baxx ta' importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ġappun għandu jkun ikkonsidrat fid-dawl ta' l-aġir tal-grupp Tokai. (58) L-esportatur waħdieni fl-investigazzjoni dwar, fost oħrajn, importazzjonijiet li joriġinaw fil-Messiku li fuqhom ġew imposti miżuri definitivi ta' kontra r-rimi f'Marzu ta' l-1997 – kien sussidjarju propjetà sħiħa u kkontrollat mill-grupp Tokai żviluppat wara l-impożizzjoni ta' miżuri kontra r-rimi fuq lajters taż-żnied disposable li joriġinaw fil-Ġappun (ara l-preamboli 9 u 36 tar-Regolament (KE) Nru 423/97). Il-figuri ta' importazzjoni juru li l-importazzjonijiet mill-Messiku sempliċiment imbidlu b'dawk prodotti (u esportati) mill-Korporazzjoni Tokai fl-impjant Ġappuniż tagħha, wara li ġew imposti miżuri fuqha fl-1991. Tassew, il-kwantitajiet ta' lajters importati li oriġinaw fil-Messiku huma simili għall-kwantitajiet li l-Korporazzjoni Tokai kienet tikkonsenja lejn is-suq tal-Komunità qabel l-impożizzjoni tal-miżura ta' l-1991. Barra dan, għandu jkun imfakkar li l-Korporazzjoni Tokai bdiet xejra l'isfel tal-prezzijiet billi biegħet lajters Ġappuniżi b'prezzijiet ta' rimi tard fit-tmeninijiet. Din it-tendenza kienet sussegwentement inforzata bil-prattiċi ta' rimi ta' produtturi oħra Asjatiċi u reġgħet bdiet ir-rimi permezz tas-sussidjarja tagħha ġewwa l-Messiku. (59) Fid-dawl ta' hawn fuq, il-livell baxx ta' importazzjonijiet Ġappuniżi matul il-perjodu ta' investigazzjoni ma jistax iwassal għall-konklużjoni li dawn l-iżviluppi, li ġraw wara l-impożizzjoni ta' miżuri fl-1991 huma r-riżultat ta' aġir ekonomiku normali ta' produttur/esportatur, iġifieri aġir indipendenti mill-miżuri soġġetti għall-istħarriġ. Fil-fatt, huma r-riżultat ta' strateġija apparenti tal-grupp Tokai. (60) Huwa għalhekk konsidrat xieraq li jitqies li, mis-7 ta' Marzu ta' l-1997, dazji definittivi kontra r-rimi kienu ġew imposti fuq l-importazzjonijiet ta' lajters taż-żnied disposable li joriġinaw fil-Messiku, il-Filippini u t-Tajlandja bir-Regolament (KE) Nru 423/97 u li l-esportatur Messikan, bħalissa soġġett għall-miżuri kontra r-rimi, huwa sussidjarju ta' l-esportatur Ġappuniż, meta jkun eżaminat x'aktarx ser jiġri jekk il-miżura eżistenti kellha titħalla tiskadi.Huwa għalhekk konsidrat xieraq li jitqies li, mis-7 ta' Marzu ta' l-1997, dazji definittivi kontra r-rimi kienu ġew imposti fuq l-importazzjonijiet ta' lajters taż-żnied disposable li joriġinaw fil-Messiku, il-Filippini u t-Tajlandja bir-Regolament (KE) Nru 423/97 u li l-esportatur Messikan, bħalissa soġġett għall-miżuri kontra r-rimi, huwa sussidjarju ta' l-esportatur Ġappuniż, meta jkun eżaminat x'aktarx ser jiġri jekk il-miżura eżistenti kellha titħalla tiskadi. 3. Il-Kapaċità tal-produzzjoni Ġappuniża (61) Mill-1992 sal-perjodu ta' investigazzjoni, il-kapaċità ta' produzzjoni ta' l-esportatur naqset b'54 %. Iżda, flimkien mat-tnaqqis tal-kapaċità ta' produzzjoni, ir-rata ta' utilizzazzjoni (imfissra f'perċentwali) tal-kapaċità li baqa' tagħha naqqset ukoll bi 38 % mill-1992 sal-perjodu ta' investigazzjoni. (62) Matul il-perjodu ta' investigazzjoni, il-kapaċità mhux użata fl-impjant ta' l-esportatur Ġappuniż ammontat għal kwantità akbar minn 56,6 miljun ta' lajters taż-żnied disposable li l-Korporazzjoni Tokai esportat mill-Ġappun fl-1989 (jiġifieri l-perjodu ta' investigazzjoni ta' l-investigazzjoni oriġinali). Kien stabbilit ukoll li, mill-1992 sal-perjodu ta' investigazzjoni, il-kapaċità mhux użata kienet pjuttost stabbli f'termini assoluti, minħabba t-tnaqqis konkomitanti tal-kapaċità ta' produzzjoni u r-rata ta' l-utilizzazzjoni tal-kapaċità. 4. Il-Ftehim fuq il-prezz applikabbli għall-kumpannija tal-grupp (63) Wara l-imposizzjoni tal-miżura fl-istħarriġ, l-esportatur ċaqlaq il-produzzjoni ta' lajters taż-żnied disposable maħsuba għall-esportazzjoni fis-suq tal-Komunità lejn il-Messiku u wara offra ftehim fuq il-prezz fir-rigward ta' importazzjonijiet li joriġinaw f'dak il-pajjiż meta kienu jeħtieġu miżuri kontra r-rimi fuq dawn l-importazzjonijiet f'Marzu ta' l-1997. (64) Mingħajr ma jċaqlaq il-linji ta' produzzjoni mill-Messiku għall-Ġappun, l-esportatur għandu kapaċità liberament disponibbli fl-impjant Ġappuniż tiegħu biex jissupplixxi s-suq tal-Komunità bi kwantità ogħla mill-esportazzjonijiet tiegħu ta' l-1989 u dan jippermetti lill-esportatur li jitlob prezzijiet aktar baxxi fis-suq Komunitarju milli permess għall-prodotti importati li joriġinaw fil-Messiku. 5. Kontinwazzjoni tar-rimi u l-prezz li l-esportatur jista' jitlob: (65) Kif intqal fuq, matul il-perjodu ta' investigazzjoni, importazzjonijiet ta' lajters taż-żnied disposable li joriġinaw fil-Ġappun baqgħu jinbiegħu bil-prezz tar-rimi. Billi l-prodotti importati nbiegħu bi prezzijiet li kienu b'mod sinifikanti aktar ta' rimi milli fl-investigazzjoni oriġinali jidher li x'aktarx ir-rimi ser ikompli. (66) Minkejja l-applikazzjoni tad-dazju kontra r-rimi, it-twaqqigħ tal-prezz medju kull unità mitlub mill-produtturi tal-Komunità kien għadu sinifikanti (22,9 %) matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Jekk id-dazju kontra r-rimi tnaqqas mill-prezz mitlub mingħand l-ewwel klijent indipendenti, il-prezz medju ta' l-industrija tal-Komunità kien jitwaqqa' bi 43,1 % 6. L-Impatt fuq l-industrija tal-Komunità (67) L-effett tat-twaqqigħ tal-prezz tar-rimi kontinwament matul il-perjodu ta' investigazzjoni kien minimu, minħabba l-applikazzjoni tad-dazju kontra r-rimi u l-kwantitajiet żgħar importati. L-esportatur, iżda, kellu kapaċità mhux użata biżżejjed biex jerġa' jibda l-esportazzjonijiet ta' lajters taż-żnied disposable li joriġinaw fil-Ġappun f'livelli sinifikanti, eż simili għall-kwantità importata fl-1989 (56,6 miljun). Jekk din il-kwantità tinbiegħ fis-suq tal-Komunità bl-istess prezzijiet mitluba mis-sussidjarju Ġermaniż ta' l-esportatur matul il-perjodu ta' investigazzjoni, dan jirriżulta fi pressjoni sostanzjali l'isfel fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità u telf korrispondenti ta' turnover u sehem mis-suq. (68) Il-kwantità importata mill-Ġappun fl-1989 tirrapreżenta bħalissa sehem mis-suq ta' madwar 7,2 %. Dan is-sehem huwa sinifikanti wisq biex ikun mingħajr impatt fuq is-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità. Ma kienx, iżda, possibbli li jkun stabbilit bi preċiżjoni x'effett it-tneħħija tal-miżuri ikollha fuq fatturi bħall-ishma tas-suq, il-qligħ u l-impjieg ta' l-industrija tal-Komunità, billi ħafna jkun jiddependi fuq fatturi mhux ċerti bħat-tkabbir fil-konsum u l-prezz ġenerali tal-waqgħa tal-prezzijiet li tista' tkun ikkawżata billi terġa' tibda l-importazzjoni fi kwantitajiet sinifikanti. (69) Saret analiżi globali ta' xi aspetti speċifiċi tas-swieq ewlenin reġjonali fil-Komunità biex ikun valutat l-impatt ta' l-importazzjoni ta' kwantitajiet sinifikanti ta' lajters taż-żnied disposable li joriġinaw fil-Ġappun bi prezzijiet li jwaqqgħu b'mod sinifikattiv il-prezz tal-Komunità li x'aktarx ikollu fuq l-industrija tal-Komunità. (70) Kien stabbilit li l-kompetizzjoni fis-suq Ġermaniż kienet ħarxa billi d-distributuri ewlenin u, partikolarment, ktajjen ta' supermarkits solitament jagħżlu fornitur wieħed jew tnejn kull prodott offrut fl-istabilimenti tagħhom u għalhekk jagħmlu pressjoni l'isfel fuq il-prezzijiet ta' dawn il-fornituri. F'din is-sitwazzjoni t-twaqqigħ tal-prezz minimu jipprekludi l-aċċess ta' l-industrija tal-Komunità għall-networks ta' distribuzzjoni li jirrappreżentaw numru kbir ta' konsumaturi. L-effett ta' twaqqigħ tal-prezz fil-ġejjieni jkun għalhekk sinifikanti (f'termini ta' telfien ta' sehem mis-suq u telfien ta' qligħ billi x'aktarx idum għal perjodu estiż peress li l-aċċess għan-netwerk ta' distribuzzjoni normalment jingħata għall-perjodi twal ta' kuntratt). (71) Kien stabbilit ukoll li fil-livell tal-prezzijiet tal-produttur fir-Renju Unit kienu relattivament baxxi u l-produtturi tal-Komunità ma kinux stabbiliti tajjeb f'dan is-suq. F'dawn iċ-ċirkostanzi, it-twaqqigħ tal-prezz fil-ġejjieni jtellef il-penetrazzjoni tal-lajters taż-żnied disposable tal-produtturi tal-Komunità f'dan is-suq diġà diffiċli u jnaqqas aktar il-qligħ tal-bejgħ tagħhom. (72) Il-kompetizzjoni fis-suq Franċiż instabet li kienet importanti minħabba l-preżenza ta' l-impjanti ta' manifattura ta' żewġ produtturi ewlenin tal-Komunità imma l-waqgħa fil-prezz dehret anqas importanti minn, per eżempju fil-Ġermanja u r-Renju Unit. Twaqqigħ miżjud fil-ġejjieni x'aktarx, iżda, iġib waqgħa akbar fil-prezzijiet u telf fis-sehem tas-suq. (73) Kien stabbilit ukoll li ż-żewġ produtturi tal-Komunità għandhom impjanti ta' produzzjoni fi Spanja u huma stabbiliti tajjeb f'dak is-suq. Instab li parti sostanzjali ħafna tas-suq Spanjol huwa fornit minn produtturi mhux Komunitarji, billi Spanja kienet it-tieni l-akbar Stat Membru importatur fl-1995, u l-prezzijiet kienu baxxi meta mqabbla ma' Franza u l-Ġermanja. Billi wieħed mill-produtturi stabbiliti fi Spanja indika li ma kienux possibbli aktar razzjonalizzazzjoni u tnaqqis ta' l-ispejjeż fl-impjant tal-produzzjoni tiegħu, telf sostanzjali ta' sehem mis-suq jew gwerra fuq il-prezzijiet fis-suq Spanjol x'aktarx jirriżultaw fl-għeluq ta' l-impjant tiegħu, speċjalment jekk dan it-telf kien jitqabbel bi żvilupp simili fis-suq importanti viċin Franċiż. 7. Il-Volum u prezzijiet ta' importazzjonijiet globali (74) Kif intqal fuq, l-esportatur Ġappuniż iddeċieda li jforni is-suq tal-Komunità bi prodotti maħdumin fil-Messiku, li fuqhom ġew imposti miżuri kontra r-rimi f'Marzu ta' l-1997. Għalhekk, l-effett rimedjali tal-miżura imposta fl-1991 kien iżgħar ħafna milli kien ikun f'ċirkostanzi normali. (75) Barra dan, importazzjonijiet globali ta' lajters taż-żnied disposable żdied b'74 % mill-1992 sal-perjodu ta' l-investigazzjoni, żieda ogħla miż-żieda tal-konsum matul dak il-perjodu. Bħala riżultat, is-sehem ta' dawn l-importazzjonijiet żdied minn 33,5 % fl-1992 sa 53 % fl-1995 u waqgħu għal 46,3 % fl-1996. (76) Kif jidher b'miżuri suċċessivi kontra r-rimi imposti mill-1992 sa l-1998, kien hemm influss kontinwu ta' importazzjonijiet bi prezz baxx u ta' rimi minn pajjiżi terzi fis-suq tal-Komunità. Bħala riżultat il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità waqgħu kontinwament biex laħqu l-aktar livelli baxxi: f'suq li qed jikber il-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità madankollu naqsu bi 8 % mill-1992 tal-perjodu ta' investigazzjoni. G. L-INTERESS TAL-KOMUNITÀ 1. L-Industrija tal-Komunità (77) L-industrija tal-Komunità ilha għal deċenju tbati minn importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi u ta' rimi ta' lajters taż-żnied disposable. L-oġġettiv tad-dazju definittiv taħt rieżami, biex tkun ristabbilita l-kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-Komunità u l-kontropartijiet esportaturi f'pajjiżi terzi,ma ntlaħaqx kif deher fi żviluppi sussegwenti. Tokai innifisha waqqfet impjant ta' produzzjoni fil-Messiku u bdiet tesporta minn hemm lejn il-Komunità Ewropea bi prezzijiet ta' rimi, waqt li pajjiżi terzi - partikolarment iċ-Ċina, il-Filippini u t-Tajlandja - ukoll irrikorrew għar-rimi. Bħala riżultat l-industrija tal-Komunità ma setgħetx tirkupra għal kollox, minkejja l-isforzi tagħha biex tnaqqas l-ispejjeż u biex ikun hemm benefiċċju mill-ekonomiji ta' skala. (78) L-industrija tal-Komunità tikkonsisti minn żewġ gruppi multinazzjonali li jbiegħu diversi prodotti minbarra lajters taż-żnied disposable u produttur relattivament żgħir, li jgħaqqad il-produzzjoni ta' lajters taż-żnied disposable ma' kumpannija tan-negozju. (79) L-industrija tal-Komunità qed tagħmel sforzi konsiderevoli biex ittejjeb il-produttività tagħha fi snin riċenti biex tipprova tikseb l-aktar spiża baxxa possibbli ta' produzzjoni u biex ittejjeb il-kompetittività f'dan is-suq sensittiv għall-prezz. Saru sforzi ta' razzjonalizzazzjoni: iż-żewġ gruppi produtturi irrazzjonalizzaw il-proċess ta' produzzjoni tagħhom u adattaw l-istrutturi tagħhom, l-isforzi tat-tielet produttur kienu primarjament ibbażati fuq ir-realizzazzjoni ta' l-ekonomiji ta' skala. Investimenti ġodda saru wkoll biex tittejjeb il-produttività. Iżda, peress li l-bejgħ ta' esportazzjoni żdied aktar malajr fil-Komunità minn bejgħ ta' esportazzjoni jirrapreżentaw iżjed minn nofs il-bejgħ tal-produtturi tal-Komunità, l-investimenti fil-kapaċità ta' produzzjoni saru primarjament għall-iskopijiet li jissupplixxu s-swieq li m'humiex tal-Komunità. (80) Għalkemm ma kien hemm l-ebda għeluq ta' impjanti, dan ġara minħabba l-approċċ strateġiku tal-produtturi kkonċernati, appoġġati bl-eżistenza ta' miżuri kontra r-rimi dwar il-lajters taż-żnied disposable u l-iżvilupp tal-bejgħ ta' esportazzjoni tagħhom. F'dan ir-rigward, għandu jkun innotat li t-tliet produtturi għandhom attivitajiet ta' qligħ f'setturi oħra, li jipprovdu biżżejjed riżorsi finanzjarji biex iżommu l-impjanti ta' produzzjoni tagħhom għal-lajters taż-żniet disposable għal xi żmien. Ma jistax, iżda, ikun eskluż li l-effetti ta' twaqqif ta' miżura kontra r-rimi tipprovoka l-għeluq ta' impjant wieħed jew iżjed. (81) Minħabba x'intqal fuq, hemm fin-nofs l-effettività tal-miżuri tal-Komunità maħsuba biex jistabbilixxu mill-ġdid kondizzjonijiet tas-suq ġusti u miftuħa u biex jipproteġu l-industrija tal-Komunità kontra prattika inġusta tal-kummerċ. Apparti din il-konsiderazzjoni ewlenija, hemm riskju serju li l-produtturi tal-Komunità jwaqqfu l-produzzjoni f'impjant wieħed jew iżjed, jekk il-miżura kontra r-rimi titħalla tiskadi u jkun hemm sussegwentement rimi dannuż ta' kwantitajiet kbar ta' lajters taż-żnied disposable li joriġinaw fil-Ġappun. 2. Importaturi (82) Billi l-esportatur ma rraportax xi bejgħ dirett lill-partijiet mhux relatati fil-Komunità Ewropea u ma ġiet riċevuta l-ebda reazzjoni minn xi importatur wara l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' bidu, l-ebda importatur mhux relatat tal-lajters tat-Tokai fil-Ġappun ma seta' jkun identifikat. (83) Fir-rigward tas-sussidjarju tat-Tokai fil-Ġermanja, li huwa l-importatur ewlieni tal-lajters taż-żnied disposable għandu jkun innutat li jimpjega numru limtat ħafna ta' persuni mqabbel ma' l-industrija tal-Komunità. L-impatt fuq dan l-importatur li jżomm il-miżura taħt dan ir-rieżami huwa għalhekk x'aktarx minimu. 3. Il-Konsumaturi (84) Fl-investigazzjoni oriġinali, l-importaturi allegaw li l-interessi tal-konsumaturi ikunu effettwati ħażin bil-miżuri ta' kontra r-rimi fuq lajters taż-żnied disposable. Iżda, f'din l-investigazzjoni, l-ebda rappreżentazzjonijiet mill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi ma kienu riċevuti u m'hemmx raġuni biex wieħed jassumi li kien hemm bidla fiċ-ċirkostanzi li tista' tinvalida l-argumenti użati f'investigazzjonijiet ta' qabel biex jirribattu din l-allegazzjoni. H. IT-TĦASSIR TAL-MIŻURA KONTRA R-RIMI (85) Fuq il-bażi ta' dawn il-fatti, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm probabbilità li jerġa' jkun hemm rimi dannuż u f'April ta' l-1999, għamlet it-tieni miż-żewġ proposti biex ikun impost dazju definittiv kontra r-rimi fuq l-importazzjonijiet ta' lajters biż-żnied tal-but, tal-gass li ma jimtlewx li joriġinaw mill-Ġappun. Iżda, il-maġġoranza xierqa fil-Kunsill ma ntlaħqitx biex ikun adottat Regolament fuq il-bażi ta' xi waħda mill-proposti tal-Kummissjoni. (86) L-Atikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku jipprovdi li miżura definittiva kontra r-rimi għandha tiskadi ħames snin mill-imposizzjoni tagħha, sakemm ma jkunx determinat f'rieżami li l-iskadenza x'aktarx twassal għall-kontinwazzjoni jew rikorrenza tar-rimi jew dannu. Jekk isir rieżami ta' l-iskadenza, il-miżura kontra r-rimi tibqa' fis-seħħ sakemm jitlesta r-rieżami. (87) F'dan il-każ, għalhekk, ir-riżultat li l-Kunsill jiddeċiedi biex ma jadottax Regolament fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni ikollu l-konsegwenza li r-rieżami jibqa' miftuħ u l-miżura eżistenti tibqa' fis-seħħ għall-perjodu illimitat ta' żmien. (88) Barra dan, l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Bażiku jipprovdi li għandu jsir rieżami malajr u għandu normalment ikun konkluż fit-12-il xahar mid-data tal-bidu tar-rieżami. (89) F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni tikkonsidra li d-dazju kontra r-rimi fuq lajters biż-żnied tal-but, tal-gass li ma jimtlewx li joriġinaw mill-Ġappun għandu jitħassar biex ikun evitat kemm dewmien mhux xieraq tar-rieżami u li tibqa' fis-seħħ miżura ta' kontra r-rimi għall-perjodu indefinit ta' żmien. I. ID-DISPOSIZZJONIJIET FINALI (90) Il-partijiet interessati kollha li kkoperaw fl-investigazzjoni, min għamel l-ilmenti, l-esportatur u l-Gvern Ġappuniż, kienu mgħarrfa bil-miktub rigward il-fatti essenzali u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni kien fi ħsiebha tirrakkomanda, dik li l-miżura definittiva titħassar. (91) Il-produtturi li għamlu l-ilment oġġezzjonaw għall-azzjoni maħsuba billi argumentaw li ċ-ċirkostanzi ma nbiddlux u li fl-opinjoni tagħhom id-dazju ta' l-kontra r-rimi għandu jinżamm. (92) Wara li jkun kkonsidrat li d-dazju kontra r-rimi fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea impost bir-Regolament li bih dazju definttiv kontra r-rimi fuq lajters taż-żnied li joriġinaw fil-Ġappun kien impost ukoll fil-frattemp skada, għandha ssir disposizzjoni biex jitneħħew ir-riferenzi għal dazju kontra r-rimi fuq importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Korea mir-Regolamenti, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 1. Ir-Regolamenti (KEE) Nru 3433/91 huwa hawnhekk mħassar safejn jimponi dazju definittiv kontra r-rimi fuq importazzjonijiet ta' lajters biż-żnied tal-but, tal-gass li ma jimtlewx li jaqgħu fil-kodiċi NM ex96131000 li joriġinaw mill-Ġappun. 2. Ir-Regolament (KEE) Nru 3433/91 hu hawnhekk emendat kif ġej: (i) Fl-Artikolu 1(1) il-kliem "li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u r-Repubblika tal-Korea" għandhom jinbiddlu b' "li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina". (ii) L-Artikolu 1(2) għandu jinbidel b'dan li ġej: "2. L-ammont tad-dazju għandu jkun ta' EUR 065 kull lajter." Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fl-24 ta' Jannar 2000. Għall-Kunsill Il-President J. Gama [1] ĠU L 56, tas-6.3.1996, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 905/98 (ĠU L 128, tat-30.4.1998, p. 18). [2] ĠU L 326, tat-28.11.1991, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 423/97 (ĠU L 65, tas-6.3.1997, p. 1). [3] ĠU L 101, ta' l-4.5.1995, p. 38. [4] ĠU L 65, tas-6.3.1997, p. 1. [5] ĠU C 155, tat-30.5.1996, p. 6. [6] ĠU C 361, tat-30.11.1996, p. 3. [7] ĠU C 360, tad-29.11.1996, p. 2. --------------------------------------------------