|
2.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 316/14 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2225
tat-30 ta' Novembru 2015
li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/734/KE, 2006/415/KE u 2007/25/KE u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/657/UE fir-rigward tal-perjodu ta' applikazzjoni tagħhom
(notifikata bid-dokument C(2015) 8335)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(1) u (7) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(1) u (6) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (5), u b'mod partikolari l-Artikolu 63(3) tagħha,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (6), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(1),
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2005/734/KE (7), 2006/415/KE (8), 2007/25/KE (9) u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/657/UE (10) ġew adottati fir-rigward tat-tifqigħat tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 bil-għan li jipproteġu s-saħħa tal-annimali u tal-bniedem fl-Unjoni. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni 2005/734/KE tistabbilixxi miżuri ta' bijosigurtà biex jitnaqqas ir-riskju ta' trażmissjoni tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 minn għasafar selvaġġi fl-ambjent naturali tagħhom għal tjur tal-irziezet u għasafar oħra mrobbija mill-bniedem u li tipprevedi sistema ta' ditezzjoni minn kmieni f'żoni li huma f'riskju partikolari. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni 2006/415/KE tistabbilixxi ċerti miżuri ta' protezzjoni li għandhom jiġu applikati f'każ ta' tifqigħa tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 fit-tjur ta' Stat Membru, inkluż l-istabbiliment taż-żoni A u B wara s-suspett jew il-konferma ta' tifqigħa ta' dik il-marda. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni 2007/25/KE tikkonċerna ċerti miżuri ta' protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja u l-movimenti ta' għasafar domestiċi li jkunu akkumpanjati minn sidhom fl-Unjoni. |
|
(5) |
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/657/UE tistabbilixxi li f'każ ta' sejba pożittiva tal-influwenza avjarja tas-sottotip H5N1 f'xi għasfur selvaġġ jew ta' xi tifqigħa ta' dik il-marda fi tjur fit-territorju tal-Iżvizzera, il-miżuri ta' protezzjoni tal-Unjoni jiġu applikati biss għal dawk il-partijiet tal-Iżvizzera fejn l-awtorità kompetenti ta' dak il-pajjiż tapplika miżuri ta' protezzjoni ekwivalenti kif stipulat fid-Deċiżjoni 2006/415/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/563/KE (11). |
|
(6) |
Id-Deċiżjonijiet 2005/734/KE, 2006/415/KE u 2007/25/KE u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/657/UE japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2015. |
|
(7) |
Sa mill-aħħar tal-2014, fi tmien Stati Membri kien hemm infezzjonijiet mill-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5, inkluż l-H5N1, li affettwaw it-tjur u l-għasafar slavaġ. Għalkemm l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kienet dejjem preżenti jew dehret regolarment f'partijiet kbar tal-Asja u tal-Afrika, l-Amerika ta' Fuq esperjenzat epidemija estensiva li qatt ma kien hemm bħalha qabel. L-investigazzjonijiet epidemjoloġiċi jagħtu indikazzjoni qawwija li l-vajrus jiġi introdott fil-qatgħat tat-tjur b'kuntatt dirett jew indirett mal-għasafar slavaġ u bil-firxa laterali tal-marda bejn il-qatgħat tat-tjur. Barra minn hekk, bħalissal-Afrika tal-Punent qed tiġġieled kontra tifqigħa għall-għarrieda tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja wara diversi snin ta' ambjent ħieles mill-infezzjoni. |
|
(8) |
Is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali, b'żieda fl-għadd ta' tifqigħat u b'tixrid ġeografiku usa' ta' influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5 u b'mod partikolari tal-H5N1 fil-qatgħat tat-tjur u fl-għasafar slavaġ, għadha tippreżenta riskju għas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem fl-Unjoni. |
|
(9) |
Għalhekk jixraq li jkomplu jitnaqqsu r-riskji tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja billi jinżammu l-miżuri ta' bijosigurtà, is-sistemi ta' detezzjoni bikrija u ċerti miżuri ta' protezzjoni b'rabta mat-tifqigħat futuri ta' dik il-marda f'qatgħat tat-tjur fl-Unjoni. |
|
(10) |
Minħabba s-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali f'pajjiżi terzi, huwa daqstant ieħor importanti li jinżammu l-miżuri mmirati biex jipprevjenu l-introduzzjoni possibbli tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja b'importazzjonijiet tal-prodotti tat-tjur u bl-introduzzjoni ta' għasafar domestiċi fl-Unjoni. |
|
(11) |
Għalhekk, il-perjodu ta' applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2005/734/KE, 2006/415/KE u 2007/25/KE u tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/657/UE għandu jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2017. |
|
(12) |
Għaldaqstant, id-Deċiżjonijiet 2005/734/KE, 2006/415/KE u 2007/25/KE u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/657/UE għandhom jiġu emendati skont dan. |
|
(13) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2005/734/KE, id-data “31 ta' Diċembru 2015” tinbidel b'“31 ta' Diċembru 2017”.
Artikolu 2
Fl-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2006/415/KE, id-data “31 ta' Diċembru 2015” tinbidel b'“31 ta' Diċembru 2017”.
Artikolu 3
Fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2007/25/KE, id-data “31 ta' Diċembru 2015” tinbidel b'“31 ta' Diċembru 2017”.
Artikolu 4
Fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/657/UE, id-data “31 ta' Diċembru 2015” tinbidel b'“31 ta' Diċembru 2017”.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Novembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.
(2) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.
(3) ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56.
(5) ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.
(6) ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1.
(7) Id-Deċiżjoni 2005/734/KE tad-19 ta' Ottubru 2005 li tistabbilixxi miżuri ta' bijosigurtà sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' trażmissjoni tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A tal-Influwenza minn għasafar selvaġġi fl-ambjent naturali tagħhom għal tjur tal-irziezet u għasafar oħra mrobbija mill-bniedem u li tipprevedi sistema ta' ditezzjoni minn kmieni f'żoni b'riskju partikolari (ĠU L 274, 20.10.2005, p. 105).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/415/KE tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta' patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Komunità u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2006/135/KE (ĠU L 164, 16.6.2006, p. 51).
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/25/KE tat-22 ta' Diċembru 2006 fir-rigward ta' ċerti miżuri ta' ħarsien relatati mal-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja u l-movimenti ta' għasafar domestiċi li huma akkumpanjati mis-sid tagħhom fil-Komunità (ĠU L 8, 13.1.2007, p. 29).
(10) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/657/UE tat-12 ta' Novembru 2013 rigward ċerti miżuri ta' salvagwardja b'rabta mal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja ħafna tas-sottotip H5N1 li għandhom jiġu applikati fil-każ ta' tifqigħa ta' din il-marda fl-Iżvizzera u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2009/494/KE (ĠU L 305, 15.11.2013, p. 19).
(11) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/563/KE tal-11 ta' Awwissu 2006 dwar ċerti miżuri ta' ħarsien b'rabta mal-influwenza tat-tjur patoġenika ħafna tas-sottotip H5N1 fi tjur slavaġ fil-Komunità (ĠU L 222, 15.8.2006, p. 11).