31996R1349



Official Journal L 174 , 12/07/1996 P. 0013 - 0014


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1349/96

ta’ l-11 ta’ Lulju 1996

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 773/96 li jippreskrivi miżuri speċjali li jidderogaw mir-Regolamenti (KEE) Nru 3665/87, (KEE) Nru 3719/88 u (KEE) Nru 1964/82 fis-settur taċ-ċanga u tal-vitella

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68 tas-27 ta’ Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni fis-suq taċ-ċanga u l-vitella [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 894/96 [2], u partikolarment l-Artikolu 13 (12) miġjub fih,

Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/96 [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1044/96 [4] jippreskrivi miżuri speċjali għar-regularizzazzjoni ta’ ċerti transazzjonijiet ta’ esportazzjoni bħala riżultat tal-miżuri meħuda minn diversi pajjiżi terzi biex jissalvagwardjaw kontra l-enċefalopatija spunġiforma ("spongiform encephalopathy") tal-bhejjem ta’ l-ifrat(BSE);

Billi esportaturi m’għandhomx jitilfu s-sigurtajiet tagħhom fejn il-laħam ikun inqered minn pajjiż terz jew Stat Membru bħala riżultat ta’ miżuri rigward BSE;

Billi fejn, bħala riżultat ta’ problemi li għandhom x’ jaqsmu mal-BSE, esportatur huwa obbligat li jibdel id-destinazzjoni; billi r-Regolament (KE) Nru 773/96 jipprovdi għal soluzzjoni adegwata jekk ir-rata tal-ħlas lura (rifond) li tikkorrespondi għad-destinazzjoni attwali hija aktar baxxa mid-destinazzjoni indikata imma mhux jekk tkun aktar għolja; billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 773/96;

Billi l-miżuri provvduti f’dan ir-Regolament huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għaċ-Ċanga u l-Vitella,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L- Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 773/96 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 3 jiġi mibdul b’dan li ġej:

"L- Artikolu 3

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 20(3)(a), it-tnaqqis ta’ 20 % riferit fit-tieni indent ta’ l-Artikolu 20(3)(b) u ż-żidiet ta’ 15 % u 20 % riferiti fl-Artikolu 23(1) u fit-tieni sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 33(1) rispettivament tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87 ma għandhomx japplikaw għall-esportazzjonijiet imwettqa fuq il-liċenzji maħruġa sal-31 ta’ Marzu 1996, basta iżda illi l-formalitajiet tad-dwana għar-rilaxx għall-konsum fil-pajjiż terz ikunu twettqu wara l-20 ta’ Marzu 1996."

2. Fl-Artikolu 4(1) għandhom jiżdiedu l-indenti li ġejjin:

"— formalitajiet ta’ esportazzjoni tad-dwana tlestew imma ġew meqruda minn pajjiż terz bħala riżultat ta’ miżuri adottati minnu f’relazzjoni mal-BSE, l-esportatur għandu jħallas mill-ġdid xi ħlas lura (rifond) mħallas bil-quddiem u, suġġett għall-preżentazzjoni ta’ xhieda ta’ qerda, is-sigurtajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-operat għandhom jiġu rilaxxati,

— formalitajiet ta’ esportazzjoni tad-dwana tlestew imma ġew ritornati lit-territorju tad-dwana tal-Komunità u meqruda mill-Istat Membru li qed jirċievi bħala riżultat ta’ miżuri adottati minnu rigward il-BSE, l-esportatur għandu jħallas mill-ġdid xi ħlas lura (rifond) mħallas bil-quddiem u, suġġett għall-preżentazzjoni ta’ xhieda ta’ qerda, is-sigurtajiet li għandhom x’ jaqsmu ma’ l-operat għandhom jiġu rilaxxati."

L- Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-11 ta’ Lulju 1996.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 148, tat-23.6.1968, p. 24.

[2] ĠU L 125, tat-23.5.1996, p. 1.

[3] ĠU L 104, tas-27.4.1996, p. 19.

[4] ĠU L 139, tat-12.6.1996, p. 4.

--------------------------------------------------