European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1835

28.6.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1835

tas-27 ta' Ġunju 2024

li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761, (UE) 2020/1988 u (UE) 2023/2834 fir-rigward ta’ miżuri tariffarji għal ċerti prodotti agrikoli li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Belarussja u mir-Russja, u fir-rigward tar-rati ta’ konverżjoni għar-ross

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/761 (2) jistabbilixxi r-regoli għall-ġestjoni tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli ġestiti b’sistema ta’ liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u jipprevedi regoli speċifiċi għal dik il-ġestjoni.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1988 (3) jistabbilixxi r-regoli għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji tal-importazzjoni mfassla biex jintużaw skont l-ordni kronoloġika tad-dati ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali (il-prinċipju “min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel”).

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2834 (4) jistabbilixxi r-regoli dwar l-importazzjonijiet fis-setturi tar-ross, taċ-ċereali, taz-zokkor u tal-ħops.

(4)

F’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1652 (5), ġew introdotti miżuri tariffarji sabiex jiġi evitat li ċerti prodotti agrikoli (ċereali, żrieragħ żejtnin u prodotti derivati) mir-Russja jkomplu jidħlu fis-suq tal-Unjoni b’termini li huma ugwalment favorevoli għal dawk applikati għal dawk il-prodotti minn oriġini mhux preferenzjali oħra.

(5)

L-istess miżuri tariffarji jenħtieġ li jittieħdu simultanjament fir-rigward tal-Belarussja sabiex jiġi evitat li l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mir-Russja jgħaddu mill-Belarussja, minħabba r-rabtiet politiċi u ekonomiċi mill-qrib tagħha mar-Russja, jekk it-tariffi tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti rilevanti mill-Belarussja jibqgħu l-istess.

(6)

Jixraq li dawk il-miżuri tariffarji jiġu riflessi fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761, (UE) 2020/1988 u (UE) 2023/2834.

(7)

Minbarra l-kodiċijiet NM addizzjonali għar-ross introdotti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1998 (6), jenħtieġ li jiġu ffissati r-rati ta’ konverżjoni korrispondenti għal dawn il-kodiċijiet NM.

(8)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, bejn l-iffissar ta’ żewġ dazji tal-importazzjoni, tippubblika l-fatturi kkunsidrati għal dawk il-kalkoli fis-sit web tagħha, biex tipprovdi lill-partijiet ikkonċernati bi trasparenza fil-kalkoli tad-dazju tal-importazzjoni taċ-ċereali, filwaqt li tnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-Kummissjoni.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761, (UE) 2020/1988 u (UE) 2023/2834 jiġu emendati skont dan.

(10)

Ir-Regolament (UE) 2024/1652 jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2024. Sabiex jiġu żgurati l-ġestjoni effettiva u l-applikazzjoni f’waqtha tal-miżuri tariffarji għall-prodotti agrikoli kkonċernati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu u jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Lulju 2024.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761

L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-kaxxa “Oriġini” tat-tabelli li jirreferu għall-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.4120, 09.4121, 09.4122, 09.4131 u 09.4133 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Oriġini

 

Il-pajjiżi terzi kollha minbarra l-Belarussja, ir-Russja u r-Renju Unit”;

(2)

il-kaxxa “Oriġini” tat-tabella li tirreferi għall-kwoti tariffarji bin-numru tal-ordni 09.4125 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Oriġini

 

Il-pajjiżi terzi kollha minbarra l-Belarussja, il-Kanada, ir-Russja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti”.

Artikolu 2

Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1988

Fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1988, il-kaxxa “Oriġini” tat-tabelli li jirreferu għall-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.0138, 09.2903, 09.2905, 09.0071, 09.0072, 09.0073, 09.0074, 09.0075, 09.0076, u 09.0070 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Oriġini

Il-pajjiżi terzi kollha minbarra l-Belarussja, ir-Russja u r-Renju Unit”.

Artikolu 3

Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2834

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2834 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Ir-rata ta’ konverżjoni bejn ir-ross bla ħliefa u r-ross fil-ħliefa għandha tkun kif ġej:

 

Ross meħluf

Ross mitħun kollu

Ross tal-ħabba tonda

1

0,775

Ross tal-ħabba mezzana jew tal-ħabba twila

1

0,69

Ross ieħor

1

0,7325

3.   Ir-rata ta’ konverżjoni bejn ross mitħun kollu u ross nofsu mitħun għandha tkun kif ġej:

 

Ross mitħun kollu

Ross nofsu mitħun

Ross tal-ħabba tonda

1

1,065

Ross tal-ħabba mezzana jew tal-ħabba twila

1

1,072

Ross ieħor

1

1,06849 ”;

(2)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   B’deroga mir-rati tad-dazju tal-importazzjoni fit-Tariffa Doganali Komuni, id-dazju tal-importazzjoni tal-prodotti taċ-ċereali li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 1001 11 00, 1001 19 00, ex 1001 91 20 (qamħ komuni għaż-żrigħ), ex 1001 99 00 (qamħ komuni ta’ kwalità għolja għajr dak għaż-żrigħ), 1002 10 00, 1002 90 00, 1005 10 90, 1005 90 00, 1007 10 90 u 1007 90 00 għandu jkun ugwali għall-prezz tal-intervent fuq l-importazzjoni, miżjud b’55 %, bit-tnaqqis tal-prezz tal-importazzjoni CIF stabbilit skont l-Artikolu 16(1) applikabbli għall-kunsinna inkwistjoni. Madankollu, dak id-dazju tal-importazzjoni ma jistax jaqbeż ir-rata konvenzjonali ta’ dazju kif stabbilita fuq il-bażi tan-NM. Dan il-paragrafu mhuwiex applikabbli għall-prodotti taċ-ċereali li joriġinaw jew li huma esportati direttament jew indirettament mill-Belarussja u mir-Russja li għalihom japplikaw ir-rati tad-dazju tal-importazzjoni fit-Tariffa Doganali Komuni.”

;

(3)

fl-Artikolu 16(2), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-ammont tad-dazju tal-importazzjoni fiss u l-fatturi użati għall-kalkolu tagħhom għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Bejn l-iffissar ta’ żewġ dazji, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-fatturi meqjusa għall-kalkolu fuq is-sit web tal-Kummissjoni.”.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/761 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1306/2013, (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema ta’ ġestjoni tal-kwoti tariffarji bil-liċenzji (ĠU L 185, 12.6.2020, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/761/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1988 tal-11 ta’ Novembru 2020 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni f’konformità mal-prinċipju “min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel” (ĠU L 422, 14.12.2020, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1988/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2834 tal-10 ta’ Ottubru 2023 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-importazzjonijiet fis-setturi tar-ross, taċ-ċereali, taz-zokkor u tal-ħops (ĠU L, 2023/2834, 21.12.2023, ELI: http: //data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2834/oj).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1652 tat-30 ta’ Mejju 2024 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L, 2024/1652, 10.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1652/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1998 tal-20 ta’ Settembru 2022 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 282, 31.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1998/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1835/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)