11.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 117/143


P9_TA(2021)0394

Is-sitwazzjoni fil-Libanu

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-Libanu (2021/2878(RSP))

(2022/C 117/15)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libanu, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar is-sitwazzjoni fil-Libanu (1),

—

wara li kkunsidra riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 1559 (2004), 1701 (2006), 2539 (2020) u 2591 (2021),

—

wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra (2),

—

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/860/KE tal-10 tal-10 ta' Diċembru 2007 li tipprovdi għal għajnuna makrofinanzjarja Komunitarja lil-Libanu (3),

—

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea fil-Libanu tal-2018,

—

wara li kkunsidra l-impenji miftiehma fil-qafas tal-Prijoritajiet ta' Sħubija UE-Libanu f'Novembru 2016, il-Konferenza CEDRE fis-6 ta' April 2018, il-Qafas għar-Riforma, l-Irkupru u r-Rikostruzzjoni tal-Libanu (3RF) f'Diċembru 2020 u l-laqgħat tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għal-Libanu fil-11 ta' Diċembru 2019, fit-23 ta' Settembru 2020 u fid-19 ta' Mejju 2021,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Awwissu 2020 tal-Kummissarju għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet Janez Lenarčič dwar l-isplużjoni f'Bejrut,

—

wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali dwar l-Assistenza u l-Appoġġ lil Bejrut u lill-Poplu Libaniż tad-9 ta' Awwissu 2020 u l-Konferenza b'Appoġġ għall-Popolazzjoni Libaniża tat-2 ta' Diċembru 2020, organizzati minn Franza u n-NU,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-23 ta' Settembru 2020 tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għal-Libanu,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta' Settembru 2020 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, f'isem l-UE, dwar ir-riżenja tal-Prim Ministru ddeżinjat tal-Libanu,

—

wara li kkunsidra r-rapport dwar il-Qafas għar-Riforma, l-Irkupru u r-Rikostruzzjoni (3RF) tal-Libanu adottat mill-UE, in-NU u l-Bank Dinji f'Diċembru 2020,

—

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar il-Libanu,

—

wara li kkunsidra l-Lebanon Economic Monitor (LEM) tal-Bank Dinji tal-1 ta' Ġunju 2021 u l-Valutazzjoni Rapida tal-Ħsarat u l-Ħtiġijiet (RDNA) ta' Bejrut imħejjija mill-Grupp tal-Bank Dinji f'kooperazzjoni mal-UE u n-NU,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet u l-osservazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell, tad-19 ta' Ġunju 2021 matul iż-żjara tiegħu fil-pajjiż,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ Borrell tas-16 ta' Lulju 2021 dwar ir-riżenja tal-Prim Ministru ddeżinjat Saad Hariri,

—

wara li kkunsidra t-talba tas-16 ta' Lulju 2021 mill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, David McAllister, u l-President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Maxreq, Isabel Santos, biex it-tmexxija politika Libaniża tirriżolvi l-impass wara li l-Prim Ministru ddeżinjat jirriżenja,

—

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-UNICEF tat-23 ta' Lulju 2021 bit-titolu “Il-Libanu: is-sistema pubblika tal-ilma fix-xifer tal-kollass, twissi l-UNICEF”,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tas-26 ta' Lulju 2021 dwar il-proċess ta' formazzjoni ta' gvern,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta' Lulju 2021 tal-Kopresidenti tat-tieni laqgħa tal-Grupp Konsultattiv tat-3RF,

—

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1277 tat-30 ta' Lulju 2021 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libanu (4),

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ Borrell tat-3 ta' Awwissu 2021 sena wara l-isplużjoni fil-port ta' Bejrut,

—

wara li kkunsidra l-Konferenza b'Appoġġ għall-Popolazzjoni tal-Libanu li saret fl-4 ta' Awwissu 2021 permezz ta' vidjokonferenza, u d-dikjarazzjoni li saret mill-VP/RGħ Borrell matul il-Konferenza,

—

wara li kkunsidra l-ittra tal-4 ta' Awwissu 2021 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-estensjoni tal-mandat tal-Forza Interim tan-NU fil-Libanu (UNIFIL),

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mill-President tal-Kunsill Ewropew fl-4 ta' Awwissu 2021 waqt it-tielet Konferenza Internazzjonali b'Appoġġ għall-Poplu tal-Libanu, li saret fuq stedina konġunta tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u l-President tar-Repubblika Franċiża,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Awwissu 2021 tal-Kelliem tas-SEAE li tikkundanna l-isparar ta' rokits min-Nofsinhar tal-Libanu,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Awwissu 2021 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres dwar is-sitwazzjoni soċjoekonomika li qed tiddeterjora fil-Libanu,

—

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1/2016 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Libanu tal-11 ta' Novembru 2016 li tapprova l-Prijoritajiet ta' Sħubija UE-Libanu, u l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Prijoritajiet ta' Sħubija UE-Libanu, sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Libanu (COM(2021)0406),

—

wara li kkunsidra l-inċidenti ta' Awwissu sa Settembru 2019, tal-14 ta' April 2020, tas-17 ta' April 2020, tas-27 ta' Lulju 2020, ta' Mejju 2021, tal-20 ta' Lulju 2021 u tal-4 sas-6 ta' Awwissu 2021 li seħħew minn naħa għall-oħra tal-Linja Blu,

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tad-9 ta' Frar 2021 bit-titolu “Sħubija mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar – Aġenda Ġdida għall-Mediterran” (JOIN(2021)0002),

—

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi s-sitwazzjoni attwali fil-Libanu hija estremament allarmanti u inkwetanti ħafna minħabba l-kriżi politika, ekonomika, soċjali, finanzjarja u tas-saħħa, u l-istat ta' falliment istituzzjonali; billi l-Libanu huwa sieħeb qrib u importanti tal-Unjoni Ewropea; billi din is-sħubija hija bbażata fuq interessi komuni, rabtiet storiċi u kulturali li ilhom jeżistu żmien, djalogu politiku u soċjali regolari u kuntatti interpersonali mifruxa ħafna;

B.

billi l-Libanu għandu soċjetà ċivili vibranti b'bosta attivisti, mexxejja tal-komunità, akkademiċi, artisti u gruppi taż-żgħażagħ li jieħdu azzjoni u jappellaw għal riformi urġenti;

C.

billi s-sitwazzjoni fil-Libanu kienet kritika u wasslet għal kriżi finanzjarja fi tmiem l-2019; billi fis-17 ta' Ottubru 2019 diġà saru protesti tal-massa, magħrufa wkoll bħala r-Rivoluzzjoni ta' Ottubru tal-Libanu, li talbu għal drittijiet soċjali u ekonomiċi, l-obbligu ta' rendikont, it-tmiem tal-korruzzjoni u r-riżenja tar-rappreżentanti politiċi kollha; billi fid-29 ta' Ottubru 2019, l-ex Prim Ministru Libaniż Saad Hariri ħabbar ir-riżenja tal-gvern;

D.

billi fl-4 ta' Awwissu 2020, splużjoni devastanti ta' ammont kbir ta' nitrat tal-ammonju fil-port ta' Bejrut qatlet aktar minn 200 ruħ, darbet aktar minn 6 500 ruħ u għamlet ħsara lil aktar minn 74 000 dar, u affettwat direttament lil 300 000 ruħ; billi wara l-isplużjoni, l-ex Prim Ministru Hassan Diab irriżenja; billi sena wara l-isplużjoni, l-investigazzjoni dwar il-kawżi li wasslu għaliha għadha ma ġietx konkluża – prinċipalment minħabba l-korruzzjoni – u dawk responsabbli għadhom ma ġewx identifikati jew miżmuma responsabbli; billi rapport ta' Human Rights Watch maħruġ fit-3 ta' Awwissu 2021 xeħet dawl fuq evidenza li kien hemm uffiċjali involuti fl-isplużjoni; billi fl-4 ta' Awwissu 2021 saret protesta oħra tal-massa fit-toroq f'Bejrut li fiha ntalab li tittieħed responsabbiltà għall-isplużjoni fil-port; billi, skont dokumenti uffiċjali żvelati, l-awtoritajiet doganali, militari u tas-sigurtà Libaniżi, kif ukoll il-ġudikatura, wissew gvern wara l-ieħor dwar il-ħażna perikoluża ta' sustanzi kimiċi splussivi fil-port ta' Bejrut f'mhux inqas minn 10 okkażjonijiet f'temp ta' sitt snin, iżda ma ttieħdet l-ebda azzjoni; billi personalitajiet politiċi Libaniżi ewlenin ostakolaw l-investigazzjoni lokali dwar l-isplużjoni sussegwenti, u l-awtoritajiet neħħew lill-ewwel imħallef investigattiv wara li personalitajiet politiċi ssejħu biex jiġu interrogati, u ċaħdu t-talbiet tat-tieni mħallef investigattiv biex titneħħa l-immunità ta' membri parlamentari suspettati u biex jinterroga lil uffiċjali superjuri tal-forzi tas-sigurtà;

E.

billi l-korruzzjoni hija waħda mill-isfidi ewlenin li toħnoq l-iżvilupp u l-prosperità tal-Libanu, u tapprofondixxi l-aljenazzjoni u n-nuqqas ta' fiduċja fis-sistema politika; billi l-korruzzjoni tinsab kullimkien u hija mifruxa fil-livelli kollha tas-soċjetà, kif rifless mill-punteġġi tal-prestazzjoni globali u medji tal-pajjiż fil-biċċa l-kbira tal-oqsma ta' governanza; billi l-Istituzzjoni Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni għadha mhix operattiva peress li l-ħatra tal-kummissarji tagħha għadha pendenti;

F.

billi l-Libanu finalment ifforma gvern fl-10 ta' Settembru 2021, wara tliet prim ministri ddeżinjati, Mustapha Adib, Saad Hariri u Najib Mikati; billi l-gvern il-ġdid se jkollu urġentement iwettaq il-pakkett ta' riformi politiċi sostantivi meħtieġa sabiex il-Libanu jiġġieled il-korruzzjoni u jippreserva l-istabbiltà, l-għaqda, is-sigurtà, is-sovranità, l-indipendenza politika u l-integrità territorjali tiegħu;

G.

billi l-elezzjonijiet muniċipali, parlamentari u presidenzjali fil-Libanu huma skedati għal Mejju 2022 u Ottubru 2022; billi huwa kruċjali li l-mexxejja politiċi kollha jirrispettaw il-kalendarju elettorali tal-2022 u jiżguraw elezzjonijiet inklużivi, trasparenti u ġusti b'aċċess ugwali għall-kampanji għal kulħadd u aċċess għall-vot għaċ-ċittadini Libaniżi kollha, inklużi dawk li jgħixu barra mill-pajjiż bħalma tippermettilhom l-aktar liġi elettorali reċenti adottata fl-2017 u kif tistipula l-Kostituzzjoni Libaniża; billi l-Kummissjoni Superviżorja għall-Elezzjonijiet m'għandhiex il-mezzi meħtieġa biex twettaq il-mandat tagħha, u dan il-fatt iqajjem tħassib dwar it-trasparenza u l-ġustizzja tal-kampanja u l-elezzjonijiet skedati għas-sena d-dieħla;

H.

billi dritt wara l-isplużjoni massiva l-UE, b'mod konġunt mal-Bank Dinji u man-NU, wettqet Valutazzjoni Rapida tal-Ħsarat u tal-Ħtiġijiet biex jiġi stmat l-impatt fuq il-popolazzjoni, l-assi fiżiċi, l-infrastruttura u l-forniment ta' servizzi; billi s-sejbiet jinkludu ħsarat ta' bejn USD 3,8 u 4,6 biljuni bis-setturi tad-djar u l-kultura milquta bl-aktar mod gravi, bejn USD 2,9 u 3,5 biljuni f'telf, fejn is-settur l-aktar milqut kien dak tad-djar segwit mis-setturi tat-trasport u tal-kultura, u bejn USD 1,8 u 2,0 biljuni fi ħtiġijiet prijoritarji ta' rkupru u rikostruzzjoni, bl-ogħla ħtiġijiet ikunu fis-settur tat-trasport segwit mis-setturi tal-kultura u tad-djar; billi r-riżultat ewlieni kien l-istabbiliment tal-Qafas għar-Riforma, l-Irkupru u r-Rikostruzzjoni (3RF), koġestit mill-Gvern tal-Libanu; billi ma sar ebda progress fir-riformi fl-ambitu tat-3RF minħabba xhur ta' impass fil-formazzjoni ta' gvern; billi f'Mejju 2021, il-produttur ewlieni tal-elettriku tal-Libanu, Electricité du Liban, (Elettriku tal-Libanu) ħabbar li m'għadx kellu biżżejjed flus biex jixtri l-fjuwil; billi l-Libanu qed jikkuntattja lil diversi pajjiżi sabiex jindirizza l-ħtiġijiet immedjati tiegħu fil-qasam tal-enerġija;

I.

billi, minkejja s-sospensjoni tal-liġi dwar is-segretezza bankarja, ma sar ebda progress rigward l-awditjar forensiku tal-Bank Ċentrali; billi, wara rapporti ta' investigazzjoni Żvizzera dwar tranżazzjonijiet li allegatament jinvolvu lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Riad Salameh, u ħuh, il-prosekutur pubbliku Libaniż vara investigazzjoni u l-prosekuturi Franċiżi fetħu investigazzjoni preliminari dwar allegazzjonijiet ta' ħasil tal-flus fir-rigward ta' Salameh; billi l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jiċħad l-allegazzjonijiet kollha;

J.

billi l-UE impenjat ruħha li tappoġġa l-istabbiltà u l-għaqda tal-pajjiż permezz ta' assistenza ekonomika; billi l-UE pprovdiet assistenza sostanzjali biex tindirizza l-konsegwenzi immedjati u l-ħtiġijiet wara l-isplużjoni; billi mmobilizzat EUR 33 miljun għal ħtiġijiet ta' emerġenza u aktar minn 250 ħaddiem tas-salvataġġ mill-Istati Membri tal-UE; billi fl-2021 biss, l-UE pprovdiet lil-Libanu b'EUR 55,5 miljun f'għajnuna umanitarja; billi matul is-sajf tal-2021 ġew rilaxxati EUR 5,5 miljuni addizzjonali biex jissaħħaħ ir-rispons tal-Libanu għall-COVID-19; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha mmobilizzaw EUR 24,0 biljun mill-2011 'l hawn;

K.

billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat il-kriżi ġeneralizzata li diġà għaddejja fil-Libanu, fejn hemm korruzzjoni mifruxa fil-livelli kollha tas-soċjetà; billi kemm il-gruppi vulnerabbli kif ukoll dawk mhux vulnerabbli ġew affettwati b'mod gravi; billi mill-bidu tal-pandemija 'l hawn fil-Libanu ġew irreġistrati aktar minn 610 000 każ ta' coronavirus u 8 150 każ ta' mewt; billi l-viċinati l-aktar milquta mill-qerda tad-djar ikkawżata mill-isplużjoni kienu Gemmayze Ashrafiedh, Mar Mikhael u Rmeil Medawar, u n-nuqqas ta' alternattivi llum għal dawk li d-djar tagħhom inqerdu jista' jaffettwa l-istruttura, it-tessut u l-koeżjoni storiċi u strutturali tal-Libanu;

L.

billi d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Lulju 2021 stabbiliet qafas għal sanzjonijiet immirati kontra persuni u entitajiet li jimminaw id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Libanu; billi dawn jinkludu projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar fl-UE u ffriżar ta' assi fuq tfixkil persistenti tal-formazzjoni ta' gvern jew xkiel serju fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet, l-ostakolar jew it-tfixkil tal-implimentazzjoni ta' pjanijiet approvati mill-awtoritajiet Libaniżi u appoġġati mill-UE biex jitjiebu r-responsabbiltà u l-governanza tajba, inkluż fis-settur bankarju u finanzjarju, jew fuq kondotta finanzjarja ħażina serja fir-rigward tal-fondi pubbliċi, atti koperti mill-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Korruzzjoni jew fuq l-esportazzjoni mhux awtorizzata tal-kapital;

M.

billi l-Kummissjoni Ekonomika u Soċjali tan-NU għall-Punent tal-Asja sabet li bejn l-2019 u l-2020, il-proporzjon ta' persuni li jinsabu f'sitwazzjoni ta' faqar kien diġà qabeż minn 28 % għal 55 %; billi r-rata tal-faqar multidimensjonali fil-Libanu kważi rduppjat minn 42 % fl-2019 għal 82 % fl-2021, u “l-faqar multidimensjonali estrem” illum il-ġurnata jaffettwa 34 % tal-popolazzjoni; billi r-rata tal-qgħad telgħet għal aktar minn 40 % tal-forza tax-xogħol u sehem dejjem akbar ta' unitajiet domestiċi għandhom diffikultà biex jaċċessaw servizzi bażiċi bħall-ikel, l-ilma u l-kura tas-saħħa; billi l-Bank Dinji, fil-Lebanon Economic Monitor tiegħu ta' Ġunju 2021, irrapporta li l-Libanu għaddej minn dipressjoni ekonomika gravi u mtawla, li x'aktarx tiġi kklassifikata fost l-aktar episodji ħorox ta' kriżi globalment sa minn nofs is-seklu dsatax;

N.

billi l-gwerra fil-pajjiż ġar tas-Sirja ġiegħlet lil ħafna jaħarbu lejn il-Libanu, li ħalla jidħlu fil-pajjiż madwar 1,5 miljun rifuġjat Sirjan, minbarra madwar 15 800 rifuġjat Etjopjan, Iraqi, Sudaniż u ta' oriġini oħra li huma rreġistrati mal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR), u madwar 207 700 rifuġjat Palestinjan; billi, skont il-Programm Dinji tal-Ikel, fl-2021, 22 % taċ-ċittadini Libaniżi, 50 % tar-rifuġjati mis-Sirja u 33 % tar-rifuġjati ta' nazzjonalitajiet oħra jinsabu f'kundizzjoni ta' insigurtà tal-ikel; billi l-Libanu huwa wieħed minn żewġ pajjiżi fil-Lvant Nofsani li jospitaw numri kbar ta' ħaddiema domestiċi migranti rregolati mis-sistema kafala; billi, sa mill-2011, l-UE kkontribwiet EUR 2,4 biljun biex tgħin lir-rifuġjati Sirjani u Palestinjani permezz ta' strumenti varji bħall-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b'Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI);

O.

billi, f'April 2020, il-Gvern Libaniż approva pjan ekonomiku u talab programm tal-FMI abbażi tar-riformi meħtieġa; billi t-taħditiet mal-FMI għadhom għaddejjin; billi, skont il-FMI, il-Libanu jeħtieġ b'mod urġenti li jibda riformi komprensivi biex jirregolarizza l-finanzi pubbliċi, jirristruttura d-dejn pubbliku, jirrestawra s-sistema bankarja, jespandi x-xibka ta' sikurezza soċjali, jirriforma l-intrapriżi tal-Istat u jtejjeb il-governanza; billi l-FMI ddeżinja USD 860 miljun ta' drittijiet speċjali ta' prelevament biex isaħħaħ ir-riżervi mnaqqsa tal-pajjiż u biex jgħin fil-bosta ħtiġijiet urġenti; billi l-Kumitat Finanzjarju tal-Parlament Libaniż irrifjuta l-pjan tal-gvern għal rikapitalizzazzjoni interna li kienet tippermetti li l-flus imfaddla minn 98 % tal-popolazzjoni jiġu ppreservati permezz ta' garanziji fuq l-assi ta' kontijiet bankarji li jkollhom inqas minn USD 500 000 fi tfaddil; billi, quddiem kritika dwar il-pjan ta' rkupru mill-membri parlamentari, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) ippubblika tliet dikjarazzjonijiet b'appoġġ għall-pjan propost mill-gvern; billi l-membri parlamentari li rrifjutaw il-pjan ta' rkupru għandhom interessi personali li jippreservaw l-interessi tal-banek Libaniżi, minħabba r-relazzjonijiet tagħhom bħala azzjonisti ta' dawk il-banek jew ma' azzjonisti ta' tali banek;

P.

billi l-Artikolu 534 tal-Kodiċi Kriminali Libaniż għadu jintuża għall-prosekuzzjoni u l-arrest ta' persuni LGBTI; billi f'xi żoni tal-pajjiż, l-irġiel suspettati b'relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess jiġu arrestati regolarment u jiġu soġġetti għal trattament degradanti fl-għases tal-pulizija;

Q.

billi, fit-30 ta' Ġunju 2021, il-Parlament Libaniż approva liġi ta' kreditu eċċezzjonali ta' USD 556 miljun biex jiffinanzja sistema ta' karti ta' razzjon li se tipprovdi assistenza fi flus kontanti biex jiġu appoġġjati l-familji l-aktar vulnerabbli u din se tissostitwixxi s-sistema attwali ta' sussidji; billi l-implimentazzjoni tal-karti ta' razzjon għandha ssegwi l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni;

R.

billi l-Ftehim Ewro-Mediterranju huwa bbażat fuq ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li tikkostitwixxi element essenzjali tal-ftehim;

S.

billi l-aħħar riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Libanu, ir-Riżoluzzjoni 2591 (2021), adottata unanimament fit-30 ta' Awwissu 2021, testendi l-mandat tal-UNIFIL għal sena oħra u tfakkar fil-ħtieġa ta' waqfien mill-ġlied permanenti f'konformità mal-prinċipji u l-elementi stabbiliti fir-Riżoluzzjoni 1701 (2006);

T.

billi n-newtralità tal-Libanu hija l-muftieħ għall-istabbiltà futura tiegħu; billi Libanu stabbli, b'sovranità sħiħa, magħqud u demokratiku huwa ta' importanza kruċjali għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-iżvilupp paċifiku tal-Lvant Nofsani kollu kemm hu; billi l-gvern li ġie ffurmat dan l-aħħar u l-ministri tiegħu jeħtiġilhom jottjenu indipendenza politika u jirreżistu kwalunkwe ndħil estern minn pajjiżi fil-viċinat tal-Libanu jew aktar 'il bogħod; billi l-indħil estern huwa ta' detriment għall-iżvilupp u l-istabbiltà tal-Libanu; billi l-Hezbollah għadu jikkontrolla l-ministeri ewlenin fil-Gvern Libaniż; billi l-Hezbollah ġie elenkat bħala organizzazzjoni terroristika minn diversi Stati Membri tal-UE; billi l-Hezbollah wera ripetutament il-lealtà ideoloġika qawwija tiegħu lejn l-Iran, li qiegħda tiddestabilizza l-Gvern Libaniż u timmina l-koeżjoni tant meħtieġa tiegħu;

1.

Iqis is-sitwazzjoni attwali fil-Libanu bħala diżastru magħmul mill-bniedem ikkawżat minn għadd żgħir ta' rġiel fil-klassi politika fil-poter; jinnota l-formazzjoni reċenti ta' gvern wara 13-il xahar ta' staġnar politiku; jiddispjaċih għall-fatt li l-kabinett il-ġdid fih mara waħda biss; iħeġġeġ bil-qawwa lill-mexxejja Libaniżi jżommu l-wegħdiet tagħhom u jkunu gvern funzjonali ddedikat għall-missjoni tiegħu, kredibbli u responsabbli, li jwarrab il-firdiet parlamentari u li jkun ħieles minn influwenza barranija; jemmen li l-infurzar tar-responsabbiltà, l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti u l-forniment ta' servizzi pubbliċi bażiċi jridu jegħlbu kwalunkwe kunsiderazzjoni personali fil-klassi politika tal-Libanu; ifakkar li l-elezzjonijiet f'Mejju 2022 ma jridu jiġu posposti bl-ebda mod, minħabba l-istall politiku u n-nuqqas ta' funzjonament dejjem jikber tal-istituzzjonijiet statali, u li jridu josservaw l-istandards demokratiċi internazzjonali tal-libertà, il-ġustizzja u t-trasparenza;

2.

Jistieden lill-awtoritajiet Libaniżi jitolbu li l-VP/RGħ jiskjera missjoni ta' osservazzjoni elettorali, jew inkella, jekk ikun hemm bżonn, missjoni ta' esperti elettorali, xhur qabel l-elezzjonijiet; jistieden lill-Gvern Libaniż jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE tal-2018; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu l-assistenza teknika u finanzjarja kollha biex jippermettu li l-elezzjonijiet isiru fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u jistinkaw biex jiggarantixxu l-ġustizzja u t-trasparenza tal-proċess kollu; iħeġġeġ lill-Gvern Libaniż il-ġdid jipprovdi lill-Kummissjoni Superviżorja għall-Elezzjonijiet il-fondi, il-persunal u t-tagħmir kollha meħtieġa sabiex twettaq bis-sħiħ il-mandat tagħha; jitlob li jkun hemm Task Force Umanitarja Internazzjonali taħt l-awspiċji tan-NU biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-assistenza umanitarja u tissorvelja l-użu tal-fondi; ifakkar li n-Nazzjonijiet Uniti żviluppaw qafas biex jappoġġja lin-nisa bħala kandidati u votanti u għaldaqstant jippromwovi parteċipazzjoni akbar min-nisa fil-proċess politiku u jitlob li dan il-qafas jiġi integrat bis-sħiħ fil-pjanijiet għal riforma elettorali;

3.

Jitlob lill-UE toffri lil-Libanu l-iskjerament ta' missjoni konsultattiva amministrattiva komprensiva tal-UE sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti li jiġi miġġieled it-tkissir aċċelerat tal-amministrazzjoni pubblika u tas-servizzi bażiċi; iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid jimplimenta malajr riformi ekonomiċi u ta' governanza ewlenin li jiżguraw l-irkupru politiku u ekonomiku, inkluża r-regolamentazzjoni kredibbli tas-setturi ekonomiċi ewlenin, bħas-settur tal-elettriku;

4.

Ifakkar li investigazzjoni trasparenti, indipendenti, newtrali u effettiva dwar l-isplużjoni tal-port ta' Bejrut hija prijorità u trid tiġi żgurata; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Libaniżi jirrispettaw il-proċeduri ġudizzjarji u l-indipendenza tal-ġudikatura u jassistu kull sforz li jippermetti li dawk li huma responsabbli għad-deċiżjonijiet li wasslu għall-isplużjoni fil-port ta' Bejrut jiġu investigati kif xieraq u jinżammu responsabbli; jitlob li ssir missjoni internazzjonali indipendenti ta' ġbir ta' informazzjoni fil-Libanu biex tiġi investigata l-isplużjoni ta' Bejrut fi ħdan il-qafas tan-NU; jinsisti li dawk li jinstabu direttament jew indirettament ħatja jridu jinżammu responsabbli għall-ħajjiet mitlufa u l-ħsara li saret lill-poplu Libaniż;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrilaxxaw għajnuna umanitarja addizzjonali, minħabba l-kundizzjonijiet imwiegħra fuq il-post, b'mod partikolari għajnuna alimentari u materjal farmaċewtiku u tal-isptar, u jipprovdu riżorsi tal-enerġija alternattivi (inklużi pannelli solari) lilll-iskejjel u lill-isptarijiet kollha, mgħoddija permezz ta' entitajiet għajr dawk pubbliċi bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi magħrufa sew, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u organizzazzjonijiet ta' ispirazzjoni reliġjuża fil-Libanu li huma kapaċi jwettqu r-riformi; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali jiġu inklużi fit-tfassil, l-ippjanar, il-koordinazzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi ta' għajnuna għal-Libanu; jistieden lill-Kummissjoni ssib mekkaniżmi li b'mod strateġiku u flessibbli japplikaw il-kriterji li jippermettu l-aċċess fil-pront tal-organizzazzjonijiet għall-fondi sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet immedjati, dejjem b'rispett għall-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja u d-dritt umanitarju internazzjonali; jissottolinja l-ħtieġa li jsir monitoraġġ robust tal-għajnuna tal-UE biex jiġi żgurat li din tiġi trasferita direttament lil dawk li jinsabu fil-bżonn; jiddeplora bil-kbir il-livell għoli għall-aħħar ta' ġestjoni ħażina u n-nuqqas ta' sorveljanza finanzjarja fuq il-fondi mogħtija fil-passat;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv mal-Gvern Libaniż il-ġdid fit-twettiq tar-riformi strutturali u settorjali meħtieġa biex tiġi rilaxxata assistenza makrofinanzjarja sinifikanti tal-UE u fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħna, bil-kundizzjoni li jsir progress tanġibbli dwar l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa kif inklużi fit-3RF;

7.

Jistieden lill-awtoritajiet Libaniżi jerġgħu jibdew it-taħditiet mal-FMI malajr kemm jista' jkun sabiex ir-riformi jkunu tanġibbli għan-nies li jinsabu f'diffikultà fil-Libanu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Libaniżi jimplimentaw impenji preċedenti li saru fil-kuntest tal-Konferenza Ekonomika għall-Iżvilupp permezz ta' Riformi mas-Settur Privat (CEDRE) ta' April 2018, bl-appoġġ tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għal-Libanu, u kif maqbul mill-mexxejja politiċi kollha tal-Libanu, li jinvolvu riformi ekonomiċi u ta' governanza sinifikanti u profondi, inklużi r-restawr tal-istabbiltà ekonomika u l-kredibbiltà tas-settur finanzjarju, il-garanzija tal-indipendenza tal-ġudikatura, l-iżgurar tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Libaniżi jipprovdu appoġġ għall-komunitajiet l-aktar vulnerabbli fil-Libanu, inkluż permezz ta' xbieki ta' sikurezza soċjali; jistieden lill-awtoritajiet Libaniżi japprovaw il-baġit tal-2021 u jħejju l-baġit tal-2022, inkluż programm b'saħħtu dwar il-protezzjoni soċjali, li jimplimenta l-Programm ta' Xibka ta' Sikurezza Soċjali ta' Emerġenza u l-Programm Nazzjonali għall-Ġlieda kontra l-Faqar; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Libaniżi jipprevedu linja baġitarja suffiċjenti għall-elezzjonijiet tal-2022;

8.

Jisħaq li, wara r-repressjoni totali tar-reġim ta' Assad kontra r-rewwixta popolari Sirjana fl-2011, il-Libanu laqa' l-ogħla proporzjon fid-dinja ta' rifuġjati Sirjani; jiġbed l-attenzjoni għar-responsabbiltà partikolari tar-reġim Sirjan fil-persistenza ta' din is-sitwazzjoni umanitarja drammatika; ifakkar li, sabiex jinkisbu soluzzjonijiet dejjiema għall-persuni spostati, il-finanzjament u l-programmazzjoni suffiċjenti fit-tul huma kruċjali biex il-persuni spostati internament u r-rifuġjati jingħataw appoġġ lil hinn miċ-ċiklu tal-programm umanitarju; ifakkar fil-vulnerabbiltà tar-rifuġjati Sirjani u Palestinjani fil-Libanu u jisħaq fuq il-ħtieġa li jingħata finanzjament adegwat, prevedibbli u b'diversi livelli lill-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-NU għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) u lil atturi oħra li jaħdmu mar-rifuġjati, sabiex jiġi żgurat il-forniment sħiħ tas-servizzi essenzjali lill-komunitajiet tar-rifuġjati fil-pajjiż; jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogu mal-NGOs u ma' fornituri oħra tas-servizzi li qed jgħinu lir-rifuġjati fil-pajjiż;

9.

Iħeġġeġ lill-Gvern u lill-President il-ġodda tal-Libanu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iżarmaw il-prattiki korrotti, inklużi t-trasferimenti ta' kapital pubbliku u l-evażjoni tat-taxxa, jiżguraw l-indipendenza sħiħa tal-membri futuri tal-Istituzzjoni Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni u jitolbu l-appoġġ tekniku tal-komunità internazzjonali permezz tal-mekkaniżmi tan-NU u l-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Korruzzjoni sabiex jiggarantixxu kemm it-trasparenza kif ukoll ir-responsabbiltà sħiħa lejn il-poplu Libaniż; ifakkar li l-UE, il-Bank Dinji u n-NU talbu b'insistenza l-istabbiliment ta' ġudikatura indipendenti u trasparenti, l-adozzjoni ta' liġi moderna dwar l-akkwist pubbliku u l-adozzjoni ta' strateġija kontra l-korruzzjoni, u jiddenunzja n-nuqqas ta' azzjoni minn gvernijiet Libaniżi suċċessivi tul dawn l-aħħar snin;

10.

Jisħaq fuq ir-responsabbiltà partikolari tal-Hezbollah u ta' fazzjonijiet oħra fir-repressjoni tal-moviment popolari Libaniż fl-2019 u fil-kriżi politika u ekonomika tal-Libanu; jistieden lis-setgħat esterni kollha joqogħdu lura milli jinterferixxu fl-affarijiet interni tal-Libanu u jitlob li s-sovranità u l-indipendenza politika tiegħu jiġu rispettati; iħeġġeġ lill-fazzjonijiet politiċi kollha fil-gvern itemmu s-settarjaniżmu u jimplimentaw riformi vitali għall-persuni kollha li jgħixu fil-Libanu, mingħajr ebda diskriminazzjoni reliġjuża jew etnika;

11.

Jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas kontinwu ta' progress lejn waqfien mill-ġlied permanenti u dispożizzjonijiet ewlenin oħra tar-Riżoluzzjoni 1701 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fid-dawl tat-tensjonijiet l-aktar reċenti u kontinwi tul il-fruntiera tan-Nofsinhar tal-Libanu; jafferma mill-ġdid l-appoġġ qawwi tiegħu għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza politika tal-Libanu, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 2591 (2021) reċenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; ifakkar fil-pożizzjoni tal-UE li r-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1559 (2005) u 1701 (2006) iridu jiġu rispettati bis-sħiħ;

12.

Jistieden lill-komunità internazzjonali tipprovdi l-appoġġ finanzjarju neċessarju biex il-forzi armati u l-forzi tas-sigurtà interna Libaniżi jkunu jistgħu jiżvolġu r-rwol essenzjali tagħhom fil-prevenzjoni ta' kollass ulterjuri tal-istituzzjonijiet statali, il-garanzija tal-għajnuna umanitarja u l-iżgurar tas-sigurtà u l-istabbiltà, filwaqt li jirrispettaw id-dritt għall-protesta u l-libertà tal-espressjoni; itenni li r-responsabbiltà tal-uffiċjali pubbliċi hija essenzjali u jikkundanna kwalunkwe vjolenza kontra d-dimostranti;

13.

Jistieden lis-SEAE jipproponi lista ta' awtoritajiet responsabbli fil-Libanu f'kooperazzjoni mal-Istati Membri; jitlob l-użu ta' sanzjonijiet immirati, skont il-qafas adottat mill-Kunsill fit-30 ta' Lulju 2021, fil-konfront tal-persuni jew l-entitajiet kollha li jissodisfaw il-kriterji ta' dak il-qafas; jisħaq li l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet immirati għall-ostakolar jew l-imminar tal-proċess politiku demokratiku tibqa' għażla li tista' tiġi attivata jekk l-atturi responsabbli fil-Libanu jkomplu jimblukkaw ir-riforma u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE, mingħajr eċċezzjoni, biex jikkooperaw bis-sħiħ mas-sanzjonijiet immirati tal-UE fil-konfront tal-mexxejja korrotti u ta' dawk responsabbli għall-imminar tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u tal-affiljati tagħhom fil-Libanu u biex isaħħu tali sanzjonijiet; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kunsill biex b'mod urġenti jallokaw biżżejjed riżorsi għall-iżvilupp effettiv tal-mekkaniżmu l-ġdid; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lis-sħab tagħhom, bħar-Renju Unit u l-Iżvizzera, jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-allegata miżapproprjazzjoni ta' fondi pubbliċi minn għadd ta' uffiċjali Libaniżi; jissuġġerixxi li l-Istati Membri jibdew proċedimenti legali fil-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali tagħhom kontra s-sidien ta' kapital akkwistat b'mod illeċitu u miżmum fit-territorji tagħhom u jippromwovu sforzi favur ir-restituzzjoni ta' fondi illegali lill-popolazzjoni Libaniża;

14.

Ifakkar li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika Libaniża jipprevedi djalogu politiku bejn il-Parlament u l-Parlament Libaniż il-ġdid abbażi tal-istabbiliment ta' kooperazzjoni politika bejn iż-żewġ istituzzjonijiet, li jista' jservi bħala qafas addizzjonali, jekk jitolbu dan l-awtoritajiet Libaniżi, biex jiġi appoġġjat il-gvern li ġie ffurmat dan l-aħħar u jiġi indirizzat l-istaġnar istituzzjonali;

15.

Ifakkar fl-appoġġ qawwi tiegħu għad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libanu u għall-ħidma tagħhom; jinkoraġġixxi lis-soċjetà ċivili u lis-sħab soċjali u ekonomiċi jiżvolġu r-rwoli rispettivi tagħhom fid-djalogu nazzjonali billi jesprimu l-aspirazzjonijiet tagħhom u jressqu proposti għall-paċi, l-iżvilupp u l-futur tal-pajjiż, u jfaħħar l-inizjattivi tal-komunitajiet lokali u tas-soċjetà ċivili; jinsab imħasseb għall-aħħar dwar iż-żieda fl-emigrazzjoni tal-popolazzjoni Libaniża u l-eżodu ta' mħuħ konsegwenti, li qed jaffettwaw ir-riżorsi umani essenzjali għar-rikostruzzjoni u l-irkupru tal-Libanu u l-ħajja demokratika tiegħu;

16.

Jistieden lil-Libanu jiżgura l-protezzjonijiet meħtieġa kontra x-xogħol furzat, kif minqux fil-liġi nazzjonali dwar ix-xogħol u fl-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-prinċipji fundamentali u d-drittijiet fuq il-post tax-xogħol, u l-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema Domestiċi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) (Nru 189 tal-2011) sabiex jindirizza l-problema ta' sfruttament inerenti għas-sistema kafala;

17.

Itenni l-appoġġ tiegħu għad-determinazzjoni tal-UE li tassisti lil-Libanu fir-ristrutturar ekonomiku tiegħu u fir-rikostruzzjoni tal-infrastruttura tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tirriforma l-fondi fit-tul u tifformula mill-ġdid l-istrateġija u l-pjan ta' rkupru għal-Libanu fil-qafas tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Libanu taħt l-Istrument il-ġdid ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, u tikkunsidra l-finanzjament ta' sħab potenzjali addizzjonali fi ħdan is-soċjetà ċivili, speċjalment sabiex jinstabu soluzzjonijiet urġenti għall-iskarsezza tal-enerġija permezz ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli bħall-pannelli solari;

18.

Jitlob li jitħassar l-Artikolu 534 tal-Kodiċi Kriminali Libaniż u li jintemmu l-forom kollha ta' vjolenza u persekuzzjoni legali u istituzzjonali tal-persuni LGBTI; jitlob l-abolizzjoni ta' liġijiet diskriminatorji oħra bħal dawk li jipprojbixxu lir-rifuġjati Palestinjani milli jgawdu l-istess drittijiet bħal residenti barranin oħra;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-appoġġ tagħhom għall-kampanja ta' vaċċinazzjoni Libaniża, li teħtieġ appoġġ internazzjonali, u jtaffu l-kriżi tas-saħħa fil-Libanu; jitlob appoġġ għas-salarji tal-impjegati tal-isptarijiet u x-xiri ta' oġġetti paramediċi;

20.

Jafferma mill-ġdid is-sħubija b'saħħitha tiegħu mal-Libanu u mal-poplu tiegħu, imsejsa fuq il-valuri komuni tad-demokrazija, il-pluraliżmu, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; itenni l-appoġġ tiegħu għad-determinazzjoni tal-UE li tassisti lil-Libanu fir-ristrutturar ekonomiku tiegħu; jonora lill-vittmi tal-isplużjoni tal-port ta' Bejrut; jafferma mill-ġdid is-solidarjetà u l-appoġġ tiegħu fir-rigward tas-soċjetà ċivili Libaniża, speċjalment il-ġurnalisti u l-informaturi; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu għaddejjin bl-isforzi tagħhom ta' appoġġ għar-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku tal-Libanu u jistabbilixxu koperazzjoni aktar mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż u finanzjament aħjar għal tali organizzazzjonijiet;

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, lill-President tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Libanu.

(1)  ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 69.

(2)  ĠU L 143, 30.5.2006, p. 2.

(3)  ĠU L 337, 21.12.2007, p. 111.

(4)  ĠU L 277 I, 2.8.2021, p. 16.