European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3226

30.12.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3226

tas-16 ta’ Diċembru 2024

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Renju tan-Norveġja għal ftehim li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni tar-Renju tan-Norveġja fil-komponent GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura, u għall-aċċess għas-servizzi governattivi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 189, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4), tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 7(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jipprevedi l-parteċipazzjoni fil-komponent GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni ta’ membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), soġġett għal ftehim li għandu jiġi konkluż f’konformità mal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2021/696 jipprevedi li l-pajjiżi terzi jista’ jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ GOVSATCOM dment li jikkonkludu ftehim f’konformità mal-Artikolu 218 TFUE u jikkonformaw mal-Artikolu 43 ta’ dak ir-Regolament.

(2)

L-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedu l-parteċipazzjoni fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura ta’ membri tal-EFTA li huma membri taż-ŻEE, soġġett għal ftehim li għandu jiġi konkluż f’konformità mal-Artikolu 218 TFUE. L-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2023/588 jipprevedi li l-pajjiżi terzi jista’ jkollhom aċċess għas-servizzi governattivi dment li jikkonkludu ftehim, f’konformità mal-Artikolu 218 TFUE, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-aċċess għas-servizzi governattivi, u jikkonformaw mal-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2021/696.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/698 (3) tistipula r-responsabbilitjiet li għandhom jiġu eżerċitati mill-Kunsill u mir-Rappreżentant Għoli biex tiġi evitata theddida għas-sigurtà tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha jew biex tiġi mitigata ħsara serja għall-interessi essenzjali tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha li tirriżulta mill-iskjerament, l-operazzjoni jew l-użu ta’ sistemi stabbiliti u s-servizzi pprovduti taħt GOVSATCOM, bħala komponent tal-Programm Spazjali tal-Unjoni, jew tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura, jew fil-każ ta’ theddida għall-operazzjoni ta’ kwalunkwe waħda minn dawk is-sistemi jew għall-forniment ta’ dawk is-servizzi.

(4)

Hemm kooperazzjoni fit-tul bejn l-Unjoni u r-Renju tan-Norveġja (“in-Norveġja”) fir-rigward tal-ispazju. In-Norveġja qed tipparteċipa fil-Programm Spazjali tal-Unjoni.

(5)

Il-Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata (4) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2004.

(6)

Jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim man-Norveġja li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni tan-Norveġja fil-komponent GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura, u għall-aċċess għas-servizzi governattivi rispettivi tal-Unjoni u l-Istati Membri u tan-Norveġja,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tiftaħ negozjati għal ftehim mar-Renju tan-Norveġja (“in-Norveġja”) li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni tan-Norveġja fil-komponent GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura, u għall-aċċess għas-servizzi governattivi rispettivi tal-Unjoni u l-Istati Membri u tan-Norveġja.

2.   In-negozjati għandhom jitmexxew abbażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill li jinsabu fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni hija b’dan maħtura bħala n-negozjatur tal-Unjoni.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Ispazju, li huwa b’dan maħtur bħala l-kumitat speċjali previst fl-Artikolu 218(4) TFUE, u f’konformità mad-direttivi li jinsabu fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni, soġġett għal kwalunkwe direttiva li l-Kunsill jista’ sussegwentement jagħti lill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

LANTOS C.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/696/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027 (ĠU L 79, 17.3.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/588/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/698 tat-30 ta’ April 2021 dwar is-sigurtà tas-sistemi u s-servizzi skjerati, operati u użati taħt il-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/496/PESK; (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 178, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/698/oj).

(4)   ĠU L 362, 9.12.2004, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2004/843/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3226/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)