6.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 36/20


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Frar 2014

dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għall-prodotti bil-lejżer għall-konsumaturi skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2014/59/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Il-prodotti koperti mid-Direttiva 2001/95/KE li jikkonformaw mal-istandards nazzjonali li jittrasponu standards Ewropej imfassla skont dik id-Direttiva, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ sikurezza safejn huma kkonċernati r-riskji koperti mill-istandards.

(2)

L-istandards Ewropej għandhom jitfasslu abbażi tar-rekwiżiti tas-sikurezza maħsuba biex jiżguraw li l-prodotti li jikkonformaw mal-istandards jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali tas-sikurezza stipulati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/95/KE.

(3)

Il-prodotti bil-lejżer, b’mod partikolari l-pojnters tal-lejżer tal-idejn li jaħdmu bil-batteriji, li jippreżentaw riskju ta’ ħsara għall-vista u l-ġilda, saru faċilment disponibbli għall-konsumaturi.

(4)

L-istandard Ewropew attwali għall-prodotti bil-lejżer (EN 60825-1:2007 “Is-sikurezza ta’ prodotti bil-lejżer – Parti 1: Il-klassifikazzjoni ta’ tagħmir u r-rekwiżiti”) jistipula li l-periklu tal-prodotti bil-lejżer għandu jiġi vvalutat u li l-prodotti bil-lejżer għandu jkollhom tikketti ta’ twissija adegwati u magħhom għandhom jingħataw struzzjonijiet għall-utent li jinkludu l-informazzjoni kollha rilevanti dwar is-sikurezza. Madankollu, il-konformità ma’ dak l-istandard ma tiżgurax li prodott bil-lejżer ikun sikur għall-użu mill-konsumaturi.

(5)

Attwalment, hemm kunsens wiesa’ li l-prodotti bil-lejżer li jikkorrispondu għall-klassijiet 1, 1M, 2 u 2M tal-klassifikazzjoni stabbiliti mill-istandard imsemmi fil-premessa (4) jistgħu jitqiesu sikuri meta jintużaw mill-konsumaturi (dejjem jekk l-esponiment għar-radjazzjoni bil-lejżer ma jsirx bi strumenti ottiċi fil-każ ta’ prodotti li jikkorrispondu għall-klassijiet 1M u 2M). Madankollu, dan mhuwiex il-każ ta’ prodotti bil-lejżer ta’ klassijiet oħra tal-lejżer.

(6)

L-istandards Ewropej għandhom jitfasslu b’tali mod li ma jfixklux l-innovazzjoni teknika. Għal din ir-raġuni, kwalunkwe standard għall-prodotti bil-lejżer għall-konsumaturi ma għandux jipprojbixxi kompletament il-prodotti kollha sakemm dawn il-prodotti jistgħu jintużaw b’mod sikur, u billi wieħed iżomm f’moħħu li kwalunkwe ħsara lill-għajnejn jew ħsara mhux intenzjonata lill-ġilda, sew jekk riversibbli jew le, mhijiex kompatibbli ma’ livell għoli ta’ saħħa tal-konsumaturi u ta’ ħarsien tas-sikurezza.

(7)

Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġu ddeterminati r-rekwiżiti tas-sikurezza għall-prodotti bil-lejżer għall-konsumaturi biex tkun tista’ titressaq talba lill-entitajiet Ewropej ta’ standardizzazzjoni sabiex jiġi żviluppat standard Ewropew ġdid jew biex jiġi emendat l-istandard Ewropew attwali.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

(1)

“prodott bil-lejżer għall-konsumatur” tfisser kull prodott, jew ġabra ta’ komponenti, li:

(a)

huwa maħsub għall-konsumaturi, jew li x’aktarx se jintuża mill-konsumaturi f’kundizzjonijiet li jistgħu jitbassru b’mod raġonevoli anki jekk mhux maħsub għalihom; u

(b)

jikkostitwixxi jew jinkorpora lejżer jew sistema ta’ lejżer u matul it-tħaddim tiegħu jippermetti aċċess għar-radjazzjoni bil-lejżer;

(2)

“prodott bil-lejżer għall-konsumaturi li jattira t-tfal” tfisser prodott bil-lejżer għall-konsumatur li:

(a)

jixbah, permezz tal-forma jew tad-disinn tiegħu, xi ħaġa li normalment tattira lit-tfal, jew li hija maħsuba għall-użu tagħhom; jew

(b)

għandu xi karatteristika oħra, mhux meħtieġa għat-tħaddim tal-prodott, li aktarx tattira lit-tfal;

(3)

“ħsara lill-għajnejn jew lill-ġilda” tfisser kull effett tar-radjazzjoni bil-lejżer li hu ta’ ħsara għall-istruttura jew għall-funzjoni tal-għajnejn jew tal-ġilda, sew jekk il-ħsara tkun riversibbli kif ukoll jekk le.

Artikolu 2

Ir-rekwiżiti tas-sikurezza

Ir-rekwiżiti tas-sikurezza li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għall-prodotti bil-lejżer għall-konsumaturi skont id-Direttiva 2001/95/KE għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(1)

il-prodotti bil-lejżer għall-konsumaturi li jattiraw it-tfal ma għandhomx jikkawżaw ħsara lill-għajnejn jew lill-ġilda f’każ ta’ esponiment għar-radjazzjoni bil-lejżer li jista’ jseħħ skont kull kundizzjoni tal-użu, inkluż esponiment intenzjonat fit-tul minn strumenti ottiċi;

(2)

il-prodotti bil-lejżer l-oħrajn kollha tal-konsumaturi ma għandhomx jikkawżaw ħsara lill-għajnejn jew ħsara mhux intenzjonata lill-ġilda f’każ ta’ esponiment għar-radjazzjoni bil-lejżer li tista’ sseħħ f’kundizzjonijiet tal-użu normali jew f’kundizzjonijiet tal-użu li jistgħu jitbassru b’mod raġonevoli, inkluż esponiment momentarju aċċidentali jew mhux intenzjonat; kwalunkwe ħsara intenzjonata lill-ġilda kkawżata minn prodotti bil-lejżer għall-konsumaturi għandha tkun kompatibbli ma’ livell għoli ta’ saħħa tal-konsumaturi u ta’ ħarsien tas-sikurezza.

(3)

il-konformità mal-punti 1 u 2 għandha tinkiseb permezz ta’ mezzi tekniċi;

(4)

f’każ ta’ prodotti li jikkonformaw mal-punt 2, jekk l-esponiment għar-radjazzjoni bil-lejżer li tikkawża ħsara lill-għajnejn jew lill-ġilda jkun jista’ jseħħ f’kundizzjonijiet tal-użu barra minn dawk imsemmija fil-punt 2, dawk il-prodotti għandu jkollhom tikketti ta’ twissija adegwati u magħhom għandhom jingħataw struzzjonijiet għall-utent li jinkludu l-informazzjoni rilevanti kollha dwar is-sikurezza.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.