KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fit‑13 ta’ Marzu 2025 ( 1 )

Kawża C‑653/23

SIA „TOODE”

vs

Valsts ieņēmumu dienests

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Skema ta’ għajnuna nazzjonali approvata mill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li ssostni l-ekonomija fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 – Rifjut mill-awtorità kompetenti li tagħti għajnuna lil impriża li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti minn din l-iskema – Azzjoni intiża sabiex qorti nazzjonali tordna l-għoti ta’ din l-għajnuna – Skadenza matul il-proċedura ġudizzjarja tat-terminu stabbilit għall-għoti tal-imsemmija għajnuna – Determinazzjoni tad-data li fiha l-għajnuna titqies li ngħatat – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 1 – Għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida”

I. Introduzzjoni

1.

Impriża Latvjana ġiet irrifjutata mill-awtorità tat-taxxa għajnuna mill-Istat, intiża li ssostni l-ekonomija fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, għar-raġuni li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali sabiex tibbenefika minnha. Din tal-aħħar ippreżentat azzjoni quddiem qorti nazzjonali intiża li jiġi kkonstatat li hija kienet tabilħaqq tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet u li l-awtorità tat-taxxa tiġi ordnata tadotta att amministrattiv favorevoli fil-konfront tagħha. Madankollu, il-perijodu ta’ validità tal-iskema ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni Ewropea skada matul il-proċedura ġudizzjarja nazzjonali. Din l-impriża tista’ tibbenefika mill-għajnuna inkwistjoni fil-każ li r-rifjut inizjali tal-awtorità tat-taxxa li tagħti din l-għajnuna jiġi annullat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-għoti tagħha? Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja).

2.

Din il-kawża ser twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, minn naħa, dwar id-determinazzjoni tad-data li fiha għajnuna mill-Istat titqies li ngħatat skont l-Artikolu 107(1) TFUE, u, min-naħa l-oħra, dwar in-natura eżistenti jew ġdida tal-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2015/1589 ( 2 ), fil-kuntest partikolari fejn qorti nazzjonali tirrikonoxxi l-benefiċċju ta’ għajnuna wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-għoti tagħha, kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u approvat mill-Kummissjoni, u tordna lill-awtorità kompetenti tagħti l-għajnuna mitluba.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament 2015/1589

3.

L-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/1589, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b) ‘għajnuna eżistenti’ tfisser:

[…]

(ii)

għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

[…]

(c)

‘għajnuna ġdida’ tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti;

[…]”

2. Il-Komunikazzjoni dwar il-Qafas Temporanju

4.

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID‑19” (ĠU 2020, C 91 I, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-Qafas Temporanju”), tal‑20 ta’ Marzu 2020, ġiet emendata diversi drabi. Din il-komunikazzjoni tinkludi Taqsima 3.1, intitolata “[Ammonti ta’ għajnuna limitati]”, li l-punti 21 u 22 tagħha, fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mis-sitt emenda tagħha tal‑24 ta’ Novembru 2021 (ĠU 2021, C 473, p. 1), kienu fformulati kif ġej:

“21.

Lil hinn mill-possibbiltajiet [eżistenti] li jaqgħu taħt l-Artikolu 107(3)(c) tat‑TFUE, l-għoti ta’ ammonti limitati ta’ għajnuna fuq bażi temporanja lill-impriżi li jsibu ruħhom jiffaċċjaw nuqqas ta’ likwidità ħabta u sabta jew saħansitra nixfa totali ta’ likwidità jista’ joffri soluzzjoni xierqa, meħtieġa u mmirata matul iċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa.

22.

Il‑Kummissjoni se tikkunsidra tali għajnuna mill-Istat bħala kumpatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat‑TFUE, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin […]:

[…]

d. l-għajnuna tingħata mhux aktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2022;

[…]”

B.   Id-dritt Latvjan

1. Il-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva

5.

L-Artikolu 250(2) tal-Administratīvā procesa likums (il-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva), tal‑25 ta’ Ottubru 2001 ( 3 ), fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Fl-evalwazzjoni tal-legalità ta’ att amministrattiv, il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tagħha biss ir-raġunament li jinsab fl-att amministrattiv. Din il-limitazzjoni ma għandhiex tapplika għall-każijiet li fihom it-talba tirrigwarda l-adozzjoni ta’ att amministrattiv favorevoli.”

6.

L-Artikolu 254(1) ta’ din il-liġi jistabbilixxi:

“Meta l-qorti tqis li t-talba għal att amministrattiv hija fondata, hija għandha tordna lill-awtorità pubblika toħroġ l-att amministrattiv ikkonċernat.”

2. Ir-Regoli Latvjani dwar l-Għajnuna

7.

Id-Digriet Nru 676 tal-Kunsill tal-Ministri, tal‑10 ta’ Novembru 2020 ( 4 ), stabbilixxa n-“Noteikumi par atbalstu Covid-19 krīzes skartajiem uzņēmumiem apgrozāmo līdzekļu plūsmas nodrošināšanai” (ir-Regoli dwar Għajnuna Intiża li Tiżgura l-Kapital Operatorju tal-Impriżi Milquta mill-Kriżi tal-COVID‑19, iktar ’il quddiem ir-“Regoli Latvjani dwar l-Għajnuna”). Din l-iskema ta’ għajnuna, li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Novembru 2020, ġiet stabbilita skont ir-rekwiżiti li jinsabu fit-Taqsima 3.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-Qafas Temporanju u ġiet approvata mill-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni SA.59592 (2020/N) tas‑16 ta’ Diċembru 2022, għal perijodu sat‑30 ta’ Novembru 2021, li sussegwentement ġie estiż sat‑30 ta’ Ġunju 2022 ( 5 ).

8.

Il-punt 23 tar-Regoli Latvjani dwar l-Għajnuna, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, kien jistabbilixxi:

“Id-data tal-għoti tal-għajnuna għandha titqies li hija d-data li fiha [l-Awtorità tat-Taxxa] tadotta d-deċiżjoni ta’ għoti tal-għajnuna.”

9.

Il-punt 24 ta’ dawn ir-regoli kien jipprovdi:

“Id-deċiżjoni għandha tiġi adottata mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2022 konformement mal-[Komunikazzjoni dwar] il-Qafas Temporanju.”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.

Fil‑25 ta’ Marzu u fid‑9 ta’ April 2021, SIA „TOODE” (iktar ’il quddiem “TOODE”), impriża Latvjana, talbet lill-Valsts ieņēmumu dienests (l-Awtorità tat-Taxxa Nazzjonali, il-Latvja, iktar ’il quddiem il-“VID” jew l-“Awtorità tat-Taxxa”) li tibbenefika, għax-xhur ta’ Jannar u ta’ Frar 2021, mill-iskema nazzjonali ta’ għajnuna intiża li tiżgura l-kapital operatorju tal-impriżi milquta mill-kriżi tal-COVID-19 (iktar ’il quddiem l-“iskema nazzjonali ta’ għajnuna”).

11.

Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑23 ta’ April u tas‑7 ta’ Ġunju 2021, u sussegwentement tad‑9 ta’ Ġunju u tat‑23 ta’ Lulju 2021, il-VID irrifjutat li tagħti l-għajnuna mitluba lil TOODE għar-raġuni li din l-impriża ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mir-Regoli Latvjani dwar l-Għajnuna. F’dan ir-rigward, il-VID qieset b’mod partikolari li d-dħul mill-bejgħ magħmul mill-imsemmija impriża matul ix-xhur ta’ Jannar u ta’ Frar 2021 ma kienx naqas b’mod suffiċjenti sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u sabiex wieħed għaldaqstant jibbenefika minn din l-għajnuna.

12.

TOODE ressqet azzjoni quddiem l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja) fejn sostniet b’mod partikolari li l-VID ma kellha ebda raġuni li tieħu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ tagħha l-valur totali tat-tranżazzjonijiet indikati fid-dikjarazzjoni dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) magħmula għas-sena fiskali kkonċernata. Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ April 2022, dik il-qorti ċaħdet din l-azzjoni għar-raġuni li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna ma kinux issodisfatti f’dan il-każ.

13.

Fid‑29 ta’ Ġunju 2022, TOODE appellat minn din is-sentenza quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali), il-qorti tar-rinviju. Dan l-appell ifittex li jikseb att amministrattiv favorevoli skont l-Artikolu 254(1) tal-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva.

14.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-iskema nazzjonali ta’ għajnuna ġiet approvata mill-Kummissjoni u għandha titqies li hija kompatibbli mas-suq intern sakemm, b’mod partikolari, l-għajnuna tkun ingħatat, skont il-punt 22(d) tal-Komunikazzjoni dwar il-Qafas Temporanju u l-punt 24 tar-Regoli Latvjani dwar l-Għajnuna, mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2022. Hija ssostni wkoll li, f’dan il-każ, dan it-terminu skada matul il-proċedura mibdija quddiemha. Din tal-aħħar tqis li għandha tevalwa, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jekk TOODE għadhiex tista’ tibbenefika mill-għajnuna mitluba. Għal dan il-għan, hija għandha tiddetermina d-data li fiha din l-għajnuna titqies li ġiet “mogħtija” skont l-Artikolu 107(1) TFUE, u jekk l-imsemmija għajnuna tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat eżistenti jew ġdida fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/1589.

15.

Qabelxejn, f’dak li jirrigwarda d-data li fiha l-għajnuna titqies li ngħatat, dik il-qorti tqis li dritt ċert u inkundizzjonat li tiġi rċevuta l-għajnuna fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 6 ) jista’, bħala prinċipju, jinħoloq biss wara deċiżjoni ġudizzjarja, jiġifieri meta l-qorti nazzjonali tikkonstata li r-rikorrenti ssodisfat il-kundizzjonijiet kollha previsti mid-dritt nazzjonali sabiex tibbenefika mill-għajnuna inkwistjoni u li r-rifjut tal-awtorità kompetenti li tagħti l-għajnuna huwa illegali u infondat. Barra minn hekk, sa fejn ir-relazzjoni ġuridika hija ineżistenti, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ma tistax tagħti lok għal adozzjoni retroattiva (ex tunc) ta’ att amministrattiv favorevoli, peress li l-qorti nazzjonali tista’ biss tordna lill-awtorità kompetenti tadotta att amministrattiv xieraq li jagħti l-għajnuna ex nunc.

16.

Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija qorti speċifikat li TOODE kienet tabilħaqq tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali sabiex tibbenefika mill-għajnuna fil-mument meta din tal-aħħar ressqet it-talba tagħha, b’mod li r-rifjut tal-VID jidher li kien illegali u infondat. Għaldaqstant, l-istess qorti tistaqsi jekk, fil-każ li hija tordna lill-VID tadotta att amministrattiv favorevoli kif ukoll tagħti u tħallas l-ammont tal-għajnuna mitluba, għandux jitqies li d-data li fiha ngħatat din l-għajnuna tikkorrispondi għal dik li fiha din l-amministrazzjoni rrifjutat b’mod inġustifikat li tagħtihielha.

17.

Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda n-natura eżistenti jew ġdida tal-għajnuna, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha għajnuna mogħtija mill-awtorità kompetenti lil persuna wara l-iskadenza ta’ skema ta’ għajnuna approvata għandha titqies li hija għajnuna ġdida ( 7 ), tistax tiġi trasposta għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-Awtorità tat-Taxxa tkun indebitament irrifjutat li tagħti l-għajnuna mitluba meta l-iskema ta’ għajnuna kienet għadha fis-seħħ u fejn din l-amministrazzjoni sussegwentement tiġi ordnata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tagħti u li tħallas l-ammont tal-għajnuna wara l-iskadenza ta’ din l-iskema.

18.

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-opinjoni mogħtija mill-Kummissjoni, fil‑11 ta’ Settembru 2023, bi tweġiba għall-mistoqsijiet li kienu tqajmu minn qorti Latvjana oħra ( 8 ). F’din l-opinjoni, din l-istituzzjoni indikat li, skont il-punt 23 tar-Regoli Latvjani dwar l-Għajnuna, l-għoti tal-għajnuna jseħħ fil-mument li fih l-Awtorità tat-Taxxa tadotta d-deċiżjoni li tagħti jew li tirrifjuta l-għajnuna. Barra minn hekk, hija speċifikat li l-għoti ta’ għajnuna wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għal dan il-għan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u li l-qrati nazzjonali għandhom jipprekludu l-ħlas tal-għajnuna lill-benefiċjarju tagħha. Dejjem skont l-imsemmija opinjoni, wara li jkun għadda dan it-terminu, il-qrati nazzjonali ma jistgħux jagħtu kumpens, minflok l-għajnuna, għad-dannu mġarrab minn din il-persuna minħabba l-assenza ta’ ħlas tal-għajnuna.

19.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li għajnuna mill-Istat għandha tiġi kkunsidrata bħala ‘mogħtija’ fil-mument meta l-awtorità pubblika kompetenti mingħajr ebda bażi ċaħdet li tiddikjara d-dritt ta’ individwu li jirċievi l-għajnuna mill-Istat, jekk dan jiġi kkonstatat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja meħuda wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-għoti tal-għajnuna?

2)

L-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament [2015/1589] għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi għajnuna eżistenti għajnuna li, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni li tirrikonoxxi d-dritt għall-għoti tal-għajnuna, adottata mill-awtorità pubblika kompetenti fit-terminu għall-għoti tal-għajnuna, tingħata lil individwu, wara l-iskadenza tat-terminu għall-għoti tal-għajnuna previst mill-iskema ta’ għajnuna, b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tiddikjara li, fit-terminu għall-għoti tal-għajnuna previst mill-iskema ta’ għajnuna, l-individwu kien jissoddisfa r-rekwiżiti kollha previsti mid-dritt nazzjonali sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-għajnuna inkwistjoni u li r-rifjut tal-awtorità pubblika kompetenti li tagħti l-għajnuna kien illegali?”

20.

TOODE, il-Gvern Latvjan u l-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet ippreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fil‑11 ta’ Diċembru 2024.

IV. Analiżi

A.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

21.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li għajnuna mill-Istat għandha titqies li ġiet “mogħtija”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ex tunc, jiġifieri fil-mument meta l-awtorità kompetenti tkun indebitament irrifjutat lil individwu d-dritt għall-benefiċċju ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni, meta l-illegalità ta’ dan ir-rifjut tkun ikkonstatata minn deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit minn din l-istituzzjoni għall-għoti tagħha.

22.

Għar-raġunijiet li ser nesponi fil-punti li ġejjin, jidhirli li din id-domanda għandha tingħata risposta affermattiva.

23.

Fil-fatt, infakkar, qabelxejn, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għajnuna mill-Istat għandha titqies li tkun ġiet “mogħtija”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fid-data li fiha jingħata lill-benefiċjarju dritt ċert li jirċievi din l-għajnuna skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ( 9 ), b’mod li t-trasferiment effettiv tar-riżorsi inkwistjoni ma huwiex deċiżiv ( 10 ).

24.

Għalhekk, bħala prinċipju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli, il-mument li fih l-għajnuna mill-Istat ikkonċernata għandha titqies li ngħatat. Għal dan il-għan, dik il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet kollha imposti mid-dritt nazzjonali għall-għoti tal-għajnuna inkwistjoni ( 11 ).

25.

Nirrileva, f’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, li, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Latvjan applikabbli f’dan il-każ u, b’mod partikolari, il-punt 23 tar-Regoli Latvjani dwar l-Għajnuna, l-għajnuna titqies li ngħatat fid-data li fiha l-Awtorità tat-Taxxa tadotta d-deċiżjoni ta’ għoti tal-għajnuna. F’dan il-każ, ir-rifjut li tingħata l-għajnuna mitluba seħħ qabel id-data ta’ skadenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022 prevista fil-punt 22(d) tal-Komunikazzjoni dwar il-Qafas Temporanju ( 12 ).

26.

Il-qorti tar-rinviju madankollu tqis li TOODE ma setgħetx tikseb, bis-saħħa tad-deċiżjonijiet ta’ rifjut adottati mill-VID, dritt ċert li tirċievi l-għajnuna skont id-dritt nazzjonali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis li tali dritt jista’ jinħoloq biss wara deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata li, kuntrarjament għall-motivi adottati minn dawn id-deċiżjonijiet ta’ rifjut, impriża kienet tissodisfa, fid-data li fiha talbet l-għajnuna, il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mid-dritt nazzjonali sabiex tkun tista’ tibbenefika minn din l-għajnuna u li tordna lill-awtorità kompetenti tadotta, għall-futur (ex nunc), att amministrattiv favorevoli li abbażi tiegħu l-ammont tal-għajnuna jingħatalha u jitħallas lilha debitament ( 13 ).

27.

Madankollu, fil-każ li d-data li fiha l-għajnuna titqies li ngħatat skont id-dritt nazzjonali tikkorrispondi għal dik tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja jew tal-att amministrattiv favorevoli adottat b’eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-azzjoni mressqa minn TOODE kontra d-deċiżjonijiet tal-VID tirriskja, kif isostni l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li titlef is-sustanza tagħha. Fil-fatt, fid-dawl tal-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-għoti tal-għajnuna, skont il-punt 22(d) tal-Komunikazzjoni dwar il-Qafas Temporanju u l-punt 24 tar-Regoli Latvjani dwar l-Għajnuna kif approvat mill-Kummissjoni, l-awtorità kompetenti, kif sostnew l-Awtorità tat-Taxxa quddiem il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Latvjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, tista’ ssib ruħha fl-impossibbiltà li tadotta tali att amministrattiv ta’ rettifika b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-għoti tal-għajnuna, b’mod li d-deċiżjoni ġudizzjarja tiċċaħħad mill-effett tagħha.

28.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, kieku kellu jitqies li l-għajnuna ngħatat wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-għoti tagħha, TOODE tirriskja, għall-istess raġunijiet bħal dawk li jipprekludu l-adozzjoni ta’ att ta’ rettifika mill-Awtorità tat-Taxxa b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija wara dan it-terminu, li ma tkunx tista’ tagħmel użu mill-possibbiltà li teżisti fid-dritt Latvjan li tippreżenta azzjoni għad-danni kontra l-Awtorità tat-Taxxa jew l-Istat Latvjan, peress li tali azzjoni tirriskja li tmur kontra l-projbizzjoni li jingħata kumpens, minflok l-għajnuna, għad-dannu mġarrab minn din l-impriża minħabba l-assenza ta’ għoti tal-għajnuna ( 14 ).

29.

Qabel ma ngħaddi għall-analiżi tas-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, jidhirli li huwa importanti li nagħmel xi kjarifiki dwar il-kunċett tad-dritt li wieħed jirċievi għajnuna mill-Istat li jikkostitwixxi l-element determinanti sabiex jiġi stabbilit il-mument li fih għajnuna għandha titqies li ngħatat fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 23 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

30.

Jidhirli li huwa neċessarju li jiġi speċifikat li l-“kundizzjonijiet […] imposti mid-dritt nazzjonali għall-għoti tal-għajnuna inkwistjoni”, imsemmija minn din il-ġurisprudenza, jistgħu jkunu biss il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva ( 15 ), li, fil-każ ta’ tilwim, huma fl-aħħar mill-aħħar il-qrati nazzjonali li jkollhom ġurisdizzjoni li għandhom jevalwaw. Għaldaqstant, għandha tiġi stabbilita distinzjoni bejn, minn naħa, il-mument li fih il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna skont id-dritt nazzjonali jkunu oġġettivament issodisfatti, li jista’ f’ċerti każijiet ikun suġġett għall-kundizzjoni tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni min-naħa tal-amministrazzjoni li tikkonstata d-dritt ta’ impriża li tirċievi l-għajnuna inkwistjoni b’mod li d-data tal-għoti tal-għajnuna tikkorrispondi għad-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, id-data li fiha qorti nazzjonali adita b’azzjoni ġudizzjarja mressqa kontra tali deċiżjoni tintalab tistħarreġ l-evalwazzjoni mwettqa mill-amministrazzjoni dwar l-okkorrenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punti 23 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tfittex qabelxejn li tistabbilixxi l-mument li fih ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-kisba tal-għajnuna skont id-dritt nazzjonali u mhux li tkopri l-mument li fih qorti nazzjonali adita b’azzjoni li tirrigwarda l-validità tal-evalwazzjoni tal-amministrazzjoni twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju u tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti. Fil-fatt, ir-rikonoxximent permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ta’ dritt eżistenti skont id-dritt nazzjonali ma jaffettwax il-mument li fih kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna u l-amministrazzjoni kompetenti adottat jew messha adottat, jekk ikun il-każ, deċiżjoni li tagħti l-għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, tali deċiżjoni tkun ta’ natura sempliċement dikjarattiva u mhux kostituttiva. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għalkemm il-qorti nazzjonali tista’ tagħti sentenza li minnha jirriżulta li waħda mill-partijiet għandha, skont id-dritt nazzjonali, tirċievi somma li tikkorrispondi għal għajnuna mill-Istat, dan bl-ebda mod ma jfisser li, f’dan il-każ, hija stess tagħti din l-għajnuna. Tali sentenza għandha biss l-effett, bis-saħħa tal-awtorità ta’ res judicata, li ġġiegħel lill-parti l-oħra, ġeneralment l-awtorità amministrattiva kompetenti, tipproċedi għall-ħlas tal-imsemmija għajnuna ( 16 ).

31.

Jekk jirriżulta li l-unika interpretazzjoni possibbli tad-dritt Latvjan hija dik deskritta fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif jidher li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, mingħajr ma jkun possibbli li jitqies li d-data li fiha l-għajnuna titqies li ngħatat hija dik li fiha din l-għajnuna ġiet irrifjutata indebitament mill-Awtorità tat-Taxxa ( 17 ), ħaġa li timplika r-rikonoxximent ta’ effett ex tunc tad-deċiżjoni amministrattiva ta’ rettifika adottata wara deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għall-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, tali interpretazzjoni tista’ tikser id-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

32.

Qabel ma jiġi eżaminat jekk l-interpretazzjoni adottata mill-qorti tar-rinviju tistax tikser l-Artikolu 47 tal-Karta, jidher li huwa neċessarju li qabelxejn jiġi vverifikat li s-sitwazzjoni esposta fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet tabilħaqq taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta.

33.

F’dan ir-rigward, infakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar huma intiżi għall-Istati Membri biss meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Meta sitwazzjoni legali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, waħedhom, jistabbilixxu din il-ġurisdizzjoni ( 18 ). Fil-fatt, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, prevista fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha tevalwa l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jew li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni tagħhom li tagħti l-qorti nazzjonali hijiex korretta ( 19 ).

34.

Nirrileva wkoll li, f’sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta, għalkemm, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jidentifika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet intiżi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet individwali misluta mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom madankollu r-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ dawn id-drittijiet kif iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta ( 20 ).

35.

Nosserva, qabelxejn, li l-fatt imsemmi mill-Kummissjoni, li d-dritt li wieħed jibbenefika minn għajnuna mill-Istat jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali, ma jistax jeskludi dan il-każ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 21 ). Għalkemm, fil-fatt, id-dritt li wieħed jirċievi l-għajnuna inkwistjoni huwa mogħti mid-dritt nazzjonali u ma jistax ikun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni jew fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 22 ), jibqa’ l-fatt li f’din il-kawża t-tilwima ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, iżda tikkonċerna l-effettività tal-azzjoni ġudizzjarja mressqa minn TOODE kontra d-deċiżjoni inizjali ta’ rifjut adottata mill-VID u l-possibbiltà għal din l-awtorità li tadotta att ta’ rettifika b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja barra mit-terminu għall-awtorizzazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat approvata mill-Kummissjoni u tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnha skont l-Artikolu 108(3) TFUE u l-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/1589.

36.

Kif spjegajt fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jekk jitqies li d-data li fiha ngħatat l-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tikkorrispondi, skont id-dritt nazzjonali, għal dik tal-adozzjoni tal-att amministrattiv favorevoli adottat b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-għoti tagħha, din l-għajnuna tirriskja li tiġi assimilata ma’ għajnuna ġdida u illegali, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/1589, u ma tkunx tista’ tingħata mill-Awtorità tat-Taxxa b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja, mingħajr ma jinkiser l-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.

37.

Issa, sitwazzjoni bħal dik esposta fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet mhux biss taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, iżda tista’ wkoll tikser id-dritt għal rimedju effettiv ta’ TOODE fis-sens tal-Artikolu 47 ta’ din tal-aħħar.

38.

Jidhirli li huwa opportun li nfakkar, sabiex jiġi eskluż kull riskju ta’ konfużjoni, id-differenza li teżisti bejn, minn naħa, il-perijodu ta’ awtorizzazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat (li, f’dan il-każ, huwa assoċjat mat-terminu u mad-data tal-għoti ta’ għajnuna), u, min-naħa l-oħra, id-data li fiha qorti nazzjonali tagħti deċiżjoni ġudizzjarja. Fil-fatt, il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali sabiex taqta’ t-tilwima li biha tkun adita u l-effetti tad-deċiżjoni li hija ser tagħti ma jistgħux jiddependu minn u wisq inqas jistgħu jkunu suġġetti għall-qafas temporali marbut ma’ proċedura amministrattiva li, min-natura tagħha stess, tfittex li tilħaq għan differenti u li ma għandu ebda rabta ma’ proċedura ġudizzjarja (nazzjonali).

39.

Jekk ma jiġix irrikonoxxut effett ex tunc ta’ deċiżjoni ta’ rettifika adottata wara deċiżjoni ġudizzjarja, dan iwassal, fil-prattika, sabiex jiġi reż kważi impossibbli l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, billi l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jiġi ssuġġettat għall-kundizzjoni li d-deċiżjoni ġudizzjarja tingħata qabel l-iskadenza tat-terminu impost minn proċedura amministrattiva. Madankollu, dan jirriskja li jwassal għas-sitwazzjoni paradossali li l-mument tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni u l-klassifikazzjoni bħala għajnuna eżistenti jew ġdida ta’ deċiżjoni ta’ rettifika adottata mill-awtorità kompetenti, wara d-deċiżjoni ġudizzjarja jkunu jiddependu mill-ħeffa iktar jew inqas kbira li biha l-qorti nazzjonali tiddeċiedi dwar azzjoni mressqa kontra deċiżjoni amministrattiva ( 23 ).

40.

Barra minn hekk, jidhirli li jkun utli li nispeċifika li, f’oqsma differenti minn dak tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-possibbiltà għal qorti nazzjonali li tannulla b’effett retroattiv (ex tunc) deċiżjoni meħuda minn awtorità pubblika jekk hija tiddeċiedi li dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-impriża li ressqet l-azzjoni jew li tiġi ggarantita, b’mod ġenerali, l-effettività tas-sistema ta’ stħarriġ ( 24 ).

41.

Fid-dawl tal-premess, nipproponi li għall-ewwel domanda preliminari tingħata r-risposta li l-Artikolu 107(1) TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li għajnuna mill-Istat għandha titqies li ġiet “mogħtija” fid-data li fiha l-awtorità nazzjonali kompetenti rrifjutat li tagħtiha lil impriża, meta dan ir-rifjut ikun ġie ddikjarat illegali permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali mogħtija wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-għoti tal-għajnuna, sakemm dan ir-rifjut ikun seħħ qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti għall-għoti tagħha u f’data li fiha l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni li tkopri din l-għajnuna kienet fis-seħħ u sakemm l-impriża kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tirċievi l-għajnuna skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

B.   Fuq it-tieni domanda preliminari

42.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589 għandux jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi għajnuna eżistenti għajnuna mill-Istat mogħtija lil impriża wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni għall-għoti tagħha, b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li tiddikjara illegali r-rifjut tal-awtorità kompetenti li tagħti l-għajnuna qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

43.

Infakkar li, fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, stabbilita mill-Artikoli 107 u 108 TFUE, il-proċedura tvarja skont jekk l-għajnuna tkunx eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-għajnuna eżistenti tista’, konformement mal-Artikolu 108(1) TFUE, tiġi implimentata b’mod regolari sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq intern, l-Artikolu 108(3) TFUE jipprovdi li l-proġetti intiżi sabiex tiġi stabbilita għajnuna ġdida jew sabiex tiġi mmodifikata għajnuna eżistenti għandhom jiġu kkomunikati, fi żmien xieraq, lill-Kummissjoni u ma jistgħux jiġu implimentati qabel ma l-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali ( 25 ).

44.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li għandhom jitqiesu li huma għajnuna ġdida suġġetta għall-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE l-miżuri li huma intiżi li jistabbilixxu jew li jimmodifikaw għajnuna, filwaqt li huwa speċifikat li dawn il-modifiki jistgħu jirrigwardaw jew għajnuna eżistenti, jew proġetti inizjali kkomunikati lill-Kummissjoni ( 26 ). F’dan il-kuntest, l-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589 jistabbilixxi li “għajnuna eżistenti” hija għajnuna awtorizzata, jiġifieri l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 1(c) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “għajnuna ġdida” tfisser kull skema ta’ għajnuna jew kull għajnuna individwali, li ma tkunx għajnuna eżistenti, inkluża kull modifika ta’ għajnuna eżistenti. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għajnuna mogħtija f’mument meta l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni li tkopri din l-għajnuna ma kinitx għadha fis-seħħ għandha titqies li hija għajnuna ġdida ( 27 ).

45.

Qabelxejn, nirrileva li r-risposta għat-tieni domanda preliminari tista’ tinsilet kjarament mir-risposta li nissuġġerixxi li tingħata għall-ewwel domanda, sa fejn, jekk l-għajnuna inkwistjoni titqies li ngħatat fid-data tad-deċiżjonijiet ta’ rifjut adottati mill-Awtorità tat-Taxxa, jiġifieri f’mument meta l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni li tkopri din l-għajnuna kienet fis-seħħ, l-imsemmija għajnuna għandha titqies li hija għajnuna awtorizzata u, għaldaqstant, eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589, anki jekk din tal-aħħar titħallas wara t-tmiem tal-validità tal-iskema ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni. F’każ bħal dan, il-ħlas tal-istess għajnuna ma jkun xejn ħlief l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja.

46.

Għandi nispeċifika wkoll li ebda element fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jidher li jindika li, f’dan il-każ, fil-kuntest tal-adozzjoni tal-att amministrattiv ta’ rettifika b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, l-Awtorità tat-Taxxa għandha marġni ta’ manuvra jew setgħa diskrezzjonali li jippermettulha timmodifika l-għajnuna prevista mill-iskema ta’ għajnuna Latvjana u li l-għoti tagħha ġie inizjalment irrifjutat minn din l-awtorità, b’mod li din tista’ tiġi kklassifikata mill-ġdid bħala għajnuna ġdida, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589.

47.

Barra minn hekk, il-fatt li l-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali ser titħallas wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni għall-għoti tagħha, u barra mill-kuntest partikolari kkaratterizzat mill-kriżi marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 li fil-frattemp ġiet eliminata, ma jippermettix li jitqies li din l-għajnuna ma tistax tintuża konformement mal-għan inizjalment previst mill-iskema ta’ għajnuna Latvjana jew li din tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li d-data tal-ħlas effettiv tal-għajnuna ma taffettwax id-dritt li tinkiseb l-għajnuna inkwistjoni meta din l-għajnuna tingħata fit-terminu stabbilit minn deċiżjoni tal-Kummissjoni, b’mod li l-imsemmija għajnuna tkun tista’ titħallas wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu ( 28 ). Barra minn hekk, il-ħlas tal-għajnuna wara l-iskadenza tal-iskema ta’ għajnuna ma jistax joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq, sa fejn tali ħlas jikkostitwixxi biss is-sempliċi stabbiliment mill-ġdid ta’ dritt imfixkel mid-deċiżjoni inizjali tal-VID u, fir-realtà, jippermetti li jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ kompetittiv fis-suq ( 29 ). Fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa fid-data li fiha ngħata d-dritt li wieħed jirċievi għajnuna mill-Istat li miżura tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ( 30 ).

48.

Fid-dawl tal-premess, nipproponi li għat-tieni domanda preliminari għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589 għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi “għajnuna eżistenti” għajnuna li titħallas mill-awtorità nazzjonali kompetenti wara l-iskadenza tat-terminu għall-għoti tal-għajnuna previst minn skema ta’ għajnuna, b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li tiddikjara li, qabel l-iskadenza tat-terminu msemmi iktar ’il fuq, l-impriża kienet issodisfat il-kundizzjonijiet kollha previsti mid-dritt nazzjonali sabiex tkun intitolata għall-għajnuna inkwistjoni u li r-rifjut inizjali tal-awtorità kompetenti li tagħti l-għajnuna kien illegali. F’sitwazzjoni bħal din, l-għajnuna inkwistjoni titqies li ngħatat fil-mument tar-rifjut inizjali tal-imsemmija awtorità li tagħti l-għajnuna.

V. Konklużjoni

49.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja):

1)

L‑Artikolu 107(1) TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

għajnuna mill-Istat għandha titqies li ġiet “mogħtija” fid-data li fiha l-awtorità nazzjonali kompetenti rrifjutat li tagħtiha lil impriża, meta dan ir-rifjut ikun ġie ddikjarat illegali permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali mogħtija wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-għoti tal-għajnuna, sakemm dan ir-rifjut ikun seħħ qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti għall-għoti tagħha u f’data li fiha l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni li tkopri din l-għajnuna kienet fis-seħħ u sakemm l-impriża kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tirċievi l-għajnuna skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

2)

L-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

tikkostitwixxi “għajnuna eżistenti” għajnuna li titħallas mill-awtorità nazzjonali kompetenti wara l-iskadenza tat-terminu għall-għoti tal-għajnuna previst minn skema ta’ għajnuna, b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li tiddikjara li, qabel l-iskadenza tat-terminu msemmi iktar ’il fuq, l-impriża kienet issodisfat il-kundizzjonijiet kollha previsti mid-dritt nazzjonali sabiex tkun intitolata għall-għajnuna inkwistjoni u li r-rifjut inizjali tal-awtorità kompetenti li tagħti l-għajnuna kien illegali. F’sitwazzjoni bħal din, l-għajnuna titqies li ngħatat fil-mument tar-rifjut inizjali tal-awtorità nazzjonali kompetenti li tagħti l-għajnuna.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).

( 3 ) Latvijas Vēstnesis, 2001, Nru 164, p. 2551.

( 4 ) Latvijas Vēstnesis, 2020, 2020/222A.2.

( 5 ) Permezz ta’ deċiżjonijiet sussegwenti tal-Kummissjoni, id-data ta’ skadenza għall-għoti tal-għajnuna, ġiet iffissata, l-ewwel nett, għat‑30 ta’ Novembru 2021 (id-Deċiżjoni SA.64046 (2021/N) tat‑3 ta’ Ġunju 2021), u sussegwentement għat‑30 ta’ Ġunju 2022 (id-Deċiżjoni SA.100596 (2021/N) tal‑14 ta’ Diċembru 2021).

( 6 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et (C‑385/18, EU:C:2019:1121, punti 36 u 37); tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et (C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 123); kif ukoll tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punti 76 u 78).

( 7 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiċċita s-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Autonome Provinz Bozen (C‑102/21 u C‑103/21, EU:C:2022:272, punti 31 sa 35 u 42).

( 8 ) Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, dawn, b’mod iktar speċifiku, kienu mistoqsijiet imqajma mill-Augstākās tiesa (Senāts) (is-Senat tal-Qorti Suprema, il-Latvja), fil-kuntest tal-Każ SKA‑356/2023. B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Opinjoni tal-Kummissjoni Nru (2023)9452862 fil-Każ SA.106948.NC, li ngħatat fil-kuntest ta’ proċedura oħra dwar l-applikazzjoni tar-Regoli Latvjani dwar l-Għajnuna u tal-Qafas Temporanju.

( 9 ) Għaldaqstant, l-element determinanti sabiex tiġi stabbilita d-data li fiha d-dritt li jirċievu għajnuna mill-Istat ikun ingħata lill-benefiċjarji tagħha permezz ta’ miżura partikolari huwa marbut mal-kisba minn dawn il-benefiċjarji ta’ dritt ċert li jirċievu din l-għajnuna u mal-impenn korrelattiv, min-naħa tal-Istat, li jagħti l-imsemmija għajnuna. F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et (C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punti 115 u 123 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, Azienda Sanitaria Provinciale di Catania (C‑128/19, EU:C:2021:401, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2020, INAIL (C‑608/19, EU:C:2020:865, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li TOODE ppreżentat azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut adottata mill-Awtorità tat-Taxxa fit-terminu stabbilit.

( 13 ) Dan jindika, skont il-qorti tar-rinviju, li impriża, bħal TOODE, tikseb dritt ċert li tirċievi l-għajnuna biss mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja jew tal-att amministrattiv favorevoli.

( 14 ) Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) Fil-fatt, huwa għal-leġiżlazzjoni u mhux għall-interpretazzjoni [eventwalment żbaljata] tagħha mill-amministrazzjoni li għaliha tirreferi l-imsemmija ġurisprudenza.

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punti 75 u 76).

( 17 ) Fil-fatt, li kieku, f’din id-data, l-awtorità kompetenti kienet aġixxiet legalment u adottat deċiżjoni favorevoli, kien jiġi rrikonoxxut favur TOODE dritt ġuridikament ċert għall-benefiċċju tal-għajnuna skont ir-Regoli Latvjani dwar l-Għajnuna.

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia (C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Érsekcsanádi Mezőgazdasági (C‑56/13, EU:C:2014:352, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-Artikolu 47 tal-Karta huwa suffiċjenti fih innifsu u ma għandux jiġi ppreċiżat minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti lill-individwi dritt invokabbli bħala tali. F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2024, X (Assenza ta’ raġunijiet għal xoljiment) (C‑715/20, EU:C:2024:139, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Barra minn hekk, il-fatt li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni huma stabbiliti abbażi tad-dritt nazzjonali ma jneħħi xejn mill-fatt li l-kunċett ta’ “għoti tal-għajnuna” jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni.

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et (C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punti 72 u 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) F’dan ir-rigward, ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Kutz-Bauer (C‑187/00, EU:C:2002:75, punt 66) dwar il-possibbiltà li jiġi annullat jew emendat att amministrattiv b’effett retroattiv għar-raġuni li persuna ma għandhiex iġġarrab preġudizzju minħabba ż-żmien li jkun neċessarju għaliha sabiex tinvoka d-drittijiet tagħha quddiem qorti.

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Petrotel (C‑231/15, EU:C:2016:769, punti 25 sa 29 u l-ġurisprudenza ċċitata) dwar l-effetti retroattivi tal-annullament ta’ att amministrattiv ta’ awtorità regolatorja nazzjonali minn qorti nazzjonali, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża CROSS Zlín (C‑303/22, EU:C:2023:652, punti 77 u 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) dwar l-annullament tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku mill-qrati nazzjonali b’effett ex tunc għall-mument li fih ġie deċiż dan l-għoti. Ara wkoll is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, Die Länderbahn et (C‑582/22, EU:C:2024:213, punti 53 sa 56 u l-ġurisprudenza ċċitata) dwar il-konstatazzjoni, mill-organu ta’ kontroll kompetenti, tal-invalidità tat-tariffi għall-użu ta’ infrastruttura li l-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom skada, b’effett ex tunc (bil-għan li jiġi protett id-dritt tal-impriżi tat-trasport ferrovjarju li jadixxu dan l-organu).

( 25 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Eco Fox et (C‑915/19 sa C‑917/19, EU:C:2021:887, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Eco Fox et (C‑915/19 sa C‑917/19, EU:C:2021:887, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Autonome Provinz Bozen (C‑102/21 u C‑103/21, EU:C:2022:272, punti 32, 34 u 42).

( 28 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tipprevedi ebda obbligu għall-Istati Membri li jħallsu l-għajnuna f’terminu konkret.

( 29 ) Għall-kuntrarju, jista’ jiġi sostnut li huwa l-fatt li ma tingħatax l-għajnuna inkwistjoni li jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq jew, tal-inqas, iwassal għal diskriminazzjoni mhux iġġustifikata fil-konfront ta’ operatur ekonomiku, bħal TOODE, li jiġi rrifjutat l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat meta dan kien jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika minnha, filwaqt li impriża kompetitriċi oħra li tissodisfa daqstant ieħor il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istess għajnuna tista’, min-naħa tagħha, tibbenefika minnha.

( 30 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et (C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 123).