|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1771 |
21.7.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1771
tal-10 ta’ Lulju 2026
dwar it-terminazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ tal-prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
Fil-21 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu “Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT) - Proposta għal Pjan ta’ Azzjoni tal-UE” li għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-isforzi globali biex jiġi indirizzat il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-kummerċ assoċjat miegħu. Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet dwar il-pjan ta’ azzjoni FLEGT fit-13 ta’ Ottubru 2003, u l-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar is-suġġett fil-11 ta’ Lulju 2005 (2). |
|
(2) |
Element ċentrali tal-pjan ta’ azzjoni kien il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ sħubija volontarja ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam biex jiġi żgurat li l-injam u l-prodotti tal-injam esportati lejn l-Unjoni jiġu prodotti u akkwistati legalment. |
|
(3) |
F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/475/UE (3), il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Liberja (VPA) dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ tal-prodotti tal-injam lejn l-Unjoni ġie ffirmat fis-27 ta’ Lulju 2011. |
|
(4) |
F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/373/UE (4), il-VPA ġie konkluż f’isem l-Unjoni u, wara l-konklużjoni tiegħu mir-Repubblika tal-Liberja, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2013. |
|
(5) |
Il-VPA għandu tul ta’ żmien indefinit, kif previst fl-Artikolu 28 tiegħu. L-Artikolu 29 jipprovdi li, minkejja l-Artikolu 28, kull Parti tista’ tittermina l-VPA billi tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub. Il-VPA jieqaf japplika 12-il xahar wara d-data ta’ tali notifika. |
|
(6) |
Minkejja diversi estensjonijiet proposti tal-iskedi ta’ żmien għall-implimentazzjoni, l-objettiv ewlieni tal-VPA, jiġifieri l-istabbiliment u l-operazzjonalizzazzjoni ta’ skema ta’ ħruġ tal-liċenzji FLEGT bl-għan li tivverifika u tiċċertifika permezz ta’ liċenzja FLEGT li l-injam u l-prodotti derivati esportati lejn l-Unjoni jkunu prodotti jew akkwistati legalment, ma ntlaħaqx. Minħabba l-istat u l-progress tal-implimentazzjoni tal-VPA mid-dħul fis-seħħ tiegħu fl-1 ta’ Diċembru 2013, ftit li xejn hemm prospett li l-iskema ta’ ħruġ tal-liċenzji FLEGT tiġi stabbilita u operattiva bis-sħiħ fi żmien raġonevoli. Għalhekk, il-Kummissjoni temmen li l-VPA mhux se jippermetti li l-injam u l-prodotti tal-injam mir-Repubblika tal-Liberja jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u, mit-30 ta’ Diċembru 2025, mill-Artikolu 10(3), flimkien mal-Artikolu 3, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
|
(7) |
Għalhekk huwa xieraq li l-VPA mar-Repubblika tal-Liberja jiġi tterminat. Għal dak l-għan, f’konformità mal-Artikolu 29 tal-VPA, jenħtieġ li l-Unjoni Ewropea tinnotifika lir-Repubblika tal-Liberja bid-deċiżjoni tagħha li ttemm il-VPA bil-miktub. |
|
(8) |
Jenħtieġ li t-terminazzjoni tal-VPA tiġi approvata f’isem l-Unjoni. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-terminazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ tal-prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
S. HARRIS
(1) Kunsens tas-17 ta’ Ġunju 2026 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 482.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/475/UE tat-22 ta’ Lulju 2011 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ tal-prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea (ĠU L 196, 28.7.2011, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/475/oj).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/373/UE tal-14 ta’ Mejju 2012 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ tal-prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea (ĠU L 191, 19.7.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/373/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/995/oj).
(6) Ir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010, (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 206, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1115/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1771/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)