DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)
17 ta’ Lulju 2020 ( *1 )
“Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Ġlieda kontra l-frodi – Laqgħa tal-Kunsill Ewropew – Qafas finanzjarju pluriennwali – Regolament finanzjarju – Allegat kunflitt ta’ interessi tar-rappreżentant tar-Repubblika Ċeka matul laqgħa tal-Kunsill Ewropew – Allegat nuqqas ta’ azzjoni tal-Kunsill Ewropew – Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura – Interess ġuridiku – Locus standi – Teħid ta’ pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew – Tmiem għan-nuqqas li tittieħed azzjoni – Inammissibbiltà – Artikolu 15(2) TUE – Rikors manifestament infondat fid-dritt”
Fil-Kawża T‑715/19,
Lukáš Wagenknecht, residenti f’Pardubice (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentat minn A. Dolejská, avukat,
rikorrent,
vs
Il-Kunsill Ewropew, irrappreżentat minn A. Westerhof Löfflerová, A. Jensen u J. Bauerschmidt, bħala aġenti,
konvenut,
li għandu bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 265 TFUE u intiża għall-konstatazzjoni li l-Kunsill Ewropew illegalment naqas milli jieħu azzjoni fuq it-talba tar-rikorrent sabiex il-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, Andrej Babiš, jiġi eskluż mil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal‑20 ta’ Ġunju 2019 u minn laqgħat futuri dwar in-negozjati tal-perspettivi finanzjarji, minħabba l-allegat kunflitt ta’ interessi tiegħu fil-konfront tar-rekwiżiti tal-Artikolu 325(1) TFUE u tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36).
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)
komposta minn J. Svenningsen (Relatur), President, C. Mac Eochaidh u J. Laitenberger, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
tagħti l-preżenti
Digriet
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
1 |
Permezz ta’ ittra ddatata l‑5 ta’ Ġunju 2019 u li waslet il-Kunsill Ewropew fl‑10 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrent, Lukáš Wagenknecht, membru tas-Senát Parlamentu České republiky (is-Senat tar-Repubblika Ċeka), talab lill-Kunsill Ewropew sabiex jeskludi lill-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, Andrej Babiš, mil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal‑20 ta’ Ġunju 2019 u minn laqgħat futuri dwar negozjati tal-perspettivi finanzjarji (qafas finanzjarju pluriennwali (QFP) 2021/2027) (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal teħid ta’ azzjoni”) minħabba l-allegat kunflitt ta’ interessi ta’ dan ir-rappreżentant tar-Repubblika Ċeka, li jirriżulta mill-interessi personali u tal-familja tiegħu f’impriżi tal-grupp Agrofert, attiv b’mod partikolari fil-qasam agroalimentari. |
|
2 |
Fl‑24 ta’ Ġunju 2019, filwaqt li ppreċiża li ma kienx qiegħed jieħu pożizzjoni fuq il-mertu tal-allegazzjonijiet tar-rikorrent u filwaqt li żgurah li kien qiegħed jagħti l-ikbar importanza għall-ġlieda kontra l-frodi u l-attivitajiet illegali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew wieġeb għas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni billi spjega lir-rikorrent, essenzjalment, li l-Artikolu 15(2) TUE, regola tad-dritt primarju, kienet twaqqaf b’mod intanġibbli l-kompożizzjoni tal-Kunsill Ewropew billi tipprevedi li “għandu jikkonsisti mill-kapijiet ta’ l-Istat jew tal-Gvern ta’ l-Istati Membri, flimkien mal-President tiegħu u mal-President tal-Kummissjoni [Ewropea]”. Għalhekk, din il-kompożizzjoni ma tistax tiġi mibdula peress li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix il-possibbiltà ta’ tali bidla. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew spjega li l-kwistjoni dwar liema persuna, bejn il-kap ta’ Stat jew il-kap ta’ Gvern, kellha tirrappreżenta lil kull wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni kienet taqa’ esklużivament taħt id-dritt Kostituzzjonali nazzjonali. Għalhekk, ma kienx għad-diskrezzjoni tal-Kunsill Ewropew jew tal-President tiegħu li jiddeċiedi min kellu jkun ir-rappreżentant ta’ kull Stat Membru fi ħdan din l-istituzzjoni, jew li jiddeċiedi lil min, bejn il-kap tal-Istat jew il-kap tal-Gvern, kellu jistieden għad-diversi laqgħat tal-Kunsill Ewropew. Dawn il-prinċipji japplikaw ukoll għas-sessjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kunsill Ewropew wieġeb lir-rikorrent, fid-dawl tas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, li ma kienx f’pożizzjoni li jeskludi lill-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka mil-laqgħat invokati. |
|
3 |
Fit‑2 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrent mill-ġdid indirizza lill-Kunsill Ewropew billi talab, permezz ta’ ittra elettronika, lis-segretarju ġenerali ta’ din l-istituzzjoni, għal kjarifiki dwar it-tweġiba li kienet ingħatatlu fl‑24 ta’ Ġunju ta’ qabel. Din l-ittra elettronika baqgħet mingħajr tweġiba. |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
|
4 |
Permezz ta’ rikors ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Ottubru 2019 permezz ta’ kont provviżorju e-Curia maħluq mill-avukat tiegħu, ir-rikorrent ippreżenta, skont l-Artikolu 265 TFUE, rikors intiż għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni mill-Kunsill Ewropew sa fejn din l-istituzzjoni allegatament illegalment naqset milli tieħu azzjoni bi tweġiba għas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni. |
|
5 |
Permezz ta’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum u taħt l-istess kundizzjonijiet, ir-rikorrent ippreżenta wkoll talba għal proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 151 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
|
6 |
Peress li d-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa sabiex jiġi vvalidat il-kont għall-aċċess e-Curia waslu fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Novembru 2019, filwaqt li, skont l-Artikolu 56a(4) tar-Regoli tal-Proċedura, dawn kellhom jaslulu f’terminu ta’ għaxart ijiem mid-data tal-preżentata tal-att, f’dan il-każ rikors promotur, ir-rikorrent ġie mistieden jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward. |
|
7 |
Fil‑21 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu li fihom l-avukat tiegħu spjegat li, fl‑24 ta’ Ottubru 2019, hija kienet bagħtet id-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa għall-ftuħ tal-kont e-Curia bis-servizz internazzjonali tal-posta Ċeka, li kellu jiżgura li jaslu l-Lussemburgu (il-Lussemburgu) f’jumejn jew tlett ijiem tax-xogħol. Madankollu, finalment dawn damu iktar minn ħdax‑il jum biex jaslu, wara dewmien attribwibbli għall-posta Ċeka u għall-posta Lussemburgiża. L-imsemmija avukat żieded li hija kienet weriet diliġenza, iżda madankollu hija ma setgħetx tistenna tali nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu kuntrattwali min-naħa ta’ dawn iż-żewġ fornituri u lanqas ma setgħet tirreaġixxi fi żmien xieraq minħabba li daħlet l-isptar qabel it-twelid tal-ewwel wild tagħha fil‑31 ta’ Ottubru 2019. |
|
8 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2019, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tirrikonoxxi l-każ bħala każ fortuwitu fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, konsegwentement, li ma tiddikjarax ir-rikors inammissibbli skont l-Artikolu 56a(4) tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
9 |
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiddikjara li l-“Kunsill Ewropew naqas li jieħu azzjoni sa fejn, bi ksur tal-Artikolu 325(1) [TFUE] u tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE) 2018/1046 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, ma adotta ebda miżurar vinkolanti u intiża li jiġi evitat jew irrimedjat il-kunflitt ta’ interessi ta’ Andrej Babiš, [P]rim Ministru tar-Repubblika Ċeka, u sa fejn, bi ksur tal-projbizzjoni tal-kunflitti ta’ interessi stipulata fl-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/1046, ma eskludiex lil Andrej Babiš, [P]rim Ministru tar-Repubblika Ċeka, mill-parteċipazzjoni fil-laqgħat li wasslu għall-adozzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennwali tal-Unjoni għall‑2021/2027”. |
|
10 |
Fit‑23 ta’ Jannar 2020, il-Kunsill Ewropew ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-talba għal proċedura mħaffa. |
|
11 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2020, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tilqax it-talba għal proċedura mħaffa. |
|
12 |
Fid‑19 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill Ewropew, skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li fiha talab li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
13 |
Fis‑27 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li kienu s-suġġett ta’ regolarizzazzjoni minħabba t-tul eċċessiv tagħhom. Fl-imsemmija osservazzjonijiet, huwa talab lill-Qorti Ġenerali tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat kif ukoll li tikkundanna lill-Kunsill Ewropew għall-ispejjeż. |
|
14 |
Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Mejju 2020 ukoll, ir-rikorrent, skont l-Artikolu 279 TFUE, talab lill-President tal-Qorti Ġenerali għall-adozzjoni ta’ miżura provviżorja li tikkonsisti fil-pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjoni ġenerali. Fit‑12 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Ewropew ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq din it-talba. |
Id-dritt
|
15 |
Skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura, meta, permezz ta’ att separat, il-konvenut jitlob lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà jew l-inkompetenza, mingħajr ma jkun hemm dibattitu fuq il-mertu, din għandha tiddeċiedi dwar it-talba malajr kemm jista’ jkun, jekk ikun il-każ, wara li tkun fetħet il-fażi orali tal-proċedura. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-Qorti Ġenerali manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors jew meta rikors ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin u fuq proposta tal-Imħallef Relatur, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura. |
|
16 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess u tiddeċiedi, b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tkompli bil-proċedura. |
|
17 |
Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, il-Kunsill Ewropew iqis li r-rikors huwa manifestament inammissibbli fuq diversi kapi. Fil-fatt, l-ewwel nett, bħala istituzzjoni, il-Kunsill Ewropew, konformement mal-Artikolu 265 TFUE, ħa pożizzjoni fit-terminu ta’ xahrejn wara li ntalab jieħu azzjoni. B’dan il-mod, it-tweġiba tiegħu tal‑24 ta’ Ġunju 2019 indirizzata lir-rikorrent wara s-sejħa għal teħid ta’ azzjoni temmet in-nuqqas li tittieħed azzjoni allegat mir-rikorrent. |
|
18 |
It-tieni, il-Kunsill Ewropew huwa tal-fehma li, fin-nuqqas ta’ kompetenza fis-sens li ngħatatlu mit-Trattat UE u t-Trattat FUE, ma kellux l-obbligu li jadotta, bi tweġiba għas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, miżura intiża li teskludi lill-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka min-negozjati dwar il-QFP 2021/2027. |
|
19 |
It-tielet, il-Kunsill Ewropew jargumenta li r-rikorrent la kellu interess ġuridiku u lanqas locus standi f’dan il-każ skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE. |
|
20 |
Ir-rikorrent iqis li r-rikors odjern huwa ammissibbli. |
|
21 |
Fil-fatt, il-Kunsill Ewropew astjena milli jaġixxi fis-sens li l-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi preżunt, kien preżenti għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal‑20 ta’ Ġunju 2019 li matulha, bħalma jirriżulta mill-punt 4 tal-aġenda ta’ din il-laqgħa, ġie eżaminat il-baġit tal-Unjoni. Issa, skont ir-rikorrent, qabelxejn, il-Kunsill Ewropew huwa obbligat jaġixxi kontra din is-sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka fid-dawl tal-Artikolu 325(1) TFUE u tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36). |
|
22 |
Sussegwentement, billi qies li huwa direttament kif ukoll individwalment ikkonċernat bl-att li huwa kien talab l-adozzjoni tiegħu mill-Kunsill Ewropew sabiex jintemm l-allegat nuqqas li tittieħed azzjoni minn din l-istituzzjoni kontra l-allegat kunflitt ta’ interessi tal-Prim Ministru Ċek, ir-rikorrent jargumenta li t-tweġiba tal-Kunsill Ewropew għas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni ma kinitx konklużiva, fis-sens li din kienet kuntradittorja u ma kinitx tiddefinixxi l-pożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni. Barra minn hekk huwa jikkritika n-nuqqas ta’ tweġiba tas-Segretarju Ġenerali għat-talba tiegħu tat‑2 ta’ Lulju 2019, minkejja li l-pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew kienet timmerita, skont hu, kjarifiki. |
|
23 |
Fl-aħħar nett, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrent iqajjem fatt ġdid u, skont hu, deċiżiv għad-deċiżjoni fuq dan ir-rikors, jiġifieri l-adozzjoni fil‑11 ta’ Frar 2020 mill-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka), f’seduta plenarja, ta’ sentenza fil-kawża Pl. ÚS 4/2017 li tirrigwarda speċifikament il-kwistjoni ta’ kunflitti ta’ interessi analogi għal dak ikkritikat f’dan il-każ mir-rikorrent. Barra minn hekk, huwa iktar u iktar importanti li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxilu f’dan il-każ il-locus standi, minn naħa, fid-dawl tal-mandat tiegħu ta’ rappreżentanza nazzjonali fis-Senat tar-Repubblika Ċeka, li jimplika li huwa jista’ jeżerċita kontroll fuq il-Prim Ministru tal-Istat Membru tiegħu u, min-naħa l-oħra, għaliex, wara l-preżentata tar-rikors odjern, bħall-membri tal-Parlament Ewropew, huwa rċieva theddid ta’ mewt u, fil-każ personali tiegħu, kien is-suġġett ta’ kampanja ta’ malafama. |
|
24 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, fil-każ li, bi ksur tat-trattati, il-Parlament, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp jew organu tal-Unjoni ma jiħdux azzjoni, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni jistgħu jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex dan il-ksur jiġi kkonstatat. |
|
25 |
It-tielet paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE jipprevedi barra minn hekk li kull persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt l-istess kundizzjonijiet, tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sabiex tilmenta li xi istituzzjoni jew xi wieħed mill-korpi jew organi tal-Unjoni jkunu naqsu milli jagħmlu xi att fir-rigward ta’ dik il-persuna barra minn rakkomandazzjoni jew opinjoni. Madankollu mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar jirriżulta li, sabiex rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni jkun ammissibbli, persuna fiżika jew ġuridika għandha tistabbilixxi li hija tinsab f’sitwazzjoni legali identifikata jew analoga għal dik tad-destinatarju potenzjali ta’ att legali li l-istituzzjoni kkontestata hija obbligata li tieħu fil-konfront tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 1982, Bethell vs Il‑Kummissjoni, 246/81, EU:C:1982:224, punti 15 u 16; digrieti tat‑23 ta’ Mejju 1990, Asia Motor France vs Il‑Kummissjoni, C‑72/90, EU:C:1990:230, punti 10 sa 12, u tat‑23 ta’ Jannar 1991, Prodifarma vs Il‑Kummissjoni, T‑3/90, EU:T:1991:2, punt 35). Fi kliem ieħor, l-imsemmija persuna fiżika jew ġuridka għandha tistabbilixxi jew li hija d-destinatarja tal-att li l-istituzzjoni kkontestata allegatament naqset milli tadotta fil-konfront tagħha, jew li l-imsemmi att jikkonċernaha direttament u individwalment b’mod analogu għal dak ta’ destinatarju ta’ tali att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 1996, T. Port, C‑68/95, EU:C:1996:452, punt 59, u tal‑15 ta’ Settembru 1998, Gestevisión Telecinco vs Il‑Kummissjoni, T‑95/96, EU:T:1998:206, punt 58). |
|
26 |
Barra minn hekk, tali persuna fiżika jew ġuridika għandha tiġġustifika interess ġuridiku skont l-Artikolu 265 TFUE, li l-eżistenza tiegħu tippreżupponi li r-rikors ikun jista’, bir-riżultat tiegħu, jagħti vantaġġ personali lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42; tas‑17 ta’ April 2008, Flaherty et vs Il‑Kummissjoni, C‑373/06 P, C-379/06 P u C-382/06 P, EU:C:2008:230, punt 25, u tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il‑Kummissjoni, C‑682/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:356, punt 25). Min-naħa l-oħra, l-interess ġuridiku jkun nieqes meta l-eżitu favorevoli ta’ rikors ma jkunx ta’ natura, fi kwalunkwe każ, li jagħti sodisfazzjon lir-rikorrent (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, Bionorica u Diapharm vs Il‑Kummissjoni, C‑596/15 P u C‑597/15 P, EU:C:2017:886, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-att li r-rikorrent talab l-adozzjoni tiegħu mill-Kunsill Ewropew, jiġifieri l-esklużjoni tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka mil-laqgħat ta’ din l-istituzzjoni dwar in-negozjati tal-perspettivi finanzjarji, ma kienx att indirizzat mill-Kunsill Ewropew lir-rikorrent, iżda deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni li kellha bħala destinatarju l-imsemmi Prim Ministru. Għalhekk, anki jekk ir-rikorrent igawdi mill-kwalità tiegħu bħala membru tar-rappreżentanza nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, f’dan il-każ is-Senat tar-Repubblika Ċeka, sabiex jaġixxi fl-interess ġenerali, xorta jibqa’ l-fatt li l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 25 u 26 iktar ’il fuq teżiġi minnu, għall-kuntrarju, li, fir-rigward tat-turija ta’ interess ġuridiku, huwa jiġġustifika interess personali, mislut minn, u attwali għall-konstatazzjoni tan-nuqqas allegat li tittieħed azzjoni tal-Kunsill Ewropew. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, il-kundizzjoni msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, dwar il-locus standi u intiża li l-persuna fiżika jew ġuridika tilmenta kontra l-istituzzjoni kkonċernata li naqset milli tindirizzalha att, li ma jkunx rakkommandazzjoni jew opinjoni, li hija destinatarja tagħha jew li tikkonċernaha direttament u individwalment, hija manifestament mhux issodisfatta fil-każ tar-rikorrent għaliex, għall-kuntrarju, il-miżuri mitluba mill-Kunsill Ewropew kienu indirizzati lil terzi (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat‑23 ta’ Jannar 1991, Prodifarma vs Il‑Kummissjoni, T‑3/90, EU:T:1991:2, punt 37, u tas‑26 ta’ Novembru 1996, Kuchlenz-Winter vs Il‑Kunsill, T‑167/95, EU:T:1996:172, punt 20). |
|
28 |
Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, tali rikors huwa ammissibbli biss jekk l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu inkwistjoni jkunu preliminarjament ġew mistiedna jaġixxu. Madankollu, mill-istess paragrafu jirriżulta li r-rikors jista’ jiġi ppreżentat f’terminu ġdid biss jekk, fl-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn mis-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu ma jkunx ħa pożizzjoni. |
|
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tikkonċerna n-nuqqas li tittieħed azzjoni minħabba n-nuqqas li tiġi adottata deċiżjoni jew li tittieħed pożizzjoni mill-istituzzjoni kkontestata (sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 1971, Deutscher Komponistenverband vs Il‑Kummissjoni, 8/71, EU:C:1971:82, punt 2; tad‑19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑196/12, EU:C:2013:753, punt 22, u tat‑23 ta’ Novembru 2017, Bionorica u Diapharm vs Il‑Kummissjoni, C‑596/15 P u C‑597/15 P, EU:C:2017:886, punt 52). Għalhekk, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, stabbiliti mill-Artikolu 265 TFUE, bħala prinċipju ma humiex issodisfatti meta l-istituzzjoni li ġiet mistiedna tieħu azzjoni tkun ħadet pożizzjoni fuq din l-istedina qabel il-preżentata tar-rikors (sentenzi tal‑1 ta’ April 1993, Pesqueras Echebastar vs Il‑Kummissjoni, C‑25/91, EU:C:1993:131, punt 11, u tal‑21 ta’ Lulju 2016Nutria vs Il‑Kummissjoni, T‑832/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:428, punt 45). |
|
30 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 265 TFUE jirrigwarda n-nuqqas li tittieħed azzjoni minħabba n-nuqqas li tiġi adottata deċiżjoni jew li tittieħed pożizzjoni u mhux l-adozzjoni ta’ att differenti minn dak li l-persuni kkonċernati xtaqu jew qiesu neċessarju (sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2016, Nutria vs Il‑Kummissjoni, T‑832/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:428, punt 46; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ April 1993, Pesqueras Echebastar vs Il‑Kummissjoni, C‑25/91, EU:C:1993:131, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Konsegwentement, meta, bi spjegazzjonijiet insostenn, l-istituzzjoni tirrifjuta li tieħu azzjoni konformement ma’ tali stedina, dan jikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni li jtemm in-nuqqas li tittieħed azzjoni, u tali rifjut, espress u ċċirkustanzjat b’dan il-mod, jikkostitwixxi għalhekk att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il‑Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punti 32 u 33, u digriet tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Techniplan vs Il‑Kummissjoni, T‑853/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:928, punt 20). |
|
32 |
F’dan il-każ, minkejja li, fl‑24 ta’ Ġunju 2019, il-Kunsill Ewropew kien spjegalu, fi kliem ċar, ir-raġunijiet li għalihom huwa ma setax jieħu azzjoni fis-sens mitlub minnu, l-intenzjoni tar-rikorrent ma kinitx li jippreżenta r-rikors odjern skont l-Artikolu 263 TFUE sabiex jikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, inkluża b’dan il-mod f’din l-ittra tal‑24 ta’ Ġunju 2019, li ma jiħux passi fid-direzzjoni rrakkommanata fis-sejħa għal teħid ta’ azzjoni. Issa, huwa fil-kuntest ta’ tali rikors għal annullament li huwa seta’, jekk ikun il-każ, bla ħsara li jkun jista’ jiġġustifika l-locus standi kontra tali deċiżjoni, jikkontesta l-motivi mogħtija mill-Kunsill Ewropew sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu li ma jeskludix lill-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka minn laqgħat kontenzjużi ta’ din l-istituzzjoni. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li, fl-ittra tiegħu tat‑2 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrent talab kjarifiki addizzjonali mill-Kunsill Ewropew dwar il-portata tal-ittra tiegħu tal‑24 ta’ Ġunju 2019, indirizzata bi tweġiba għas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni u li huwa kkritika l-kontenut tagħha, ma għandhiex effett fuq l-ammissibbiltà tar-rikors odjern kif eżaminat fil-punti 28 sa 32 iktar ’il fuq. Fil-fatt, minkejja li l-kritiki tar-rikorrent fl-ittra tiegħu tat‑2 ta’ Lulju 2019 setgħu jekk ikun il-każ ġew esposti fil-kuntest ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent, madankollu, fl-imsemmija ittra, ma stedinx mill-ġdid lill-Kunsill Ewropew sabiex jieħu azzjoni f’sens iddeterminat fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE. Konsegwentement, l-imsemmija ittra ma tistax titqies bħala sejħa ġdida għal teħid ta’ azzjoni li fil-konfront tagħha l-Kunsill Ewropew sussegwentement naqas milli jieħu azzjoni. |
|
34 |
Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, fir-rigard tal-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ u bħalma jargumenta l-Kunsill Ewropew fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, din l-istituzzjoni ma kellha l-ebda obbligu fir-rigward tal-miżuri mitluba mir-rikorrent fis-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza ta’ din l-istituzzjoni sabiex tadotta l-imsemmija miżuri, għandu jitfakkar li din il-kwistjoni ma taqax taħt waħda mill-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, iżda tikkostitwixxi kwistjoni li għandha tiġi eżaminata fil-mertu. Fil-fatt, huwa preċiżament sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-fondatezza ta’ talbiet dwar nuqqas li tittieħed azzjoni li l-Qorti Ġenerali għandha tivverifika jekk, meta saret is-sejħa għal teħid ta’ azzjoni indirizzata lill-istituzzjoni kkonċernata fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, din l-istituzzjoni kellhiex obbligu li tieħu azzjoni fis-sens maħsub mir-rikorrent fis-sejħa għal teħid ta’ azzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑442/07, mhux ippubblikata, EU:T:2011:547, punti 27 u 28). |
|
35 |
Issa, f’dan il-każ, indipendentement mill-fondatezza tal-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni mqajma mir-rikorrent fil-konfront tal-kap tal-Gvern tar-Repubblika Ċeka u tas-sentenza adottata mill-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali), għandu jiġi kkonstatat li, bħalma jargumenta l-Kunsill Ewropew, din l-istituzzjoni ma għandha ebda marġni ta’ manuvra fl-applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) TUE meta tlaqqa’ l-kapijiet tal-Istat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew. Fil-fatt, fl-assenza ta’ preċiżjoni dwar dan il-punt f’din id-dispożizzjoni, din tal-aħħar għandha tinftiehem bħala li hija bbażata fuq il-premessa li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jadottaw il-miżuri nazzjonali, inklużi kostituzzjonali, li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk għandhomx jiġu rrappreżentati, matul il-laqgħat ta’ din l-istituzzjoni, mill-kapijiet ta’ Stat rispettivi tagħhom jew mill-kapijiet ta’ Gvern rispettivi tagħhom u, jekk ikun il-każ, jekk xi motivi jistgħux iwasslu sabiex wieħed minnhom jiġi prekluż milli jirrappreżenta lill-Istat Membru rispettiv tiegħu fi ħdan il-Kunsill Ewropew. |
|
36 |
Din il-konklużjoni tapplika hija u iktar meta, bla ħsara, skont il-każ, għall-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE fil-każ ta’ assenza ta’ miżuri nazzjonali ta’ natura li jevitaw kull kunflitt ta’ interessi manifest fir-rappreżentanza tal-Istat Membru jew għal dawk previsti fl-Artikoli 258 u 259 TFUE f’dak li jirrigwarda pagamenti ta’ politika settorjali li jkunu intużaw b’mod litiġjuż f’isem u għan-nom tal-Unjoni, it-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan Stat Membru jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 4(2) TUE, skont liema l-Unjoni hija obbligata tosserva l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Porin kaupunki, C‑328/19, EU:C:2020:483, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Għalhekk, għall-finijiet tal-Artikolu 15(2) TUE, huma biss l-Istati Membri, skont r-regoli kostituzzjonali interni tagħhom, li għandhom jiddeterminaw jekk, fil-kuntest tad-diversi xogħlijiet tal-Kunsill Ewropew, huma għandhomx jiġu rrappreżentati mill-kapijiet tal-Istat rispettivi tagħhom jew mill-kapijiet tal-Gvern rispettivi tagħhom. Konsegwentement, huwa manifest li, billi rrifjuta li jilqa’ s-sejħa għal teħid ta’ azzjoni u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, fir-rigward tal-Artikolu 325(1) TFUE u tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/1046, ir-rappreżentant tar-Repubblika Ċeka f’din l-istituzzjoni huwiex f’sitwazzjoni ta’ kunflitti ta’ interessi, il-Kunsill Ewropew fi kwalunkwe każ f’dan il-każ ma kisirx it-tielet paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE. |
|
38 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjonijiet dwar l-allegata sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, għandu jitfakkar li r-regolarità tal-ħlasijiet magħmula mill-Unjoni fil-qafas tal-fondi mħallsa, f’isimha u għan-nom tagħha, fl-Istati Membri, taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-imsemmija fondi u taħt il-kundizzjonijiet li hija tipprevedi, bħal dawk inkwistjoni, per eżempju, fil-kuntest tal-Kawża T‑76/20, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
39 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill Ewropew għandha tintlaqa’ u, konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, manifestament infondat fid-dritt, u qiegħed jiġi enfassizat, bi tweġiba għall-argumenti tar-rikorrent dwar allegata ċaħda ta’ ġustizzja fil-każ li r-rikors tiegħu jkun miċħud bħala inammissibbli minkejja li huwa membru ta’ parlament nazzjonali u li huwa suġġett għal theddid għall-integrità fiżika tiegħu, li l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma huwiex intiż li jibdel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 97, u digriet tat‑28 ta’ Frar 2017, NF vs Il‑Kunsill Ewropew, T‑192/16, EU:T:2017:128, punt 74). |
Fuq l-ispejjeż
|
40 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill Ewropew għamel talba f’dan is-sens, ir-rikorrent għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla) tordna: |
|
|
|
Magħmul fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Lulju 2020. Reġistratur E. Coulon Il-President J. Svenningsen |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.