|
4.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 318/43 |
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-24 ta’ Novembru 2010
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f’konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod (applikazzjoni EGF/2009/030 NL/Drenthe Diviżjoni 18 mill-Olanda)
(2010/746/UE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod (1), u b’mod partikolari l-punt 28 tiegħu,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li spiċċaw issensjati b’konsegwenza ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. |
|
(2) |
L-ambitu tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema sensjati b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. |
|
(3) |
Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun. |
|
(4) |
Fit-30 ta’ Diċembru 2009, ir-Renju tal-Olanda ressaq applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEAG, fir-rigward ta’ sensji f’żewġ intrapriżi li qegħdin joperaw fid-Diviżjoni 18 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (stampar u r-riproduzzjoni ta’ media rrekordjata) fir-reġjun NUTS II ta’ Drenthe (NL13) u ssupplimentaha b’informazzjoni addizzjonali sas-6 ta’ Mejju 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, ressqet proposta biex timmobilizza l-ammont ta’ EUR 453 632. |
|
(5) |
Il-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Olanda, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fil-qafas tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2010, għandha tiġi mobilizzata somma ta’ EUR 453 632 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ ħlas taħt l-intestatura tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Novembru 2010.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BUZEK
Għall-Kunsill
Il-President
O. CHASTEL