52012DC0324

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Portugall għall-2012u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Portugall għall-perjodu 2012-2016 /* COM/2012/0324 final - 2012/ () */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Portugall għall-2012 u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Portugall għall-perjodu 2012-2016

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[3],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)       Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi mnedija strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, bl-isem ta' Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi u li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

(2)       Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi [4], li flimkien jagħmlu l-‘linji gwida integrati’. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)       Fit-12 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Portugall għall-2011.

(4)       Fit-23 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat it-tieni Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li kien il-bidu tat-tieni Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(5)       Fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet biex tkun żgurata l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li trawwem it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa' jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(6)       Fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin għall-inklużjoni fil-programmi ta’ stabbiltà jew ta’ konverġenza tagħhom u fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom.

(7)       Fit-2 ta’ Mejju 2012, il-Portugall ressaq il-programm ta’ stabbiltà tiegħu li jkopri l-perjodu 2012-2016 u fis-7 ta’ Mejju 2012, il-Portugall ressaq il-programm nazzjonali ta’ riforma tiegħu.

(8)       Fis-17 ta' Mejju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE sabiex l-assistenza finanzjarja għal terminu medju tkun disponibbli għall-Portugall għall-perjodu ta' tliet snin mill-2011 sal-2014, skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja. Il-Memorandum ta' Qbil li jakkumpanjaha, iffirmat fl-istess ġurnata, u s-supplimenti suċċessivi tiegħu, jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta' politika ekonomika li abbażi tagħhom tiġi mogħtija l-assistenza finanzjarja.

(9)       Il-Portugall għamel progress tajjeb fuq għadd ta’ kwistjonijiet, iżda għad hemm sfidi sinifikanti. Il-kisba tal-miri fiskali għandha tibqa’essenzjali jekk il-gvern irid jerġa’ jikseb l-aċċess sħiħ tas-suq waqt it-tul tal-programm. Sabiex ikunu limitati r-riskji tal-miri fiskali tal-2012, l-implimentazzjoni rapida u determinata ta’ miżuri fiskali strutturali tal-programm hija tal-akbar importanza. Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-Gvern jiffoka fuq riformi li jindirizzaw l-isfidi tal-kompetittività tal-Portugall. Il-baġit tal-2012 ma jsegwix il-pjanijiet preċedenti ta’ ‘żvalutazzjoni fiskali’. Dan jagħmel l-adozzjoni rapida ta’ riformi strutturali oħra dejjem iktar importanti fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti, bil-ħsieb li jitnaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol, tiżdied il-flessibilità u jitnaqqsu l-ostakli għad-dħul. Min-naħa tal-gvern huma meħtieġa perseveranza u determinazzjoni sabiex jiġu megħluba l-interessi qawwijin involuti li jostakolaw t-triq tar-riforma.

(10)     Kollox ma’ kollox, it-Tielet Analiżi tal-Programm ta' Aġġustament Ekonomiku ikkonkludiet li l-kundizzjonalità implimentata mill-Portugall stipulata fil-Memorandum ta’ Qbil hija fit-triq it-tajba. B’mod partikolari, il-mira tad-defiċit fiskali għall-2011 (5,9% tal-PDG) ġiet maqbuża billi seħħ it-trasferiment tal-fondi tal-pensjonijiet mill-banek għall-Istat li jammonta għal 3½ fil-mija tal-PDG. Minkejja din l-operazzjoni ta’ darba, il-konsolidazzjoni strutturali fl-2011 kienet kbira u ammontat għal 3½ fil-mija tal-PDG. Il-banek jinsabu mexjin kif suppost biex jilħqu r-rekwiżiti kapitali tal-programm sa tmiem is-sena, iżda l-pożizzjoni tal-kapital trid titjieb aktar fl-2012, skont ir-rekwiżiti tal-programm kif ukoll bħala riżultat tar-rekwiżit tal-Awtorità Bankarja Ewropea biex tipprovdi għall-espożizzjonijiet sovrani, għall-programm speċjali ta’ spezzjoni fuq il-post, u għat-trasferiment ippjanat tal-pjanijiet tal-banek dwar il-pensjonjiet privati.

(11)     It-tnaqqis tal-PDG fl-2011 kien inqas sostanzjali mit-tbassir, għax l-esportazzjoni u l-konsum kienu aħjar milli previst. Madankollu, ir-raba’ kwart tas-sena 2011 u l-bidu tal-2012 urew domanda domestika dgħajfa, żieda qawwija fil-qgħad u nuqqas ta’ kunfidenza fin-negozju. Skont il-previżjoni tar-Rebbiegħa tal-Kummisjoni, il-prospetti għall-2012 ddeterjoraw u l-PDG issa huwa pproġettat li jonqos bi 3,3 fil-mija, jiġifieri tliet punti perċentwali aktar milli kien previst fil-Ħarifa. It-tkabbir ekonomiku fl-2013 se jkun ukoll aktar limitat milli kien mistenni oriġinarjament. Filwaqt li l-aġġustament estern s'issa kien eċċezzjonalment rapidu, bl-esportazzjonijiet Portugiżi li jirbħu partijiet mis-suq barra mill-UE, u bl-importazzjonijiet li jaqgħu konsiderevolment, il-persistenza tiegħu għadha inċerta. Minħabba d-dejn estern kbir li l-Portugall akkumula, huwa meħtieġ aġġustament ulterjuri sostanzjali kbir ta’ natura strutturali.

(12)     Il-Baġit tal-2012 għandu fil-mira defiċit tal-gvern ta’ 4,5% tal-PDG, li huwa konformi mal-rekwiżiti tal-Programm t’Aġġiustament Ekonomiku u mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill mogħtija lill-Portugall skont il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv. Il-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni fiskali fuq perjodu medju ppreżenatati fil-programm ta’ stabbiltà huma konsistenti mal-miri ewleni fil-Programm ta’ Aġġustament Ekonomiku, u huwa mistenni li l-proporzjon ta’ bejn id-defiċit u l-PDG ikun ta’ 3% tal-PDG sal-2013. Il-baġit tal-2012 jinkludi miżuri ta’ konsolidazzjoni li jammontaw għal aktar minn 5% tal-PDG, li huma magħmulin minn miżuri strutturali permanenti. Żewġ terzi tal-miżuri għandhom x’jaqsmu mal-infiq u jinkludu tnaqqis sinifikanti fis-salarji tas-settur pubbliku u l-pensjonijiet, tnaqqis fin-numru ta’ impjegati tal-gvern bi 2% (ekwivalenti għal full time) u r-razzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi tal-istat. Fuq in-naħa tad-dħul, il-baġit jaħseb għal tnaqqis fl-eżenzjonijiet tat-taxxi, żieda fin-numru ta’ prodotti u servizzi li jiġu intaxxati bir-rata tal-VAT standard, taxxa tad-dħul personali u korporattiva ogħla, żieda fit-taxxi tas-sisa u sforz akbar sabiex jiġu miġġielda l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi. Id-defiċit huwa mistenni li jonqos aktar, sa 1,8% tal-PDG fl-2014 u 1% tal-PDG fl-2015. Ir-riskji prinċipali għall-miri baġitarji huma prinċipalment relatati mas-settur tal-impriżi tal-istat u mal-awtoritajiet lokali u reġjonali. F'termini ta’ bilanċ strutturali, l-aġġustament fiskali strutturali huwa mistenni li jkun aktar minn 7 punti perċentwali tal-PDG fl-2011-2012. L-OTM ta’ -0.5% tal-PGD jirrifletti adegwatament ir-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dwar id-dejn pubbliku, huwa mistenni li jilħaq il-punt massimu ta’ 115.7% tal-PDG fl-2013, u jinżel gradwalment wara.

(13)     Is-suċċess tal-Programm ta' Aġġustament Ekonomiku jiddependi kruċjalment fuq l-implimentazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta' riformi strutturali li se jneħħu r-riġiditajiet u l-ostakli li huma l-bażi tal-istaġnar ekonomiku ta’ dawn l-aħħar għaxar snin. Sar pogress evidenti sa issa. L-aġenda ta’ riforma wiesgħa u ambizzjuża hija fit-triq it-tajba fl-oqsma tas-suq tax-xogħol, tal-kura tas-saħħa, tal-akkomodazzjoni, tal-ġudikatura u tal-qafas regolatorju u tal-fallimenti, inkluża l-kompetizzjoni. Ukoll, il-privatizzazzjonijiet s’issa kellhom suċċess kbir. Fl-industriji tan-netwerk, il-progress kien aktar imħallat. B'mod partikolari strateġija komprensiva fis-settur tal-enerġija biex telimina id-dejn dejjem tiela’ tas-settur billi tittratta l-kirjiet eċċessiv għad trid tiġi kkonkretizzata.

(14)     Għaddej programmar mill-ġdid tal-Fondi Strutturali, b’enfasi fuq l-appoġġ għall-impjieg taż-żgħażagħ u l-kompetittività (b'mod partikolari l-SMEs). Il-miżuri l-ġodda jsaħħu l-azzjonijiet fl-oqsma ta’ ftuħ għall-impjiegi, ta’ taħriġ u kwalifiki professjonali u ta’ aċċess għall-finanzjament għall-Intrapriżi Żgħar u Medji.

(15)     Il-Portugall daħal għal għadd ta’ impenji fil-Patt Euro Plus. L-impenji, u l-implimentazzjoni tal-impenji ppreżentati fl-2011, għandhom l-għan li jtejbu l-kompetittività, ir-rata tal-impjiegi u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, filwaqt li jsaħħu s-sostenibbiltà finanzjarja.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Portugall għandu jieħu azzjoni fil-perjodu 2012-2013 biex:

Jimplimenta l-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE u li huma speċifikati aktar fil-Memorandum ta' Qbil tas-17 ta' Mejju 2011 u s-supplimenti sussegwenti tiegħu.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               COM (2012) 324 finali.

[3]               P7_TA(2012)0048 u P7_TA(2012)0047

[4]               Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/238/UE tas-26 ta’ April 2012