IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.4.2023
COM(2023) 215 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar in-nefqa tal-FAEG
Sistema ta' Twissija Bikrija Nru 1-3/2023
Werrej
1.Proċedura tal-baġit tal-FAEG tal-2023
2.Dħul assenjat għall-FAEG
3.Riżerva għall-agrikoltura
4.Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG tal-2023
4.1.Tipi ta’ interventi f’ċerti setturi fil-kuntest tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK
4.2.Nefqa b’rabta mas-suq barra mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK
4.3.Pagamenti diretti barra mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK
5.Implimentazzjoni tad-dħul assenjat għall-FAEG
6.Konklużjonijiet
|
anness:
|
Konsum proviżorju tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG sal-31 ta’ Jannar 2023
|
1.Proċedura tal-baġit tal-FAEG tal-2023
Fit-23 ta’ Novembru 2022, il-Parlament Ewropew adotta l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2023. Il-baġit għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) jammonta għal EUR 40 692 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u għal EUR 40 698 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament. Ir-raġuni għall-ammonti differenti għaż-żewġ tipi ta’ approprjazzjonijiet hija l-użu ta’ approprjazzjonijiet differenzjati għal ċerti miżuri implimentati direttament mill-Kummissjoni. Dawn huma prinċipalment relatati mal-miżuri ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli u mal-miżuri ta’ strateġija ta’ politika, ta’ koordinazzjoni u ta’ awditjar.
2.Dħul assenjat għall-FAEG
Abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2021/2116, id-dħul li joriġina minn korrezzjonijiet finanzjarji fil-qafas tad-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament u l-prestazzjoni tal-konformità kif ukoll mill-irregolaritajiet, jikkostitwixxi dħul assenjat għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG.
Skont dawn id-dispożizzjonijiet, id-dħul assenjat jista’ jkopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ kwalunkwe nefqa tal-FAEG. Id-dħul assenjat miġbur u li jibqa’ ma jintużax matul is-sena finanzjarja jiġi riportat awtomatikament għas-sena finanzjarja ta’ wara
.
Il-baġit tal-FAEG tal-2023 jinkludi:
·l-istimi tal-Kummissjoni tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament għall-interventi fis-suq, il-pagamenti diretti u nefqa oħra taħt ġestjoni diretta u indiretta
·l-istimi ta’ dħul assenjat li jrid jinġabar tul is-sena finanzjarja.
Fil-proposta tagħha għall-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG tal-2023, il-Kummissjoni qieset id-dħul assenjat totali mistenni. Għall-baġit tal-2023, il-Kummissjoni talbet livell ta’ approprjazzjonijiet ikkalkulat billi jitnaqqas id-dħul assenjat stmat mill-ħtiġijiet stmati. L-Awtorità tal-Baġit adottat il-baġit tal-FAEG għall-2023 filwaqt li qieset id-dħul assenjat mistenni.
Meta ġie stabbilit il-baġit tal-2023, l-istima tal-Kummissjoni tad-dħul assenjat disponibbli kienet tammonta għal EUR 632 miljun. Billi ma kienx mistenni riport mill-2022 għall-2023, ġie stmat li l-ammont kollu jinġabar matul is-sena finanzjarja. Il-Kummissjoni qieset dan id-dħul stmat meta talbet l-approprjazzjonijiet għall-iskema ta’ pagament bażiku (partita 08 02 05 04). It-total tal-approprjazzjonijiet ivvutati u tad-dħul assenjat għal din l-iskema jammonta għal EUR 14 826,3-il miljun inkluż id-dħul assenjat ta’ EUR 2,3 miljun riportat mis-sena baġitarja preċedenti.
L-anness ta’ dan ir-rapport juri l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit għall-2023 u t-tqabbil tiegħu mal-profil tan-nefqa mistenni.
3.Riżerva għall-agrikoltura
Għas-sena baġitarja 2023, ġew ivvutati EUR 450 miljun biex ikopru n-nefqa potenzjali taħt ir-riżerva għall-agrikoltura (08 02 01). Sal-aħħar ta’ Jannar, ġiet adottata miżura waħda, li talloka EUR 17 miljun, għal miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq għall-bajd u l-laħam tal-pollam fil-Polonja. S’issa ma ġiet iddikjarata l-ebda nefqa, iżda l-ammont sħiħ huwa previst li jiġi eżegwit.
F’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/2116, jistgħu jiġu adottati aktar miżuri biex jipprovdu appoġġ addizzjonali lis-settur agrikolu għall-finijiet tal-ġestjoni jew tal-istabbilizzazzjoni tas-suq u biex jagħtu rispons fil-pront f’każ ta’ kriżijiet li jolqtu lill-produzzjoni jew lid-distribuzzjoni agrikola.
4.Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG tal-2023
L-anness ta’ dan ir-rapport juri l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit għall-perjodu bejn is-16 ta’ Ottubru 2022 u l-31 ta’ Jannar 2023.
Qed isir tqabbil bejn il-livell ta’ implimentazzjoni u l-profil tan-nefqa tas-sistema ta’ twissija bikrija li ġiet stabbilita f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/2116.
4.1.Tipi ta’ interventi f’ċerti setturi fil-kuntest tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK
S’issa ma ġiet iddikjarata l-ebda nefqa għat-Tipi ta’ Interventi Settorjali l-ġodda taħt il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (Tipi ta’ interventi f’ċerti setturi fil-kuntest tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (CSP) - 08 02 02). Peress li kienet prevista b’mod differenti fil-profili, tidher devjazzjoni għall-partiti baġitarji kollha taħt dan l-artikolu. Id-devjazzjoni hija kkunsidrata temporanja f’dan l-istadju. Fil-każ tal-Ħops (08 02 02 04), il-pagament sar barra mis-CSP (ara l-kumment taħt 4.2, għat-08 02 03 09).
4.2.Nefqa b’rabta mas-suq barra mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK
L-użu tal-approprjazzjonijiet għan-nefqa b’rabta mas-suq barra mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (08 02 03) huwa ġeneralment konformi mal-profil tal-konsum.
In-nefqa għall-POSEI u l-Gżejjer Minuri tal-Eġew (08 02 03 01) turi devjazzjoni ta’ EUR -10,8 miljuni (-4,7 punti perċentwali) mill-profil tal-konsum.
L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet għall-“Promozzjoni ta’ prodotti agrikoli – Programmi sempliċi taħt ġestjoni kondiviża” (08 02 03 02) hija ta’ EUR 3,4 miljun (4,1 punti perċentwali) ogħla mill-profil.
Għall-skemi tal-iskejjel (08 02 03 04), in-nefqa ddikjarata sa issa hija ta’ EUR 4,7 miljun (2,7 punti perċentwali) ogħla mill-profil.
In-nefqa s’issa għall-Żejt taż-żebbuġa (08 02 03 05) hija ta’ EUR 0,2 miljuni (2,2 punti perċentwali) inqas milli mistenni fi tmiem Jannar, skont il-profil tal-konsum.
In-nefqa ddikjarata s’issa għall-Frott u l-ħxejjex (08 02 03 06) hija ta’ EUR 6,4 miljun (1,3 punti perċentwali) ogħla milli mistenni fi tmiem Jannar, skont il-profil tan-nefqa.
Għall-programmi ta’ appoġġ għall-inbid (08 02 03 07), in-nefqa ddikjarata s’issa hija ta’ 9,3 miljun (1,5 punti perċentwali) ogħla mill-profil tan-nefqa.
Għall-apikultura (08 02 03 08), in-nefqa ddikjarata s’issa hija ta’ 5,3 punti perċentwali (EUR 0,3 miljun) ogħla milli mistenni fi tmiem ta’ Jannar skont il-profil tal-konsum.
Għall-Ħops, l-eżekuzzjoni sħiħa saret taħt 08 02 03 09 (il-partita baġitarja tal-Ħops taħt in-nefqa b’rabta mas-suq barra l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) minflok 08 02 02 04 (il-partita baġitarja tal-Ħops taħt it-Tipi Settorjali ta’ Interventi taħt il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK).
Għal 08 02 03 10 miżura ta’ ħżin pubbliku u privat, id-diverġenza se tippersisti fir-rigward tal-ħżin privat tal-laħam tal-ħanżir li fis-sena baġitarja 2022 l-Istati Membri ħallsu parti mill-ammont inizjalment stmat li jitħallas fis-sena baġitarja 2023.
Fil-preżent, ħlief għall-miżuri ta’ ħżin pubbliku u privat, id-diverġenzi mill-profili għat-tipi ta’ miżuri ta’ hawn fuq huma kkunsidrati temporanji u l-ammonti bbaġitjati huma mistennija li jiġu implimentati lejn tmiem is-sena.
4.3.Pagamenti diretti barra mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK
L-użu tal-approprjazzjonijiet għall-pagamenti diretti barra mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (08 02 05) huwa ġeneralment konformi mal-profil tal-konsum. Sal-aħħar ta’ Jannar 2023, l-Istati Membri ddikjaraw total ta’ EUR 882,0 miljun għal dan l-artikolu baġitarju.
In-nefqa li saret għall-Pagament ridistributtiv (08 02 05 03), il-Pagament għal prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent (08 02 05 05), il-Pagamenti lill-bdiewa f’żoni b’restrizzjonijiet naturali (08 02 05 06), il-Pagament speċifiku għall-għelejjel tal-qoton (08 02 05 08), l-Iskema ta’ appoġġ akkoppjat volontarju (08 02 05 09) u l-Iskema għall-bdiewa żgħar (08 02 05 10) huma konformi mal-profil tal-konsum.
In-nefqa ddikjarata s’issa għall-POSEI u l-Gżejjer Minuri tal-Eġew (08 02 05 01) hija ta’ EUR 9,5 miljuni (-2,1 punti perċentwali) inqas milli mistenni fi tmiem Jannar, skont il-profil tal-konsum.
In-nefqa ddikjarata għall-Iskema ta’ pagament uniku skont l-erja (08 02 05 02) hija ta’ EUR 75,3 miljun inqas mill-profil (-1,7 punti perċentwali).
Għall-Iskema ta’ pagament bażiku (08 02 05 04), il-profil jiġi kkalkulat billi jitqies id-dħul assenjat. Abbażi ta’ dan, in-nefqa għal din l-iskema hija ta’ EUR 248,0 miljun (-1,7 punti perċentwali) inqas milli mistenni (ara l-kaxxa “Għall-Informazzjoni Biss” fl-anness).
In-nefqa ddikjarata għall-Iskema tal-pagament għall-bdiewa żgħażagħ (08 02 05 07) hija ta’ EUR 38,0 miljun inqas mill-profil (-8,0 punti perċentwali).
F’dan l-istadju, id-diverġenzi mill-profili għall-iskemi msemmija hawn fuq qed jitqiesu li huma temporanji, u l-ammont ibbaġitjat huwa mistenni li jiġi implimentat lejn tmiem is-sena.
5.Implimentazzjoni tad-dħul assenjat għall-FAEG
It-tabella fl-anness turi li sa tmiem Jannar 2023 kien inġabar dħul assenjat li jammonta għal EUR 389,3 miljun. Dan jinkludi:
·id-dħul fil-qafas tal-partita tal-baġit 62 00 ta’ EUR 387,0 miljun. Dan jikkonċerna prinċipalment id-dħul mill-korrezzjonijiet inklużi fid-deċiżjonijiet tal-kontabbiltà u tal-approvazzjoni tal-konformità, iżda wkoll minn irregolaritajiet iddikjarati mill-Istati Membri.
·filwaqt li ma ġie stmat l-ebda ammont riportat meta ġie adottat il-baġit tal-2023, id-dħul li eventwalment ġie riportat mill-2022 għall-2023 kien jammonta għal EUR 2,3 miljun.
6.Konklużjonijiet
F’termini relattivi, l-eżekuzzjoni proviżorja tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG għall-2023, għall-perjodu sal-31 ta’ Jannar 2023, taqbel mal-profil tan-nefqa kkalkulat.
Diġà huwa disponibbli dħul assenjat ta’ EUR 389,3 miljun, u huwa mistenni li jinġabru ammonti addizzjonali matul is-sena finanzjarja.
Bħalissa, il-Kummissjoni tistenna li l-approprjazzjonijiet ivvotati flimkien mal-ammont tad-dħul assenjat li se jkun disponibbli sa tmiem is-sena finanzjarja se jkunu biżżejjed biex ikopru n-nefqa kollha.