|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/661 |
10.2.2025 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Jannar 2025
li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Greċja
(C/2025/661)
Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,
Billi:
KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI
|
(1) |
Fit-30 ta' April 2024 daħal fis-seħħ qafas ta' governanza ekonomika tal-UE riformat. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali (1), flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (2), u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri emendata (3) huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat ta' governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti tar-regoli. |
|
(2) |
Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jissottomettu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika. Il-pjanijiet għandhom jimmiraw li jintlaħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, fost l-oħrajn, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern ikun fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli, jew jibqa' f'livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fuq it-terminu medju, u ii) l-iżgurar tat-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak il-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta (4), li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba' jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan għandu jispjega kif l-Istat Membru ser jiżgura t-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inklużi dawk li jappartjenu għall-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi (MIP), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru ser jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġi estiż sa tliet snin jekk l-Istat Membru jintrabat li jwettaq sett ta' riformi u investimenti rilevanti li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263. |
|
(3) |
Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
|
(4) |
Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni biex jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali. |
KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAL-GREĊJA
|
(5) |
Fis-7 ta' Ottubru 2024, il-Greċja ppreżentat il-pjan fiskali strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħha lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Is-sottomissjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif maqbul mal-Kummissjoni fl-24 ta' Settembru 2024 fid-dawl tar-raġunijiet mogħtija mill-Greċja. |
Proċess qabel is-sottomissjoni tal-pjan
|
(6) |
Sabiex jiġi inkwadrat id-djalogu li jwassal għas-sottomissjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024 il-Kummissjoni bagħtet it-trajettorja referenzjarja (5) lill-Greċja, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-Kummissjoni ppubblikat it-trajettorja referenzjarja fil-8 ta' Ottubru 2024 (6). It-trajettorja referenzjarja hija bbażata fuq ir-riskju u tiżgura li, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament fiskali u fin-nuqqas ta' aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja plawżibbli 'l isfel jew jibqa' f'livelli prudenti fuq it-terminu medju, u d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament u jinżamm taħt dak il-valur referenzjarju fuq it-terminu medju. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta' għaxar snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament. F'konformità mal-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja hija konsistenti wkoll mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit. It-trajettorja referenzjarja tal-Greċja tistabbilixxi li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jsostnu l-gwida minn qabel trażmessa f'Ġunju 2024 u jekk wieħed jassumi perjodu ta' aġġustament ta' erba' snin, in-nefqa netta ma għandhiex tikber b'aktar mill-valuri pprovduti fit-Tabella 1. Dan jikkorrispondi għal tkabbir medju nett fin-nefqa ta' 3,1 % matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2028). Tabella 1: Trajettorja referenzjarja pprovduta mill-Kummissjoni lill-Greċja fil-21 ta' Ġunju 2024
|
||||||||||||||||||
|
(7) |
F'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Greċja u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom fi djalogu tekniku minn Lulju sa Settembru 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst mill-Greċja u s-suppożizzjonijiet sottostanti tiegħu, kif ukoll it-twettiq previst ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini ta' kapaċitajiet ta' difiża. |
|
(8) |
Il-pjan ippreżentat mill-Greċja ma jirrapportax dwar proċess ta' konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti (inkluż is-sħab soċjali) li sar qabel is-sottomissjoni. |
|
(9) |
Il-Kunsill Fiskali Elleniku (HFC, Hellenic Fiscal Council) ta opinjoni li tapprova t-tbassir makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li jirfdu l-perkors tan-nefqa netta pluriennali. Madankollu, il-Kunsill Fiskali Elleniku appella għal viġilanza fir-rigward ta' xokkijiet esterni u inċertezzi makroekonomiċi. Il-Kunsill Fiskali Elleniku rrakkomanda l-promozzjoni ta' riformi strutturali fis-swieq tal-oġġetti, tas-servizzi u tax-xogħol, kif ukoll azzjonijiet biex jiġu indirizzati x-xejriet demografiċi negattivi. |
|
(10) |
Il-pjan ġie diskuss fil-parlament nazzjonali fl-4 ta' Ottubru 2024. |
Proċessi relatati oħra
|
(11) |
Fil-15 ta' Ottubru 2024, il-Greċja ssottomettiet l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tagħha għas-sena 2025. Il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar dan l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju fis-26 ta' Novembru 2024 (7). |
|
(12) |
Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Greċja qiegħda tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, il-Greċja qed tiffaċċa vulnerabbiltajiet relatati ma' dejn għoli tal-gvern u self għoli li ma jrendix fil-kuntest ta' qgħad għoli, li għadhom rilevanti iżda naqsu b'mod sinifikanti u huma mistennija jonqsu aktar, iżda l-pożizzjoni esterna għadha dgħajfa (8). |
|
(13) |
Fil-21 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lill-Greċja sensiela ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (9). |
SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI
|
(14) |
F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej: |
Kuntest: is-sitwazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u fiskali
|
(15) |
Fl-2023 l-attività ekonomika fil-Greċja kibret bi 2,3 %, xprunata mill-konsum privat, l-investiment fil-kostruzzjoni, u l-esportazzjonijiet netti. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, fl-2024 l-ekonomija mistennija li tikber bi 2,1 %, bis-saħħa ta' tkabbir sod fil-konsum privat u żieda fl-investiment fit-tagħmir. Fl-istess ħin, żieda fl-importazzjonijiet akkumpanjata minn tkabbir kajman fl-esportazzjoni mistennija li twassal għal tnaqqis fl-esportazzjonijiet netti. Fl-2025, il-PDG reali mistenni jiżdied bi 2,3 %, peress li l-konsum huwa mistenni li jkompli jespandi b'pass sod u l-investiment huwa mbassar li jkompli jaċċellera, hekk kif l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP) qed taqleb mir-riformi lejn l-investimenti. L-esportazzjonijiet netti huma maħsuba li ser iżommu lura t-tkabbir hekk kif it-tkabbir fl-importazzjoni huwa pprojettat li ser jibqa' b'saħħtu. Fl-2026, il-PDG reali mistenni jiżdied bi 2,2 %, peress li qed jitbassar li d-domanda domestika ser tkompli tikber b'pass sod, filwaqt li l-esportazzjonijiet netti mistennija jkollhom impatt newtrali fuq it-tkabbir tal-PDG. It-tkabbir tal-PDG potenzjali fil-Greċja huwa mistenni li jiżdied miż-0,7 % stmat għall-2023 għal 2,0 % sal-2026, u qed jiġi mmotivat minn żieda fil-produttività totali tal-fatturi, li tirrifletti l-impatt pożittiv tar-riformi strutturali, kif ukoll żieda fil-kontribuzzjoni mix-xogħol u l-kapital. Ir-rata tal-qgħad kienet ta' 11,1 % fl-2023, u hija pprojettata mill-Kummissjoni li tammonta għal 10,4 % fl-2024, 9,8 % fl-2025 u 9,2 % fl-2026. L-inflazzjoni (id-deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tonqos minn 5,9 % fl-2023 għal 3,5 % fl-2024, u li tilħaq 2,4 % fl-2025 u 2,2 % fl-2026. |
|
(16) |
Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tal-Greċja ammonta għal 1,3 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, huwa mistenni li jinżel għal 0,6 % tal-PDG fl-2024 u li jonqos aktar għal 0,1 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi tal-ebda bidla fil-politika, isir surplus ta' 0,2 % fl-2026. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi l-abbozz preliminari tal-baġit tal-Greċja għall-2025 li l-gvern ippropona lill-parlament nazzjonali f'Ottubru. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta' 163,9 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jonqos għal 153,1 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Huwa pprojettat li jkompli jonqos għal 146,8 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u għal 142,7 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta' politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm ma jkunux sostnuti minn miżuri ta' politika konkreti mħabbra b'mod kredibbli u speċifikati biżżejjed. |
Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan
|
(17) |
Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Greċja jkopri l-perjodu 2025-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq erba' snin. |
|
(18) |
Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263, bl-eċċezzjoni tal-informazzjoni dwar il-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati domestiċi qabel is-sottomissjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 13(g)(vi) tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
|
(19) |
Il-pjan jimpenja ruħu għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għal tkabbir medju tan-nefqa netta ta' 3,3 % matul is-snin 2025-2028. It-tkabbir medju tan-nefqa netta rrapportat fil-pjan matul il-perjodu ta' aġġustament (2025-2028) huwa ogħla mit-trajettorja referenzjarja trażmessa mill-Kummissjoni fil-21 ta' Ġunju 2024. Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali ser jiżdied għal 2,5 % fl-2025 (minn 1,2 % fl-2024), qabel ma jonqos għal 1,5 % fl-2028. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta' tkabbir tad-deflatur tal-PDG tiżdied għal 2,2 % fl-2025 (minn 3,0 % fl-2024), qabel ma tonqos gradwalment għal 2,4 % fl-2028. Tabella 2: Perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tal-Greċja
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż
|
(20) |
Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jonqos gradwalment minn 153,7 % fl-2024 għal 133,4 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028), skont it-tabella li ġejja. Wara l-aġġustament, fuq terminu medju (jiġifieri sal-2038), il-proporzjon tad-dejn huwa pprojettat li jkompli jonqos, skont il-pjan, biex jilħaq 114,9 % tal-PDG fl-2038. Tabella 3: Id-dejn tal-gvern estiż u l-iżviluppi tal-bilanċ fil-pjan tal-Greċja
Għalhekk, skont il-pjan, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż jaqbad trajettorja ta' tnaqqis fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Dan huwa plawżibbli peress li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-pjan, fil-pjan id-dejn huwa pprojettat li jonqos matul l-għaxar snin wara l-perjodu ta' aġġustament skont it-testijiet tal-istress deterministiċi kollha tal-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni, u l-projezzjonijiet stokastiċi jindikaw li d-dejn jonqos/ma jonqosx bi probabbiltà għolja biżżejjed. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (a), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
||||||||||||||||||||||||||||||||
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż
|
(21) |
Fuq il-bażi tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż jonqos minn 0,6 % tal-PDG fl-2025 u jaqbad perkors ta' żieda li tilħaq 1,2 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament tal-2028. Barra minn hekk, fl-għaxar snin ta' wara l-perjodu ta' aġġustament (jiġifieri sal-2038), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (b), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
Profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali
|
(22) |
Il-profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali, imkejjel bħala l-bidla fil-bilanċ primarju strutturali, kif deskritt fil-pjan, huwa lineari, kif meħtieġ mill-Artikolu 6, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan hu konsistenti mal-klawżola ta' salvagwardja ta' ebda posponiment kif stabbilit fl-Artikolu 6, il-punt (c) u fid-dispożizzjoni tranżizzjonali fl-Artikolu 36(1), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2024/1263. Tabella 4: Żviluppi fil-bilanċ primarju strutturali fil-pjan tal-Greċja
|
||||||||||||||||||||||||||||
Konsistenza mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit
|
(23) |
Jekk is-suppożizzjonijiet u l-impenji tal-pjan jimmaterjalizzaw, id-defiċit strutturali jibqa' taħt il-1,5 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-marġni ta' reżiljenza komuni msemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2024/1263 ser ikompli jiġi rispettat, u għalhekk mhuwiex meħtieġ it-titjib addizzjonali fil-bilanċ primarju strutturali msemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn
|
(24) |
F'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2024/1263, peress li d-dejn tal-gvern ser ikun ogħla minn 90 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament skont il-pjan, il-proporzjon tad-dejn huwa meħtieġ li jonqos b'mill-inqas punt perċentwali wieħed (1) bħala medja fis-sena sakemm jaqa' taħt id-90 %, u wara dan għandu jonqos b'medja ta' 0,5 % punti perċentwali. Dan it-tnaqqis medju huwa kkalkulat matul il-perjodu 2024–2028 u jammonta għal 5,1 punti perċentwali (ara t-Tabella 3). Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn. |
Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan
|
(25) |
Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali li huwa differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni trażmessi lill-Greċja fil-21 ta' Ġunju 2024. B'mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għal erba' varjabbli, jiġifieri l-pożizzjoni fiskali inizjali (jiġifieri l-bilanċ strutturali primarju fl-2024), it-tkabbir tal-PDG potenzjali, l-impatt baġitarju nett ta' miżuri ta' darba fl-2024 u l-elastiċità preżunta tad-dħul. Valutazzjoni bir-reqqa ta' dawn id-differenzi fis-suppożizzjonijiet hija meħtieġa biex jiġi żgurat li dawn ikunu sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi u mmexxija mid-data, speċjalment peress li t-tkabbir medju tan-nefqa netta fil-pjan huwa ogħla minn dak fit-trajettorja referenzjarja. Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma' valutazzjoni ta' kull differenza kkunsidrata b'mod iżolat.
Id-differenzi rimanenti fis-suppożizzjonijiet ma għandhomx impatt sinifikanti fuq it-tkabbir tan-nefqa netta medja meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Kollox ma' kollox, l-impatt fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta mis-suppożizzjoni aktar kawta dwar l-elastiċità jibbilanċja dak tas-suppożizzjoni differenti dwar it-tkabbir tal-PDG potenzjali. Min-naħa tiegħu, dan jimplika li d-differenza bejn il-perkors tan-nefqa netta fil-pjan u fit-trajettorja referenzjarja hija spjegata biss mill-pożizzjoni fiskali inizjali aġġornata. B'mod ġenerali, id-differenzi kollha fis-suppożizzjonijiet meħudin flimkien iwasslu għal tkabbir medju fin-nefqa netta fil-pjan li huwa ogħla mit-trajettorja referenzjarja. Fuq il-bażi ta' din il-valutazzjoni, il-pjan jissodisfa r-rekwiżit fil-qafas tal-Artikolu 13(b) tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-Kummissjoni ser tqis il-valutazzjoni ta' hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan f'valutazzjonijiet futuri tal-konformità mal-perkors tan-nefqa netta. |
Strateġija fiskali tal-pjan
|
(26) |
Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji fuq in-nefqa netta ser jitwettqu permezz ta' miżuri ta' politika fiskali kemm fuq in-naħa tan-nefqa kif ukoll fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit, flimkien ma' prijoritajiet tal-politika fiskali li qed jinbidlu. L-istrateġija fiskali stabbilita fil-pjan tinkludi miżuri li għandhom l-għan li jsaħħu l-introjtu disponibbli u jindirizzaw l-isfidi demografiċi u l-ħtiġijiet tal-akkomodazzjoni mingħajr ma jipperikolaw il-konformità mal-perkors tat-tkabbir fin-nefqa netta. Il-perkors tan-nefqa netta jippermetti żieda fin-nefqiet netti b'medja ta' 3,3 % fis-sena. F'dan il-marġni, il-Greċja qed tippjana li tieħu miżuri li jnaqqsu d-dħul bħal tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet ta' solidarjetà soċjali u t-tneħħija tat-taxxa ta' somma f'daqqa għal dawk li jaħdmu għal rashom kif ukoll miżuri li jżidu n-nefqa, l-aktar importanti hija ż-żieda gradwali fil-pagi tas-settur pubbliku kkawżata miż-żieda ppjanata tal-paga minima. Miżuri oħra jinkludu interventi biex jappoġġaw lill-familji bit-tfal u azzjonijiet għal akkomodazzjoni affordabbli u żieda fl-istokk ta' akkomodazzjoni. L-ispeċifikazzjoni tal-miżuri ta' politika li ser jiġu adottati għandha tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. Hemm xi riskji għall-implimentazzjoni tal-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, li jirriżultaw minn kawżi legali pendenti, b'mod partikolari l-kawżi ta' litigazzjoni kontra l-Public Real Estate Company li jistgħu jimplikaw trażżin f'entrati oħra ta' nefqa netta. L-abbozz ta' Pjan Baġitarju għall-2025 huwa konsistenti mal-impenn tan-nefqa netta għall-2025 (10). |
Intenzjonijiet ta' riforma u investiment fil-pjan biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew fejn jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni
|
(27) |
Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta' politika li jikkonċernaw ir-riformi u l-investimenti bħala rispons għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs, inklużi dawk li jappartjenu għall-MIP, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi 226 riforma u investiment, li minnhom 132 huma appoġġati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u 52 mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni. |
|
(28) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inklużi l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi tmienja u tmenin riforma u investimenti li l-Greċja tistenna li ser jikkontribwixxu lejn it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Għadd sinifikanti ta' riformi u investimenti dwar it-tranżizzjoni ekoloġika huma miżuri fl-RRP Grieg, inkluż il-kapitolu REPowerEU, jew huma appoġġati mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni. Pereżempju, ir-riformi u l-investimenti li jinsabu fil-pjan huma mistennija jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati CSRs speċifiċi, inkluż billi titnaqqas id-dipendenza tal-Greċja fuq il-fjuwils fossili permezz tal-espansjoni tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli, inkluż il-parkijiet eoliku fuq il-baħar u l-idroġenu, kif ukoll billi tissaħħaħ il-kapaċità tal-infrastruttura u n-networks tal-enerġija (CSRs tal-2023 u l-2022 dwar l-enerġija rinnovabbli, l-infrastruttura tal-enerġija u n-networks). Ir-riformi u l-investimenti oħra fil-pjan għandhom l-għan li jtejbu l-effiċjenza enerġetika tal-pajjiż tal-istokk tal-bini tiegħu (CSRs tal-2023 u l-2022 dwar l-effiċjenza enerġetika), jirristrutturaw l-entitajiet muniċipali għall-ġestjoni tal-ilma u jsaħħu l-infrastruttura tal-irrigazzjoni u tal-ġestjoni tal-ilma mormi (CSR tal-2019 dwar il-politika ambjentali u l-ġestjoni tar-riżorsi), u jħejju pjanijiet spazjali speċjali u jsaħħu s-sistema ta' ġestjoni tal-protezzjoni ċivili (CSR tal-2024 dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima). Il-pjan Grieg jinkludi wkoll xi riformi u investimenti li għandhom l-għan li jelettrifikaw is-settur tat-trasport tal-Greċja, inkluża riforma organizzazzjonali fis-settur ferrovjarju u investimenti biex jespandu l-punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi madwar il-Greċja, li huma mistennija jikkontribwixxu għal settur tat-trasport aktar sostenibbli (CSRs tal-2024, l-2023 u l-2022 dwar it-trasport). Fir-rigward tat-tranżizzjoni diġitali, eżempji ta' riformi u investimenti inklużi fil-pjan huma riforma li għandha l-għan li tlesti l-katast nazzjonali, li huwa mistenni li jsaħħaħ l-ambjent tan-negozju (CSR tal-2023 dwar l-ambjent tan-negozju), investiment li għandu l-għan li jiddiġitalizza l-arkivji pubbliċi, li huwa mistenni li jikkontribwixxi għad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika (CSRs tal-2020 u l-2019 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u s-servizzi pubbliċi) u investiment li għandu l-għan li jappoġġa l-iżvilupp ta' għodod diġitali għall-SMEs Griegi (CSR tal-2019 dwar id-diġitalizzazzjoni tan-negozji). Il-maġġoranza tar-riformi u l-investimenti li huma parti mill-pjan u li għandhom l-għan li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni diġitali tal-Greċja huma parti mill-RRP Grieg jew huma appoġġati mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni. |
|
(29) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi erbgħa u disgħin riforma u investiment li l-Greċja tistenna li ser jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-reżiljenza soċjali u ekonomika tal-pajjiż. Fost ir-riformi u l-investimenti li huma parti mill-pjan Grieg u relatati ma' CSRs speċifiċi hemm il-modifiki tal-qafas tal-politika tat-taxxa tal-Greċja, li mistennija jikkontribwixxu għat-twessigħ tal-bażi tat-taxxi fuq l-introjtu u t-tisħiħ tal-awtonomija operazzjonali tal-amministrazzjoni tat-taxxa (CSRs tal-2023 u l-2022 dwar il-politika tat-tassazzjoni u l-amministrazzjoni tat-taxxa), it-tnedija tar-riforma tal-kura tas-saħħa primarja, li mistennija tikkontribwixxi għall-aċċessibbiltà, l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-kura tas-saħħa (CSRs tal-2023 u l-2022 dwar il-kura tas-saħħa), iż-żieda tal-investiment pubbliku u privat fir-riċerka u l-iżvilupp (CSR tal-2019 dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni); kif ukoll il-promozzjoni ta' investimenti li għandhom l-għan li jsaħħu l-koeżjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-impjegabbiltà li huma mistennija jikkontribwixxu għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid (CSRs tal-2019 u l-2023 dwar il-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim għall-adulti kif ukoll l-edukazzjoni u s-CSR tal-2019 dwar il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u l-iżgurar tal-inklużjoni soċjali). Barra minn hekk, il-pjan jinkludi riformi u investimenti li mistennija jikkontribwixxu għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika (CSRs tal-2024, l-2023 u l-2022 dwar l-amministrazzjoni pubblika) li jkomplu jnaqqsu l-istokk ta' self li ma jrendix (CSRs tal-2024 u l-2023 dwar id-dejn tas-settur privat u l-qafas tal-insolvenza u dwar l-istabbiltà finanzjarja, li huma marbuta wkoll mal-MIP) u riforma li għandha l-għan li tirristruttura il-Korporazzjoni Ellenika tal-Assi u l-Parteċipazzjonijiet (CSR tal-2024 dwar intrapriżi tal-Istat). |
|
(30) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi ħdax-il riforma u investiment li l-Greċja tistenna li ser jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tal-pajjiż u li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati CSRs speċifiċi. Dawn ir-riformi u l-miżuri ta' investiment huma kollha parti mill-RRP tal-Greċja, inkluż il-kapitolu REPowerEU tagħha. Pereżempju, il-pjan Grieg fih riformi biex tiżdied il-kapaċità ta' ħżin tal-pajjiż u tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tiegħu (CSR tal-2023 u l-2022 dwar l-infrastruttura tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika). Barra minn hekk, il-pjan fih investimenti li għandhom l-għan li jkomplu jżidu l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli u jsaħħu l-kapaċità tan-networks tal-elettriku (CSRs tal-2023 u l-2022 dwar l-enerġija rinnovabbli u n-networks), li huma mistennija wkoll li jagħmlu lill-Greċja inqas dipendenti fuq il-fjuwils fossili, u b'hekk tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tagħha. |
|
(31) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta' difiża, il-pjan jinkludi erbatax-il riforma u investiment, li waħda minnhom hija parti mill-RRP Grieg, li l-Greċja tistenna li ser tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' difiża tal-pajjiż. |
|
(32) |
Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-fondi tal-politika ta' koeżjoni u mal-RRP tal-Greċja. B'mod speċifiku, il-pjan fih tabelli dettaljati għal kull ministeru li jistabbilixxu r-riformi u l-investimenti rilevanti għal kull prijorità komuni, ir-rabta tagħhom mas-CSRs u jekk humiex parti mill-RRP jew minn strumenti oħra ta' finanzjament tal-UE (prinċipalment il-fondi tal-politika ta' koeżjoni tal-UE). |
|
(33) |
Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-bżonn ta' investiment pubbliku tal-Greċja b'rabta mal-prijoritajiet komuni tal-UE u għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-kisba ta' dawk il-ħtiġijiet ta' investiment. Għall-prijorità tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, il-pjan jelenka l-prijoritajiet ewlenin li ser ikunu koperti mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni, inkluż il-Programm ta' Żvilupp għal Tranżizzjoni Ġusta, filwaqt li jelenka wkoll ħtiġijiet speċifiċi ta' investiment għal kull ministeru li jkopru investimenti li huma parti mill-RRP Grieg. Il-pjan jiddikjara li 30 % tal-baġit totali tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2021–2027 ġie allokat għal politiki ddedikati għal azzjonijiet għat-tranżizzjoni ekoloġika. Fir-rigward tal-prijorità tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jelenka l-prijoritajiet ewlenin li ser jiġu koperti mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni (2021–2027), inkluż l-FSE+, filwaqt li jelenka wkoll ħtiġijiet speċifiċi ta' investiment għal kull ministeru li jkopri investimenti li huma parti mill-RRP Grieg. F'dak li jikkonċerna l-prijorità tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jagħmel referenza għall-investiment “Sistema ta' Gass Naturali Indipendenti (ASFA) Alexandroupolis”, li ser jiġi appoġġat mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni, u mistenni li jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-gass naturali tal-Greċja, u b'hekk jippermetti li d-dipendenza tal-pajjiż fuq il-gass naturali li joriġina mir-Russja tkompli tonqos. B'rabta mal-prijorità tal-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża, il-pjan jelenka proġetti speċifiċi li ser jitwettqu mill-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali u mill-Ministeru għall-Protezzjoni taċ-Ċittadini, inkluż biex tissaħħaħ l-industrija tad-difiża tal-Greċja bil-kontribut taċ-Ċentru Elleniku għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Difiża u l-forniment ta' sistemi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ għas-sorveljanza tal-fruntieri. |
Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni
|
(34) |
B'mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tal-Greċja jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
KONKLUŻJONI ĠENERALI TAL-KUNSILL
|
(35) |
Il-Kunsill jilqa' l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Greċja u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu twassal biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku kif ukoll tkabbir sostenibbli u inklużiv. |
|
(36) |
Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan. Madankollu, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet futuri f'dokument separat mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. |
|
(37) |
Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan, inkluż fir-rigward tal-gwida minn qabel mill-Kummissjoni, kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan għad-defiċit u d-dejn tal-gvern. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali, filwaqt li f'xi każijiet huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluż biex jipprovdu għal data makroekonomika u fiskali aġġornata, huma ġeneralment debitament ġustifikati u sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi. Il-Kunsill jieħu nota tal-istrateġija fiskali wiesgħa tal-pjan u r-riskji għall-prospettiva, li jistgħu jaffettwaw il-materjalizzazzjoni tax-xenarju makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet sottostanti u t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan. B'mod partikolari, il-Kunsill jagħraf li, skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, id-differenza bejn il-perkors tan-nefqa netta fil-pjan u t-trajettorja referenzjarja hija esklużivament dovuta għall-aġġornament tal-pożizzjoni fiskali inizjali. Il-Kunsill jinnota wkoll li r-riskji ġeopolitiċi jistgħu jagħmlu pressjoni fuq in-nefqiet tad-difiża. |
|
(38) |
Il-Kunsill jistenna li l-Greċja tkun lesta taġġusta l-istrateġija fiskali tagħha kif meħtieġ biex tiżgura t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tagħha. Il-Kunsill huwa determinat li jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u fiskali, inkluż dawk sottostanti għax-xenarju tal-pjan. |
|
(39) |
Il-Kunsill iqis li aktar diskussjonijiet biex jinstab fehim komuni dwar l-implikazzjonijiet ta' sorveljanza annwali tar-rati ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta huma meħtieġa fil-ħin għaċ-ċiklu li jmiss ta' sorveljanza fiskali. |
|
(40) |
Il-Kunsill jieħu nota tad-deskrizzjoni tal-Kummissjoni tar-riformi u l-ħtiġijiet u l-intenzjonijiet ta' investiment b'reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat it-twettiq ta' tali riformi u investimenti. Il-Kunsill, abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni, ser jivvaluta tali riformi u investimenti u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fil-qafas tas-Semestru Ewropew. |
|
(41) |
Il-Kunsill jistenna b'interess ir-rapporti ta' progress annwali mill-Greċja li għandu jkun fihom, b'mod partikolari, informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti usa' fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. |
|
(42) |
F'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lill-Greċja. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Greċja:
|
1. |
Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta' din ir-Rakkomandazzjoni. |
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
A. DOMAŃSKI
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta' April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta' April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).
(4) In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata kompletament minn dħul minn fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(5) Gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi trajettorji mingħajr u b'estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament (li jkopri 4 u 7 snin, rispettivament). Dan jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni. It-trajettorja referenzjarja ġiet ikkalkolata abbażi tal-metodoloġija deskritta fid-Debt Sustainability Monitor 2023 (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_en). Din hija bbażata fuq it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2033, u t-tkabbir tal-PDG fit-tul u l-ispejjeż tat-tixjiħ huma konformi mar-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill 2024 Ageing Report(https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en).
(6) Ara: https://economy-finance.ec.europa.eu/document/download/d3a360b9-a45d-49ac-8769-038a48dbfb11_en?filename=Commission_prior_guidance_-_greece_en.pdf.
(7) L-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tal-Greċja, 26.11.2024, C(2024) 9053 final.
(8) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, COM(2024) 600 final, Appendiċi 4.
(9) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2024 dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Greċja.
(10) Ara l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tal-Greċja, 26.11.2024, C(2024) 9053 final.
ANNESS I
Rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta
(rati ta' tkabbir annwali u kumulattivi, f'termini nominali)
Il-Greċja
|
Snin |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
|
|
Rati ta' tkabbir (%) |
Annwali |
3,7 |
3,6 |
3,1 |
3,0 |
|
Kumulattiv (*1) |
6,5 |
10,3 |
13,7 |
17,1 |
|
(*1) Ir-rati ta' tkabbir kumulattivi huma kkalkolati b'referenza għas-sena bażi tal-2023. Ir-rati kumulattivi ta' tkabbir jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta' kontroll.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/661/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)