|
5.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 96/85 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/740
tal-4 ta’ April 2023
dwar l-istandards armonizzati għall-ġugarelli abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-ġugarelli li jkunu konformi mal-istandards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu preżunti konformi mar-rekwiżiti koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom, stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/48/KE u fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. |
|
(2) |
Fil-Parti III tal-Anness II tagħha, id-Direttiva 2009/48/KE tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem minħabba esponiment għas-sustanzi jew għat-taħlitiet kimiċi li l-ġugarelli jkunu magħmula minnhom jew li jkun fihom. Barra minn hekk, l-Artikolu 10(2) jistabbilixxi r-rekwiżit tas-sikurezza ġenerali. |
|
(3) |
Bl-ittra M/445 (3) tad-9 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni ressqet talba quddiem il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) għall-abbozzar ta’ standards armonizzati ġodda u għar-reviżjoni tal-istandards armonizzati eżistenti b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE. Dik it-talba ġiet sostitwita b’talba ġdida stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2022) 7410 (4), li talbet fost l-oħrajn reviżjoni tal-istandard EN 71-13 “Sigurtà ta’ ġugarelli - Parti 13: Logħob li jintlagħab fuq bord u hu bbażat fuq ix-xamm, logħob li jintlagħab fuq bord u hu bbażat fuq it-togħma, kits kosmetiċi u kits tat-togħma”. |
|
(4) |
Is-CEN irreveda l-istandard armonizzat EN 71-13: 2021 “Sigurtà ta’ ġugarelli - Parti 13: Logħob li jintlagħab fuq bord u hu bbażat fuq ix-xamm, logħob li jintlagħab fuq bord u hu bbażat fuq it-togħma, kits kosmetiċi u kits tat-togħma”, li r-referenza tagħha ġiet ippubblikata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1992 (5). Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandard armonizzat EN 71-13:2021+A1:2022. |
|
(5) |
L-ispeċifikazzjonijiet tal-istandard armonizzat EN 71-13:2021+A1:2022 huma relatati b’mod aktar ċar mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/48/KE. B’mod partikolari, din il-verżjoni l-ġdida tal-istandard EN 71-13:2021 tallinja l-istandard mad-Direttiva 2009/48/KE kif emendata bid-Direttivi tal-Kummissjoni (UE) 2020/2088 (6) u (UE) 2020/2089 (7). It-tabelli 1 u 2 tal-istandard ġew riveduti u ddaħħlet tabella addizzjonali 3 fl-istandard sabiex jitqiesu l-bidliet fil-listi tal-fwejjaħ allerġeniċi fid-Direttiva 2009/48/KE, introdotti bid-Direttivi (UE) 2020/2088 u (UE) 2020/2089. It-tabella 3 tal-istandard tinkludi fwejjaħ allerġeniċi li, skont id-Direttiva 2009/48/KE, għandhom jiġu elenkati fuq tikketta mwaħħla mal-ġugarell, fuq l-imballaġġ jew f’fuljett li jakkumpanja l-ġugarell. L-istandard EN 71-13:2021+A1:2022 jinkludi l-ispeċifikazzjoni li l-kits kożmetiċi u l-logħob tat-togħma ma għandhomx jintużaw minn tfal iżgħar minn 36 xahar. Din l-ispeċifikazzjoni tirrifletti b’mod ċar ir-rekwiżit stabbilit fil-Parti III, il-punt 12, it-tieni paragrafu, tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandard armonizzat EN 71-13:2021+A1:2022 abbozzat mis-CEN jikkonformax mat-talba M/445 tad-9 ta’ Lulju 2009. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-konformità mat-talba l-ġdida stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022) 7410. L-istandard armonizzat jissodisfa r-rekwiżiti li għandu l-għan li jkopri u li huma stabbiliti fid-Direttiva 2009/48/KE. Għalhekk jixraq tiġi ppubblikata r-referenza ta’ dak l-istandard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(7) |
L-istandard armonizzat EN 71-13:2021+A1:2022 jissostitwixxi l-istandard armonizzat EN 71-13:2021. Għalhekk, jeħtieġ li r-referenza ta’ dak l-istandard tiġi rtirata minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(8) |
Fl-interessi taċ-ċarezza, tar-razzjonalità u tas-simplifikazzjoni, jenħtieġ li lista sħiħa tar-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru tiġi ppubblikata f’att uniku. Ir-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE huma ppubblikati attwalment bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1992. Konsegwentement, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1992 jeħtieġ tiġi sostitwita b’deċiżjoni ġdida. |
|
(9) |
Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza tat-tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-referenzi tal-istandards armonizzati għall-ġugarelli abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE, elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma b’dan ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1992 hija mħassra.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ April 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.
(2) Id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1).
(3) M/445 tad-9 ta’ Lulju 2009 dwar mandat ta’ standardizzazzjoni indirizzat lis-CEN u lis-CENELEC fil-qafas tad-Direttiva 2009/48/KE li tirrevedi d-Direttiva 88/378/KEE dwar is-sigurtà tal-ġugarelli.
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2022) 7410 tal-24 ta’ Ottubru 2022 dwar talba għal standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1992 tat-15 ta’ Novembru 2021 dwar l-istandards armonizzati għall-ġugarelli abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 405, 16.11.2021, p. 14).
(6) Id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2020/2088 tal-11 ta’ Diċembru 2020 li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-fwejjaħ allerġeniċi fil-ġugarelli (ĠU L 423, 15.12.2020, p. 53).
(7) Id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2020/2089 tal-11 ta’ Diċembru 2020 li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-projbizzjoni tal-fwejjaħ allerġeniċi fil-ġugarelli (ĠU L 423, 15.12.2020, p. 58).
ANNESS
|
Nru |
Referenza tal-istandard |
||
|
1. |
EN 71-1:2014+A1:2018 Is-sikurezza tal-ġugarelli — Parti 1: Kwalitajiet mekkaniċi u fiżiċi |
||
|
2. |
EN 71-2:2020 Is-sikurezza tal-ġugarelli — Parti 2: Fjammabilità |
||
|
3. |
EN 71-3:2019+A1:2021 Is-sikurezza tal-ġugarelli — Parti 3: Migrazzjoni ta’ ċerti elementi |
||
|
4. |
EN 71-4:2020 Is-sikurezza tal-ġugarelli — Parti 4: Settijiet għal esperimenti għal attivitajiet ta’ kimika u attivitajiet relatati |
||
|
5. |
EN 71-5:2015 Is-sikurezza tal-ġugarelli — Parti 5: Ġugarelli ta’ natura kimika (settijiet) minbarra settijiet għal esperimenti |
||
|
6. |
EN 71-7:2014+A3:2020 Is-sikurezza tal-ġugarelli — Parti 7: Żebgħat tas-swaba’ — Rekwiżiti u metodi ta’ ttestjar |
||
|
7. |
EN 71-8:2018 Is-sikurezza tal-ġugarelli — Parti 8: Ġugarelli għal attivitajiet fid-dar |
||
|
8. |
EN 71-12:2016 Is-sikurezza tal-ġugarelli — Parti 12: Sustanzi N-nitrosamini u N-nitrosazjabbli Nota ta’ informazzjoni: Il-valuri limitu fil-punt a) tat-Tabella 2 tal-klawżola 4.2 tal-istandard “EN 71-12:2016 Is-sikurezza tal-ġugarelli — Parti 12: Sustanzi N-nitrosamini u N-nitrosazjabbli” huma inqas mill-valuri limitu li għandu jkun hemm konformità magħhom u li huma stabbiliti fil-punt 8 tal-Parti III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE. B’mod partikolari dawk il-valuri huma kif ġej: |
||
|
Sustanza |
Standard EN 71-12:2016 |
Direttiva 2009/48/KE |
|
|
N-nitrosamini |
0,01 mg/kg |
0,05 mg/kg |
|
|
N-nitrosazjabbli |
0,1 mg/kg |
1 mg/kg. |
|
|
9. |
EN 71-13:2021+A1:2022 Is-sikurezza tal-ġugarelli — Parti 13: Logħob li jintlagħab fuq bord u li hu bbażat fuq ix-xamm, kits kosmetiċi u kits tat-togħma |
||
|
10. |
EN 71-14:2018 Is-sikurezza tal-ġugarelli — Parti 14: Trampolini għal użu domestiku |
||
|
11. |
EN IEC 62115:2020 Ġugarelli elettriċi — Sikurezza EN IEC 62115:2020/A11:2020 |
||