|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6865 |
28.11.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Pakkett dwar il-konnettività rigward in-networks u l-infrastruttura diġitali
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2024/6865)
Relatur:
Isabel CAÑO AGUILARKorelatur:
Maurizio MENSI|
Konsulenti |
Sergio SANTILLÁN (għar-relatur) Federico MARINI BALESTRA (għall-korelatur) |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
15.2.2024 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għat-Trasport, Enerġija, Infrastruttura u Soċjetà tal-Informazzjoni |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
18.7.2024 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
18.9.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
590 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
169/0/0 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-ekonomija diġitali għall-ekonomija tal-UE u l-benefiċċji tal-interkonnettività għad-djar, it-trasport pubbliku, is-saħħa u r-relazzjonijiet personali. |
|
1.2. |
L-UE adottat regolamenti ġodda dwar l-ekonomija diġitali u adattat ukoll il-politika industrijali tagħha. Madankollu, huma meħtieġa deċiżjonijiet ġodda għall-promozzjoni ta’ settur ewlieni għall-progress soċjali u ekonomiku. Il-White Paper dwar Kif nistgħu nissodisfaw il-ħtiġijiet tal-infrastruttura diġitali tal-Ewropa? għandha tilħaq dan l-għan. Fil-kuntest il-ġdid teknoloġiku u tas-suq huwa essenzjali li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi bejn l-atturi kollha fl-ekosistema diġitali, u li jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu protetti bl-istess mod irrispettivament mill-fornitur. |
|
1.3. |
L-UE qed tiffaċċja diversi sfidi:
|
|
1.4. |
Il-frammentazzjoni tirriżulta mhux biss minn awtoritajiet differenti ta’ implimentazzjoni, iżda wkoll mid-differenzi fit-traspożizzjoni tad-direttivi bejn l-Istati Membri, u għalhekk il-KESE jipproponi:
|
|
1.5. |
Il-KESE jirrakkomanda li jinħolqu operaturi b’saħħithom fl-ekonomija tas-suq li jippromovu d-djalogu dwar l-impjieg u d-djalogu soċjali f’konformità mal-valuri Ewropej. |
|
1.6. |
It-triq ’il quddiem. Proposti tal-KESE
|
2. Introduzzjoni
|
2.1. |
It-teknoloġiji diġitali għandhom impatt profond fuq il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE, u jagħtu spinta lill-effiċjenza u l-innovazzjoni. |
|
2.2. |
L-interkonnettività hija ta’ benefiċċju għan-nies f’diversi modi, inkluż:
|
|
2.3. |
Biex iżżomm it-tmexxija industrijali tagħha, jeħtieġ li l-UE tikseb rwol ewlieni fil-“vertikali” tat-teknoloġija diġitali ewlenija, mill-intelliġenza artifiċjali sal-computing kwantistiku, il-mikroelettronika u r-realtà virtwali, u li tuża infrastrutturi diġitali, miċ-ċibersigurtà, u l-5G sal-cloud computing u d-data. |
|
2.4. |
Fiċ-ċiklu leġiżlattiv li se jispiċċa, ġew stabbiliti regolamenti ġodda bħall-Att dwar is-Servizzi Diġitali, l-Att dwar is-Swieq Diġitali, l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, l-Att dwar id-Data u l-Att dwar il-Governanza tad-Data. Minbarra r-regolamenti, l-UE aġġornat ukoll il-politika industrijali tagħha fl-2021, bil-għan li torganizza l-pilastri diġitali u ekoloġiċi permezz ta’ diversi inizjattivi u, b’mod partikolari, permezz tal-Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEIs). S’issa, dawn il-proġetti ma kellhomx l-impatt mistenni. |
|
2.5. |
Il-miri tal-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali jinkludu:
|
3. Sfidi għall-UE
|
3.1. |
Il-Kummissjoni Ewropea u l-atturi tal-ekonomija diġitali jaqblu dwar il-bosta sfidi li l-UE jeħtieġ li tegħleb: |
|
3.1.1. |
Sfidi teknoloġiċi: l-iżviluppi rapidi fil-komunikazzjoni u t-teknoloġiji tal-informatika qed iwasslu għal mudelli ta’ negozju u applikazzjonijiet tan-network ġodda. Dawn jeħtieġu żieda esponenzjali kontinwa fl-ipproċessar, il-ħżin u t-trażmissjoni tad-data, iżda wkoll fil-kapaċità teknoloġika. |
|
3.1.2. |
Ħtiġijiet ta’ investiment: l-Ewropa teħtieġ investiment sostanzjali u kkoordinat ta’ aktar minn EUR 200 biljun mis-setturi privati u pubbliċi biex jiġu introdotti networks diġitali ta’ kapaċità għolja, li se jgħinna nilħqu l-miri stabbiliti fil-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali. Barra minn hekk, it-trasformazzjoni b’suċċess tal-operaturi ewlenin tat-telekomunikazzjoni f’fornituri tas-servizzi tan-network u tal-cloud teħtieġ kapaċitajiet ta’ investiment sinifikanti addizzjonali. Hija meħtieġa strateġija ta’ investiment prudenti li tqis il-post u d-densità tal-popolazzjoni. Għandna nindirizzaw ukoll il-ħtieġa li nżommu u ntejbu l-infrastruttura. It-tul tal-ħajja għall-kejbils taħt il-baħar huwa ta’ 25 sena, iżda ma hemm l-ebda strateġija fis-seħħ għall-ġestjoni proattiva taċ-ċiklu tal-ħajja. |
|
3.1.3. |
Il-qafas regolatorju tal-UE ilu jaqdi rwol ċentrali fil-promozzjoni tal-liberalizzazzjoni u l-investiment għal dawn l-aħħar 25 sena. F’dan ir-rigward, l-UE u l-Istati Membri għandhom itejbu l-kapaċità tagħhom li jappoġġjaw il-kollaborazzjoni orizzontali u r-riċerka fl-evoluzzjoni teknoloġika u jħaffu l-pass tal-proċeduri, kemm permezz ta’ regolamentazzjoni aktar flessibbli kif ukoll permezz ta’ proċeduri aktar semplifikati. |
|
3.1.4. |
Meta mqabbla ma’ atturi oħra, is-servizzi mobbli u tal-fibra rħas u innovattivi huma mifruxa ħafna fl-UE. Għandu jinżamm il-qafas regolatorju eżistenti, ibbażat fuq l-iskala tal-klawżola ta’ estinzjoni regolatorja u tal-investiment u jiġi kkomplementat fejn meħtieġ biex jitqiesu servizzi u atturi ġodda. Meta jitqies l-iżvilupp tas-servizzi M2M, id-differenzi potenzjali fil-pjani nazzjonali ta’ numerazzjoni u l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni jridu jingħelbu, possibbilment billi jinħolqu skemi pan-Ewropej ad hoc għal dawn is-servizzi transnazzjonali b’mod inerenti. Huwa kruċjali li x-xenarji ta’ politika u regolatorji mressqa mill-Kummissjoni fil-White Paper jiġu implimentati malajr permezz ta’ azzjonijiet konkreti mmirati biex jappoġġjaw l-investimenti meħtieġa bil-għan li jintlaħqu l-miri tad-Deċennju Diġitali tal-UE, u biex ilaħħqu mal-ekonomiji globali ewlenin l-oħra, u b’hekk jiġi żgurat li l-konsumaturi Ewropej ma jibqgħux lura f’termini ta’ disponibbiltà u kwalità tas-servizz. |
|
3.1.5. |
Approċċ frammentat għall-ġestjoni tal-ispettru tar-radju: it-tentattivi preċedenti biex tiġi stabbilita koordinazzjoni akbar fl-UE fil-qasam tal-ġestjoni tal-ispettru ma kinux kompletament ta’ suċċess, u, b’mod parallel, ġew osservati diskrepanzi u dewmien fiż-żmien tal-assenjazzjonijiet tal-ispettru u fl-implimentazzjoni tal-infrastruttura tan-network fl-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tarmonizza aħjar ir-rilaxx u l-liċenzjar tal-ispettru tar-radju għas-servizzi mobbli. |
|
3.1.6. |
Nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti: fil-kuntest il-ġdid teknoloġiku u tas-suq huwa essenzjali li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi bejn l-atturi kollha fl-ekosistema diġitali, u li jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu protetti bl-istess mod irrispettivament mill-fornitur. Il-qafas regolatorju eżistenti tal-UE għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika ma jirriflettix il-konverġenza bejn il-fornituri tal-cloud u tat-telekomunikazzjoni u ma jiżgurax drittijiet u obbligi ekwivalenti għall-atturi u l-utenti finali kollha tan-networks diġitali, kemm pubbliċi kif ukoll privati. Il-White Paper ġustament tiddeskrivi ekosistema li fiha r-rwoli tad-diversi atturi qed isiru dejjem aktar imċajpra u kkaratterizzati minn firxa ta’ relazzjonijiet differenti. Għalhekk, it-trattament regolatorju asimmetriku għall-fornituri tal-komunikazzjonijiet elettroniċi “tradizzjonali”, minn naħa, u għall-fornituri tas-servizzi tal-cloud/diġitali, min-naħa l-oħra, ma għadux ġustifikabbli. Dan huwa saħansitra aktar minnu f’kuntest fejn is-swieq u s-servizzi diġitali huma kkonċentrati ħafna, u ftit huma l-pjattaformi kbar ta’ awtomatizzazzjoni tal-komunikazzjoni (pjattaformi online kbar ħafna/gwardjani) li għandhom saħħa tas-suq sinifikanti u stabbilita u jfornu kontenut/applikazzjonijiet “essenzjali” lill-utenti finali.
Il-KESE japprezza l-fatt li l-Kummissjoni tgħid fil-White Paper li “il-pedament stabbli ta’ kull regolament futur għandu jkun id-‘Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali’ tal-15 ta’ Diċembru 2022, li permezz tagħha n-nies jinsabu fiċ-ċentru tat-trasformazzjoni diġitali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li n-negozji kollha, inkluż l-SMEs, għandhom jibbenefikaw minnha”. |
|
3.1.7. |
Iċ-ċentri tal-cloud tal-atturi l-kbar ħafna drabi huma konnessi ma’ networks li, skont ir-Regolament attwali, jistgħu ma jkunux ġew ikkategorizzati bħala pubbliċi jew privati u, għalhekk, ibatu minn inċertezza regolatorja. |
|
3.1.8. |
Il-ħtieġa għal aktar kapaċitajiet industrijali u innovattivi tul il-katina tal-valur tat-telekomunikazzjoni: biex tiġi żgurata s-sigurtà ekonomika tal-infrastrutturi tan-network tagħha, l-UE tista’ tiffaċilita ambjent kooperattiv u multidixxiplinari, u ttejjeb l-aċċess għal-finanzjament għall-atturi tal-UE, u b’hekk tħeġġeġ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istrateġiji ta’ investiment pubbliċi u privati. |
|
3.1.9. |
Sostenibbiltà: is-settur tal-ICT jirrappreżenta madwar 7-9 % tal-konsum globali tal-elettriku, madwar 3 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b’effett ta’ serra u ammonti dejjem akbar ta’ skart elettroniku. Il-benefiċċji tat-teknoloġija diġitali, meta din tiġi użata kif suppost, jistgħu jegħlbu l-emissjonijiet tagħha u jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet globali, iżda dan jirrikjedi aktar investiment mill-operaturi. |
|
3.1.10. |
Sigurtà: f’ambjent ġeopolitiku dejjem aktar ikkaratterizzat minn tensjoni u kunflitti, iċ-ċibersigurtà, is-sigurtà u r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika għandha tkun ibbażata fuq fornituri fdati, fuq l-iżvilupp ta’ standards ta’ sigurtà għall-konnettività end-to-end, u fuq livell ogħla ta’ reżiljenza u integrazzjoni fil-livelli kollha: networks terrestri, mhux terrestri, tal-aċċess u ewlenin, inklużi l-infrastrutturi tal-kejbils taħt il-baħar. |
4. Il-ħtieġa għal Suq Uniku Diġitali
|
4.1. |
Il-KESE ma jemminx li jinħtieġu bidliet f’daqqa għall-qafas regolatorju tat-telekomunikazzjoni. Il-mudell attwali għadu adattat għall-ftuħ tas-swieq u biex tiġi evitata l-konċentrazzjoni tas-suq li normalment tkun ta’ detriment għall-klijenti f’termini ta’ pprezzar u innovazzjoni. |
|
4.2. |
Minbarra l-promozzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tal-broadband b’veloċità għolja ħafna, il-qafas regolatorju għandu jiffoka fuq l-indirizzar ta’ kwistjonijiet ġodda bħat-trattament regolatorju tas-servizzi M2M/IoT li huma transnazzjonali. |
|
4.3. |
F’xi każijiet, jista’ jkun meħtieġ li jiġi żgurat l-aċċess/l-interkonnessjoni mal-linji (trunks) li jikkollegaw iċ-ċentri tad-data sabiex jitnaqqas il-kost tal-istabbiliment ta’ ċentri tad-data ġodda tal-cloud, li jistgħu joħolqu l-“konġestjoni” li jmiss. Ir-regolamentazzjoni possibbli ta’ networks bħal dawn għandha ssegwi l-proċedura “tradizzjonali” ta’ tliet stadji, li tippermetti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, taħt is-sorveljanza tal-Kummissjoni Ewropea, jistabbilixxu rekwiżiti fi swieq ġodda. |
5. Biex tikkompeti fis-swieq globali f’termini ta’ sovranità diġitali u teknoloġika, l-UE teħtieġ impjiegi ta’ kwalità għolja
|
5.1. |
Mill-2015 ’l hawn, kien hemm bidla kbira fit-tipi ta’ impjiegi fis-settur tat-telekomunikazzjoni. It-tranżizzjoni fit-tipi ta’ impjiegi jenħtieġ li titwettaq f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati lokali, u jeħtieġ li jiġu żgurati opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u persunal suffiċjenti għat-titjib tal-futur tas-settur tal-infrastruttura tan-networks diġitali. |
|
5.2. |
Il-prinċipju tal-“istess servizz, l-istess regola” jista’ jintuża biex jiġi stabbilit qafas ġdid għall-atturi diġitali kollha, jiġu ssemplifikati r-regoli, jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas attwali u jiġu applikati l-istess regoli għal servizzi analogi, u b’hekk jiġu żgurati drittijiet u obbligi ekwivalenti għall-atturi u l-utenti finali kollha tan-networks diġitali. |
|
5.3. |
Il-KESE jħeġġeġ li l-operaturi li jinvestu f’networks ġodda jistgħu jibbenefikaw minn ftehim ta’ kiri bħala parti mir-regolament li jġegħilhom jaqsmu n-networks tagħhom ma’ operaturi oħra. Huwa importanti li tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-ispejjeż fost l-operaturi. |
|
5.4. |
Il-KESE jirrakkomanda li jinħolqu operaturi b’saħħithom fl-ekonomija tas-suq li jippromovu d-djalogu dwar l-impjieg u d-djalogu soċjali f’konformità mal-valuri Ewropej. |
6. L-armonizzazzjoni tar-regoli, ir-riforma tal-governanza, is-semplifikazzjoni tar-rappurtar
|
6.1. |
Il-frammentazzjoni tirriżulta mhux biss minn awtoritajiet ta’ infurzar differenti iżda wkoll minn differenzi fil-mod kif l-Istati Membri jittrasponu d-direttivi. Jeżistu wkoll differenzi fil-kriterji fi ħdan Stat Membri fejn is-setgħat huma maqsuma bejn awtoritajiet reġjonali differenti. Dan joħloq labirint regolatorju li jirrikjedi li jiġu reklutati esperti legali u li jdewwem it-teħid tad-deċiżjonijiet. |
|
6.2. |
Għalhekk jeħtieġ li: |
|
6.2.1. |
kemm jista’ jkun, il-leġiżlazzjoni tiġi pprijoritizzata permezz ta’ regolamenti; |
|
6.2.2. |
jiġi applikat il-prinċipju ta’ awtorità unika previst fir-regoli Ewropej; |
|
6.2.3. |
jitħaffef il-proċess ta’ ċertifikazzjoni, li bħalissa jista’ jieħu 12-il xahar jew saħansitra 24 xahar; jiġu armonizzati, fejn possibbli, ir-regoli u l-ispejjeż rigward l-allokazzjoni tal-ispettru. Ċerti Stati Membri assenjaw frekwenzi bi spejjeż għoljin ħafna lill-operaturi, li jistgħu jnaqqsu r-ritmu tal-investimenti fin-networks il-ġodda; |
|
6.2.4. |
fir-rigward ta’ servizzi speċifiċi, aktar virtwali u tipikament transnazzjonali (eż. servizzi bejn magna u oħra (M2M) u tal-Internet tal-Oġġetti (IoT)), jiġi applikat il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini minflok is-sistema nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni ġenerali; |
|
6.2.5. |
jiġu stabbiliti linji gwida dwar il-kwalifika u dwar ir-Regolament applikabbli skont il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (KEKE) għal servizzi/networks privati tal-komunikazzjoni elettronika u għal servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li huma indipendenti min-numri iżda li xorta jiddependu minn numru biex jidentifikaw l-utent finali; |
|
6.2.6. |
tiġi stabbilita skadenza realistika għad-diżattivazzjoni tar-ram, billi jitqies ukoll il-fatt li hemm sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri, f’termini ta’ ġeografija u popolazzjoni u t-tul tal-aħħar mil, u konsegwentement f’ċerti żoni jista’ jagħmel sens li jiġi permess l-użu ta’ teknoloġiji ibridi (fibra sal-kabinett (FTTC), vectoring, eċċ.) għal aktar żmien; |
|
6.2.7. |
titħaffef l-introduzzjoni tan-Network tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGN) u jiġi impost sett ta’ obbligi orizzontali (simetriċi) fuq il-partijiet ikkonċernati kollha li għandhom infrastrutturi ċivili li jistgħu jintużaw għall-istallazzjoni ta’ kejbils u antenni; |
|
6.2.8. |
jiġu armonizzati r-regolamenti applikabbli għar-riżorsi tan-numerazzjoni, li, bħala konsegwenza tad-diġitalizzazzjoni u l-virtwalizzazzjoni tas-servizzi u n-networks, qed jintużaw dejjem aktar bejn il-fruntieri mill-utenti kummerċjali. |
7. It-triq ’il quddiem
|
7.1. |
Konnettività. Tisħiħ tal-armonizzazzjoni tal-ispettru fl-Ewropa:
|
|
7.2. |
Rilaxx ta’ investiment ta’ kapital ta’ riskju: |
|
7.2.1. |
Għandu jitħaffef il-ħolqien ta’ veikoli ta’ investiment fi stadju avvanzat; ikun hemm tranżizzjoni lejn sett uniku ta’ regoli tal-UE għas-swieq kapitali nazzjonali kollha appoġġjata minn aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u tal-UE. |
|
7.3. |
Żieda fir-riċerka dwar il-grilji intelliġenti u tnaqqis tal-latenza: |
|
7.3.1. |
L-apparat mediku u d-dijanjostika mill-bogħod huma vulnerabbli ħafna għal-latenza fin-networks diġitali. Il-kapaċità li tittejjeb id-dijanjostika tal-kura tas-saħħa f’żoni remoti u l-għażliet għall-assistenza tal-IA f’dan il-qasam jiddependu ħafna minn infrastruttura tan-networks diġitali veloċi u affidabbli. |
|
7.3.2. |
Il-grilji intelliġenti jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet u joħolqu postijiet tax-xogħol u djar aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u jipprovdu mod dinamiku biex jiġi żgurat trasport pubbliku aktar effiċjenti fit-tagħbija. |
|
7.3.3. |
Għandu jiġi segwit il-prinċipju ta’ rapportar ta’ darba biss approvat mill-Kummissjoni u r-rapportar lil awtorità maħtura waħda. |
|
7.4. |
Ekonomija tad-data:
|
|
7.5. |
L-iżgurar tal-infrastruttura kritika tal-Ewropa: iċ-ċibersigurtà għall-entitajiet regolati:
|
|
7.6. |
Armonizzazzjoni tal-protokolli ta’ komunikazzjoni tas-software. |
|
7.7. |
Jiġu stabbiliti xi rekwiżiti bażiċi għas-software ta’ komunikazzjoni kollu, eż. it-trasferimenti kollha tad-data għandhom jiġu kriptati. |
|
7.8. |
Akkwist pubbliku ta’ servizzi diġitali: |
|
7.8.1. |
Id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku għandha tinbidel f’regolament u għandhom jiġu promossi kriterji armonizzati għall-għoti ta’ kuntratti, billi ċ-ċibersigurtà u s-sostenibbiltà jiġu vvalutari bl-istess mod bħall-kostijiet. Fuq terminu qasir, għandhom jinħarġu linji gwida skont id-Direttiva dwar ix-xiri ta’ software. |
Brussell, it-18 ta’ Settembru 2024.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6865/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)