European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2597

23.11.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2597

tal-10 ta’ Settembru 2026

li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE fir-rigward tal-għajnuniet għall-ipproċessar għall-fermentazzjoni tal-ħmira

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2024/1438 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emendat id-Direttiva 2001/112/KE billi introduċiet kategoriji ta’ prodotti ġodda li fihom tnaqqas il-kontenut ta’ zokkor naturali filwaqt li nżammu l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, organolettiċi u nutrizzjonali essenzjali l-oħra tat-tip medju tal-meraq mill-frott li minnu jinkiseb, jiġifieri “meraq tal-frott b’zokkor imnaqqas”, “meraq tal-frott b’zokkor imnaqqas minn konċentrat” u “meraq tal-frott ikkonċentrat b’zokkor imnaqqas”.

(2)

L-Anness I, il-Parti II, il-punt 3, tad-Direttiva 2001/112/KE jirregola t-trattamenti awtorizzati li jistgħu jiġu applikati u s-sustanzi li jistgħu jiżdiedu mal-prodotti definiti fil-Parti I ta’ dak l-Anness. Id-Direttiva (UE) 2024/1438 emendat dik id-dispożizzjoni, biex tistabbilixxi l-proċessi awtorizzati biex jitnaqqas l-ammont ta’ zokkor naturali, jiġifieri l-filtrazzjoni b’membrana u l-fermentazzjoni tal-ħmira.

(3)

Il-progress tekniku fl-użu ta’ ċerti għajnuniet għall-ipproċessar wassal għal titjib sostanzjali fl-applikazzjoni tal-proċess ta’ fermentazzjoni tal-ħmira u fil-kwalità tal-prodotti finali miksuba. Dawk l-għajnuniet għall-ipproċessar urew li huma utli għall-finijiet teknoloġiċi tar-riidratazzjoni tal-ħmira u tan-nutrizzjoni tal-ħmira matul il-proċess ta’ fermentazzjoni tal-ħmira użat biex jitnaqqas il-kontenut ta’ zokkor naturali fil-meraq tal-frott.

(4)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-proċess awtorizzat tal-fermentazzjoni tal-ħmira u biex jiġu ffaċilitati l-innovazzjoni u l-introduzzjoni fis-suq tal-meraq tal-frott b’zokkor imnaqqas prodott bl-użu ta’ dak il-proċess, jenħtieġ li jiġi awtorizzat l-użu ta’ dawk l-għajnuniet għall-ipproċessar. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li, minbarra l-kontenut taz-zokkor, il-meraq tal-frott b’zokkor imnaqqas iżomm il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, organolettiċi u nutrizzjonali essenzjali l-oħra ta’ tip medju ta’ meraq mill-frott li minnu jinkiseb, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-kwantitajiet massimi tal-għajnuniet għall-ipproċessar awtorizzati.

(5)

Għalhekk, sabiex jitqies dan il-progress tekniku, jenħtieġ li l-Anness I, il-Parti II, il-punt 3, tad-Direttiva 2001/112/KE jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness I, il-Parti II, il-punt 3, tad-Direttiva 2001/112/KE, jiżdied l-inċiż li ġej:

“—

Għall-meraq tal-frott b’zokkor imnaqqas, għall-meraq tal-frott b’zokkor imnaqqas minn konċentrat u għall-meraq tal-frott ikkonċentrat b’zokkor imnaqqas prodotti bl-użu tal-proċess ta’ fermentazzjoni tal-ħmira biss: jistgħu jintużaw l-għajnuniet għall-ipproċessar li ġejjin għall-finijiet teknoloġiċi u sal-kwantitajiet massimi indikati fit-tabella:

 

Fini teknoloġika

 

Għajnuna għall-ipproċessar

 

Kwantitajiet massimi

 

Riidratazzjoni

 

ċitrat tas-sodju

20

ppm

 

Nutrizzjoni

 

fosfat tad-diammonju (DAP)

 

1 000 ppm

 

awtoliżat tal-ħmira

 

Quantum satis

 

kloridrat tat-tijamina

 

0,6 ppm”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Settembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 10, 12.1.2002, p. 58, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/112/oj.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2024/1438 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 2001/110/KE li tirrigwarda l-għasel, 2001/112/KE li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman, 2001/113/KE li għandha x’taqsam mal-ġamm tal-frott, il-ġelatini u l-marmellati u mal-purejiet tal-qastan mogħtija l-ħlewwa maħsuba għall-konsum mill-bniedem, u 2001/114/KE rigward ċertu ħalib ippreżervat disidratat in parti jew kollu għall-konsum tal-bniedem (ĠU L, 2024/1438, 24.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1438/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/2597/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)