2.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 51/18


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/126/PESK

tal-1 ta' Marzu 2010

li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Diċembru 2002, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2002/960/PESK dwar miżuri ristrettivi kontra s-Somalja (1) wara r-Riżoluzzjonijiet 733(1992), 1356 (2001) u 1425 (2002) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) relatati ma’ embargo fuq l-armi kontra s-Somalja.

(2)

Fis-16 ta’ Frar 2009, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK (2) li timplimenta l-UNSCR 1844 (2008) li introduċiet miżuri restrittivi kontra dawk li jfittxu li jipprevjenu jew jibblukkaw proċess politiku paċifiku, jew dawk li jheddu l-Istituzzjonijiet Federali Tranżnazzjonali (TFIs) tas-Somalja jew tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) permezz tal-forza, jew jieħdu azzjoni li timmina l-istabbiltà fis-Somalja jew fir-reġjun.

(3)

Fit-23 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonjiet Uniti adotta l-UNSCR 1907 (2009) li titlob lill-Istati kollha biex jispezzjonaw, f’konformità mal-awtoritajiet nazzjonali u l-leġiżlazzjoni tagħhom u b’mod konsistenti mal-liġi internazzjonali, il-merkanzija kollha lejn u mis-Somalja, fit-territorju tagħhom, inklużi l-portijiet u l-ajruporti, jekk l-Istat ikkonċernat ikollu informazzjoni li tipprovdi bażi raġjonevoli biex wieħed jemmen li l-merkanzija tinkludi oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti taħt l-embargo tal-armi ġenerali u komplut għas-Somalja skont il-paragrafu 5 tal-UNSCR 733 (1992) u elaborat u emendat b’riżoluzzjonijiet sussegwenti.

(4)

Il-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

(5)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

L-Artikolu li ġej huwa mdaħħal:

“Artikolu 3a

1.   F’konformità mal-awtoritajiet nazzjonali u l-leġiżlazzjoni tagħhom u b’mod konsistenti mal-liġi internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jispezzjonaw il-merkanzija kollha lejn u mis-Somalja fit-territorju tagħhom, inkluż fl-ajruporti u fil-portijiet tagħhom, jekk għandhom informazzjoni li tipprovdi bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-merkanzija tinkludi oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont l-Artikolu 3.

2.   L-ajruplani u l-bastimenti li jittrasportaw merkanzija lejn u mis-Somalja għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit ta’ informazzjoni addizzjonali ta’ qabel il-wasla jew it-tluq tal-merkanzija kollha li tiddaħħal fi Stat Membru jew toħroġ minnu.

3.   L-Istati Membri għandhom, kif jindunaw, jikkonfiskaw u jiddisponu minn oġġetti (jew billi jeqirduhom jew billi jagħmluhom inoperabbli) li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont l-Artikolu 3.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata f′Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2010

Għall-Kunsill

Il-President

D. LÓPEZ GARRIDO


(1)   ĠU L 334, 11.12.2002, p. 1.

(2)   ĠU L 46, 17.2.2009, p. 73.