29.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

67


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 121/2006

tat-23 ta' Jannar 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1858/2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ wajer ta’ l-azzar u kejbils li joriġinaw, inter alia, mill-Indja

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-ħarsien kontra importazzjonijiet li huma oġġetti ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b' mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA TA' QABEL

(1)

F’Awissu 1999, bir-Regolament (KE) Nru 1796/1999 (2), il-Kunsill impona dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ wajer ta’ l-azzar u kejbils (‘il-prodott ikkonċernat’) li joriġinaw, inter alia, mill-Indja.

(2)

F’Novembru 2005, wara reviżjoni ta’ skadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1858/2005 (3) iddeċieda li l-miżuri anti-dumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina, inter alia, mill-Indja għandhom jinżammu.

(3)

Bid-Deċiżjoni 1999/572/KE (4), il-Kummissjoni aċċettat wegħda dwar prezz minn kumpannija Indjana, jiġifieri, Usha Martin Industries & Usha Beltron Ltd. Din il-kumpannija sadattant bidlet isimha u hija issa magħrufa bħala Usha Martin Ltd (“UML”). Il-bidla fl-isem ma affettwat bl-ebda mod l-attivitajiet tal-kumpannija.

(4)

Permezz ta’ dan, l-importazzjonijiet fil-Komunità tal-prodott ikkonċernat ta’ oriġini Indjana, prodott mill-UML jew minn kwalunkwe kumpannija oħra madwar id-dinja li għandha x’taqsam, u ta’ tip kopert mill-impenn (“il-prodott kopert mill-impenn”), kienu eżentati mid-dazji definittivi anti-dumping.

(5)

F’dan ir-rigward, xieraq li wieħed jinnota li ċerti tipi ta’ ħabel tal-wajer ta’ l-azzar attwalment prodotti mill-UML ma ġewx esportati lill-Komunità matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li wassal għall-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi anti-dumping u ma kenux, għalhekk, fi ħdan l-ambitu ta’ l-eżenzjoni permessa mill-impenn. Għalhekk, ħbula tal-wajer ta’ l-azzar bħal dawn kienu obbligati għall-ħlas tad-dazju anti-dumping meta daħlu fiċ-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità.

B.   NUQQAS TA’ TWETTIQ TA’ L-IMPENN

(6)

L-impenn offrut mill-UML jobbliga lilha (u lil kull kumpannija kkonċernata madwar id-dinja) biex, inter alia, tesporta l-prodott kopert mill-impenn lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità f’ċerti livelli minimi ta’ prezzijiet ta’ importazzjoni jew ogħla minnhom (“MIPs”) stipulati fl-impenn. Dawn il-livelli ta’ prezzijiet jeliminaw l-effetti ta’ ħsara tad-dumping. Fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid fil-Komunità lill-ewwel klijent indipendenti minn importaturi relatati, il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tal-prodott kopert mill-impenn, wara aġġustamenti xierqa għall-bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi u qligħ raġjonevoli, għandhom ikunu wkoll f’livelli li jneħħu l-effetti ta’ ħsara tad-dumping.

(7)

It-termini ta’ l-impenn jobbligaw ukoll lill-UML li tipprovdi lill-Kummissjoni b' tagħrif regolari u dettaljat fl-għamla ta’ rapport kull tliet xhur dwar il-bejgħ tagħha (u l-bejgħ mill-ġdid mill-partijiet relatati tagħha fil-Komunità) tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Indja għall-Komunità. Rapporti bħal dawn huma maħsuba biex jinkludu l-prodotti koperti mill-impenn li jiggwadanjaw mill-eżenzjoni mid-dazju anti-dumping kif ukoll dawk it-tipi ta’ ħbula tal-wajer ta’ l-azzar li mhumiex koperti mill-impenn u li huma għalhekk obbligati li jħallsu d-dazju anti-dumping.

(8)

Sakemm mhuwiex indikat mod ieħor, huwa mistenni mill-Kummissjoni li r-rapporti ta’ bejgħ tal-UML (u r-rapporti tal-bejgħ mill-ġdid tal-kumpaniji relatati stabbiliti fil-Komunità) huma, kif imressqa, sħaħ, eżawrjenti u korretti fid-dettalji kollha.

(9)

Ġie aċċennat ukoll mill-UML li, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-eżenzjoni mid-dazju anti-dumping mogħtija mill-impenn, eżenzjoni bħal din għandha tingħata bil-kundizzjoni li titressaq “Fattura ta’ l-Impenn” lis-servizzi doganali tal-Komunità. Barra minn hekk, il-kumpannija ntrabtet li ma toħroġx Fatturi ta’ Impenn għall-bejgħ ta’dawk it-tipi ta’ prodotti konċernati li mhumiex koperti mill-impenn u li huma għalhekk obbligati li jħallsu d-dazju anti-dumping.

(10)

Hija wkoll kundizzjoni ta’ l-impenn li t-termini u d-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw għal kull kumpannija madwar id-dinja li għandha x’taqsam mal-UML.

(11)

Għall-għanijiet li jiżguraw il-konformità ma’ l-impenn, il-UML qablet ukoll li tipprovdi kull tagħrif meqjus bħala meħtieġ mill-Kummissjoni u li tippermetti żjarat ta’ verifika fuq il-post tan-negozju tagħha, u fuq dawk ta’ kull kumpannija li għandha x’taqsam magħha, għall-verifika ta’ l-eżattezza u l-verità tad-data mressqa fl-imsemmija rapporti ta’ kull tliet xhur.

(12)

F’dan ir-rigward, iż-żjarat ta’ verifika twettqu fuq il-post tan-negozju tal-UML fl-Indja u fuq dak ta’ kumpannija li għandha x’taqsam mal-UML fid-Dubai, jiġifieri Brunton Wolf Wire Ropes FZE (“BWWR”).

(13)

Iż-żjara ta’ verifika lill-kumpannija Indjana wriet li kienu tħallew barra volumi sinifikanti tal-prodott ikkonċernat mhux kopert mill-impenn, mir-rapporti tal-bejgħ ta’ l-impenn ta’ kull tliet xhur imressqa lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-merkanzija kkonċernata kienet inbiegħet mill-UML lill-importaturi relatati tagħha fir-Renju Unit u fid-Danimarka u kienet inkluża fil-Fatturi ta’ l-Impenn.

(14)

Iż-żjara ta’ verifika lill-kumpannija fid-Dubai wriet li ċerti ħbula tal-wajer ta’ l-azzar kienu ġew esportati lill-Komunità mid-Dubai u ddikjarati ma’ l-importazzjoni tagħhom fil-Komunità li joriġinaw mill-Emirati Għarab Magħquda meta fil-fatt kienu ta’ oriġini Indjana u għalhekk suġġetti għall-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ħbula tal-wajer ta’ l-azzar li joriġinaw mill-Indja. Il-merkanzija kkonċernata ma kenitx imsemmija fir-rapport ta' bejgħ ta’ l-impenn ta’ kull tliet xhur u lanqas, kif ammettiet il-kumpannija, ma kien tħallas id-dazju anti-dumping fuqha. Il-merkanzija kienet ukoll reġgħet ġiet mibjugħa lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità bi prezzijiet 'l isfel mill-MIPs.

(15)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/…/KE (5) tistipula f’aktar dettal in-natura tal-ksur li nstab.

(16)

Fi dawl ta’ dan il-ksur, l-aċċettazzjoni ta’ l-impenn li kienet daħlet għalih Usha Martin Industries & Usha Beltron Ltd, magħrufa bħala Usha Martin Ltd (kodiċi addizzjonali TARIC A024) ġiet irtirata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/…/KE. Għalhekk għandu jiġi impost minnufih dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat esportat lill-Komunità mill-kumpannija kkonċernata.

(17)

Skond l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku, ir-rata ta’ dazju anti-dumping għandha tkun stabbilita fuq il-bażi tal-fatti stipulati fi ħdan il-kuntest ta’ l-investigazzjoni li wasslet għall-impenn. Peress li l-investigazzjoni kkonċernata ntemmet b’deċiżjoni finali dwar id-dumping u d-dannu li jirriżulta minn dan, mir-Regolament (KE) Nru 1796/1999, huwa meqjus xieraq li r-rata definittiva anti-dumping għandha titqiegħed fil-livell u fl-għamla imposta minn dak ir-Regolament, jiġifieri 23,8 % tal-prezz nett CIF, liberu fuq il-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju.

Ċ.   EMENDA TAR-REGOLAMENT (KE) Nru 1858/2005

(18)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-Regolament (KE) Nru 1858/2005 għandu jiġi emendat kif xieraq.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tabella fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1858/2005 għandha tinbidel bit-tabella li ġejja:

Pajjiż

Kumpannija

kodiċi addizzjonali TARIC

“L-Afrika ta' Isfel

Haggie

Lower Germiston Road

Jupiter

PO Box 40072

Cleveland

L-Afrika ta' Isfel

A023 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar it-23 ta' Jannar 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. PRÖLL


(1)   ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, tat-23.12.2005, p. 17).

(2)   ĠU L 217, tas-17.8.1999, p. 1.

(3)   ĠU L 299, tas-16.11.2005, p. 1.

(4)   ĠU L 217, tas-17.8.1999, p. 63. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1678/2003 (ĠU L 238, tal-25.9.2003, p. 13).

(5)  Ara paġna 54 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.